LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Antikrist

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-kelma ‘antikrist’ ġejja mill-Grieg antίkristos, wieħed kontra Kristu. Hija kelma li jużaha biss l-awtur tal-Ittri ta’ Ġwanni (1 Ġw 2:18-22; 4:3; 2 Ġw 7). F’partijiet oħra tat-Testment il-Ġdid insibu kliem ieħor li bejn wieħed u ieħor ifisser l-istess ħaġa: messijiet foloz (Mt 24:24; Mk 13:22); il-Bniedem tad-dnub (2 Tess 2:3); il-Bhima (Apok 13:4-18). Biex nifhmu sewwa dawn il-figuri rridu nqegħduhom fuq l-isfond tal-kunċetti apokalittiċi tal-Ġudaiżmu ta żmien it-Testment il-Ġdid, li minnhom jiddependu. Ħjiel ta’ dawn il-figuri apokalittiċi, ippreżentati bħala għedewwa ta’ Alla, għandna fDanjel 7:lss u f’Eżekjel 38-39.

Il-figura tal-Antikrist tat-Testment il-Ġdid hi ispirata minnhom, bid-differenza li dan flok għadu ta Alla, kif hu ppreżentat fil-letteratura apokalittika tat-Testment il-Qadim, hu l-­għadu ta Kristu Ġesù u tal-Knisja tiegħu. Mhuwiex xi ħadd li għad irid jidher fl­-aħħar taż-żmien. da hu dak jew dawk kollha li jiddikjaraw ruħhom kontra Kristu Ġesù - u issa stess, fdan iż-żmien, mill-ewwel miġja tà Ġesù Kristu sat-tieni miġja tiegħu. Dan hu ż-żmien eskatoloġiku, l-aħħar żmien, iż-żmien ta Kristu.

Għal San Pawl il-bniedem tad-­dnub kien xi ħadd fi żmienu li qam u ħadha kontra Alla; ma jgħidx min kien u lanqas xkien dak li kien qed iżommu biex jidher; forsi kellu fmoħħu l-imperatur jew l-Imperu Ruman bħala forza tal-paganiżmu.

L-awtur tal-Apokalissi jagħmel riferenza aktar ċara għall-forza tal-­ħazen, li kienet qiegħda taħdem permezz ta Ruma pagana kontra l-­Knisja ta Ġesù Kristu. Il-bhima tal­-baħar (13:1-10) u l-bhima tal-art (13:11-18) u l-Mara Żienja (17:lss) huma kollha figuri simboliċi ta Ruma u l-imperaturi tagħha li, fil-ħsieb tal-awtur, ifissru s-saltna tal-ħażen ftaqbida ħarxa kontra s-Saltna ta Alla. Din hi viżjoni apokalittika tal-Antikrist meħuda minn Dan 7:1-28.

L-awtur tal-Ewwel u tat-Tieni Ittra ta Ġwanni hu ċar biżżejjed: antikrist mhux wieħed li għandu jidher fl-aħħar żmien, kif kienu jaħsbu xuħud mill-­insara ta’ żmienu; kienu dawk l-insara apostati li ċaħdu ʼl Ġesù Kristu (1 Ġwanni 2:18. 22). Dan hu l-ispirtu tal-­antikrist, li intom smajtu li għandu jiġi, anzi minn issa stess ġa qiegħed fid-­dinja (1 Ġwanni 4:3).

Mela l-Antikrist mhuwiex xi figura storika u eskatoloġika, xi bniedem kollu qerq u ħażen li għandu jiġi fl-aħħar tad-­dinja. Antikristi dehru ħafna fl-istorja fkull żmien sa mill-ewwel żmien tal-­Knisja. Fxi wħud min-nies ta’ żmienhom, li kellhom donnhom il­-ħażen inkarnat fihom, l-awturi sagri tat-Testment il-Ġdid raw il-figura ħajja tal-ħażen u tal-­qawwa tiegħu.