LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Istituzzjonijiet, gruppi, setet u għaqdiet fi żmien Ġesù

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Is-Saċerdozju

II-kelma Maltija "saċerdot" hi mnissla minn dik Latina "sacer" billi saċerdot hu persuna sagra. Fit-Testment il-Qadim jissejjaħ koħèn, isem ta’ nisel dubjuż li, jekk il-kelma ġejja mil-lingwa Akkadika, ifisser "wieħed li jagħti qima lil Alla"; jekk l-isem hu mnissel mill-għerq Semitiku kwn, ifisser "dak li jisma’ r-rieda ta’ Alla". Ma nistgħux nitkellmu bi preċiżjoni dwar is-saċerdozju fit-Testment il-Qadim jekk ma nagħmlux distinjoni bejn iż-żminijiet li fihom kien ikun eżerċitat.

 

Is-saċerdozju fi żmien il-Patrijarki

F’dan il-perijodu ma kienx hemm saċerdozju stabilit. Il-patrijarki stess, bħala kapijiet tal-familja, kienu jibnu artali u joffru sagrifiċċji lil Alla (Ġen 12,7-8; 22; 31,54; 46,1).

Minn żmien Mosè sal-Eżilju f’Babilonja

Mal-organizzazzjoni li bdiet malli l-poplu għamel il-patt tas-Sinai ma’ Alla, il-familja ta’ Aron saret fergħa għaliha fi ħdan il-poplu, fergħa b’dinjità saċerdotali u li tgħaddi mill-missier għall-ulied subjien, jiġifieri ereditarja. Mosè għamel projbizzjonijiet lis-saċerdoti, fosthom li ma jixorbux xorb li jsakkar meta jeżerċitaw il-ministeru (Lev 10,1-11). Ulied it-tribù ta’ Levi kienu wkoll magħżula bħala saċerdoti. Rigward id-dixxendenti ta’ Aron u ta’ Levi u l-ministeru tagħhom ma hemmx ċarezza fit-Testment il-Qadim; hemm distinzjoni bejniethom u fl-istess ħin jidher li ż-żewġ tribujiet kienu jgawdu d-dinjità saċerdotali li tintiret; il-grad tad-dinjità bejn tribù u oħra jiddependi miż-żmien li fih kienu jeżerċitaw il-ministeru tagħhom.

Jidher ukoll li l-poplu kellu wkoll saċerdoti li ma kinux imnisslin minn Aron u Levi. Per eżempju, bin Mikea kien saċerdot imma mnissel mit-tribù ta’ Efrajm (Mħ 17,5), u Samwel ukoll kien mill-istess tribù (l Sam 1,1).

Fi żmien is-sultan David kien hemm żewġ saċerdoti ewlenin f’Ġerusalemm: Abjatàr u Sádok. Sádok sar bil-mod is-saċerdot ewlieni speċjalment meta żamm ma’ Salamun meta ħuh Adonijah ried jeħodlu t-tron li kien lilu mwiegħed minn missieru David. Sádok kiseb importanza kbira u nislu ġie marbut ma’ dak ta’ Aron u hekk ukoll dak tas-saċerdoti mnisslin minnu.

Is-sultan kellu ħakma kbira fuq is-saċerdoti ta’ qabel l-eżilju (ara 1 Slat 4,2; 2 Slat 2,27.35). Jidher li f’dan il-perjodu kien għad ma hemmx eprarkija stabbilita fi ħdan is-saċerdozju. It-titlu "qassis il-kbir" jissemma darba f’dan iż-żmien (2 Slat 25,18).

Is-saċerdozju wara l-eżilju ta’ Babilonja

Wara l-eżilju, is-saċerdoti mnisslin minn Sádok kisbu dinjità aktar għolja fuq l-oħrajn. Il-Leviti issa kienu mogħtija x-xogħol ta’ kanturi fit-Tempju (1 Kron 16,4), kienu jiehdu ħsieb il-ħobż imbierek kull nhar ta’ Sibt, jaħslu l-annimali offerti għas-sagrifiċċju; u kellhom sehem fl-amministrazzjoni tat-Tempju (1 Kron 9,26; 26,20 ss.; 2 Kron 24,6.11; 31,11-15. Kellhom ukoll id-dmir li jgħallmu (Neħ 8,7-9).

