Jum il-Lajċi 2009

        Ara wkoll id-Diskors tal-Prof. Anthony Frendo                                                                                               Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

Messaġġ ta’ Mons. Arċisqof Pawl Cremona O.P.

f’laqgħa mal-Lajċi Impenjati

 

Auditorium tad-Dar Ċentrali tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda - 13 Frar 2009

 

Biex lajk jagħmel il-mixja kollha

 

Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi għal din is-serata li għamilna flimkien għaliex fiha, b’diversi modi, bit-talb u bir-riflessjoni aħna stajna niġu iktar qrib ta’ dak li aħna: persuni mgħammdin fis-servizz tal-Mulej.

 

Jien għamilt mistoqsija: kif ikun hemm lajk kompit, li jagħmel il-mixja kollha?

 

Ħriġt ħames punti.  Se nsemmihom wara xulxin biex imbagħad tkunu tistgħu tirriflettu fuqhom fid-diversi realtajiet.

 

q Il-Magħmudija u l-presuppost tal-ġenituri

 

L-ewwel pass, fil-każ ta’ Malta, għax barra jista’ jkun mod differenti, huwa l-magħmudija.  U għandek il-presuppost tal-ġenituri.  Magħmudija vera li permezz tagħha l-ġenituri jieħdu r-responsabbiltà fuq spallejhom li huma jrabbu, għall-inqas fl-ewwel snin, lil uliedhom. 

 

Din hija importanti għal żewġ raġunijiet.  L-ewwelnett, fl-aħħar Sinodu tal-Isqfijiet, kien hemm Isqof li qal li meta neħħewlhom kollox u ma kien baqagħlhom la knejjes u lanqas saċerdoti, l-unika ħaġa li kien għad fadlilhom kienu l-istejjer żgħar mill-Iskrittura u t-talbiet li kienu jgħallmuhom il-ġenituri; xejn iktar.  B’dak żammew il-fidi. 

 

Mela rridu nemmnu, irridu ngħidu dan b’mod speċjali lil tal-familja.  It-tieni ħaġa, jista’ jiġrilna bħall-Iben il-Ħali.  Min jitbiegħed, jista’ jiġrilu bħalma għamel dak: ‘Kemm kont tajjeb; kemm kelli esperjenza sabiħa meta kont ma’ missieri!’  Allura se jkollok il-presuppost li tkun ħadt, li jerġa’ jiġi meta inti titbiegħed minnu u tħoss il-vojt;, u għandek il-presuppost fuq xiex tagħmel din il-mixja.

 

q Laqgħa personali ma’ Ġesù

 

It-tieni punt – qed nitkellem fuq x’naħseb li huma l-punti prinċipali fil-lajk nisrani – hija laqgħa personali ma’ Ġesù.

 

 Illum trid tkun taf il-Ġesù, mhux tkun taf fuq Ġesù.   Fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna hemm mument - li jien ngħidlu tat-trasfigurazzjoni – li fih iltqajt mal-Mulej Ġesù.  Qiegħed jew qiegħda hawn għax kellek mument qawwi li fih iltqajt ma’ Ġesù u ridt tkompli fil-mixi tiegħu.  Allura b’dan il-mod tkun qed tgħix dak li għex Indri: ‘Sibna l-Messija’.  Imbagħad tkun tista’ titkellem.  Sibna – mhux smajna – sibna l-Messija: laqgħa personali ma’ Ġesù.  

 

q Nimxi wara Ġesù

 

It-tielet hija d-deċiżjoni li nimxi wara Ġesù.  Huwa ċar li fis-soċjetà ta’ llum, li ovvjament hija dejjem challenge – in-nisrani ma jibżax - jiena d-deċiżjoni trid tkun konxja.  Ma nistgħux nibqgħu li jiena nserraħ rasi għaliex darba tgħammidt.  Min ma ħax deċiżjoni personali, konxja, li jimxi wara Ġesù, x’aktarx li f’xi mument se jsib lilu nnifsu vojt.  Allura d-deċiżjoni li timxi wara Ġesù trid tkun iċċentrata fuq il-kelma. 

