LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Kliem Aramajk/Lhudi fit-Testment il-Ġdid.

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

L-evanġelji, l-aktar, jużaw kliem Aramajk fit-test Grieg biex jagħtu laqta’ lokali, iktar iqarrbu lill-qarrej mal-ambjent u l-kultura tal-Palestina. Imma, l-iktar f’San Mark, ċerti kliem bl-Aramajk huma marbuta ma’ mirakli: l-evanġelista jagħti l-kelma bl-Aramajk u t-tifsira tagħha bil-Grieg. Hekk ngħidu aħna fil-miraklu mat-tifla ta’ Ġajru (Mk 5:41): Ġesù jaqbadha minn idha u jgħidilha: “Talità qum, li tfisser Tfajla, qiegħed ngħidlek qum.” Jew inkella, fil-fejqan tar-raġel trux u mbikkem (Mk 7:34): Ġesù daħħal subgħajh f’widnejh, jobżoq u jmisslu lsienu bir-rieq u jgħidlu: “Effata, jiġifieri infetaħ.” Dan jagħmlu biex juri biċ-ċar li l-mirakli mhumiex maġija. L-ebda magician mhu se jgħidlek it-tifsira tal-kliem maġiku li hu jlissen waqt l-atti ta’ maġija tiegħu, u hekk inti tkun tista’ toħodlu l-allegata qawwa maġika tiegħu. L-ebda magician mhu se jgħidlek xi tfisser “Abrakatabra”! Billi l-awtur jagħti t-tifsira tal-kliem li Ġesù jgħid waqt li jfejjaq – Effata jew Talità qum, ngħidu aħna – ifisser li mhux kliem ta’ maġija imma kliem ta’ qawwa u fejqan.

 

Abbà trażlitterazzjoni mill-Aramajk אַבָּא, missier, fil-każ vokattiv, terminu li juri intimità partikulari – pà, daddy. Ġesù jużaha fil-Getsemani (Mk 14:36), u San Pawl fir-Rum 8:15 (ma rċevejniex spirtu ta’ skjavitù imma spirtu ta’ wlied li jgħajjat fina Abbà, Missier), u Gal 4:6 (ma nafux x’għandna nitolbu imma l-Ispirtu ta’ Ġesù jgħajjat fina Abbà, Missier).

 

Alleluja Apk 19:1 allēlouïà, trażlitterazzjoni mil-Lhudi Ħallelû-jāħ, li litteralment tfisser ‘faħħru, agħtu tifħir, lil Jaħwè, lil Alla bħala formula ta’ qima.

 

Ammen Mt 5:18, trażlitterazzjoni mil-Lhudi; normalment il-Grieg jittraduċi bil-verb génoito (bħalma wieġbet Marija fit-tħabbira: génoito “ħa jsir”); (1) liturġikament, użata bħala affermazzjoni u qbil qawwijin fi tmiem xi dossoloġija, innu ta’ glorja, fejn tfisser “dan hu tassew veru, minnu (Rum 11:36) jew bħala talba ta’ radd il-ħajr, ringrazzjament: “hekk għandu jkun” (1Kor 14:16); (2) meta hija użata mal-verb ‘huwa qal’, tintuża bħala emfasi li dak li ntqal jew qed jingħad huwa dikjarazzjoni ta’ dak li hu minnu, veru (Ġw 1:51); (3) figurattivament ħo Amèn, ‘L-Ammen’, użata għal Kristu Ġesù nnifsu bħala dak li jgħid il-verità (Hu stess qal: “Jiena jien it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja” – Ġw 14:6 (Apk 3:14).

 

Bartimew/Bartimaíos Mk 10:46 mill-Aramajk Bartholmaî – Bin Timew

 

Begħelżebul b’varjanti ta’ begħelżebub, i.e. ix-Xitan Mt 10:25; 12:24, 27; Mk 3:22; Lk 11:15, 18f. isem propju ta alla Filistew li jfisser “Sid/alla tad-dubbien”.

 

Boanergés laqam Aramajk li ta Ġesù lil Ġakbu u Ġwanni ta’ Żebedew, li nsibuh f’Mk 3:17) > Benê-rāges = Ulied ir-Ragħad, jew minn Benê-rogèz.

 

Éffatà Mk 7:34, trażlitterazzjoni mill-Aramajk ’eppatàḥ, tradotta għal “infetaħ”

Frażi f’Mk, f’kuntest ta’ mirakl, fejn jagħti mhux biss il-kelma jew frażi bl-Aramajk imma wkoll it-tifsira tagħha, biex: juri l-kuntest ta’ dawk lil lilhom qed jikteb (ma jafux iżjed il-Lhudi jew l-Aramajk), u biex ma jħalli l-ebda dubju li huma xi kelmiet maġiċi.

 

Eloï Eloï, lemà sabachtháni Mk 15, 34 (mill-Aramajk Elî Elî lāmāh azabtānî), jiġifieri ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’

 

Gabbatha-Lithóstrôtos kelma li ġejja minn żewġ kelmiet Griegi lίthos - ġebel, u strônnumi – huwa ċċanga; ‘iċċangat bil-ġebel’, l-aktar b’mod dekorattiv. Dan l-aġġettiv intuża fi Ġw 19:13 għall-palazz ta’ Pilatu. Ġwanni jagħti wkoll it-tifsira tal-kelma bil-Lhudi: Gabbatha, kelma li ma nafux sewwa xi tfisser jew minn fejn ġejja.