F’dan il-perjodu, il-ġerarkija saċerdotali kienet stabbilita tajjeb. Il-qassis il-kbir kellu l-ogħla dinjità reliġjuża u, wara l-gwerra tal-Makkabin kontra s-Sirjani, ukoll dik politika.

Fir-riforma li saret fi żmien Esdra, il-funzjoni saċerdotali ġiet miċħuda lil dawk li ma setgħux juru l-arblu tar-razza u li l-familja tagħhom kienet ġejja minn Aron.

 

Partikolaritajiet meħtieġa għas-saċerdoti tat-Testment il-Qadim

a)  Is-saċerdot ma setax ikollu difett f’ġismu, kellu jħalli l-leħja għallinqas meta jiffunzjona, u jkollu xagħru mimxut tajjeb (Lev 21,5.17-23).

b) Il-ktieb tal-Levitiku ma jitkellimx dwar l-għomor meħtieg għas-saċerdoti; jgħid biss li l-Leviti irid ikollhom tletin sena (wara l-età tnaqqset għal 25 sena) biex jieħdu responsabbiltajiet ibsin fil-ministeru tagħhom. Ir-Rabbini kienu jitolbu mis-saċerdoti eżami quddiem is-sinedriju (Num 4,3.23.47; 1 Kron 23,3).

ċ) Is-saċerdoti kienu jiġu kkonsagrati, midluka biż-żejt ifuħ mat-tqegħid tal-idejn minn min jikkonsagrahom, wara li jieħdu l-banju tal-purifikazzjoni u mlebbsin bi lbies speċjali (Eż 29,4-37; 40,13-15; Lev 8,2-36).

d) Billi s-saċerdoti saru bosta, David qassamhom f’24 grupp; kull grupp kien jiffunzjona skont l-irjus tal-familji sacerdotali; wara l-eżilju dawn l-irjus baqgħu erbgħa biss.

e) Kienu jipprovdu l-għixien tagħhom u tal-familja mill-pariri li kienu jagħtu, mill-ishma mill-laħam tas-sagrifiċċji, mill-ħobż imbierek fit-Tempju, mill-frott bikri offert lilhom u mill-konsagrazzjoni tal-primoġeniti tal-familji. Fir-riforma ta’ Esdra-Neħemija saret distinzjoni ċara bejn is-saċerdoti u l-leviti; dawn tal-aħħar kellhom qligħ iżgħar minn dak tas-saċerdoti. Is-saċerdoti mhux biss kien imisshom l-aħjar mill-frott u offerti oħra, imma kienu wkoll meħlusin mit-taxxi, ħaga li kienet iddejjaq u tnikket lil-leviti.

f)  L-obbligi ewlenin tagħhom kienu: jieħdu sehem fil-liturġija bħala "ministri tal-artal", jiġbru d-demm tal-vittma tas-sagrifiċċju, japplikaw u jfissru l-Liġi u jagħtu deċiżjonijiet f’xi tilwim.

Is-saċerdoti tat-Testment il-Qadim għandhom il-meriti kbar tagħhom: żammew it-tradizzjoni tal-missirijiet, ħadmu sewwa fil-ġabra tal-Kotba tal-Bibbja u fit-tifsir tagħha. Imma biż-żmien ħafna minnhom tilfu l-ħeġġa u ġibdu fuqhom il-kundanna ta’ diversi profeti, speċjalment ta’ Ħosegħa (4,6-9; 5,1-9; 6,6-10), ta’ Isaija (28,78) u ta’ Malakija (1,6-14).

 

Il-Fariżej

L-isem ta’ dawn ġej mill-verb semitiku "farrad", u jfisser "il-farradin" jew aħjar "il-mifrudin", jew "il-magħżulin", għax kienu jistmaw lilhom infushom mifrudin mill-massa tal-poplu li huma kienu jsejħu “1-poplu tal-art”. Bejniethom kienu jissejħu "kumpanji"

Il-Fariżej bdew ħajjithom bħala partit, x’aktarx fi żmien il-Makkabin, għalkemm l-oriġini tagħhom hija oskura mhux ftit. Fil-bidu kienu maħqurin mill-istess mexxejja Lhud, imma bil-mod il-mod, speċjalment fi żmien ir-reġina Alessandra (wara s-sena 780 QK) ħadu r-ruħ u saru l-partit l-aktar f’saħħtu u popolari tal-Lhud.

