LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Bikri.

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

L-ewwel frott (bil-Lhudi, b'kor). Fil-kulturi antiki - tal-Eġittu, tal-Babilonja, tal-Greċja, ta’ Ruma - l-ewwel frott tar-raba’ u tal-bhejjem kien meqjus bħala l-aħjar u għalhekk kellu jkun ikkonsagrat lill-allat. Din il-mentalità daħlet f’Iżrael ukoll; bdew joffru lill-Mulej l-ewwel frott tal-prodotti tagħhom. Maż-żmien din saret liġi għal Iżrael kollu u ġew stabbiliti r-riti tal-konsagrazzjoni tal-bikri. Naqrawhom fil-kotba tal-Eżodu, tan-Numri u tad-Dewteronomju. F’Levitiku 2:11-16 l-offerta tal-bikri tidher bħala sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr lil Alla. Skont Dewteronomju 26:3-11 mal-offerta tal-bikri kienet issir l-istqarrija tal-fidi, bħal Kredu ta’ Iżrael, b’riferenza għall-ħelsien tagħhom mill-jasar tal-Egittu; għalhekk l-offerta kienet tieħu s-sens ta’ rikonoxxenza lejn il-ġid li kien għamel magħhom il-Mulej Alla.

 

Il-primoġenitu, l-imwieled l-ewwel tal-bhejjem u tal-bnedmin, kellu  jkun "tal-Mulej", ikkonsagrat lilu (Eżodu 22:28; 34:19). Dan kien ifisser Ii Alla hu s-Sid assolut ta kollox; fl-istess ħin kien isir ukoll b’tifkira tal-lejl tal-ħelsien mill-Eġittu, meta l-Mulej bagħat joqtol il-primoġeniti kollha tal-Eġittu (Eżodu 13:14-15). Imma, billi Alla ta’ Iżrael ma ridhomx joffrulu b’sagrifiċċji, kif kienu jagħmlu l-pagani lill-allat tagħhom, (Dewteronomju 12:31; 18:10; Ġeremija 7:31; 32:35 ), il-primoġenitu tal-bnedmin ma kienx jiġi ssagrifikat, iżda mifdi; kellhom joffru vittma oħra floku (Eżodu 13:13; 34:20). Dan ir-rit seħħ għal kollox meta Ġesù, “l-ewwel iben” ta’ Marija u l-ewwel frott tal-umanità, ġie ppreżentat lill-Mulej fit-tempju (Luqa 2:22-24) u mbagħad offra lilu nnifsu fuq is-salib bħala vittma għall-maħfra tad-dnubiet.