L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi

Home  

Ikkuntattjana

 

Silta mill-Omelija tal-Arċisqof Charles j. Scicluna fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi

Il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2017

 

Aħna l-Insara ġabuna f’estremità li rridu ngħidu:

“Il-liġi tal-istat aħna ma nagħrfuhiex.”

Lejlet id-deċiżjoni skontata tal-parlament tagħna li jagħtina bonta sua, kif ngħidu bit-Taljan, definizzjoni oħra ta’ żwieġ li m’għadux biss bejn raġel u mara u li minnu jitwieldu l-ulied nitolbu l-interċessjoni ta’ San Nikola biex aħna l-Insara nagħżlu li nibqgħu ma’ Ġesù. 

Aħna m’għandna xejn kontra l-gays.  La raġel li jmur ma’ raġel u lanqas mara li tmur ma’ mara.  Huma bnedmin li għandhom dritt għar-rispett u l-imħabba tagħna. Ħa nkun ċar għax ma tistax tkun ma' Ġesù u tobgħod lil xi ħadd għax hu magħmul kif inhu magħmul jew tinsulentah, jew ma turihx rispett.  Imma m’għandniex għalfejn inbiddlu l-mod kif Alla ħalaq iż-żwieġ biex aħna issa ngħidu: żewġt irġiel jistgħu jiżżewġu jew żewġ nisa jistgħu jiżżewġu. 

Se nneħħu wkoll mil-liġijiet tagħna l-kelma raġel u mara għaż-żwieġ u omm u missier.  U l-liġijiet bil-kliem nistgħu nagħmlu li rridu.  Jiena nista’ niddeċiedi li ħarruba u larinġa ma nistgħux nibqgħu nsejħulhom hekk.  Ngħidulhom siġar.  Imma l-ħarruba tibqa’ ħarruba u l-larinġa tibqa’ larinġa, tgħid x’tgħid il-liġi.  U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.

Tgħid x’tgħid il-liġi, raġel ma’ raġel ma jnissilx l-ulied. Tgħid x’tgħid il-liġi mara ma’ mara ma tnissilx l-ulied.  Irid jindaħal xi ħaddieħor jew tindaħal it-teknika. U dik it-traġedja.  Dik it-traġedja, li aħna l-ulied irridu nagħmluhom u mhux nilqgħuhom bħala rigal frott l-imħabba ta’ bejn ir-raġel u l-mara miżżewġin.  Għalina l-ulied saru prodott, frott it-teknoloġija.  U meta l-bniedem iċedi għat-tentazzjoni li t-teknoloġija tieħu over mhux bilfors qiegħed isaħħaħ id-dinjità tiegħu.

Mela meta fl-ikonografija ta’ San Nikola taraw dawk it-tliet boroż ta’ flus li hu ċċaħħad minnhom biex tliet xebbiet isibu tlitt irġiel u jiżżewġu, ftakru li jekk kull wieħed u waħda minnkom iridu jkunu ma’ Ġesù, iż-żwieġ kif ħalqu Alla tridu tgħallmuh lil uliedkom u lil ulied uliedkom bir-rispett kollu lejn il-liġi.  Aħna l-Insara ġabuna f’estremità li rridu ngħidu: “il-liġi tal-istat aħna ma nagħrfuhiex.” Immaġimaw lil San Nikola kieku x’kien jgħid.

“Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbigħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom.  Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mt 10,29)

Fil-bidu ta’ dan l-Evanġelu li għadna kemm smajna li huwa Evanġelju li l-Knisja tassenja lil-liturġija tat-12-il Ħadd li qed niċċelebraw madwar il-Knisja fid-dinja kollha, il-Mulej jgħid: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf.  Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.”  (Mt 10,26)

 

Ara l-Omelija kollha ...