Il-membri ta’ dan il-partit kienu nies fanatiċi kemm fl-ideat reliġjużi, kif ukoll fin-nazzjonaliżmu esaġerat tagħhom. Kienu jobogħdu lil dawk kollha li ma kinux Lhud, speċjalment lir-Rumani, il-ħakkiema ta’ pajjiżhom. Il-membri attivi tagħhom, li kienu kollha sinjuri u ta’ livell soċjali għoli, kienu dutturi tal-Liġi ta’ Mosè u mħarrġin sewwa fit-tradizzjoni ta’ missirijiethom. Kienu kollha moralisti, u metikolużi ħafna fil-liġijiet li jippritkaw, imma kienu jagħfsu lil ħaddieħor bl-għadd kbir ta’ liġijiet li huma stess ma kinux josservaw.

Minħabba l-legaliżmu u 1-ipokrisija tagħhom, Ġesù ċanfar kemm-il darba lill-Fariżej. Ġesù kien il-bniedem-Alla, u bħala Alla ma setax jaħmel is-suppervja u l-ipokrisija tal-Fariżej. Minbarra, fid-deher, kienu juru dik li jsejħulha "qdusija legali", imma internament kienu, kif sejħilhom Ġesù, “oqbra mbajda”, jiġifieri sbieħ minn barra, imma kollha dud morali minn ġewwa. Għalhekk huma wkoll, min-naħa tagħhom, ma setgħux jaħmlu lil Ġesù u għamlu minn kollox sakemm qatluh. L-Evangelisti jġibu sikwit id-disputi li kellhom ma’ Ġesù.

B’dan kollu, mhux il-Fariżej kollha kienu nies ta’ żewġ uċuħ; kien hemm minnhom nies ta’ rieda tajba u ta’ ħajja tassew tajba. Nikodemu kien wieħed minn dawn in-nies qaddisa (ara 1-kap 3 tal-Evanġelju ta’ S. Gwann). Gamaljel, dak li ddefenda ʼl-Appostli quddiem is-Sinedriju kien ieħor (ara Atti 5:34 ss.). U l-Appostlu Pawlu fil-bidu kien Fariżew ukoll (ara Filippin 3:5).

It-tagħlim tal-Fariżej kien bħal tal-Lhud l-oħra. Imma kienu jagħfsu ħafna fuq l-immortalità tar-ruħ, il-qawmien tal-ġisem fl-aħħar taż-żminijiet, l-eżistenza tal-anġli, l-aħħar ġudizzju u l-providenza ta’ Alla.

 

Is-Sadduċej

Ħadd ma jaf xejn eżatt fuq 1-oriġini tas-Sadduċej. Ħafna jgħidu li l-isem tagħhom għandu x’jaqsam ma’ Sádok, li kien il-Qassis il-Kbir Lhudi fi żmien is-sultan Salamun, meta dan bena t-tempju ta’ Ġerusalemm.

Bħala partit, is-Sadduċej kellhom magħhom il-kbarat tal-poplu, speċjalment il-kbarat tal-qassisin Lhud. Il-qassis il-kbir kien dejjem jingħażel minn ħdan dan il-partit tal-aristokrazija Lhudija.

F’dik li hi linja politika, is-Sadduċej kienu opposti għall-Fariżej: kienu dejjem u f’kollox favur ir-Rumani, għax fl-ambizzjonijiet politiċi tagħhom ma setgħu jagħmlu xejn mingħajr l-għajnuna tar-Rumani.

II-partit Sadduċew ma kellu l-ebda popolarità fost il-poplu, kemm għax kollha ta’ klassi għolja, kemm għax kienu favur ir-Rumani li l-poplu kien jobgħod. Meta kien ikollhom bżonn tal-poplu biex iwettqu dak li jixtiequ, allura kienu jingħaqdu, mhux mill-qalb imma għall-bżonn, mal-Fariżiej. U meta riedu minn Ġesù, għax beżgħu li minħabba fih jitilfu l-ħbiberija mar-Rumani, ukoll ingħaqdu mal-Fariżej.

