Laikos

 

Sejħa għall-għeruq lill-Poplu ta’ Alla f’dawn il-gżejjer

 

Analiżi tal-wirt ta’ tagħlim li ħallielna l-Papa Franġisku fil-jumejn tiegħu fostna

minn Daniel Borg

 

Jiena bħal ħafna oħrajn ilqajt bil-ħerqa l-aħbar li l-Papa Franġisku ġej Malta wara stennija ta’ sentejn minn meta kien tħabbar dan il-vjaġġ. U naħseb li bħal ħafna oħrajn urejt il-perplessità tiegħi hekk kif tħabbret ukoll elezzjoni ġenerali ftit ġimgħat biss qabel il-miġja tal-Papa. Minbarra l-ħsieb li din tista’ titħassar, urejt it-tħassib tiegħi kif b’mod loġistiku l-pajjiż jista’ jimxi minn żmien li tradizzjonalment huwa daqshekk intens għal miġja tant mistennija ta’ Papa li f’dawn l-aħħar snin mess il-qlub ta’ ħafna, Papa li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien fuq fomm kulħadd hekk kif kien wieħed mill-iktar kritiċi fuq il-gwerra fuq l-Ukrajna, li hu ddefinixxa bħalha ‘sakrilega’.

 

Kemm kont sejjer żball! Moħħi rraġuna fil-limiti ta’ bniedem li jien u mhux fuq il-possibbiltajiet li joffrilna Alla, li huma bla tarf. Ma setax ikun hemm żmien daqshekk propizju. Fi żmien li f’Malta ġeneralment huwa assoċjat ma’ rebbieħa u telliefa, il-miġja tal-Papa wriet komunità magħquda, entużjasta u għatxana… l-għatx għal figura bħal tal-Papa Franġisku li dejjem għex dak li pprietka, u li jwassal messaġġ pożittiv u ta’ ħniena.

 

Imma x’inhuma t-temi prinċipali li dehru fiż-żjara tiegħu u fid-diversi interventi li huwa għamel? Il-Papa tkellem fuq ħafna livelli: livell nazzjonali, b’sejħiet lill-klassi politika; livell komunitarju, b’sejħiet lill-poplu ta’ Alla; livell internazzjonali, bis-sejħa biex Malta tkun port ta’ kenn għall-migranti fil-Mediterran. Dawn it-tliet livelli jidħlu ġo xulxin f’nisġa intensa fid-diversi interventi li hu għamel fiż-żjara tiegħu ta’ jumejn.

 

 

Id-diskors lill-Awtoritajiet Ċivili u lill-Korp Diplomatiku fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta (2 ta’ April) – Sejħa qawwija lill-klassi politika ... [ara d-diskors kollu]

Il-Papa Franġisku dejjem offra ġesti qawwijin li jmissu l-qlub ta’ ħafna. Ħadd ma jista’ jinsa l-inkin tiegħu lin-nies meta laħaq Papa jew il-mixja tiegħu solitarja lejn is-salib taħt xita qalila fi żmien il-Covid-19. Għalhekk wieħed mill-iktar diskorsi qawwijin tiegħu ma setax jonqos li jkun dak fil-Palazz tal-Gran Mastru li fis-simboloġija tal-poplu tagħna huwa dejjem assoċjat mas-sede tal-poter, l-ewwel tal-Gran Mastru, imbagħad tal-Gvernatur Ingliż, u eventwalment għal ħafna żmien tal-Parlament Malti.

 

Fi żmien diffiċli li konna u għadna għaddejjin minnu, is-sejħa tal-Papa hi waħda qawwija: Imma bħala garanzija ta’ konvivenza soċjali tajba, mhux biżżejjed li jissaħħaħ is-sens tal-appartenenza; jeħtieġ jissaħħaħ is-sies tal-għajxien komuni li jieqaf fuq id-dritt u l-legalità. L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata. L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li, meta jonfoħ mit-tramuntana jnaddaf il-kosta tal-Pajjiż. U jalla dejjem jibqgħu jkunu kkultivati l-legalità u t-trasparenza li jippermettu li jitqaċċtu mill-għeruq il-ħajja ħażina u l-kriminalità li huma marbutin flimkien minħabba li l-aġir tagħhom ma jsirx fid-dawl tax-xemx.”

