LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

   

Appostlu u appostli. Minn Dun Pawl Sciberras

Mill-Grieg apόstolos; mill-verb apostéllein, “huwa bagħat”. L-appostlu hu wieħed mibgħut minn xi ħadd aqwa minnu biex, bħala delegat tiegħu, jaqdi missjoni li jkun fdalu f’idejh, bħala ambaxxatur, legat, messaġġier.

F’dan is-sens ġenerali l-kelma “appostoliku” nsibuha wkoll fi ftit każijiet fit-Testment il-Ġdid (Ġw 13:16; Fil 2:25; 2 Kor 8:23). L-appostli li jissemmew mal-profeti (Lq 11:49; Ef 3:5; Apok 2:2; 18:20) huma bħall-profeti, messaġġiera ta’ Alla. Ġesù wkoll, darba biss (Lhud 3:1) jissejjaħ “appostlu” fis-­sens li hu mibgħut minnu. Il-ħsieb Ġesù hu l-mibgħut ta’ Alla l-Missier hu komuni ħafna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann (3:17; 5:37; eċċ). Imbagħad Ġesù, kif il-Missier bagħat lilu, hekk hu wkoll bagħat lid-dixxiplu (Ġw 20:21).

Fit-Testment il-Ġdid, dawn huma l-appostli fis-sens proprju tal-kelma. Huma t-Tnax li Ġesù għażel sa mill-bidu minn fost id-dixxipli tiegħu (Mt 10:2-4; Mk 3:16-19; Lq 6:13-16; Atti 1:13). “Għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippritkaw” (Mk 3:14; Lq 6:13).

Wara l-mewt ta’ Ġuda l-appostli, bħala grupp, jissejħu “l-Ħdax” (Mt 28:16; Mk 16:14; Lq 24:9; Atti 1:26) Imma n-numru 12 hu sagru; jikkorrispondi għat-12-il tribù ta’ Iżrael (Mt 19:28); għalhekk il-post vojt li ħalla Ġuda kellu jimtela, u daħal floku Mattija (Atti 1:21-26). Dan sakemm il-Knisja kienet għadha f’Ġerusalemm u fil-Palestina. Meta mbagħad bdiet toħroġ ʼil barra u saret iktar universali, il-mudell tat-Tnax-il Tribù ta’ Iżrael, marbut mal-Poplu tat-Testment il-Qadim, ma kienx hemm bżonn li jibqa’ jinżamm. Fil-fatt, meta Erodi Agrippa I qatel lill-Appostlu Ġakbu, ħu Ġwann, ma ntagħżel ħadd minfloku (ara Atti 12:1). It-Tnax-il appostlu huma l-pedamenti ta’ Iżrael il-Ġdid, li hu l-­Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Ħafna drabi t-Tnax jissejħu “appostli” fl-Evanġelji u fil-Ktieb tal-­Atti. Drabi oħra, l-aktar fl-Evanġelju ta’ Mattew u f’dak ta’ Marku, jissejħu “dixxipli”; imma, kif jidher mill-­kuntest, dawn huma t-Tnax (Mt 26:20 u 26; 26.35; qabbel ma’ Lq 22:14; eċċ). L-­awtur tar-raba’ Evanġelju jsejħilhom dejjem “id-dixxipli” jew “it-Tnax”; qatt ma jsejħilhom “l-appostli”.

Mill-istorja tal-għażla ta’ Mattija flok Ġuda nifhmu li l-membri tal-grupp tat-Tnax kellhom ikunu minn dawk id­-dixxipli li kienu jafu lil Ġesù f’ħajtu magħhom u li għarfuh wara li qam mill-­mewt; kellhom ikunu xhieda tal-­qawmien tiegħu mill-imwiet (Atti 1:22). Dawn huma l-appostli, it-Tnax, fis-­sens propju u tekniku tal-kelma. Fuqhom, fuq ix-xhieda tagħhom, hi mibnija l-Knisja (Apok 21:14).

Madankollu, it-Tnax weħidhom ma setgħux ilaħħqu mal-ħtiġijiet u l- kundizzjonijiet tal-Knisja kollha kull fejn bdiet tixtered, u lanqas għal kull żmien. Il-ħidma personali tagħhom setgħet tiswa sakemm il-Knisja kienet għadha f’Ġerusalemm u fil-Palestina. Imma meta ħarġet barra mill-Palestina u bdiet tixtered ma’ artijiet oħra, kien hemm bżonn oħrajn li jkomplu l-missjoni tal-appostli. Hekk, barra t-Tnax, dehru appostli oħra fil-­bidu tal-Knisja; x’uħud minnhom jissejħu wkoll “appostli”.

L-ewwel Pawlu, “Appostlu tal­-Ġnus” (Gal 2:8). Pawlu kien konvint li hu kien tassew appostlu bħat-Tnax. Ir­-raġuni tal-konvinzjoni tiegħu kienet għax hu wkoll bħalhom kien ġie msejjaħ u mibgħut direttament minn Ġesù Kristu; għalkemm ma ltaqax miegħu f’ħajtu, kien iltaqa’ miegħu ħaj wara mewtu, u għalhekk seta’ jkun bħat-Tnax xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet (Gal 1:15-17). L-appostli 1-oħra qablu miegħu u għarfuh bħala appostlu bħalhom (Gal 2:1-10). Pawlu, li kien jibda l-ittri tiegħu b’ismu, kien dejjem iżid ma’ ismu t-titlu ta’ “appostlu”.

Fit-Testment il-Ġdid hemm oħrajn li jissejħu appostli, fosthom Barnaba, sieħeb Pawlu (Atti 14:14), u Andrόniku u Ġunja (Rum 16:7). Fil-listi tal-kariżmi jissemmew l-ewwel l-appostli (1 Kor 12:28; Ef 4:11); jissemmew ukoll bnadi oħra (1 Kor 4:9; 9:5; 15:7; 2 Pt 3:2; Ġud 17). Nifhmu li dawn ma kinux appostli bħat-Tanx u bħal Pawlu, imma kienu ħaddiema magħhom u bħalhom fl-apostolat tal-Evanġelju. Dan ifisser li sa mill-bidu tal-Knisja bdew jissieħbu mal-appostli l-koperaturi fil-ħidma tagħhom. F’Lq 10:1-20 għandna referenza sabiħa għalihom: it-tnejn u sebgħin “oħra”, li bagħat ukoll il-Mulej Ġesù. Bagħathom bl-istess missjoni li kien bagħat it-Tnax ukoll. Din hi riferenza għall-apostolat universali tal-­Knisja fid-dinja. Mat-Tnax kellu jkun hemm, u għalhekk kien hemm, oħrajn li jaħdmu bħalhom fil-missjoni tagħhom. Dan fehmuh l-appostli wkoll sa mill-bidu meta raw li kien jeħtieġ jiddelegaw parti mill-ħidma tagħhom lis-seba’ “djakni” (Atti 6:1-6).

Hekk baqa’ jsir fil-Knisja fl-istorja tagħha matul iż-żmien bis-suċċessjoni tal-missjoni tal-appostli f’kull qasam tagħha. Hekk il-Knisja tibqa’ dejjem, u għal dejjem, apostolika.