LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Kliem Bibliku teoloġiku bil-Lhudi

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Berìt

Il-Bibbja turi li Alla li ħalaq il-bniedem iridu jgħix f’għaqda ta’ ħbiberija miegħu. Għalhekk hi storja tas-salvazzjoni. Is-salvazzjoni tikkonsisti f’illi l-bniedem isib ʼl Alla li ħalqu u jgħix miegħu fil-ħajja tiegħu. Dan id-dramm, biex insejħulu hekk, inħadem fl-istorja biblika taħt l-aspett ta’ patt bejn Alla u l-poplu tiegħu Iżrael. Hu fatt li jibda u jitkompla f’Iżrael il-qadim u jseħħ fis-sens sħiħ tiegħu f’Iżrael il-ġdid.

Il-kelma Lhudija għal “patt” hija berît: u l-kelma Griega (fis-LXX u fit-Testment il-Ġdid) hija diatēkē. Fit-Testment il-Qadim il-kelma berît:, barra mill-użu profan tagħha għal pattijiet jew ftehim bejn il-bnedmin (bħal Ġen 26; 27; 32; 37; 44; 1 Sam 18:5) insibuha l-aktar fil-pattijiet ta’ Alla mal-bniedem: ma’ Adam (Hos 6:7); ma’ Noè (Ġen 6:18), ma’ Abraham (Ġen 15:18; 34:1-19). L-istorja tal-Patt tas-Sinaj influwenzat l-istorja kollha ta’ Iżrael; it-twemmin, il-kultura u d-destin tagħhom.

Bis-saħħa tal-Patt tas-Sinaj Iżrael isir il-poplu ta’ Alla, il-wirt tiegħu minn fost il-popli kollha, li jkun għalih saltna ta’ qassisin u ġens qaddis (Eż 19:5). Dan ifisser li Iżrael ikun poplu kkonsagrat lilu biex jagħtih il-qima ta’ Alla l-veru li hu. Għalhekk hu 1-poplu tiegħu fost il-popli l-oħra kollha, għax 1-ebda poplu ieħor ħliefu ma kien jagħraf u jqim lill-­Mulej Alla.

L-istorja tal-Patt tas-Sinaj turi li l-inizjattiva ġiet min-naħa ta’ Alla. Hu għażel ʼ1 Iżrael biex ikun il-poplu tiegħu. Hu stiednu biex jidħol f’Patt miegħu, għax ħabbu jew, kif nistgħu ngħidu, ħa grazzja miegħu (Ġer 31:3).

Fuq il-linja ta’ dan il-ħsieb il-Patt ta’ Alla ma’ Iżrael jixxebbah lill-kuntratt taż-żwieg. Hekk bdew jagħmlu 1-profeti li ġew wara (Ġer 7:23; 11:4; Eżek 11:20; 14:11). Il-formula: “Intom tkunu l-­poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom” tixbah lill-kliem tal-kuntratt taż-żwieġ. Għalhekk ukoll Alla jissejjaħ 1-għarus ta’ Iżrael, u Iżrael 1-għarusa tiegħu (Is 61:10; 62:4-5). U d-dnub tal-idolatrija, meta 1-Iżraelin kienu jibdlu ʼ1 JĦWH, Alla tagħhom, ma’ allat oħra, mill-­profeti jissejjaħ adulterju u ksur tal-Patt ta’ Iżrael ma’ Alla (Eżek 23:37; Hos 2:4; 4:14 ss.).

Bħal f’kull kuntratt, fil-Patt tas-Sinaj jidħlu l-kundizzjonijiet miż-żewg naħat. Alla min-naħa tiegħu wiegħed lil Iżrael li jżommu bħala 1-poplu tiegħu, għażiż għalih, li jieħu ħsiebu u jħarsu mill-­għedewwa tiegħu. Alla għażel ʼ1 Iżrael biex ikun il-poplu tiegħu mhux għax kien jistħoqqlu, iżda biex iżomm kelmtu fil-wegħda li kien għamel lil missirijiethom (Dt 9:5; 7:6-8). Hekk, meta wasal iż-żmien, Alla wettaq il-­wegħda ma’ wliedhom u tennieha lilhom ukoll (Eż 23:20-33). Din hi biss wegħda min-naħa ta’ Alla, imma mhijiex kundizzjoni min-naħa ta’ Iżrael. Alla ma jintrabatx b’kundizzjonijiet bħallikieku imposti min-naħa tal­bniedem. Intrabat biss b’kelmtu u ma jergax lura minnha. Il-wegħda li għamel lil Iżrael ġiet bl-inizjattiva tiegħu u ħarget biss minn imħabbtu lejhom.

