LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Eseġeżi – Ejseġeżi

Minn Dun Paul Sciberras

It-terminu ‘eseġeżi ġej mill-Grieg ekségēsis mill-verb eksēgeisthai, minn eks- (minn, ʼil barra), u agō (huwa ħareġ). Mela eseġeżi hija x-xjenza li permezz tagħha wieħed jista’ joħroġ is-sens u t-tifsira ta’ test (f’dan il-każ, test tal-Bibbja). L-eseġeżi Biblika hija l-ispjega kritika jew interpretazzjoni ta’ test Bibliku. Tradizjonalment, it-terminu eseġeżi kien jintuża fuq kollox għal xogħol ta’ interpretazzjoni u tfissir tal-Bibbja. Il-fatt li l-kelma eseġeżi fil-Grieg tispiċċa b’ –sis - ekségēsis turi li hija proċess, mhux xi ħaġa – interpretazzjoni, tifsira li ħriġt darba u tibqa’ tajba u komplita għal dejjem.

Mela l-eseġeżi hija l-analiżi attenta u kritika tat-test tal-Bibbja biex minnu l-interpretu, l-eseġeta, joħroġ il-messaġġ, is-sens, it-tifsira li ried jagħti l-awtur oriġinali.

Ix-xjenza tal-eseġeżi titlob firxa ta’ dixxiplini ta’ kritika wiesgħa ħafna. Ngħidu aħna: il-kritika testwali. Minħabba li l-Bibbja waslet għandna wara ħafna xogħol tal-kopisti li kienu jikkupjaw il-manuskritti, allura t-test tal-Bibbja għadda minn tibdiliet u żbalji intenzjonati u mhumiex. Il-Kritika Testwali, il-kritika tat-test oriġinali tal-Bibbja, tinvestiga l-istorja u l-oriġini tat-test li wasal għandna, imma l-eseġeżi tista’ wkoll tinkludi l-istudju tal-backgrounds storiċi u kulturali tal-awturi, tat-test innifsu, u tal-udjenza/qarrejja oriġinali.

Analiżi oħra tat-testi Bibliċi jinkludu l-klassifikazzjoni, it-tqassim, tal-forom letterarji jew ġeneri letterarji li nsibu fit-testi. Ngħidu aħna, għandna ġenealoġiji, l-arbli tar-razza, poeżiji u proża, salmi, miti (Ġob, Ġona), proverbji, evanġelji, atti, ittri, parabboli, mirakli, rakkonti ta’ sejħat, rakkonti ta’ disputi jew kontroversji, apokalissi. L-eseġeżi ma tistax tgħaddi mingħajr l-analiżi grammatikali u sintattika tat-test oriġinali fil-Lhudi, l-Aramajk u l-Grieg. Taqbil tat-traduzzjonijiet, speċjalment dawk antiki: is-Sirjak, l-Etjopiku, l-Għarbi, il-Grieg tat-traduzzjoni Griega tal-Bibbja Lhudija, msejħa tas-LXX, il-Vulgata Latina.

Illum qegħdin nużaw ukoll it-terminu “ermenewtika” (minn Ermes, alla tad-diskors – Atti 14:12 – f’Listra Pawlu u Barnaba jfejqu lil wieħed mifluġ u n-nies tal-post jaħsbuhom l-allat Żews (Barnaba) u Ermes (Pawlu, għax kien l-iktar wieħed li tkellem).

Fl-eseġeżi Biblika, il-kuntrarju ta’ eseġeżi hija l-ejseġeżi (eiségēsis minn eisēgeisthai, minn eis- (għal ġo, ʼil ġewwa), u agō  (huwa qiegħed ġo): minflok li l-interpretu joħroġ it-tifsira tat-test mit-test, l-ejseġeżi tqiegħed it-tifsira li jrid jagħti l-interpretu ġot-test. Jaqbad tifsira u jqiegħedha fit-test, bħal meta jgħid lill-evanġelista x’missu qal fir-rakkont li kiteb. Il-kummentatur jew interpretu, l-eseġeta, flok jesporta t-tifsira mit-test, jimporta idea suġġettiva tiegħu u jqiegħedha fit-test, mingħajr ma dik l-idea jew interpretazzjoni tkun ankrata fit-test innifsu.

 

Il-metodi ewlenin tal-eseġeżi Kristjana huma l-metodi storiko-grammatikali, storiko-kritiċi, dawk rivelati u dawk kanoniċi.

Il-metodu storiku-grammatikali huwa l-metodu ermenewtiku Kristjan li jipprova jikxef it-tifsira oriġinali li l-awtur oriġinali tat-test kellu f’moħħu meta kiteb it-test. Huwa l-metodu ewlieni għal ħafna eseġeti Protestanti konservattivi li jiċħdu l-metodu storiku-kritiku f’diversi forom: minn ċaħda kompleta tal-kritika storika ta’ eseġeti fundamentalisti sa l-aċċettazzjoni moderata ta’ dan il-metodu minn eseġeti Kattoliċi wara Piju XII (Divino Afflante Spiritu 30/9/1943). Dan kontra l-aċċettazzjoni kważi kompleta tal-metodu Storiku-kritiku mill-eseġeti Kristjani.

Il-metodu storiku-kritiku jew il-metodu Kritiku ogħla (higher criticism) huwa fergħa mill-kritika letterarja li tinvestiga l-oriġini tat-testi antiki biex tifhem “id-dinja warajhom”. Dan isir biex wieħed jifhem it-tifsira primittiva jew oriġinali fil-kuntest storiku oriġinali u s-sens letterali tiegħu.

Mela barra milli hija kritika storika għax tittratta testi antiki ħafna, imma tipprova wkoll tifhem l-istorja tat-test sa ma wasal għandna.

 

Il-metodu rivelat jikkunsidra l-fatt li l-Ispirtu s-Santu ispira jew nebbaħ it-testi Bibliċi, u allura t-testi nfushom iwasslu r-rivelazzjoni divina minnhom infushom. Minħabba f’hekk, jidħol il-prinċipju tas-sensus plenior, ‘tifsira iktar sħiħa’, jiġifieri minħabba li Alla hu l-awtur tat-testi tal-Bibbja, il-Bibbja ġġorr fiha tifsira iktar wiesgħa jew sħiħa minn dik li kellhom f’moħħhom jew fehmu l-awturi oriġinali.

Il-metodu kanoniku jiffoka fuq it-test kif wasal f’idejna. L-awturi skont dan il-metodu ppruvaw jaħbu t-traċċi personali tagħhom biex f’kitbiethom joħroġ il-messaġġ tal-kelma ta’ Alla.

 

Skejjel Kattoliċi ewlenin ta’ ħsieb fl-interpretazzjoni tal-Bibbja:

·                  l-École Biblique ta’ Ġerusalemm imwaqqfa fl-1890 mid-Dumnikan Marie-Joseph Lagrange.

·                  l-Istitut Pontifiċju Bibliku ta’ Ruma, immexxi mill-Ġiżwiti.

 

Protestanti

L-iskejjel ta’ ħsieb Ġermaniżi, ewlenija dik ta’ Tubinga kellhom isem għoli ħafna bħala ċentri ta’ eseġeżi. Fl-Amerika nsibu l-Universitajiet (Divinity Schools) ta’ Chicago, Harvard u Yale.

 

Ara d-dokument tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika, fosthom L-Interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (1993).