 

F’appell imqanqal il-Papa jagħmel riferenza għal waħda mill-problemi ewlenin li qed naffaċċjaw bħala pajjiż, il-ħarsien tal-ambjent, u jgħaqqad din mal-politika. Fi Fratelli tutti l-Papa jitfa’ responsabbiltà kbira f’idejhom bħala gwardjani. Hawnhekk jitfa’ responsabbiltà akbar hekk kif il-ħtieġa ta’ politika tajba li tinkludi l-ħarsien tal-ambjent għandha twassal biex iktar żgħażagħ jidħlu fil-politika. Għalhekk, filwaqt li jfakkarna fis-sbuħija tal-pajsaġġ Malti, jgħidlina li “dan għandu għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li mhux biss jikkompromettu l-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni. Minflok, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġustizzja soċjali jħejju l-ġejjieni u huma toroq mill-aħjar biex liż-żgħażagħ iqajmu fihom il-passjoni għal politika tajba, u jbegħduhom mill-apatija u n-nuqqas ta’ impenn”.

 

It-tema tal-akkoljenza, tal-laqgħa, kienet it-tema prinċipali taż-Żjara tal-Papa hawn Malta. Imma iktar minn hekk fl-ewwel diskors tiegħu l-Papa jagħti tifsira tal-għala ta’ din il-pjaga migratorja; din mhix xi ħaġa tal-lum, imma li ilha ġejja minħabba diversi problemi kkawżati mill-kunflitti, l-inġustizzji, it-tibdil fil-klima u l-isfruttament tal-imgħoddi. U hawnhekk isejjaħ ukoll għal responsabbiltà iktar wiesgħa fost il-pajjiżi. Il-Papa jitkellem ukoll fuq il-gwerra u jwissi kontra l-populiżmi u viżjonijiet ideoloġiċi “mitmgħua minn kliem ta’ mibegħda”. Bir-riferenza għal Giorgio La Pira, il-Papa jerġa’ jsejjaħ għar-rwol importanti tal-Mediterran f’dawn l-irjieħ kiesħa tal-gwerra. U għalhekk il-Papa jsejjaħ għad-djalogu, għal entużjażmu ġdid favur il-paċi. Hawnhekk il-Papa jidentifika wkoll vokazzjoni ċara għall-Poplu Malti: Jalla Malta, il-qalb tal-Mediterran, tkompli ssaħħaħ it-taħbit tal-qalb tat-tama, il-kura għall-ħajja, l-akkoljenza tal-ieħor, il-ħerqa għall-paċi bl-għajnuna ta’ Alla, li ismu huwa paċi”.

 

 

Laqgħa ta’ Talb fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu (2 ta’ April) – Sejħa lill-komunità Nisranija f’dawn il-gżejjer: “Il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza”  ... [ara d-diskors kollu]

Bħala Għawdxi din kienet żgur laqgħa li messitli qalbi. Mhux biss il-preżenza fiżika tal-Papa f’dan il-post, imma l-viċinanza tal-Papa lejn il-merħla li huwa l-ewwel ragħaj tagħha. Bħal ħafna li jiġu fis-Santwarju Ta’ Pinu l-Papa deher, tal-inqas fl-għajnejn foqra tiegħi, dieħel għajjien, u ħareġ b’enerġija ġdida. Imma x’inhu l-messaġġ li wasslilna?

 

Tema ewlenija fid-diskors tiegħu huwa bidu ġdid, tama ġdida, evanġelizzazzjoni ġdida. Il-Papa juża t-tixbiha ewlenija tal-Appostlu Ġwanni u Marija Omm Ġesù f’riġlejn is-Salib. Kollox jidher mitluf. Anki Ġesù jidher li tilef it-tama hekk kif jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46; Mk 15:34). Imma din hija wkoll it-talba tagħna xħin aħna nħossuna mnikktin, bħalma kienet ukoll il-karba ta’ ħafna f’riġlejn il-mard u s-sofferenzi, u bħalma kienet ukoll l-esperjenza ta’ dik il-familja Għawdxija quddiem il-Papa, l-esperjenza tagħhom quddiem il-mard, imma wkoll fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla. Imma f’dak il-waqt fejn kollox jidher mitluf hemm il-bidu ta’ ħajja ġdida: “Mis-siegħa tat-tmiem tinfetaħ ħajja ġdida; minn dik is-siegħa tal-mewt tibda siegħa oħra mimlija ħajja: dan huwa ż-żmien tal-Knisja li titwieled”.