Imma JĦWH għamel kundizzjonijiet lil Iżrael, u kellu dritt jagħmilhomlhom. L-ewwelnett, iżommu lilu bħala Alla waħdu, u lilu biss jaqdu (Eż 20:3ss; Dt 5:7ss). Imbagħad, li jħarsu 1-liġijiet tiegħu (Eż 20:1 ss; 24:10 ss). “Imbagħad Mosè mar isejjaħ lix-xjuħ tal-poplu u qegħdilhom quddiemhom il-kliem kollu li ordnalu 1-Mulej. U 1-poplu kollu wieġeb b’leħen wieħed u qal: ‘Kulma qal il-Mulej aħna nagħmluh’” (Eż 19:7-8). Hekk twettaq il-Patt bejn Alla u Iżrael.

Il-Patt tas-Sinaj kien il-bidu tal-ħajja għal Iżrael. Kien it-twelid tiegħu bħala poplu. Minn dak inhar ʼil quddiem sar il-bażi tal-ħajja kollha ta’ Iżrael, reliġjuża u soċjali; sar ir-regola tar-­relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla u mal-­bnedmin. Jekk iħarsu l-Patt, kienu jirnexxu f’kollox u jibqgħu poplu magħqud taħt il-ħarsien ta’ JĦWH, Alla tagħhom; jekk jiksru l-Patt, jitilfu d-dritt għall-wegħdiet ta’ Alla u jaqgħu f’idejn 1-għedewwa. L-istorja ta’ Iżrael tinbena u titħaddem fuq dan 1-isfond tat-Patt tas-­Sinaj.

Għalhekk l-Iżraelin kienu jġeddu l-wegħdiet tal-Patt tas-Sinaj f’xi okkażjonijiet importanti tal-ħajja: f’Sikem, wara li daħlu fl-Art Imwiegħda (Ġoż 8:3-35; 24:1-28); fil-konsag­razzjoni tat-tempju; it-talba ta’ Salamun ibbażata fuq it-Patt tas-Sinaj (1 Slat 8:l ss; 52-53); minn Ġeħojada u 1-poplu wara 1-waqgħa ta’ Għatalija (2 Slat 11:17-19); minn Ġożija għall-okkażjoni tar-riforma reliġjuża tas-saltna (2 Slat 23:1-3); minn Esdra wara li 1-Lhud reġgħu lura f’arthom mill-eżilju (Neħ 8:5-18). Ukoll il-wegħda li 1-Mulej għamel lil David, li saltnatu tibqa’ għal dejjem (2 Slat 7:5 ss), hi bbażata fuq il-­Patt tas-Sinaj (eż., Salmi 89 u 132). Dan ifisser li 1-fatt tal-Patt tas-Sinaj kien ir­-regola tal-ħajja ta’ Iżrael; fid-dawl tiegħu kellhom jimxu biex ikunu tassew il-poplu ta’ Alla.

Għalhekk il-profeti, li kienu dejjem isejħu 1-poplu ta’ Iżrael għall-­konverżjoni, kienu jfakkruhom bla heda fil-Patt tas-Sinaj. Kienu jċanfruhom talli kienu jiksru l-Patt bil-qima ta’ allat oħra u bl-inġustizzji u jistednuhom jerġgħu lura għand il-Mulej Alla tagħhom skont il-wegħda tal-Patt. Il-ħsieb tal-Patt hu 1-bażi tal-allegorija ta’ Hosegħa: żwieg u adulterju, infedeltà u idolatrija; u 1-ilment tal-Mulej: “Kisru 1-patt tiegħi u dinbu kontra 1-ligi tiegħi” (Hos 8:1). U Eżekjel li jxebbah ukoll il-Patt ta’ Alla ma’ Iżrael lill-patt taż-żwieġ u d-dnub tal-idolatrija lill-adulterju (Eżek 16:6 ss). Ġeremija ħa f’idejh 1-istorja tal-­Patt tas-Sinaj u fuqha bena 1-profeziji tiegħu. L-idolatrija u l-infedeltà ta’ Iżrael, li bihom kisru 1-Patt tal-Mulej, wassluhom għall-qerda ta’ arthom u għall-eżilju (Ġer 22:8-9). Imma Alla, li ma jistax jonqos minn kelmtu, wiegħed żmien li fih jagħmel “patt ġdid ma’ dar Iżrael u ma’ dar Ġuda” (Ġer 31:31-34). Ġeremija juri saħansitra 1- kuntrast bejn il-Patt tal-imgħoddi u l-Patt li kellu jiġi: tal-ewwel inkiteb fuq twavel tal-ġebel, tat-tieni jkun miktub fi qlub il-bnedmin; tal-ewwel materjali, tat-tieni spiritwali (Ġer 31:33). Bil-fomm ta’ Eżekjel ukoll Alla ħabbar it-tmiem tat-tiġdid tal-patt tiegħu mal-poplu. Il-patt ta’ Alla ma kellux jiġi fix-xejn minħabba l-infedeltà tagħhom. II-Mulej iżomm kelmtu. Għalhekk wiegħed li min-naħa tiegħu kellu jġedded il-patt, meta jasal iż-żmien (Eżek 16:59-62).