 

Ħaġa oħra tas-Sinodu tal-Isqfijiet kienet li aħna m’aħniex persuni tal-ktieb, imma aħna persuni tal-kelma.  Dan għaliex l-ewwel mhux il-ktieb kien, mhux il-Bibbja.  L-ewwel kien Ġesù.  Mela kelma kien hemm – meta beda jitkellem.  Imbagħad inkitbet.  L-Ispirtu s-Santu kien jaf li aħna nitfixklu bit-tradizzjoni biss.  Allura nkitbet, biex imbagħad terġa’ ssir kelma fina. 

 

Allura t-tieni: ‘Ejja warajja.  Ejja ara’. Iċċentrata fil-kelma, għaliex f’xi mument aħna rridu nibdew nirraġunaw bħal Ġesù.  Jekk inti ma tafx il-kelma. Kif se tirraġuna bħal Ġesù?  Per eżempju, kif naraw in-nies ta’ madwarna.  Jekk ma qrajtx il-kelma u wasalt biex tgħid li persuna ma tarax ix-xbiha ta’ Alla fiha, hi x’inhi – antipatika, kontra l-Knisja, tippersegwita l-Knisja –  l-aħħar kelma tiegħek ma tkunx bħal ta’ Ġesù, għax il-kelma ta’ Ġesù hija li dik xorta bint Alla, dik xorta xbiha.  Din bil-kelma trid teħodha.  Ftakru li Ġesù dam tliet snin bil-paċenzja mal-appostli: tliet snin dam jipprova jbiddlilhom il-mod ta’ ħsieb tagħhom.

 

q Inklużjoni fil-komunità tal-Knisja

 

Ir-raba punt hu l-inklużjoni fil-komunità tal-Knisja. 

 

Illum, ir-realtà tagħna hija li rridu nħarsu barra minna u nistennew il-mument fejn ħaddieħor jitlobna, wara li jkun sab lil Ġesù, biex jerġa’ jinkludi ruħu fil-komunità tal-Knisja. 

 

Xi tfisser din l-inklużjoni fil-komunità tal-Knisja?  Naħseb li tfisser tliet affarijiet. 

 

L-ewwelnett, il-bniedem ikun wasal biex ma jiddejjaqx jintagħraf.  Hemm komunità biex tifred – mhux fis-sens ikrah tal-kelma – biex tifred dawk li hemm barra u dawk li hemm ġewwa.  Fil-każ tagħna biex ikollok iżjed x’tagħti – mhux biex tifred għax ‘huma inqas minna’.   Tibda tintagħraf.  Mela persuna f’daqqa waħda sabet li trid tinkludi ruħha fil-komunità: irid ikollha identità fi ħdan il-komunità. 

 

It-tieni, huwa importanti, f’dan il-kuntest, li l-komunità parrokkjali tipprepara kif se nilqgħuhom u nagħtuhom esperjenza ta’ komunità.  Din hija waħda miċ-challenges kbar tagħna.  Hemm bżonn li naraw kif nippreparaw lilna nfusna biex dawk li se jirritornaw – jekk il-Bambin irid – u jitolbuna biex jerġgħu jidħlu fil-komunità, mhux ngħidulhom: ‘u iva, inti mur il-quddies fil-massa’.  Le; aħna rridu nagħtuhom esperjenza ta’ komunità.  Nibnuhom fil-parroċċi; jgħinuna l-movimenti.  Dan mhux bħala movimenti, imma bħala qaddejja tal-Knisja kollha.  Mela mhux għalihom, imma biex lill-oħrajn iwassluhom biex ikollhom esperjenza ta’ komunità. 

