LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

   

Faqar

Minn Dun Pawl S ciberras

Il-faqar ġibed ħafna l-attenzjoni tal-awturi tal-Kotba Mqaddsa. Il-fatt kurjuż li kellhom taħt għajnejhom fid-dinja ta’ żmienhom, li l-ġid kien f’idejn il-ftit setgħana u l-poplu fil-biċċa l-kbira tiegħu fil-faqar u l-miżerja kien problema għalihom; kienu jfittxu jħolluh fid-dawl tar-rivelazzjoni. It-Testment il-Qadim juri aspetti diversi tal-faqar, mill-faqar materjali għall-valur spiritwali tal-istess faqar. Hemm żewġ kelmiet bil-Lhudi li l-aktar ifissru l-istat tal-faqar: ’ebjòn u ʽanì jew ‘anàw (fil-plural, ‘anawìm). L-ewwel waħda tfisser aktar il-faqar materjali, il-miżerja: ’ebjòn hu l-bniedem fil-bżonn, li jeħtieġ l-għajnuna biex jgħix. Il-kelma l-oħra, ‘ani jew ‘anàw, hu l-bniedem f’kull xorta ta’ bżonn; l-imgħakkes, l-imsawwat, l-ippersegwitat; iż-żgħir u d-dgħajjef taħt idejn is-setgħana; ukoll min jagħraf ix-xejn tiegħu quddiem Alla u jħoss il-bżonn tal-għajnuna tiegħu. F’dan l-aħħar każ jidħol is-sens tal-umli u l-ġwejjed. Ħafna drabi, l-aktar fis-Salmi, iż-żewġ kelmiet insibuhom flimkien: ‘anì weebjòn, “il-fqajjar u l-imsejken” (Salm 37,14; 40,18; 74,21; eċċ.) It-traduzzjoni Griega (LXX) tittraduċi biż-żewġ kelmiet ptokòs u pènes, it-tnejn ifissru l-istat tal-faqar u l-miżerja, (Salm 37,14); f’każijiet oħra tagħti l-kelma praüs, li tfisser “ġwejjed, twajjeb, rassenjat” (Salm 24,9; 33,3; 36,11; 146,6; eċċ.). Għalhekk ukoll “umli”; din ukoll tittraduċi l-kelma Lhudija ʽanì jew ‘anàw ( Salm 18,28; Is 11,4; 14,32; Sof 2,3). Hekk tfisser l-atteġġament spiritwali tal-bniedem li quddiem Alla jħoss ruħu ċkejken u umli u fl-istess ħin jafda fih u jintelaq f’idejh. Dawn l-aspetti kollha jgħinuna biex nifhmu aħjar is-sens jew is-sensi diversi tal-faqar skont il-Bibbja. Il-kliem tal-Evanġelju fuq il-faqar irridu nqegħduh fuq l-isfond tat-Testment il-Qadim imfisser b’dawn il-kelmiet biex naslu li nifhmuh sewwa.

L-awturi tat-Testment il-Qadim, in ġenerali, ma jfaħħrux il-faqar. Pjuttost juru li jibżgħu minnu. Il-mentalità tal-poplu ta’ dawk iż-żminijiet kienet favur l-għana u l-ġid għax dawn, kif kienu jaħsbu, kienu sinjal tal-barka ta’ Alla (Ġen 49,25-26; Salm 1,3; 112,1-3). Hekk il-faqar f’xi każijiet kien saħta u kastig ta’ mġiba ħażina (Prov 6,11; 10,15; 13,18). Imma jagħrfu wkoll li hemm il-foqra li huma tajbin u li l-faqar tagħhom ġej mill-ħażen tal-għonja u s-setgħana li jgħakksuhom (Prov 19,1-22; Ġob 24,2-12). Il-profeti bi kliem iebes kienu difensuri tal-fqajrin u l- imsejknin sfruttati mill-għonja u l-kbarat (Għan 2,6ss; 4,1; 5,11; 8,5; Hos 12,87; eċċ.). L-awturi tal-kotba tal-Għerf jiddefendu wkoll id-drittijiet tal-foqra u jistqarru li l-Mulej innifsu hu d-difensur tagħhom (Prov 14,21; 22,22). L-għajnuna lill-foqra b’kull meżż hi dejjem irrikkmandata fil-Kotba legali tat-Testment il-Qadim (Eż 22,21-26; Dt 15,1-15; 24,10-15) u hi mfaħħra bi kliem mill-isbaħ f’kotba oħra (Tob 4,7-11; Sir 3,30-4,6).

L-ʽanawim, il-fqajrin u l-imsejknin, mhumiex biss dawk li jeħtieġu l-bżonnijiet tal-ħajja ta’ kuljum, iżda wkoll dawk li huma mħabbtin u mgħakksin mill-kbarat u s-setgħana. Dawn huma l-fqajrin ta’ Jaħwèh, fuqhom hu jitfa’ l-ħarsa tiegħu; u huma lejh iħarsu u f’idejh jintelqu. Dawn huma l-fqajrin tas-Salmi tal-Ilment (Salm 10; 22; 25; 69; eċċ.). Fihom l-awturi tagħhom, ippersegwitati minn għedewwa setgħana, ifissru s-sentimenti tal-“faqar” jew taċ-ċkunija u d-dgħufija tagħhom. Huma r-rappreżentanti tal-fdal ta’ Iżrael, “il-poplu umli u msejken”, imma maħbub mill-Mulej, għax hu l-poplu tal-fqajrin tiegħu (Sof 3,12-13; Salm 74,19; 149,4-5).