 

Huwa interessanti kif il-Papa jorbot din it-tama mal-istorja tal-Kappella Ta’ Pinu, kappella mwarrba li kienet ser titwaqqa’, imma li minnha Alla għamel ħwejjeġ kbar. L-importanza li l-Papa jagħti lill-imwarrbin fil-papat tiegħu huwa r-rifless tal-istorja tas-salvazzjoni fejn huma jieħdu post ċentrali. U hawnhekk inħoss li ma’ din it-tixibha tagħna bħala komunità għandha tingħaqad dik bħala djoċesi. Id-Djoċesi tista’ tidher insinifikanti fl-għajnejn ta’ ħafna jekk wieħed iħares lejn in-numri. Imma kemm ġid ħalliet, kemm saċerdoti trawmu fis-Seminarju djoċesan, u taw u għadhom qed jagħtu mhux biss servizz lill-Knisja lokali imma dik universali!

 

Il-Papa għamel sejħa qawwija fid-diskors tiegħu f’Ta’ Pinu. Isejħilna nirritornaw għall-Knisja tal-oriġni u jfisser x’għandha tkun din is-sejħa. Bħala Papa li dejjem ra kollox minn sens qawwi ta’ realiżmu fit-tagħlim tiegħu, jgħidilna li l-Knisja tal-bidu ma kinetx perfetta. L-Appostli u l-ewwel komunitajiet kienu jitlewmu u mhux dejjem fehmu t-tagħlim ta’ Ġesù. Li nirritornaw lejn l-oriġni għall-Papa jfisser li nirkupraw l-ispirtu tal-ewwel komunità Nisranija, jiġifieri nerġgħu lura lejn il-qalb u nerġgħu niskopru l-qalba tal-fidi: ir-relazzjoni ma’ Ġesù u t-tħabbira tal-Vanġelu tiegħu lid-dinja kollha. Dan hu l-essenzjali!”.

 

Il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza! Fl-intervent tiegħu f’Ta’ Pinu l-Papa jlissinha seba’ darbiet din il-frażi. Wara l-qtigħ ta’ qalb f’riġlejn is-Salib, hemm il-ferħ tax-xandira xħin jiskopru l-qabar vojt, il-ferħ li wieħed iħabbar l-Aħbar it-tajba. Li għandu janimana biex inxandru l-Vanġelu bħalma għamlu l-ewwel Appostli m’għandux ikun “il-prestiġju tal-komunità u tal-ministri tagħha, l-influwenza soċjali, l-attenzjoni żejda għall-kult”, imma li għandu jċaqlaqna hu li nxandru u nagħtu xhieda tal-Vanġelu ta’ Kristu.

 

Il-Papa jagħmel appell qawwi lill-Knisja f’Malta, u filwaqt li japprezza l-istorja tal-imgħoddi jgħidilna: “Ma tistax tkun biżżejjed għalina fidi magħmula minn drawwiet li ġew mgħoddija lilna, minn ċelebrazzjonijiet solenni, okkażjonijiet sbieħ popolari, mumenti qawwija u emozzjonanti; għandna bżonn ta’ fidi li tinbena u tiġġedded fil-laqgħa personali ma’ Kristu, fis-smigħ ta’ kuljum tal-Kelma tiegħu, fis-sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja, fir-ruħ tal-pjetà popolari”.

 

Il-Papa jagħfas ħafna fuq il-ferħ li wieħed jevanġelizza, fuq id-dinamiżmu u l-qawwa li għandha timbuttana biex inxandru l-Vanġelu. Huwa hawnhekk jgħidilna li m’għandniex inserrħu fuq il-qoxra ta’ barra, fuq il-passat: Hemm bżonn ngħassu biex il-prattika reliġjuża ma tirriduċix ruħha għar-ripetizzjoni ta’ repertorju tal-passat, imma tkun tesprimi fidi ħajja, miftuħa, li xxerred il-ferħ tal-Vanġelu. Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!”.

 

Hu jagħraf il-proċess tas-Sinodu Djoċesan li għaddejja minnu l-Knisja f’Għawdex, proċess li għalih jagħmel ukoll riferenza waqt l-intervent tiegħu l-Isqof Anton Teuma, u f’sinerġija ma’ dak li qal l-Isqof fl-intervent tiegħu jħeġġiġna “biex inkunu Knisja li għandha għal qalbha l-ħbiberija ma’ Ġesù u x-xandir tal-Vanġelu tiegħu, u mhux li tfittex l-ispazji u l-attenzjoni; Knisja li għandha fil-qalba tagħha x-xhieda u mhux xi drawwa reliġjuża; Knisja li tixtieq toħroġ tiltaqa’ ma’ kulħadd bil-musbieħ tal-Vanġelu mixgħul f’idejha u mhux tkun ċirku magħluq. La tibżgħux taqbdu, kif diġà qed tagħmlu, toroq ġodda, forsi wkoll riskjużi, ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ tħabbira, li jmissu l-ħajja. Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!”.

 

It-tema tal-akkoljenza terġa’ tissemma, u anki dan kien punt imsemmi mill-Isqof fl-intervent tiegħu. Fil-fatt il-Papa jħeġġiġna biex niżviluppaw “l-arti tal-akkoljenza” bħal Ġwanni li laqa’ għandu lil Marija f’riġlejn is-salib. Il-ġest ta’ Ġesù skont il-Papa kien ġest ta’ kif aħna għandna nipprattikaw b’mod konkret il-kmandament tal-imħabba. Għall-Papa l-komunità Nisranija ta’ kull żmien ma għandha qatt twarrab din il-prijorità! U dan għandu jkun is-sinifikat tas-sinodalità.

 

It-tixbiha ta’ Ġwanni u Marija l-Papa japplikaha wkoll għad-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex, u filwaqt li ċċajta li ma jafx min hu l-akbar jew l-aktar importanti, jistedinhom biex jaħdmu flimkien u jevanġelizzaw ma’ xulxin. Huwa jpoġġilna sfida qawwija fil-kuntest tal-isfidi tal-migrazzjoni li jaffaċċjaw dawn il-gżejjer għax jgħidilna li Marija u Ġwanni laqgħu lil xulxin “mhux fil-kenn sħun taċ-Ċenaklu, imma ħdejn is-Salib”, u hawnhekk il-Papa sfidana biex noħorġu mill-kuntest faċli tal-ambjent familjari tagħna u jgħidilna li “ma nistgħux nilqgħu lil xulxin biss bejnietna, għad-dell tal-Knejjes sbieħ tagħna, meta hemm barra tant minn ħutna qed ibatu u huma msallba mit-tbatija, mill-miżerja, mill-faqar u mill-vjolenza”.

 

B’referenza għall-ġrajja ta’ Pawlu u għal ħafna migranti li jidħlu hawn Malta, il-Papa jgħidilna biex “nilqgħu, inkunu esperti fl-umanità, inqabbdu ħġejjeġ ta’ ħlewwa meta l-kesħa tal-ħajja qed thedded lil dawk li qed ibatu”. Imma xi ħaġa li messet il-qlub waqt l-intervent tiegħu hi li aħna bħala poplu aħna teżori fil-Knisja u għall-Knisja. Il-Papa rrepeta din il-frażi darbtejn fost l-entużjażmu ta’ dawk preżenti.

 

 

Il-Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana: “Il-Ħniena fil-Qalb ta’ Alla” (3 ta’ April)  ... [ara d-diskors kollu]

L-intervent fuq il-Fosos tal-Furjana waqt l-omelija xtaqt insejjaħlu “l-Għanja tal-Ħniena”. Il-Papa jitlaq mill-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd (Ġw 8:1-11) li hu dak tal-mara adultera li kienet se tiġi mħaġġra biex jgħidilna li ħajja li timxi verament fuq il-Vanġelu trid tfittex il-verità tal-qalb li hi dik li mhux tikkundanna imma taħfer b’mod kontinwu.

 

Fil-bidu tal-omelija l-Papa jgħid li l-episodju tal-mara adultera jibda minn komunità li tinġabar madwar Ġesù fit-Tempju. Imma fost dik il-komunità hemm l-assenti: il-mara adultera li kienet taħseb li żbaljat ħafna u għalhekk kienet taħseb li postha mhux fil-komunità, u dawk li akkużawha għax kienu jaħsbu li huma tajbin wisq. Il-Papa għalhekk jerġa’ jistedinna biex inkunu kuraġġjużi u ma nfittxux dawk li huma preżenti imma dawk li huma assenti.

 

U f’din l-omelija l-Papa jagħmlilna domanda fundamentali: Kif nindunaw li aħna dixxipli ta’ Ġesù? Mill-mod ta’ kif aħna nħarsu lejn il-proxxmu u lejna nfusna. Ħarsitna trid tkun dejjem waħda ta’ ħniena. Ma hemm ħadd li huwa irrekuperabbli.