Minħabba 1-ħażen tal-poplu ta’ żmienhom il-profeti dejjem ħarsu lejn żmien aħjar, li fih il-Patt ta’ Alla jkun rispettat u mħares sewwa mill-bnedmin.

 

It-Testment il-Ġdid jirrivela li dan iż-żmien ġie bil-missjoni ta’ Ġesù Kristu fid-dinja. Ġesù hu “medjatur ta’ patt ġdid” (Lhud 9:15).

Il-kelma diatéke, patt, tidħol għal 26 darba fit-Testment il-Ġdid; sebgħa minnhom f’testi meħudin mit-Testment il-Qadim u s-sittax l-oħra fi kliem b’referenza għat-Testment il-Qadim, u dejjem f’konnessjoni mal-Patt tas-Sinaj. Fl-Ittra lil-Lhud (9:16-17) 1-awtur juza din il-­kelma fis-sens ta’ “testment” li wieħed jagħmel qabel mewtu, biex juri li l-Patt il-Ġdid hu t-testment li ħallielna Sidna Ġesù Kristu u li beda jseħħ sewwa sew wara mewtu.

Ġesù nnifsu sejjaħ l-inbid tal-Ewkaristija “id-demm tal-patt”, “tal-Patt il-Ġdid” (Mk 14:14; Mt 26:28; Lq 22:20; 1 Kor 11:25). Dan il-kliem ta’ Ġesù hu riferenza għall-kliem ta’ Mosè, “hawn hu d-demm tal-patt” (Eż 24:8); id-demm tat-vittma li bih twettaq il-patt tas-Sinaj (Eż 24:5-8). Kif id-denim tal-­vittma tas-sagrifiċċju simbolikament kien ifisser 1-għaqda bejn Alla u Iżrael, hekk id-demm ta’ Ġesù Kristu, il-Vittma tat-Testment il-Ġdid, jgħaqqad ʼil Iżrael il-ġdid f’patt ġdid ma’ Alla 1-Missier.

San Pawl juri li kellu għal qalbu ħafna t-tema tal-patt tas-Sinaj jew aħjar, kif dan il-patt sab il-milja tiegħu fil-patt il-ġdid ta’ Ġesù Kristu. Hu u 1-Appostli sħabu huma “ministri tal-patt il-ġdid, il-­patt mhux tal-ittra imma tal-Ispirtu” (2 Kor 3:5-6; ara Ġer 31:36). Meta qal “il-patt il-ġdid” fehem jagħmel differenza mill-“patt il-qadim” (2 Kor 3:14). Imma, skont Pawlu, il-ġdid hu 1-kontinwazzjoni tal-qadim, anzi hu l-milja tiegħu, għax il-ġdid iwassal lill-qadim għall-perfezzjoni (Gal 3:15-19). Iż-żewġ pattijiet jixxebbhu liż-żewġ ulied ta’ Abraham: wieħed bin 1-ilsira u 1-ieħor bin il-ħielsa. Hekk il-patt tas-­Sinaj permezz ta’ Mosè ta postu lill-patt ta’ “Ġerusalemm ta’ fuq, li hi ommna”, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu (Gal 4:21-26).

L-awtur tal-Ittra lil-Lhud ukoll jagħmel paragun bejn iż-żewġ pattijiet. Il-ġdid hu aqwa u aħjar mill-qadim, sew minħabba 1-awtur tiegħu, li hu Ġesù Kristu (Lhud 8:6; 12:24) u sew minħabba demmu li bih twettaq (9:11-­22). Għalhekk, ladarba issa ġie 1-ġdid, il-qadim għadda u mar (8:13).

Imma, kif ifisser ukoll San Pawl, il­-qadim bil-wegħdiet tiegħu ma safax fix-­xejn (Rum 9:6). Il-qadim bil-privileġġi kollha tiegħu għadda għal Iżrael il-ġdid, il-poplu 1-ġdid ta’ Alla fi Kristu Ġesù (Gal 6:16). Hekk seħħ tassew dak li kien ħabbar il-profeta Ġeremija fuq iż-żmien il-ġdid tal-patt il-ġdid (Ġer 31:31-34; ara Lhud 8:8-12).

