|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Għerf
Minn Dun Pawl Sciberras
L-awturi tal-Kotba Mqaddsa, l-aktar dawk imsejħin ‘tal-Għerf’, jagħtu importanza kbira lill-għerf (bil-Lhudi, ħokmàh; bil-Grieg, sophìa). Kienu jafu bl-għerf tal-għorrief tal-popli ġirien tagħhom - tal-Babilonja, tal-Eġittu, tal-Greċja. Bħalhom tkellmu u kitbu fuq l-għerf ukoll, iżda f’sens u f’aspett wisq differenti minn tagħhom. L-għerf tal-Bibbja mhux uman, iżda divin; mhux ġej biss mill-ħila u l-esperjenzi tal-bnedmin, iżda minn Alla; hu nnifsu l-Għerf u l-għajn tal-għerf veru. Il-Kelma tiegħu bir-rivelazzjoni miġbura fiha hi l-għerf tassew.
L-għerf veru hu biss dak li ġej minn Alla. Għerf li mhux ġej minnu hu ħażin, bħal dak li ried jikseb l-ewwel bniedem imħajjar mis-serp qarrieq (Ġen 3,1-5; ara Ġak 3,13-17). Imma l-għerf ta’ Ġużeppi (Ġen 41; 47) u ta’ Salamun (1 Slat 3,6-14) kien kollu ġej mingħand il-Mulej: “Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tal-għerf” (Prov 1,7; Salm 111,10). L-għerf veru hu don ta’ Alla; jingħata lil min jitlobhulu (Għerf 10,1-18; Is 11,1-3). Hu l-ogħla u l-aqwa ġid, egħżeż minn kull teżor ieħor (Għerf 7,7-14).
L-awturi tal-Kotba tal-Għerf kellhom din l-idea tal-għerf għax kienu jemmnu li l-għerf veru hu f’Alla biss u li Alla hu l-Għerf innifsu. Bħal Alla hu minnu dejjem, sa minn qabel il-ħolqien (Prov 8,22-26; Sir 24,9). “Hu raġġ tad-dawl ta’ dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta’ Alla u xbieha tat-tjieba tiegħu” (Għerf 7,25). L-għerf qiegħed fis-sema, jgħix ma’ Alla, fuq it-tron tiegħu (Sir 24,4; Għerf 8,3; 9,4). Bħal Alla l-għerf hu ħaddiem fil-ħolqien u miegħu jmexxi l-ħolqien (Prov 8,22-31; 3,19-20; Għerf 8,1). L-awturi jitkellmu mill-għerf li sa minn dejjem kien f’Alla u ma’ Alla bħallikieku persuna oħra.
Din il-personifikazzjoni tal-għerf ħejjiet it-triq għar-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid dwar Ġesù Kristu, “l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1,24.30) u “l-Kelma” (il-Verb) li kien ma’ Alla fil-bidu qabel il-ħolqien (Ġw 1,1).
L-awturi tat-Testment il-Ġdid jippreżentaw lil Ġesù bħala l-għerf ta’ Alla jew il-bniedem li fih deher u ħadem l-għerf ta’ Alla. San Luqa jurih jitkellem bl-għerf sa minn tfulitu (2,40-52). San Mark jgħid li n-nies kienu jistagħġbu bit-tagħlim tiegħu (6,2). San Mattew jurih aqwa mill-għaref Salamun (12,24 par.) Dan mhux kollox. Wisq aqwa hi l-asserzjoni li tafferma li Ġesù hu l-Għerf innifsu. L-Evanġelisti dan jgħiduh bi kliem Ġesù stess (Mt 11,19; Lq 7,35). San Pawl itennih b’kelma ċara: “Ġesu hu l-Għerf ta’ Alla” (1 Kor 1,24.30). U, meta jitkellem fuq Ġesù li kien qabel iż-żmien, jippreżentah bl-istess espressjonijiet tal-għerf ta’ Alla (Kol 1,15-17 = Prov 8,22-31; ara Lhud 1,3 = Għerf 7,25-26). Hekk ukoll San Ġwann fl-ewwel versi tal-Evanġelju (Ġw 1,1-3). Mela l-awturi sagri tat-Testment il-Ġdid għarfu li dak li nkiteb fuq l-għerf fil-kotba tal-Għerf seħħ fis-sens sħiħ tiegħu f’Ġesù Kristu. L-għerf ta’ Alla hu wkoll fil-bniedem li jemmen f’Alla u jilqa’ ’l Ibnu Ġesu Kristu. Dan mhuwiex l-għerf li wieħed jikseb bl-istudju u t-taħbit tiegħu. Hu għerf mogħti minn Alla bid-don tar-rivelazzjoni, mogħti mhux lil dawk li jaħsbu li huma għorrief, iżda liċ-ċkejknin u lill-umli (Mt 11,25-26 par.). Hu don tal-Ispirtu ta’ Alla (1 Kor 2,6-16; 12,8; Ef 1,17). Mela l-għerf ta’ Alla hu fuq kollox ir-rivelazzjoni tal-misteru ta’Alla f’Ibnu Ġesù Kristu. Jikkonsisti l-ewwelnett filli l-bnedmin jagħrfu ’l Alla l-Missier u ’l Ibnu Ġesu Kristu li hu bagħat fid-dinja (Ġw 17,3). Kif inhu wkoll fit-Testment il-Qadim bid-don tal-għerf ta’ Alla l-bniedem jagħraf il-liġi ta’ Alla, li hi l-espressjoni tar-rieda tiegħu, u jagħmilha b’qalbu kollha. It-tagħlim tal-awturi tal-kotba tal-għerf, il-proverbji u t-twissijiet tagħhom, isibu s-sens sħiħ tagħhom fit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u tal-Appostli tiegħu. Min ifassal ħajtu fuq ir-regoli tat-tagħlim tal-Evanġelju jkun għaref tassew għax ikollu l-għerf ta’ Alla rrivelat f’Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu “l-għerf li ġej mis-sema” (Ġak 3,13-17: ara Mt 7,24). Dan hu l-għerf tal-qaddisin tagħna.