LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Biża ta’ Alla

Minn Dun Pawl Sciberras

 

1. Din 1-espressjoni, li hi komuni ħafna fil-Bibbja tfisser ir-reazzjoni naturali tal-bniedem quddiem Alla u s-sentiment tar-relazzjonijiet tiegħu miegħu.

Il-biża’ ta’ Alla jfisser l-ewwelnett dak is-sens spontanju tal-bniedem li jiltaqa ma’ Alla, sens ta’ biża’, ta’ riverenza u rispett, ta’ qima u umiltà, iż-żgħir jiltaqa’ mal-Kbir, jinfixel u jibża’ quddiemu - bħall-biża’ ta’ Mose (Eż 3, 6) u tal-Iżraelin (Eż 20, 18-20) u wkoll tad-dixxipli  u n-nies quddiem il-fatti tal-mirakli ta’ Ġesù (Lq 5, 9-11; 7, 16).

Imma Alla ma jridx ikun tal-biża’ għall-bnedmin uliedu. Għalhekk għar-reazzjoni tal-bniedem, li jibża’ minnu, iwieġbu u jgħidlu: “La tibżax!” (Mħ 6, 23; Dan 10, 12). Hekk ukoll Ġesù lid-dixxipli tiegħu (Lq 5, 10; 24, 38; Mt 28, 5).

Alla aktar irid li aħna jkollna fiduċja fih bħala wliedu maħbuba milli nibżgħu minnu. Alla mhuwiex tirann, iżda Missier. Wisq aktar meta f’Ibnu Ġesù Kristu nistgħu nersqu lejh bil-fiduċja kollha (Ef 3, 12).

 

2. Aspett ieħor tal-biża’ ta’ Alla fil-bniedem hu dak tal-qima u tal-imħabba tiegħu lejh. Il-bniedem li jibża’ mill-Mulej hu dak li jibża’ jmur kontra r-rieda tiegħu jew jikser il-liġi tiegħu (Dt 6, 2.5.13). F’dan l-aspett biża’ u mħabba huma ħaġa waħda. Din hi wkoll imħabba tal-iben lejn il-missier. Hekk insibu ħafna drabi fis-Salmi u fil-kotba tal-Għerf: “Ħieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej” (Salm 112, 1; 128, 1; Sir l, 11-20). Għalhekk  il-biża’ ta’ Alla hu wieħed mid-doni tal-Ispirtu tal-Mulej (Is 11, 2-3).

 

3. Hemm ukoll diversi testi li juru li l-bniedem għandu jibża’ wkoll minn Alla fis-sens strett ta’ din il-kelma tagħna. Alla jagħti lil kulħadd dak li jkun ħaqqu skont għemilu, il-kastig ukoll lil min jikser il-liġi tiegħu (Eż 20, 5-7; Salm 2, 11-12). Dan il-ħsieb hu mtenni fit-Testment il-Ġdid ukoll (Mt 25, 41-46; 2 Tess 1, 9-10; Apok 6, 15-17). “Ħaġa tal-biża’ li taqa’ f’idejn Alla 1-ħaj!” (Lhud 10, 31).

 

Mela f’kull każ għandna nifhmu “l-biża’ tal-Mulej” skont il-kuntest ta’ din l-espressjoni.