 

Ħésed

Il-kelma Biblika bil-Lhudi għall-kelma tagħna “imħabba”. Hi kelma ta’ importanza kbira fil-vokabularju tal-Bibbja. Turi l-ewwel nett ir-rivelazzjonijiet ta’ mħabba u għożża bejn il-membri tal-familja jew bejn il-ħbieb tal-qalb (Ġen 47:29; Rut 3:10; 1 Sam 20:8). Ħésed hi l-aktar kelma magħżula biex tfisser l-imħabba u l-bżulija ta’ Alla, li hu l-Missier u l-għarus tal-poplu tiegħu Iżrael (Salm 36:6; 57:11; 59:11; 148:8, u ħafna drabi oħra fis-Salmi). “Għal dejjem it-tjieba tiegħu” - leqôlàm ħasdô (Salmi 100:5; 136:1-26). Bħala attribut ta’ Alla, ħésed insibuha magħquda ħafna drabi ma’ attributi oħra tiegħu l-aktar émet, “fedeltà” - ħésed weémet hija “tjieba u fedeltà”.

Fl-ilsna tagħna ta’ llum ma nistgħux infissru b’kelma waħda l-kelma Biblika ħésed. It-traduzzjonijiet ta’ ħniena, mħabba, tjubija, tjieba, għożża ... huma kollha traduzzjonijiet tajbin, kliem li jfisser l-imħabba vera u sinċiera. Ħésed hi mħabba, imma mħabba li tibqa’ sħiħa u qawwija minkejja n-nuqqas ta’ mħabba li ssib ma’ wiċċha. Hi l-imħabba ta’ min jibqa’ jħobb ukoll lil min ma jħobbx, bħall-imħabba ta’ missier li jibqa’ jħobb lil martu li tibdlu ma’ rġiel oħra (ara Hos 3:1-5). Hi l-imħabba li “taf tistabar u tħenn... li ma żżommx f’qalbha għad-deni... li kollox tagħder... kollox tissaporti” (1 Kor 13:4-5.7). “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34:6; Salm 86:5). Din hija d-deskrizzjoni tal-ħésed f’Alla.

L-aħjar kelma Maltija li tfisser dan kollu hi “tjieba” jew “tjubija”, kif nittraduċu fil-Bibbja tagħna bil-Malti (bl-Ingliż: “steadfast love”, “constant, unfailing, enduring love”).

 

Tôràh

Il-kelma Lhudija għal “liġi”, mill-għerq ‘jārāh’, li tfisser l-ewwel nett “huwa tefa’” jew “tajjar vleġġa”, imma mbagħad “wera, għallem, fehem”. Għalhekk tôràh tfisser ‘tagħlim, duttrina’ (Prov 1:8; 13:14; Salm 78:1); l-aktar il-liġi ta’ Alla u l-kamndamenti tiegħu (Eż 24:12; Dt 4:8; Ġoż 1:7); il-Liġi miktuba jew il-ktieb tal-Liġi (Dt 31:9); Neħ 8:2.14); “il-ktieb tal-Liġi ta’ Mosè” (Ġoż 8:31; Neħ 8:1), jew “il-ktieb tal-Liġi ta’ Alla” (Neħ 8:18).

Fit-tradizzjoni Lhudija, il-kelma tôràh saret tfisser il-Pentatewku, l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja. Għal-Lhud, “il-Liġi u l-Profeti u l-kotba l-oħra” (Bin Sira, fid-Daħla tiegħu) huma l-kotba kollha tal-Bibbja (ara wkoll Mt 5:17). Imma l-Liġi, it-Tôràh, hija “il-Liġi ta’ Mosè” jew il-Pentatewku (Mt 22:36; Lq 10,26).

Xalôm

Sliem. Il-kelma sabiħa tat-tislima biblika, li biha nixtiequ kull xorta ta’ ġid u barka lil xulxin. Il-kelma xālôm ma tfissirx biss il-paċi minn ġlied jew gwerer, kif ħafna drabi nifhmu bil-kelma “paċi”. Fis-sens bibliku, il-kelma xālôm ġejja minn għerq li juri kompletezza, sħuħija, saħħa, paċi, u l-kuntesti ta’ referenza fil-letteratura Lhudija jinġabru fil-kunċett ta’ ‘xelemût’, perfezzjoni. It-tifsira bażika allura mhijiex waħda marbuta ma’ kuntest politiku biss – in-nuqqas ta’ gwerra jew imġieba ta’ għedewwa ma’ xulxin – jew tal-kuntest soċjali – in-nuqqas ta’ qbil jew tilwim. Tiġbor fiha diversi sferi differenti u f’kuntesti differenti tirreferi għal kundizzjonijiet ta’ abbundanza fiżika, valuri morali, u fl-aħħar mill-aħħar, għall-prinċipju kożmiku u attribut divin.

Xālôm ma tfissirx biss nuqqas ta’ argumenti jew tilwim, ġlied u nuqqas ta’ ftehim, nuqqas ta’ qbil jew problemi bejn il-partijiet: il-kunċett Bibliku ta’ xālôm ifisser dak kollu li wieħed għandu bżonn biex ikun sħiħ fil-ġisem, fil-moħħ, fl-ispirtu, fir-relazzjonijiet, sħuħija materjali, saħħa, paċi ... Fil-Bibbja, il-kelma xālôm hija użata l-aktar biex tirreferi għal stat ta’ qagħda, dik ta’ well-being, tranwillità, prosperità u sigurtà, ċirkustanzi li mhux imtappna bl-ebda mod. Xālôm hija barka, manifestazzjoni u turija ta’ grazzja divina. Hekk, irridu nifhmu l-kelma skont il-kuntest tagħha (ara Salm 4:9; 35:27; 73:3; 122:6-9; Prov 3:17; Salm 73:3).

Meta xi ħadd jixtieq xālôm lil xi ħadd ieħor ikun jixtieqlu dak kollu li għandu bżonn biex ikun sħiħ u fil-milja tax-xbieha ta’ Alla. Ikun jixtieqlu li jkun kif ħares lejh Alla meta temm il-ħolqien tiegħu, u ħares lejh u “ra li kollox huwa tajjeb ħafna” (Ġen 1:31).

Xālôm hu fuq kollox id-don kbir li Alla jagħti lill-bnedmin permezz tas-salvazzjoni messjanika. Il-Messija hu “Prinċep tas-sliem” (Iż 9:5). Żmien il-Messija jkun żmien tassew (Salm 29:11; 37:11; Iż 26:3; Żak 9:10; hekk ukoll spiss il-Profeti). Fi żmienna “l-inġustizzja u s-sliem jitbewsu” (Salm 85:11). Imma fis-sena messjanika x-xālôm hi s-salvazzjoni li Alla jagħti permezz tal-Messija tiegħu. Dan hu s-sliem li ħabbru l-profeti. It-Testment il-Ġdid juri li Ġesù Kristu ġieb dan is-sliem fid-dinja u tah bħala don lill-bnedmin li jogħġbu ʼl Alla (Lq 2:14; 10:5; 24:26; Ġw 14:27; 20:19).

 

Xemàʽ

Hija l-kelma li biha tibda fil-Lhudi tal-Bibbja l-formula tal-istqarrija fundamentali ta’ fidi f’Alla rrivelat lill Iżrael - Xemàʽ Jisrāēl – “Isma’, o Iżrael”: Alla tagħna hu l-Mulej, il-Mulej waħdu” (Dt 6:4). Din hi l-att tal-fidi f’Alla, li hu wieħed u li hu waħdu Alla. Hu l-prinċipju fundamentali tal-monoteiżmu strett tal-Bibbja. Min jemmen f’Alla tal-Bibbja ma jistax iqim ukoll allat oħra, jekk qatt nistgħu ngħidu li hemm “allat” oħra tassew (Eż 20:3).

Ir-rivelazzjoni ta’ Alla fit-Testment il-Ġdid bħala Trinità, tliet Persuni f’Alla wieħed, ma tmurx kontra l-verità tal-monoteiżmu. Alla wieħed hu dejjem l-istess wieħed sew fit-Testment il-Qadim u sew fit-Testment il-Ġdid. Ġesù Kristu rrivelalna li f’dan Alla wieħed hemm il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, f’għaqda sħiħa ta’ natura divina waħda, li fiha t-Tlieta huma “ħaġa waħda” (Ġw 10:30).

Il-Lhud ta’ żmien Ġesù kienu jgħidu x-Xemàʽ b’serjetà kbira fil-laqgħat tagħhom flimkien fis-sinagogi. U hekk għadhom jagħmlu llum ukoll. Ġesù wkoll, ta’ Lhudi devot li kien, kien jistqarr il-fidi tiegħu f’Alla wieħed bl-istqarrija tax-Xemàʽ u hekk għallimha lid-dixxipli tiegħu, meta wieħed mill-Iskribi staqsieh jgħidlu liema wieħed mill-kmandamenti huwa l-ewwel (Mk 12:29).