 

Geħenna, mill-Aramajk gê-ħinnòm, f’Mt 5:22.29s; 23:15; Mk 9:45.47; Lq 12:5; ara Ġak 3:6; litteralment tfisser ‘Wied Ħinnom’, wied fin-nofsinhar ta’ Ġerusalemm fejn fi żmien il-Kanagħnin kienu joffru t-trabi lil alla falz Molok, imbagħad fi żmien il-Lhud kienu jaħarqu l-iġsma mejta ta’ kriminali, annimali u żibel; b’mod figurattiv, fl-evanġelji u f’Ġakbu kien referenza għall-infern, post ta’ kastig ta’ nar etern għal dawk li jmutu mingħajr Alla.

 

GħimmanuEl trażlitterazzjoni mil-Lhudi עִמָּנוּאֵל Mt 1:23 > Iż 7:14 – Alla magħna. Fl-aħħar tal-evanġelju Mattejan, Ġesù jgħid lid-dixxipli: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).

 

Golgothà Mk 15, 22; Mt 27:33; Ġw 19:17 (mill-Aramajk Gulgultā’, li tfisser ‘il-Post tal-Qorriegħa’, aktarx minħabba l-forma tal-għolja nnifsiha. Il-kelma nsibuha wkoll użata għaċ-ċensiment li sar minn Mosè, sentejn wara li Iżrael ħareġ mill-Eġittu f’Num 1:2, fejn allura tfisser ‘ras għal ras’. Jekk ngħaqqdu ż-żewġ tifsiriet, allura Ġesù ġie mogħti l-mewt fuq is-salib fuq l-Għolja tal-Kalvarju fejn miet għal kull bniedem individwali (ras għal ras).

 

Hosannà trażlitterazzjoni mil-Lhudi ta’ ħôxaqnà (S 118:25); propjament, għajta li tesprimi sejħa għall-għajnuna divina: “salvana, nitolbuk!” F’kuntest liturġiku, saret għajta ta’ tifħir u qima, “osanna, nagħtuk ġieħ” > Ġw 12:13 – Ġesù jidħol trijunfalment f’Ġerusalemm bl-għajat ta’ osanna u tixjir tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm.

 

Mammóna, trażlitterazzjoni mill-Aramajk; normalment użata b’mod negattiv għall-ġid tad-dinja (Lq 16:9); jew ukoll bħala personifikazzjoni, daqslikieku Mammona kienet persuna: alla tal-ġid tas-Sirja, alla-flus (Mt 6:24). L-istudjużi jaħsbu li kemm amèn (Lhudi) u mamōnàs (Grieg) fl-Aramajk għandhom l-istess għerq: amèn, il-verb tal-kunsens qawwi u determinat. Jista’ jkun li l-ġid isir alla, li lilu l-bnedmin jagħtuh l-“ammen” tagħhom.

 

Mánna isem li taw il-Lhud fid-deżert lill-ikel li tahom jieklu Alla, għax ma kinux jafu x’inhu l-ewwel darba li rawh; stagħġbu u qalu bil-Lhudi man hû (Eżod 16:15): “dan x’inhu” > Ġw 6:31, fejn Ġesù jitkellem fuq il-manna l-ġdida li hi ġismu stess.

 

Maran-átha – Marana-thà 1 Kor 16:22. Il-kelma sħiħa tista’ tiġi maqsuma, jew maràn athà jew marána thā, jew ‘Il-mulej ġie’ jew ‘Ejja, mulej’. Frażi Aramajka użata ħafna fil-liturġija Kristjana tal-bidu; jew (1) waqt l-Ikla Ewkaristika bħala ‘Il-Mulej Ġesù qiegħed hawn’ jew (2) bħala talba ħerqana lill-Mulej Ġesù biex jerġa’ jiġi: ‘Mulej Ġesù, ejja!’ It-tieni hija iktar preferuta fil-kuntest ta’ 1 Kor 16:22 (ara Apk 22:20)

 

Qorbàn Mk 7:11 - loanword Lhudija, maqluba għall-Grieg bħala dôron li tfisser ‘għotja, rigal (imwarrab u riservat għal Alla)’.

 

Rabbì trażlitterazzjoni mill-Aramajk רַבִּי: (15x fit-TĠ) Mt 23:7 (jieħdu gost isejħulhom Rabbì); Mk 14:45 (Ġuda); 8darbiet Ġw – Mgħallem.

Rabbounì trażlitterazzjoni mill-Aramajk רַבּוּנִי Mk 10:51 l-agħma ta’ Ġeriko; Ġw 20:16 (Marija Madalena) – Mgħallem (tiegħi).

 

Talithà qum Mk 5:41, trażlitterazzjoni mill-Aramajk Thalîtàqûmî. Ġesù lil bint Ġajru: tradotta għal “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum”.

Frażi f’Mk, f’kuntest ta’ mirakl, fejn jagħti mhux biss il-kelma jew frażi bl-Aramajk imma wkoll it-tifsira tagħha, biex: juri l-kuntest ta’ dawk lil lilhom qed jikteb (ma jafux iżjed il-Lhudi jew l-Aramajk), u biex ma jħalli l-ebda dubju li huma xi kelmiet maġiċi.