L-ISTORJA TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Dawn il-kitbiet minn Tony Castle dehru għall-ewwel darba fl-2012 fir-rivista Kattolika Ingliża The Catholic Life. Kienu miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

L-Ewwel Parti: Il-ħajja Kattolika qabel il-Konċilju Vatikan II

It-Tieni Parti: It-Twajjeb Papa Ġwanni u l-Konċilju tiegħu

It-Tielet Parti: Il-Ġlieda għal Konċilju

Ir-Raba’ Parti: Il-Ħidma tal-Konċilju: Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla

Il-Ħames Parti: Il-Ħidma tal-Konċilju: Ir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin

Is-Sitt Parti: Il-Ħidma tal-Konċilju: Ir-relazzjoni tagħna mad-dinja

L-Ewwel Parti: Il-ħajja Kattolika qabel il-Konċilju Vatikan II

 

Din is-sena qed niċċelebraw l-aktar ġrajja importanti fil-Knisja Kattolika fis-seklu għoxrin; il-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, ħamsin sena ilu.  Huma biss il-Kattoliċi ta’ sittin sena u fuqhom li jiftakru kif kienet il-ħajja u kemm kienet differenti qabel ir-riformi tal-Konċilju.

 

Purċissjoni barra f’Canterbury

F’Settembru 1947, l-Arċisqof Peter Amigo għajjat għajta miegħi!  Quddiem kulħadd u inġustament, għax kont għadni ta’ tmien snin u ma kontx naf li kont qed inżomm il-baklu tiegħu n-naħa l-ħażina!  Sarkastikament u b’leħen għoli, staqsieni: “Min hu l-isqof hawn?  Int jew jien?”.  L-Arċisqof ta’ Southwark kellu post importanti fil-Purċissjoni annwali ta’ Canterbury.  Kienet purċissjoni tipika ta’ bosta purċissjonijiet oħra f’dak iż-żmien.  Eluf ta’ Kattoliċi kien jidħlu għaliha min-naħa tax-xlokk ta’ l-Ingilterra u mill-parti ta’ isfel ta’ Londra.  B’partiċipazzjoni ta’ bejn tlieta u erbat elef ruħ, din il-purċissjoni ma setgħetx tkun iżjed pubblika jew trijonfanti milli fil-fatt kienet.  Kienet titlaq mill-knisja Anglikana ta’ St Dunstan, mit-tarf tat-triq prinċipali twila xi mil, u timmarċja lejn il-park ta’ Dane John fuq in-naħa l-oħra tat-triq, bin-nies ikantaw u jġorru kartelluni u bnadar sbieħ.  Żewġ djakni lebsin ħwejjeġ mill-isbaħ kienu jiġbru l-urna bir-ras ta’ San Tumas More, miżmuma fil-kannierja ta’ dik il-knisja, u kienu huma li jmexxu l-purċissjoni flimkien ma’ l-Arċisqof.  Mal-wasla fil-park kien ikun hemm ir-Rużarju, Priedka u Barka Ewkaristika.

 

Fl-Ingilterra ma jgħaddilekx minn moħħok li avveniment bħal dan jista’ jseħħ fl-2012, imma fis-snin ħamsin dawn il-purċissjonijiet fit-toroq ta’ kull parroċċa Kattolika, ngħidu aħna nhar Korpus u fil-festa tal-Madonna ta’ Mejju, kienu popolari sew.

 

Ħajja devozzjonali

Qabel il-Konċilju, il-ħajja devozzjonali ta’ bosta Kattoliċi kienet b’saħħitha, imma kienet prinċipalment ibbażata fuq ir-Rużarju.  Donnu ma kienet issir l-ebda funzjoni fil-knisja li fiha b’xi mod ma kienx jidħol ir-Rużarju.  Bosta Kattoliċi kienu “jgħidu” ir-Rużarju waqt il-Quddiesa tal-Ħadd, li kienet tkun bil-Latin, u f’Ottubru (ix-xahar tar-Rużarju Mqaddes) l-Quddies pubbliku spiss kien jinkludi fih waqfiet bil-misteri tar-Rużarju mmexxija minn xi qassis ieħor barra ċ-ċelebrant.  (F’dak iż-żmien kien hemm biżżejjed saċerdoti!).  Billi ma kienx isir Quddies fil-għaxija nhar ta’ Ħadd, il-knejjes kienu jkunu mimlija għar-Rużarju, il-Priedka u l-Barka Ewkaristika.  Il-funzjonijiet ta’ fil-għaxija matul il-ġimgħa wkoll kienu popolari; speċjalment dawk tal-Midalja Mirakuluża nhar ta’ Tlieta fil-għaxija.

 

Kruċjata tar-Rużarju

Il-lum diffiċli timmaġina mijiet ta’ karozzi tal-linja kollha diretti lejn Wembley Stadium għal ġurnata dwar it-talb fil-familja.  Imma dan hu li seħħ f’Lulju 1952, meta 83,000 Kattoliku ppakkjaw dan il-grawnd famuż tal-futbol biex jisimgħu lis-saċerdot Amerikan Fr Peyton jippriedka u jeżorta lill-familji biex jitolbu r-Rużarju kuljum flimkien.  Ir-rally kien suċċess kbir u żdiedu l-funzjonijiet fil-parroċċi bbażati fuq it-talba tar-Rużarju.  Kif wieħed jittama, żdied ukoll it-talb tar-Rużarju fil-familja.

 

Devozzjonijiet lejn il-Qalb ta’ Ġesù

Kien hemm devozzjoni qawwija lejn il-Qalb ta’ Ġesù, u bosta Kattoliċi kienu jikkonsagraw djarhom lill-Qalb ta’ Ġesù.  Fil-moħħ ta’ bosta, dan kien marbut max-xewqa li jagħmlu mewta tajba.  Ngħidu aħna, id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù fl-ewwel Disa’ Ġimgħat (jiġifieri li titqarben fl-ewwel Ġimgħa ta’ disa’ xhur wara xulxin) kellha magħha l-wegħda ta’ mewta qaddisa u s-salvazzjoni eterna.  Din id-devozzjoni kienet tant qawwija li skola sekondarja tal-Knisja, St Paul’s, fi Plumstead, Londra, kellha dawn il-kelmiet fl-applikazzjoni tad-dħul tagħha: “Ikkonferma li ibnek/bintek għamel l-Ewwel Disa’ Ġimgħat”!

 

Legaliżmu

Kull Kattoliku modern jaf li l-liturġija tagħna sa qabel il-Konċilju kienet kollha bil-Latin, imma ftit jirrealizzaw kemm kienu riġidi r-regoli għas-saċerdot dwar kif għandha tiġi ċċelebrata l-Quddiesa.  Biex inġibu eżempju, meta ċ-ċelebrant kien idur biex isellem lin-nies bil-kelmiet “Dominus Vobiscum”, in-normi kienu jgħidu li subgħajh ma kellhomx ikunu ogħla minn spallejh u li l-ispazju bejn iż-żewġ idejh ma kellux ikun usa’ minn sidru!  Ftit Kattoliċi ta’ żmienna jirrealizzaw kif kien il-legaliżmu li kien isaltan fil-ħajjiet tal-Kattoliċi li kienu jgħixu qabel il-Konċilju Vatikan II.  Dawn li ġejjin huma tliet eżempji sempliċi, u mbagħad wieħed estrem imma tabilħaqq reali.

 

L-Attendenza tal-Quddies

Ħafna l-lum jikkummentaw dwar it-tnaqqis sostanzjali fl-attendenza tal-Quddies, u jqabblu l-figuri tal-lum ma’ dawk tas-snin ħamsin.  Veru li n-numri naqsu, imma wieħed irid iżomm f’moħħu żewġ affarijiet.  L-ewwel nett, ħafna Kattoliċi kienu jmorru għall-Quddies tal-Ħadd għax kienu jibżgħu ma jmorrux!  Kull tifel u tifla Kattoliċi trabbew bit-twemmin li jekk tfalli l-Quddiesa tal-Ħadd tkun għamilt dnub mejjet: li kien ifisser li kont iddestinat għat-telfien ta’ dejjem, sakemm ma tmurx tqerr kemm jista’ jkun malajr.  Jekk kellek “raġuni tajba”, ta’ l-inqas kien ikun dnub venjali, jew forsi ma kien ikun dnub xejn.  Dak ried jarah il-konfessur.  Imma x’kien jagħmel “raġuni tajba”?  Spiss in-nies kienet tmur tqerr: “Fallejt il-Quddiesa tal-Ħadd”.  Meta kien jistaqsihom għaliex, il-konfessur aktarx kien jintebaħ li l-persuna kienet tkun marida.  Għalhekk m’hemm l-ebda dnub, kien jgħidilhom il-konfessur.  Il-penitent imbagħad spiss kien jistaqasi: “Kemm irrid inkun marid biex ma nkunx qed nagħmel dnub mejjet?”.  Ir-regola ġenerali li kien juża l-konfessur kienet: “Jekk kont tant marid li ma stajtx toħroġ mid-dar, kont marid biżżejjed biex ma tmurx Quddies”.

 

Kien hemm bosta Kattoliċi devoti li kienu jmorru għall-Quddiesa darbtejn il-Ħadd!  Għax f’dak iż-żmien, biex wieħed seta’ jitqarben, ried ikun sajjem minn nofs il-lejl.  Din kienet regola stretta ħafna, u għalhekk fil-Quddiesa l-iżjed kmieni tal-Ħadd, ngħidu aħna tat-8.00am, kellek għadd kbir mill-kongregazzjoni li kienet titla’ għat-tqarbin.  (Ħafna minnhom aktarx li jkunu marru jqerru l-jum ta’ qabel, beżgħana li kienu fl-istat tad-dnub).  Ħafna minn dawn imbagħad kienu jerġgħu jmorru għal Quddiesa oħra iktar tard fil-għodu, ngħidu aħna tal-11.00am, li fiha ħadd ma kien jitqarben ħlief iċ-ċelebrant.  L-ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma jiġi kkunsidrat meta jitqabblu ċ-ċifri tas-snin ħamsin man-numru ta’ nies li l-lum b’aktar libertà jattendu għall-Quddiesa.

 

Sawm

Qabel il-Konċilju Vatikan II, fis-sena kien hemm tmienja u għoxrin ġurnata obbligatorja ta’ sawm u astinenza.  Dawn kienu l-Ġimgħat u s-Sibtijiet tar-Randan, il-Quattro Tempi (erba’ gruppi ta’ tlitt ijiem-il wieħed fis-sena), Lejlet il-Milied, u l-vġili ta’ Għid il-Ħamsin u l-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.  Kien dnub mejjet jekk f’dawn il-ġranet ma ssumx u ma tikolx laħam, għalhekk kien hemm ansjetà kbira biex wieħed ma jaqbiżx xi waħda minnhom.  Kien hemm iktar ansjetà biex ma jinqabiżx il-limitu ta’ kemm wieħed seta’ jiekol.  Kienet permessa ikla waħda sħiħa fil-għaxija mingħajr ebda limitu, imma għall-kollazjon wieħed seta’ jieħu biss żewġ uqijat ta’ ikel u għal nofs in-nhar tmien uqijat.  Il-ħaddiem Kattoliku normali ma kellux żmien x’jitlef joqgħod ikejjel kemm ħa jiekol fil-għodu, u għalhekk kien iqis fuq moħħu.  Imma spiss, dawk il-Kattoliċi ta’ kuxjenza kienu jħossuhom xi ftit ħatjin li forsi ma kkalkulawx sewwa.  Raġuni oħra biex imorru għall-Qrara tal-ġimgħa!

 

Bews u tgħanniq

Il-Knisja ta’ qabel il-Konċilju donnha kellha regola għal kull kantuniera: anki fuq il-“bews”.  It-Trattat tat-Teoloġija Morali kien jgħid: “Il-bews bħala sinjal ta’ ħlewwa u ħbiberija hu leċitu, anki bejn persuni tas-sess oppost”.  Imma “il-bews, permezz ta’ l-ilsien, normalment hu dnub serju”.  (Ta’ min jinnota li t-teologi morali li kitbu dwar dawn il-ħwejjeġ kienu kollha rġiel ċelibi!).

 

Il-Liġi tat-Teatru

Ħafna Kattoliċi ta’ żmienna ma jafux li qabel il-Konċilju Vatikan II (1962-1965), jekk saċerdot Kattoliku li kien jgħix l-Ingilterra jew Wales, kien imur it-teatru, hu kien qed jagħmel dnub mejjet u awtomatikament kien jiġi skomunikat!  Dik il-piena ħarxa kienet tapplika wkoll għall-opra, il-ballu u d-drammi ta’ Shakespeare.  Il-projbizzjoni kienet tiġi fis-seħħ u kienet tapplika malli s-seminarista, li jkun qed jitħejja għas-saċerdozju, jiġi ordnat suddjaknu (tappa fil-mixja lejn l-Ordinazzjoni li l-lum m’għadhiex teżisti).  Fil-ġimgħat qabel l-Ordinazzjoni kienet drawwa li s-seminaristi joħorġu sa West End għal bost żjajjar fit-teatri, biex jaraw l-opra, iż-żfin jew produzzjonijiet tal-West End, qabel il-liġi tibda tipprojpihulhom.  Il-liġi kienet ġejja mill-Konċilju ta’ Westminster ta’ l-1873.  Il-legaliżmu qawwi li kien jeżisti f’dak iż-żmien jidher mid-dibattitu li nħoloq bejn il-kanonisti fil-ġurnali akkademiċi tagħhom.  Il-kwistjoni tad-dibattitu kienet: “Is-saċerdot ikun qed jagħmel dnub mejjet u jiġbed fuqu l-iskomunika awtomatika meta jixtri l-biljett jew meta, wara li jkun xtara l-biljett, eventwalment jirfes l-għatba tat-teatru?”.  Wieħed diffiċli jemmen il-lum, fil-Knisja wisq aktar liberali ta’ wara l-Konċilju Vatikan II, li daqshekk imħuħ kbar kienu kapaċi jintilfu fuq kwistjonijiet bħal dawn.

 

Liberazzjoni

Meta wieħed iqis l-irqaqat tal-liġijiet li l-Kattoliċi kienu mistennija josservaw, mhux ta’ b’xejn li “s-sens ta’ ħtija tal-Kattoliċi” spiss kien jispiċċa mwaqqa’ għaċ-ċajt u rredikolat mill-komiċi tas-snin ħamsin; ħaġa li l-Kattoliċi kienu jqisu bħala offiża, imma diffiċilment setgħu jiċħdu.  Aktar ma r-riformi tal-Konċilju saru magħrufa u bdew jiġu apprezzati, in-nies aktar bdiet tifhem li hi kienet il-“Poplu Pellegrin” ta’ Alla fil-vjaġġ tiegħu fid-deżert ta’ din id-dinja, u mhux membri midinba ta’ istituzzjoni perfetta li kienet tistenna minnhom li jkunu perfetti.


 

It-Tieni Parti: It-Twajjeb Papa Ġwanni u l-Konċilju tiegħu

 

F’Ottubru ta’ din is-sena niċċelebraw l-aktar ġrajja importanti fil-Knisja Kattolika fis-seklu għoxrin; il-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, ħamsin sena ilu.

 

Tislima mid-dinja sekulari

Jekk, fl-4 ta’ Ġunju 1963, kellek tkun għaddej bit-tren minn Londra, fid-direzzjoni lejn Charing Cross, kont tista’ tixhed għal mument storiku fl-istorja Ingliża.  Int u taqsam Hungerford Bridge, kont tara, fuq il-lemin u x-xellug tiegħek, il-Ġakk Ingliż mezz’asta fuq sitt jew seba’ binjiet tal-Gvern.  Kien jum il-mewt tal-Beatu Papa Ġwanni XXIII, u l-Gvern Ingliż qatt qabel ma kien ordna jiem ta’ luttu għall-mewt ta’ xi papa.  Kienet novità kbira li waħidha titkellem daqs kotba sħaħ dwar l-imħabba u r-rispett li t-Twajjeb Papa Ġwanni (titlu li tatu l-Istampa Protestanta) kien rebaħ minn fost l-oqsma kollha tas-soċjetà.  Jekk, int u tħalli l-istazzjon ta’ Charing Cross, kellek timxi ’l fuq lejn il-ħanut tal-kotba Sheed and Ward, kont issib żewġ kotba miftuħa b’mod prominenti wara l-ħġieġa, mimlijin ċajt u aneddoti umoristiċi mill-ħajja tal-Papa.  Waħda minn dawn iċ-ċajtiet tirrifletti l-karattru tal-Papa Ġwanni.

 

F’udjenza mal-Papa, is-Superjura Reliġjuża tas-Sorijiet ta’ l-Ispirtu s-Santu, xi ftit eċċitata, introduċiet ruħha miegħu bħala “is-Superjura ta’ l-Ispirtu s-Santu”.  Għal dan, il-Papa weġibha bi tbissima: “Qed nieħu gost niltaqa’ miegħek.  Jien m’iniex ħlief il-qaddej umli tiegħu!”.