 

Messaġġ qawwi li ta fl-aħħar tal-quddiesa l-Papa hu li “l-fidi tikber fil-ferħ u titqawwa fl-għotja għall-oħrajn”. Hu għamel ukoll appell imqanqal liż-żgħażagħ fejn jawguralhom li jinnamraw mal-persuna ta’ Ġesù, “Alla tal-ħniena, li jemmen fikom, joħlom magħkom, iħobb il-ħajja tagħkom u qatt mhu se jqarraq bikom”.

 

 

It-Talba fil-Grotta ta’ San Pawl u l-laqgħa mal-migranti fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far (3 ta’ April)  ... [ara d-diskors f'Ħal Far]

It-talba u l-laqgħa mal-migranti fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far huma l-bidu u l-għeluq tal-aħħar ġurnata tal-Papa f’dawn il-gżejjer. Imma fihom it-tnejn hemm tema komuni: l-importanza tal-akkoljenza.

 

Fil-Grotta ta’ San Pawl il-Papa jgħid li l-Maltin ta’ dak iż-żmien laqgħu ’l Pawlu u sħabu mingħajr ebda kundizzjoni: “Ħadd ma kien jaf isimhom, mnejn ġejjin jew il-qagħda soċjali tagħhom; kien jafu biss ħaġa waħda: li dawn kellhom bżonn l-għajnuna”.

 

Fl-intervent tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi hu jgħid li San Luqa ried jenfassizza l-ġentilezza li biha l-Maltin ta’ dak iż-żmien laqgħu ’l Pawlu meta jgħid: “U ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2), u jawgura li Malta tkun dejjem “port żgur” għal dawk li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjonijiet u faqar u li jipperikolaw ħajjithom fil-Mediterran għat-tfittxija ta’ futur aħjar.

 

Hu jgħidilna li aħna ma nistgħux inħarsu lejn dawn il-persuni bħala numri “imma bħala dak li huma… jiġifieri wċuħ, stejjer, sempliċiment irġiel u nisa, aħwa”. Dawn il-persuni ġa jkunu ġarrbu ġrieħi kbar meta jinqatgħu mill-familja tal-oriġni tagħhom, u din it-tiċrita tista’ biss titfejjaq meta dawn in-nies jiltaqgħu ma’ persuni li jilqgħuhom. Il-Papa juri x-xewqa tiegħu li wara li dawk il-migranti jkunu ltaqgħu mal-ħniena ta’ min jilqagħhom, isiru huma stess “xhieda u animaturi ta’ akkoljenza u ta’ fraternità”. U hawnhekk wieħed ma jistax ma jarax tema tant qrib għall-Papa li hi l-qofol tal-Enċiklika Fratelli tutti, il-fraternità u l-ħbiberija soċjali.

 

L-umanità hi l-qofol ta’ kollox, u l-Papa, filwaqt li jagħmel referenza għal meta l-Maltin qabbdu ħuġġiega għal San Pawl u sħabu wara li dawn kienu salvaw mill-għarqa, jgħidilna biex “inqabbdu ħġejjeġ ta’ fraternità, li madwarhom il-persuni jistgħu jisħnu, jerġgħu jqumu fuq saqajhom, jitkebbsu mill-ġdid bit-tama”.

 

 

X’se tħalli fina din iż-Żjara?

Bħal kull żjara oħra tal-Papa Franġisku kien hemm ġesti qawwijin: il-warda li hu poġġa f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu, il-laqgħa mal-morda, il-batuti u l-emarġinati, il-ġest spontanju f’Għawdex xħin kien qed ibiddel il-karozza u ltaqa’ mat-tfal preżenti. Imma x’se tħalli din il-ġrajja fina?

 

Se ssir xi ħaġa tal-passat, jew se nħallu ż-żerriegħa li din nibbtet fina lkoll tkompli tikber? L-isfidi li poġġielna l-Papa quddiemna huma kbar, imma daqstant ieħor hi t-tama: “Il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza”.

 

Din iż-żjara fija ħolqot emozzjonijiet kbar u kemm-il darba qabbżitli d-dmugħ, għax dan il-Papa jmiss il-qlub. Imma dan huwa l-ferħ tal-Vanġelu u l-Aħbar it-tajba. Jalla l-Vanġelu jkun il-punt tat-tluq tagħna, l-għajnejn tal-ħniena, il-kuraġġ li noħorġu minn qoxritna biex niltaqgħu verament ma’ ħutna fil-bżonn.

 

Ara aktar fuq iż-Żjara Appostolika li l-Papa Franġisku għamel f'Malta u Għawdex fit-2 u 3 ta' April 2022 ...