 

It-tielet, hemmhekk, f’dik il-komunità li jkollhom esperjenza fiha, ikollhom riskoperta tas-sagramenti, din id-darba b’mod adult.  Skoperta ta’ x’jiġifieri tirċievi l-Ispirtu s-Santu fil-Griżma - tiftakru li fil-Vġili ta’ Pentekoste tas-sena l-oħra aħna lqajna b’ferħ persuni li reġgħu sabu l-Ispirtu li qed ikellimhom; riskoperta tas-Sagrament tal-Penitenza; riskoperta tal-Quddiesa bl-Ewkaristija.  F’dan il-punt, naħseb li jkunu skoprew dak li l-Mulej Ġesù qal fl-Aħħar Ċena.  Il-Mulej Ġesù ħalliha għall-aħħar, għal meta tahom l-Ewkaristija: ‘Minn hemm jagħrfukhom li intom dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien’.  Hemmhekk issir riskoperta tal-komunità bħala komunità ta’ mħabba.

 

Parti mill-missjoni tal-Knisja

 

q L-aħħar pass huwa li ssir parti mill-missjoni tal-Knisja. 

 

F’dan il-kuntest, tkun skoprejt dak li Ġesù verament ħalla għall-aħħarnett: l-Axxensjoni.  Meta kien se jitla’ s-sema, lill-appostli qalilhom: ‘Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba’.  Fil-fatt, kellhom jiskopruha fil-Pentekoste, imma l-aħħar kelma kienet din.  Allura l-ħames punt huwa meta inti tiskopri l-Axxensjoni tal-Mulej: tela’ s-sema, issa f’idejna; m’hemmx mod ieħor.

 

Fis-Sinodu Djoċesan issemma x’inhu r-rwol tal-lajċi: il-lajċi huma l-Knisja f’nofs is-soċjetà - hHekk hemm miktub – u s-soċjetà f’nofs il-Knisja permezz tal-lajci, li għandhom sejħa partikolari. 

 

F’dan il-kuntest, naħseb li nkunu qegħdin nagħmlu dak li qalilna l-Konċilju Vatikan II: li l-istorja tagħna trid tkun ingastata mal-istorja tad-dinja.  Qabel il-Konċilju Vatikan II, qiesu konna nifirduhom: id-dinja miexja u l-Knisja miexja.  Le; il-Konċilju qalilna li mhux hekk.  Ovvjament, il-Konċilju ma bbażahiex fuq xi ħaġa fl-ajru, għax Ġesù ġie fid-dinja.  L-istorja tiegħu bħala bniedem għamilha ħaġa waħda mad-dinja.  Kif nistgħu aħna ngħixu l-ħajja għalina waħedna u ma nagħmluhiex ħaġa waħda ma’ dik li hija d-dinja?  Inkunu wasalna li nifhmu x’jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù li ġie biex jgħammar fostna.

 

Nistedinkom biex dawn il-ħames punti nippruvaw nirriflettu fuqhom fid-diversi realtajiet tagħna.

 

Auditorium tal-MUSEUM, Blata l-Bajda

13 ta’ Frar 2009

Jum il-Lajċi Nsara 2009

 

 

Il-Preżentatriċi Marthese Brincat

 

Fr Karm Debattista MSSP

 

Soċji tal-MUSEUM li mexxew it-talb tal-bidu.

 

Assemblea 2009

 

Sezzjoni oħra ta’ dawk preżenti.

 

Monsinjur Arċisqof Pawl Cremona OP

 

Intwera feature ta’ 15-il minuta dwar il-Viżta Pastorali. Produzzjoni tac-CAM Productions International.

 

Il-Prof. Anthony Frendo li għamel id-diskors, “Fi Kristu Ġesù; Attitudnijiet fundamentali tan-nisrani skont San Pawl.”

 

L-Arċisqof waqt id-diskors tiegħu.

 

Fi tmiem l-Assemblea, il-ProVigarju Mons Anton Gouder jitkellem mal-Ex Delegat tal-Arċisqof għal-Lajċi, il-Perit Joe Magro u mas-Sinjura Magro.

 

 

 

Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta