LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Il-fenomenu tal-gematrija – numri jitkellmu!

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

Fil-Bibbja, in-numri jintużaw ħafna wkoll fil-fenomenu tal-gematrija, li kien komuni ħafna. Billi fil-Lhudi ma kienx hemm simboli għan-numri imma kienu jinqdew bl-ittri konsonanti tal-alfabett, allura l-ittri li jfissru ammonti, numri, jagħmlu n-numri donnhom jitkellmu, jgħidu xi ħaġa, jfissru xi ħaġa. Ittra tfisser numru; mela numru jgħid dak li tgħid l-ittra li biha hu miktub.

 

Xi eżempji mill-Bibbja stess:

In-numru erbatax

Mattew 1:17. Mattew jagħti l-ġenealoġija, l-arblu tar-razza, ta’ Ġesù fi tliet settijiet ta’ 14-il nisel kull sett. In-numru 14 huwa n-numru gematriku tal-isem David. l-Ittri konsonanti Dalet-Vav-Dalet (D-W-D) li jiffurmaw l-isem għandhom il-valur numeriku ta’ 4+6+4, li flimkien iġibu 14. Fil-fatt, Mattew jibda propju l-evanġelju tiegħu u l-ġenaloġija bil-kliem: “Ktieb in-nisel ta’ Ġesu Kristu, bin David, bin Abraham.” (Mt 1:1).

 

In-numru 153 fi Ġwanni 21:11 jintuża għall-kwantità ta’ ħut kbir li qabdu s-seba’ dixxipli ta’ Ġesù, wara li Ġesù nnifsu jordnalhom jitfgħu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa. Kien hemm ħafna interpretazzjonijiet tan-numru 153 matul is-sekli.

Għalkemm Ġwanni sikwit jikkwalifika n-numri tiegħu bl-avverb ħōs, ‘madwar’. F’dan il-każ, seta’ kiteb “madwar 150 ħuta kbira.” Il-fatt li ta n-numru eżatt tal-ħut, flimkien mal-fatt li ta l-ismijiet ta’ ħamsa mid-dixxipli u t-tnejn l-oħra donnu ma jafx isimhom, qanqal numru kbir ta’ interpretazzjonijiet ta’ x’jista’ jfisser in-numru 153.

San Ġilormu, ngħidu aħna, fil-kummentarju għal Eżekjel 47:6-12, jgħid li ż-żuoloġi jagħtu dan bħala n-numru ta’ speċi ta’ ħut li kieni jafu bihom dak iż-żmien. Dan ifisser li fil-missjoni tagħha, il-Knisja kienet se tiġbor fiha l-bnedmin kollha. Dan jaqbel ukoll ma’ Mattew 13:47, fejn ix-xibka taqbad fiha “kull xorta ta’ ħut.” Imma San Ġilormu jikkwota żuologu tal-qedem li fil-fatt jgħid biss li “hemm numru bla għadd ta’ ħut” imma l-lista li jagħti hija ta’ 157!

Santu Wistin, fil-kumment tiegħu fuq San Ġwann jinnota li n-numru 153 huwa t-total tan-numri kollha bejn 1 u 17. Il-fatt li 17 huwa 7 + 10, żewġ numri li jippuntaw lejn il-perfezzjoni, Santu Wistin jinterpreta n-numru 153 bħala l-milja tal-Knisja.

San Ċirillu ta’ Lixandra jaqsam il-153 f’100 + 50 + 3, u juri kif 100 jirrappreżenta l-milja tal-Ġentili, il-50 jirrappreżenta l-fdal ta’ Iżrael u t-3 jirrappreżenta t-Trinità! Imma dawn is-simboli daħlu ħafna iktar tard. Ngħidu aħna, San Ġwann ma jitkellimx fuq it-Trinità b’dan il-mod.

Jekk nieħdu t-test ta’ Eżekjel 47:10, u San Ġwann jirreferi ħafna għal Eżekjel, insibu li x-xmara hija mimlija ħut ta’ kull xorta, u s-sajjieda jifirxu x-xbieki tagħhom minn Għajn-gedi sa Għajn Għeglajm. Issa, il-valur numeriku gematriku tal-konsonanti ta’ (Għajn-)geddi huwa 17 u dak ta’ (Għajn) Għeglajm huwa ta’ 153!

Jekk dan hu hekk, ifisser li n-numru jipponta lejn il-wisa’ jekk mhux l-universalità tal-missjoni tal-Knisja. Jibqa’ l-fatt li bnadi oħra, l-evanġelista Ġwanni jagħti n-numri 144,000 (Apk 7:4.9) bħala n-numri tal-universalità: 12-il tribù x 12-il Appostlu x 1000 (infinità).

 

In-numru 666 huwa spiss interpretat bħala n-numru tax-Xitan. Imma jekk naqbdu l-isem tal-Imperatur Ċesri Neruni – Nerōn Qesar bil-Lhudi – u nieħdu l-valur gematriku tal-konsonanti tal-isem, insibu li jkollna: 50(N)+200(R)+6(W)+50(N) + 100(Q)+60(S)+200(R) = 666. Apokalissi 13:18 jgħid: “Hawn qiegħed l-għerf: min għandu moħħu, ħa jobsor x’inhu n-numru tal-Bhima, għax numru ta’ bniedem hu. U n-numru tagħha hu sitt mija u sitta u sittin.” Neruni kien l-Imperatur Ruman dak iż-żmien u l-ewwel wieħed li ppersegwita lill-Insara.