Is-Sadduċej ma kinux iħabblu wisq rashom fuq duttrini teoloġiċi, għalkemm ħafna minnhom kienu qassisin kbar. Imma kienu magħrufin li ma kinux jemmnu li l-ġisem jerġa’ jqum fl-aħħar taż-żminijiet. Anqas kienu jemmnu bl-anġli, almenu ħafna minnhom. Fil-bqija kienu jemmnu, almenu kienu jgħidu, f’dak kollu li kienu jemmnu l-Lhud l-oħra.

Għalkemm is-Sadduċej u l-Fariiej kienu għedewwa kbar, l-Evanġelji jsemmuhom flimkien, qishom kienu xi ħbieb kbar. Ir-raġuni hi li dawn iż-żewġ partiti ma qablux ma’ Ġesù u t-tnejn riedu jeħilsu minnu. Barra minn hekk, meta nkitbu l-evanġelji, is-Sadduċej kienu niżlu ħafna fil-popolarità għax it-Tempju – li miegħu kienu marbuta qatigħ – kien inqered mir-Rumani. Il-Fariżej kienu baqgħu l-uniku grupp reliġjuż.

                

Is-Sinedriju

Meta l-Ġeneral Ruman, Pompew, mar fil-Palestina fis-sena 63 QK, l-ewwel ħaġa li għamel kienet li jaħtaf il-ħakma tal-pajjiż f’idejn Ruma. B’hekk il-Lhud tilfu l-indipendenza ta’ arthom. Ir-Rumani ħadu f’idejhom il-piena kapitali u l-ħarsien tal-affarijiet barranin. F’xi perjodi kienu jinqdew bi Prokuratur (gvernatur) biex iħares id-drittijiet tagħhom. Fi żmien Erodi l-kbir, li fi żmienu twieled Ġesù, ma kienx hemm prokuratur għax dan (Erodi) wera ruħu dejjem fidil lejn l-imperu. Imma fi kwistjonijiet ta’ bejn il-Lhud ir-Rumani ma kinux jindaħlu. Dawn il-kwistjonijiet kienu jinqatgħu mis-Sinedriju.

Sinedriju (jew is-Sanħedrìn) kien is-senat tal-poplu Lhudi. Ġeneralment kien jiltaqa’ kull nhar ta’ Ħamis u fih kien iħaddan 71 membru mqassmin fi tliet kategoriji. Il-qassis il-kbir kien jippresiedi l-laqgħat u kien jiġi magħżul kull sena mir-Rumani. Biex jerġa’ jintagħażel, kien ifittex jaqdi lir-Rumani f’kollox, għalkemm, bħala Lhudi aktarx ma kienx jaħmilhom.

L-ewwel fergħa tas-Sinedriju kienet dik tan-nobiltà saċerdotali, l-aktar il-qassisin il-kbar li kienu ħarġu mill-kariga tagħhom. Dawn kienu ftit jew wisq kotrana, minħabba li s-saċerdoti kienu bosta.

It-tieni fergħa kienet dik tal-anzjani (id-deqanin, "tad-daqna") li kienu jirrappreżentaw lill-kbarat tal-poplu. Ma kinux saċerdoti imma magħżulin minn ħdan il-poplu.

It-tielet fergħa kienet dik tal-kittieba jew skribi. Dawn tal-aħħar kienu mħarrġin sewwa fil-liġi. Fis-Sinedriju mela kien hemm rappreżentanti taż-żewġ partiti ewlenija Lhud, tas-Sadduċej u tal-Fariżej.

 

L-Erodjani u ż-Żeloti

Dawn la kienu setet reliġjuii u anqas partiti organizzati bħal dawk li għadna kemm semmejna. Imma kienu gruppi ta’ nies imxaqilbin jew lejn is-Sadduċej jew lejn il-Fariżej.

L-Erodjani li fuqhom qegħdin nitkellmu issa ma kinux l-Erodjani li tħaddidna fuqhom qabel. Imma dawn kienu grupp ta’ nies li kienu favur id-dixxendenti ta’ Erodi, u kienu kollha jxaqilbu mas-Sadduċej. Dawn jissemmew f’S. Mattew (22:16) u f’S. Mark (3:6; u 12:13).