Dan hu s-sentiment kbir imfisser minn Marija fl-innu ta’ tifħir lil Alla, il-Manifikat (Lq 1,46-55). Marija ħasset u għarfet li hi l-fqajra u ċ-ċkejkna tal-Mulej; għalhekk hu xeħet għajnejh fuqha u għollieha ’l fuq mill-kbarat. Għarfet u stqarret li kien wasal iż-żmien li fih Alla jżur il-fqajrin tiegħu u jimliehom bil-ġid. B’dan il-kliem fuq fomm Marija fil-bidu tal-Evanġelju, Luqa, l- Evanġelista tal-fqajrin, jintroduċi żmien il-Messija, li ġie biex jitma’ l-fqajrin u jgħolli ċ-ċkejknin. Ġesù deher bħall-Messija tal-fqajrin, fqir mal-foqra, ċkejken maċ-ċkejknin. Lilhom ġie jxandar il-Bxara t-Tajba (Lq 4,18-19). Nifhmu li l-fqajrin huma dawk “li huma bil-ġuħ u bil-għatx tal-ġustizzja” (Mt 5,6), “dawk li jinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (Mt 11,28) - lil dawn Ġesù ġie jfarraġ u jserraħ, għax hu wkoll fqajjar, “ta’ qalb ħelwa u umli”.

Fid-dawl ta’ din il-viżjoni tal-faqar ta’ Ġesù nagħrfu li l-faqar tal-Evanġelju mhuwiex biss il-faqar materjali, li kellu wkoll Ġesù, iżda wkoll il-faqar tiegħu ta’ karattru spiritwali, imfisser biż-żewġ kelmiet praüs u tapeinòs (“ta’ qalb ħelwa u umli”) li jikkorrispondu wkoll għall-kelma Lhudija ʽanì jew ‘anawìm (fqajjar/fqajrin). Dan hu s-sens sħiħ tal-faqar kif jidher fit-Testment il-Qadim, iżda fl-ogħla perfezzjoni tiegħu fit-Testment il-Ġdid bil-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Dan hu l-faqar tal-ispirtu jew skont l-ispirtu ta’ Ġesù Kristu: “henjin il-foqra fl-ispirtu” (Mt 5,3), jiġifieri, li għandhom fihom l-ispirtu tal-faqar kif inhu mitlub mit-tagħlim tal-Evanġelju. L-ewwelnett dawk, li wkoll jekk għonja, mhumiex marbutin mal-għana tagħhom b’mod li ma jistgħux jimxu wara Ġesù. Imbagħad, dawk kollha - foqra u għonja - li għandhom l-ispirtu ta’ Ġesù Kristu fit-tjubija, l-umiltà u s-sempliċità. Dan hu l-atteġġjament spiritwali li bih il-bniedem jagħraf li mhu xejn quddiem Alla u li jiddependi biss mill-ħniena tiegħu. Dan hu l-faqar fl-ispirtu tal-pubblikan li għaraf ix-xejn tiegħu quddiem Alla, b’differenza mill-Fariżew li ħassu għani ħafna quddiemu (Lq 18,9-14).

Madankollu, skont it-tagħlim tal-Evanġelju wkoll, id-dixxiplu ta’ Ġesù Kristu m’għandux jikkuntenta biss bil-faqar “spiritwali”. Lil dawk li jridu jkunu eqreb lejh Ġesù jitlob minnhom bħala kundizzjoni li jiċċaħħdu mill-ġid kollu tagħhom (Mk 10,21 par; Lq 12,33; eċċ.) Mhux għax il-ġid materjali hu ħażin fih innifsu, iżda għax hu ta’ tfixkil kbir għal min irid jaqdi ’l Alla b’qalbu kollha u jingħata għalih tassew (Mk 10,23). Ġesù, l-aktar fl-Evanġelju ta’ Luqa, għandu biss kliem iebes u aħrax għall-għonja (Lq 6,24-25; 12,20-21). L-insara tal-ewwel żmien tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm bdew jgħixu dan l-ideal tal-Evanġelju fis-sens letterali tiegħu. Milli jidher dan ma kienx prattiku għal kollox u għal kulħadd. Imma l-Appostli fit-tagħlim tagħhom baqgħu dejjem jagħtu direttivi lill-insara kif kellhom jinqdew tajjeb bil-ġid materjali li setgħu kellhom, l-aktar billi jgħinu lil ħuthom li kienu fil-bżonn. L-ittri ta’ San Pawl mimlijin b’dawn ir-rikkmandazzjonijiet (2 Kor 8,20; 11,8; Atti 27,24; 28,30; eċċ.). Dan fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu, “li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8,9).