LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

   

Dixxiplu

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Id-dixxiplu hu dak li jitgħallem mingħand l-imgħallem tiegħu u joqgħod fuq it-tagħlim tiegħu. F’dan is-sens il-kelma dixxiplu” (bil-Grieg, matetès) tissemma’ ħafna drabi fit-Testment il-Ġdid (TĠ) b’riferenza għad-dixxipli ta’ Ġesu jew ta’ xi ħaddieħor.

Fit-Testment il-Qadim (TQ) ftit li xejn insibu din il-kelma. Isaija (8,16) isemmi “id-dixxipli” tiegħu (bil-Lhudi, limmudaj), Eliżew hu ppreżentat bħala dixxiplu ta’ Elija (1 Slat 19,19-21). Hekk setgħu kienu wkoll “ulied il-profeti” (2 Slat 2,5) u “ulied l-għorrief” (Prov 1,8.10; 2,1; 3,1). Aktar tard fil-letteratura rabbinika (mhux fit-TQ) jissemmew id-dixxipli tar-rabbin (bil-Lhudi, talmid).

Fit-TĠ, barra minn każijiet rari - bħad-dixxipli ta’ Ġwanni (Mk 2,18; Ġw 1,35; Atti 19,1 ss.) jew id-dixxipli tal-Fariżej (Mt 22,16) u wkoll id-dixxipli ta’ Pawlu (Atti 9,25) - id-dixxipli huma dawk li marru wara Ġesù u qagħdu għat-tagħlim tiegħu sew f’ħajtu, kif juruna l-Evanġelji, u sew wara mewtu kif naqraw fl-Atti tal-Appostli.

Fl-Evanġelji l-ewwel li jissejħu dixxipli huma dawk kollha li kienu jmorru warajh biex jisimgħuh (Mt 5,1; Lq 6,17; Ġw 6,60). Minnhom Ġesù għażel it-Tnax, li sejħilhom appostli, (Lq 6,13); dawn baqgħu jissejħu wkoll dixxipli u saru l-ewlenin fost id-dixxipli l-oħra (Mt 10,1; 12,1; Mk 14,12; eċċ.) Fir-raba’ Evanġelju d-dixxipli ġie li huma t-Tnax jew x’uħud minnhom (8,1; 21,1) u ġie li huma dawk li jemmnu f’Ġesù (2,11.22; 6,66; 8,37). Fl-Atti tal-Appostli mill -kapitlu 6 ’1 quddiem dawk kollha li huma fil-komunità tal-Knisja huma d-dixxipli ta’ Ġesù (6,1-2-7; 9,10-26; ecc.). Dan juri li sa mill-bidu tal-Knsija mhux biss it-Tnax u dawk li f’ħajjithom kienu semgħu lil Ġesù kienu meqjusin bħala dixxipli tiegħu, iżda wkoll dawk li emmnu fih minħabba x-xhieda tagħhom.

L-Evanġelji juruna x’kondizzjonijiet jeħtieġ wieħed ikollu biex ikun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu: a) Is-sejħa, li tiġi min-naħa ta’ Ġesù nnifsu: “Ejja warajja” (Mk 1,17-20; Ġw 1,38-50). L-inizjattiva tiġi minnu. b) It-tweġiba bl-aċċettazzjoni ġeneruża taċ-ċaħdiet iebsa li ġġib magħha (Mt 8,19 ss.; Lq 9,57 ss.) ċ) Il-mixja warajh fit-triq tas-salib (Mk 8,34; 10,38), li twassal ukoll għall-glorja miegħu (Mt 19,28 s.; Lq 22,29 s.; Ġw 14,3).

Id-dixxiplu ta’ Ġesù ta’ Nażaret mhuwiex bħal dawk tar-rabbini tal-Lhud jew ta’ mgħallmin oħra tal-art li jisimgħu biss it-tagħlim tagħhom u jaċċettawh, jekk jogħġobhom. Id-dixxiplu ta’ Ġesù jemmen fih l-ewwel u jintrabat miegħu bl-imħabba; imbagħad, u għalhekk, joqgħod bil-qalb għall-kliem kollu tiegħu u jimxi fuq il-ħajja tiegħu.