LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

It-Tmien Jum

Minn Dun Pawl Scibertras

 

Fil-Kotba Mqaddsa, it-terminu “It-Tmien Jum” huwa espressjoni mimlija simboliżmu profond. It-Tmien Jum jiġbor fih bidu ġdid, twettiq ta’ wegħdi u ħarsa ʼl quddiem lejn l-eternità.

Fit-Testment il-Qadim, Alla ħalaq id-dinja f’sitt ijiem, u strieħ fis-seba’ jum (Ġenesi 2:2-3). Is-seba’ jum—is-Sibt—kien sinjal tal-patt ta’ Alla mal-poplu tiegħu, jum ta’ mistrieħ għall-bnedmin u għall-bhejjem, qdusija, u tfakkira tax-xogħol tal-ħolqien ta’ Alla.

Imma moħbi f’dan ir-ritmu ta’ żmien hemm wegħda: Alla kien għad baqagħlu jagħmel xi ħaġa akbar li kienet għadha ġejja. Il-mistrieħ tas-Sibt kien għall-ġid tal-ħolqien, imma kien juri wkoll id-direzzjoni ’l quddiem lejn mistrieħ aktar sħiħ u aktar profond—il-mistrieħ tas-salvazzjoni, il-mistrieħ li seta’ jġib fis-seħħ biss l-azzjoni sħiħa tas-salvazzjoni ta’ Alla.

U hekk jiġi t-Tmien Jum.

Fit-tradizzjoni Lhudija, insibu li avvenimenti importanti kienu jseħħu fit-tmien jum:

It-Tmien Jum għalhekk kien dejjem jissuġġerixxi xi ħaġa lil hinn mit-tlestija jew it-tmiem ta’ azzjoni jew ċiklu ta’ azzjonijiet—bidu ġdid wara ċ-ċiklu tas-seba’.

Fit-Testment il-Ġdid, dan joħroġ għad-dawl b’mod sħiħ fil-Qawmien ta’ Ġesù.

Ġesù qam mill-imwiet “fl-ewwel jum tal-ġimgħa”, jiġifieri l-jum wara s-Sibt—fi kliem ieħor, fit-Tmien Jum (Mark 16:2, Ġwanni 20:1).

Dan ma kienx sempliċi ritorn għall-ħajja ta’ kuljum jew tennija ta’ dak li dejjem sar. Il-Qawmien tiegħu fetaħ ħolqien ġdid għal kollox.

Permezz tar-rebħa tiegħu fuq il-mewt, Ġesù jdaħħalna f’patt ġdid, ħolqien ġdid, u ħajja eterna.

Il-Kristjani tal-bidu raw fil-Jum tal-Ħadd—il-jum tal-Qawmien—bħala t-Tmien Jum:

Għalhekk ħafna battisteri antiki kienu jinbnew f’forma ta’ tmien naħat—biex iservu ta’ simbolu li juri li l-magħmudija ddaħħal lill-persuna fil-ħajja ġdida ta’ Kristu, il-ħajja tat-Tmien Jum.

 

Il-Missirijiet tal-Knisja għandhom ħafna tagħlim u katakeżi dwar it-Tmien Jum, li ta’ min ifakkru:

1. Santu Wistin (is-seklu 4–5)

Santu Wistin ħafna drabi kien jirrifletti fuq it-Tmien Jum bħala s-simbolu tal-eternità u l-qawmien.
Fil-ktieb tiegħu De Civitate Dei (“Il-Belt ta’ Alla”) (Ktieb 22, Kapitlu 30), jgħid:

“It-Tmien Jum se jkun is-Sibt ta’ dejjem, fejn aħna nistrieħu u nitwieldu mill-ġdid għal dejjem.”

Għal Wistin, it-Tmien Jum mhuwiex biss il-Ħadd, imma jirrappreżenta l-ħajja li ma tispiċċa qatt li jkollna m’Alla—ħajja li hija ’il hemm mill-limitazzjonijiet ta’ din id-dinja.

Huwa ra l-Qawmien ta’ Ġesù bħala l-ewwel sinjal ta’ din ir-realtà l-ġdida—u permezz tal-Magħmudija, l-Insara diġà saru "ċittadini" tat-Tmien Jum etern.

Santu Wistin ukoll spjega li ż-żmien (bis-sebat ijiem tiegħu) se jasal biex jintemm, imma mhux hekk it-Tmien Jum: dak ma jintemmm qatt.

Huwa "Illum" etern ta’ Alla, il-jum fejn ix-xewqa tagħna għall-mistrieħ, il-paċi u t-twettiq tiġi sodisfatta għal kollox.

 

2. Sant’Ambroġ (is-seklu 4)

Sant’ Ambroġ, Isqof ta’ Milan u għalliem ta’ Santu Wistin, ried jgħaqqad speċjalment it-Tmien Jum mal-Magħmudija.

Fil-katekeżi tiegħu lill-imgħammdin ġodda (De Mysteriis), jgħid:

“Il-Mulej qam fit-Tmien Jum, jiġifieri wara s-Sibt, għalhekk il-jum tal-Qawmien tal-Mulej jissejjaħ it-Tmien Jum, u għalhekk ukoll il-Magħmudija tiġi ċċelebrata f’dan il-jum.”

Ambroġ jgħaqqad it-Tmien Jum mal-ħajja ġdida li rċivew l-Insara fil-Magħmudija.
Bħalma Kristu qam mill-mewt fit-Tmien Jum, l-imgħammdin jitilgħu mill-ilmijiet għal ħajja ġdida, ħielsa mid-dnub u mill-mewt.

Hu jgħid ukoll li l-imgħammdin jiġu "mwielda mill-ġdid" f’dinja li qatt ma tintemm, għax it-Tmien Jum hu l-bidu ta’ ħajja li ma tinqered qatt.

 

Għalhekk, il-Missirijiet tal-Knisja jgħallmuna li:

Meta nitkellmu fuq it-Tmien Jum, qed nitkellmu fuq it-tama. Alla mhux qed jgħinna biss ngħaddu ġimgħa oħra. Hu qed idaħħalna f’realtà għal kollox ġdida. F’Ġesù, iċ-ċiklu qadim tad-dnub, l-uġigħ u l-mewt intemm. Bidu ġdid beda. Aħna sirna ħolqien ġdid.