Iż-Żeloti kienu għaqda ta’ nies fanatiċi u nazzjonalisti ħorox li kienu mal-Fariżej, imma aktar ħorox minnhom. L-għan tagħhom kien li jeħilsu darba għal dejjem mill-ħakma Rumana, u kienu huma li bdew il-gwerra kontra Ruma fis-sena 65 AD.

 

L-Esseni

Dawn ma kinux xi partit politiku, u anqas l-għan tagħhom ma kien politiku. Imma kienu setta reliġjuia mogħtija kollha kemm hi għall-qdusija. L-Evanġelisti ma jsemmuhom qatt għax ma ndaħlux f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Ġesù.

L-isem tagħhom ġej minn żewġ aġġettivi Lhud: minn "ħasèn" ("nies li jħobbu s-skiet") u minn "Ħasája" ("nies ta’ qdusija"), għax kienu jgħixu ħajja ta’ skiet u qdusija.

Sa ftit snin ilu konna nafu ftit ħafna fuq il-ħajja qaddisa ta’ dawn in-nies. Imma meta nstabu u nqraw id-dokumenti tal-Baħar il-Mejjet, imsejħin "id-dokumenti ta’ Qumran", sirna nafu ħafna fuqhom.

L-Esseni kienu jgħixu f’komunitajiet u jipproffessaw tliet voti (ubbidjenza, faqar u safa) wara sentejn novizzjat. Wara n-novizzjat kienu jieħdu l-libsa bajda tal-għażel li kienet l-uniformi tagħhom.

Dawn kienu jiddelittaw ħafna bl-indafa tal-ġisem: kienu jieħdu tliet banjijiet kuljum (filgħodu kmieni, f’nofs in-nhar, u filgħaxija). Din l-indafa tal-ġisem kienet tfakkarhom fil-ħtieġa tal-indafa tar-ruħ: fil-virtujiet li bihom kienu tassew imsebbħin.

Il-ħajja tal-Esseni kienet tikkonsisti fis-skiet, talb u meditazzjonijiet, u ħidma tal-id speċjalment fl-għelieqi. Nhar ta’ Sibt, il-jum tal-mistrieħ tal-Lhud, ma kinux jaħdmu, imma kienu jgħaddu sigħat sħaħ jaqraw il-Kotba Mqaddsa flimkien f’sala speċjali. II-qari tal-Bibbja huma kienu jqisuh bħala l-isbaħ rikreazzjoni tagħhom.

II-komunitajiet tal-Esseni kienu mxerrdin mal-Palestina kollha u fl-Eġittu wkoll. II-komunitajiet tagħhom kienu jkunu ta’ xi għaxar membri kull waħda (imsejħa minjàn). Id-dar ċentrali tagħhom kienet f’Qumran, ħdejn il-Baħar il-Mejjet. Hemm l-Esseni kellhom librerija kbira ħafna li l-kotba tagħha ġew moħbijin fi żmien tal-gwerra tal-Lhud kontra Ruma (65-70 WK) u ħafna minnhom instabu mill-1948 ʼl hawn.

Minn dawn id-dokumenti sirna nafu wkoll li l-Esseni kellhom xi membri li setgħu jiżżewġu; imma dawn ma kinux membri sħaħ; kienu qishom it-"terzjarji" tal-lum li huma kienu jsejħu "aggregati". Imma ma kinux jieħdu l-mara kif ġieb u laħaq. It-tfajla li dawn kienu jiżżewġu kellha tagħmel kors ta’ tliet snin fit-tagħlim tar-reliġjon u kienet tiġi mhejjija għal ħajja qaddisa u biex tiżżewweġ mhux għall-pjaċir tal-ġisem imma biex iġġib l-ulied ħalli tkompli l-opra tal-kreazzjoni fid-dinja.

Xi għorrief tal-lum ħasbu li r-reliġjon tagħna nisranija ħarġet minn din is-setta. Huwa minnu li għandna xi tagħlim komuni bejnietna, bħat-tagħlim fuq l-imħabba nisranija u l-qdusija interna; imma t-tagħlim ta’ Ġesù huwa wisq superjuri għal dak tal-Esseni. Xi wħud jaħsbu wkoll li Ġwanni l-Battista kien dixxiplu tal-Esseni qabel ma sar il-prekursur ta’ Ġesù; dan jista’ jkun, imma mhux ippruvat.