LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

MAGĦMUDIJA

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-magħmudija hu s-sagrament tal-ilma u tal-Ispirtu s-Santu. L-ilma hu l-element simboliku; ifisser l-effett tal-magħmudija li hu l-ħasil jew il-purifikazzjoni mit-tebgħa tad-dnub. Għalhekk bil-Grieg tat-Testment il-Ġdid jissejjaħ baptisma, mill-verb baptίzein, ‘taħsel’ jew ‘tgħaddas fl-ilma’. Il-magħmudija hi s-sagrament tal-ħasil tat-twelid ġdid (Titu 3:5).

Is-simboliżmu tal-ilma li jnaddaf u jsaffi hu magħruf biżżejjed mit-Testment il-Qadim. Ir-riti tal-ħafna purifikazzjoni jew ħasil li jissemmew kienu jfissru l-indafa tal-qalb li kellhom ikollhom il-Lhud qabel jersqu lejn Alla. Il-magħmudija, li Ġwanni kien jagħti lin-nies, kienet ukoll simbolika; kienet tfisser il-maħfra tad-dnubiet permezz tal-indiema (Mark 1:4; Mattew 3:9; Luqa 3:3). Ġesù wkoll għoġbu jitgħammed minn idejn Ġwanni mhux għall-maħfra ta’ dnubietu, li ma kellux, iżda biex ifisser il-missjoni tiegħu li ġie biex ineħħi d-dnubiet tad-dinja (Ġwanni 1:20). In-nies l-oħra kienu jersqu biex jitgħammdu minn idejn Ġwanni “huma u jistqarru dnubiethom” (Mattew 3:6). Imma, meta resaq Ġesù, ma stqarrx ħtijietu (Mattew 1:13). Ġesù tgħammed minn idejn Ġwanni biex “itemm is-sewwa kollu” (Mattew 3:15), jiġifieri , biex iseħħ fih dak li kien miktub, forsi b’riferenza għal Isaija 53:11: “Il-qaddej ġust tiegħi jiġġustifika l-kotra, u l-ħazen tagħhom jitgħabba bih hu.” Hu, li ma kellu ebda dnub, sar dnub għalina meta “deher fis-sura ta’ ġisem tad-dnub, bħala vittma għad-dnub” (Rumani 8:3). Hekk niżel fl-ilma tal-Ġordan taħt is-sura ta’ midneb mal-midinbin mhux għall-maħfra ta’ dnubietu, iżda ta’ dnubiethom. Hekk ukoll ħabbar il-magħmudija li kien se jagħtihom f’ismu għall-maħfra tassew ta’ dnubiethom.

Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet biss bl-ilma; il-magħmudija ta’ Ġesù hi bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu. Dik ta’ Ġwanni kienet simbolika biss fis-simbolu ta’ ilma. Dik ta’ Ġesù, jiġifieri, il-magħmudija nisranija hi simbolika wkoll għax hi wkoll bl-ilma, iżda hi fuq kollox effettiva bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. L-awturi tat-Testment il-Ġdid juru bil-qawwa din id-differenza. Bi kliem Ġwanni stess: “Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu” (Mark 1:8; Mattew 3:11; Luqa 3:16; Ġwanni 1:33); u bi kliem Ġesù wkoll: “Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu (Atti 1:5; 11:16). Minn dawn id-dikjarazzjonijiet għandna nifhmu li l-qawwa tal-magħmudija tagħna ġejja mill-Ispirtu s-Santu.

Il-magħmudija nisranija ma ssirx bl-ilma biss, iżda “bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu” (Ġwanni 3:5). L-aqwa element hu l-Ispirtu s-Santu għax hu l-Awtur tal-grazzja tal-magħmudija.

Ġesù qal lil Nikodemu: “Tassew,tassew ngħidlek, li, jekk wieħed ma jitwilidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla” (Ġwanni 3:5). Dan il -kliem jafferma l-ħtieġa tal-magħmudija; ifisser li l-magħmudija hi meħtieġa biex wieħed jidħol fil-Knisja u jsir dixxiplu ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk Ġesù lill-Appostli tahom l-ordni li jmorru jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha bix-xandir tal-Evanġelju u bil-magħmudija (Mattew 28:19 ). U “min jemmen u jitgħammed, isalva” (Mark 16:16). Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jixhdilna li l-Appostli hekk fehmu l-kliem ta’ Ġesù; dejjem taw il-magħmudija lil kull min kien jilqa’ l-kelma tagħhom u kien irid jingħaqad magħhom (Atti 2:38; 8:38; 10:47- 48; eċċ.)

Qabel il-magħmudija jrid ikun hemm il-fidi. Min jitgħammed irid ikun emmen f’Ġesù Kristu wara li jkun sema’ l-kelma tal-Evanġelju tiegħu. L-ewwel il-kelma, imbagħad il-fidi (Rumani 10:17); u mbagħad tingħata l-magħmudija (Atti 2:37-38; 16:30-32). Il-magħmudija hi l-ewwel sagrament, sagrament ta’ inizjazzjoni, tal-bidu tal-ħajja nisranija. Hi s-sagrament tal-ewwel konverżjoni, tal-bidu tal-ħajja ġdida fi Kristu. Għalhekk il-magħmudija hi “l-ħasil tat-twelid ġdid u t- tiġdid tal-Ispirtu s-Santu” (Titu 3:5). Hi “twelid ġdid”, riġenerazzjoni (palingenesίa); biha, wara li nkunu twelidna mill-ġenituri bnedmin, nitwieldu mill-ġdid bħala wlied Alla (Ġwanni 1:12-13; 3:5; 1 Ġw 3:1). Insiru wlied Alla f’Ibnu Ġesù Kristu bil-grazzja tal-adozzjoni, u fl-għaqda tagħna ma’ Ġesù Kristu lil Alla nistgħu nsejħulu: Abbà! Missier! (Rumani 8:15; Galatin 4:6).

Il-magħmudija hi s-sagrament tal-konsagrazzjoni tagħna lil Alla jew aħjar, skont il-formula tal-amministrazzjoni tal-magħmudija, lit-Tliet Persuni divini. Nitgħammdu fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu u f’isimhom (eis to ónoma, Mattew 28:19). Jiġifieri, ningħataw lilhom u nsiru tagħhom. Insiru “tempju ta’ Alla” (1 Korintin 3:16), “tempju tal-Ispirtu s-Santu” (1 Korintin 6:19). Niġu kkonsagrati lil Alla biex inservu għall-glorja tiegħu biss.

Il-magħmudija tgħaqqadna ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu b’għaqda li ma titfissirx malajr bi kliemna. San Pawl ipprova jfissirhielna mill-aħjar li sata’. “Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu” (Galatin 3:27), bħallikieku dħalna fi Kristu, inbdilna fih u nidhru bħalu. Tgħammidna fil-persuna ta’ Kristu (eis Christòn) biex ngħixu fi Kristu (en Christò); ngħixu, mhux aktar aħna, iżda Kristu li jgħix fina (Galatin 2:19-20). Mitna miegħu u ndfinna miegħu permezz tal-magħmudija, u qomna miegħu biex ngħixu l-ħajja ġdida tiegħu (Rumani 6:3-11). Din l-għaqda mistika tagħna ma’ Ġesù Kristu hi l-prinċipju tal-għaqda tal-insara flimkien – bih, miegħu u fih – permezz tal- magħmudija. “Intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu” (Galatin 3:28; 1 Korintin 12:13; Efesin 4:4-6).

L-għaqda tagħna ma’ Ġesù Kristu u ma’ xulxin, li sseħħ bil-magħmudija, issir permezz tal-Knisja tiegħu. Hi l-Knisja li tagħtina l-magħmudija u taċċettana biex biha nsiru membri tagħha. Insiru membri ta’ Kristu, meta nsiru membri tal-ġisem ta’ Kristu, li hu l-Knisja (1 Korintin 12:12.27). L-ewwel ningħaqdu mal-Knisja, imbagħad fil-Knisja nsiru ġisem wieħed fi Kristu (Atti 2:41-42).

Minn dan il-ftit li għedna għandna nifhmu li l-magħmudija tgħabbina b’responsabbilta kbira fil-ħajja tagħna ta’ nsara. Ladarba sirna wlied Alla, għandna ngħixu ta’ wliedu tassew kif jixraq lil ulied Alla, “Kunu, mela, ixbhu lil Alla bħala wlied maħbuba” (Efesin 5:1). Ladarba ġejna kkonsagrati lilu inqisu li ngħixu għalih biss u naqdu lilu biss. It- tempju ta’ Alla, ikkonsagrat, għall-qima ta’ Alla biss għandu jservi. “Qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom” (1 Korintin 3:17; 6:19). Ladarba bil-magħmudija lbisna ’l Kristu u sirna ħaġa waħda miegħu għandna ngħixu l-ħajja tiegħu. Bil-magħmudija mitna għad-dnub biex ngħixu l-ħajja ġdida tal-ulied ta’ Alla ma’ Ġesù Kristu (Rumani 6:3-14). Bil-magħmudija n-nisrani jsir “ħolqien ġdid” (2 Korintin 5:17; Galatin 6:15) u “bniedem ġdid” (Efesin 4:24; Kolossin 3:9). Dawn l-espressjonijiet ifissru l-ħajja ġdida li tibda bil-magħmudija u tibqa’ toktor tul il-ħajja ta’ min jitgħammed. Din hi l-konverzjoni kontinwata. “Għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinzgħu l-bniedem il-qadim, imħasssar bix-xewqat tal- pjaciri qarrieqa, u li għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla fil-ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verita” (Efesin 4:22-24; Kolossin 3:9). Dan tfisser il-magħmudija fil-ħajja tan-nisrani.