 

Wara l-personalità aristokratika u xi ftit maqtugħa tal-Papa Piju XII, il-karattru miftuħ ta’ Ġwanni, flimkien ma’ l-interess tiegħu f’kulħadd u l-umiltà li kienet tispikka fih, u fuq kollox il-perspettiva ferreħija tiegħu lejn il-ħajja, rebħu bosta qlub u mħuħ.

 

Oriġni sempliċi

Angelo Roncalli, imwieled fil-25 ta’ Novembru 1881, kien ġej minn familja kbira u fqira, mill-komunità ċkejkna ta’ raħħâla f’Sotto il Monte, għaxar mili bogħod minn Bergamo, qalb l-għoljiet Taljani f’riġlejn l-Alpi.  Kellu ħdax ħutu subien u bniet u l-familja kienet tgħix fl-istess dar ma’ sitt baqriet!  Fl-età ta’ tnax-il sena hu mar jistudja fis-seminarju minuri ta’ Bergamo.  Rebaħ borża ta’ studju, u għalhekk niżel Ruma mnejn kiseb l-ewwel lawrja tiegħu fit-teoloġija fl-1901, imma iktar tard dik is-sena kellu jingħaqad mat-73 Riġment tal-Fanterija għal-lieva.  Għalkemm kien jobgħodha u xxukkja ruħu bil-“kultura” ta’ l-armata, għola għall-grad ta’ surġent.  Dawn l-esperjenzi mmaturawh ħafna, u rritorna lejn l-istudji tiegħu u kiseb id-dottorat fit-teoloġija fl-1904; iktar tard dik is-sena ġie ordnat saċerdot.  Bea jgħallem fis-seminarju u mbagħad sar is-segretarju ta’ l-Isqof ta’ Bergamo.

 

Esperjenza fuq il-front

Meta fl-1915 l-Italja spiċċat fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Dun Roncalli reġa’ ġie msejjaħ biex jagħti servizz militari.  Lura mar-riġment tiegħu, is-Surġent Roncalli ħadem bħala assistent fl-isptar u ġarrab l-orruri kollha tat-trunċieri fuq il-front tal-gwerra.  Serva għal iktar minn tliet snin u baqa’ ma nesa qatt il-kruha tal-gwerra.  Lura lejn il-ħajja klerikali, fi Frar 1925 ġie msejjaħ għas-servizz diplomatiku tal-Vatikan.  Tul ħajtu Angelo Roncalli wera l-umiltà tiegħu permezz ta’ l-ubbidjenza sħiħa.  Ġie maħtur Viżitatur Appostoliku fil-Bulgarija, kariga bla futur ta’ xejn li l-ebda diplomatiku ieħor tal-Vatikan ma kien jaċċetta.  Ftit li xejn kien hemm Kattoliċi fil-Bulgarija, imma l-Arċisqof Roncalli bena rapporti eċċellenti mal-komunitajiet Griegi Ortodossi u Musulmani.  Għaxar snin wara, ġie trasferit f’post ieħor xejn popolari, din id-darba t-Turkija, fejn, terġa’, kien hemm inqas Kattoliċi.

 

Salva ħajjiet Lhud

Tul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Arċisqof Roncalli għamel użu tajjeb mill-pożizzjoni diplomatika tiegħu biex żgura li joħorġu visas li setgħu jgħinu eluf ta’ Lhud jaħarbu minn taħt idejn ir-reġim Nażista.  Il-liberazzjoni ta’ Franza fl-1945 mill-armati Alleati ħolqot uġigħ ta’ ras kbir għall-Knisja u għall-kardinal Franċiż, Suhard, u miegħu għadd ta’ isqfijiet ġew akkużati li kienu kkollaboraw man-Nażisti.  Il-Papa Piju XII ftakar f’Roncalli, moħbi wara l-kwinti fit-Turkija, u bagħat jordnalu biex jitlaq immedjatament lejn Pariġi bħala r-rappreżentant personali tiegħu biex isolvi s-sitwazzjoni.  Fid-disa’ snin li ġew wara, permezz tad-diplomazija ħelwa u l-qdusija umli tiegħu, il-ġrieħi fondi fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-Istat Franċiż ġew imfejqa.  Il-Kardinal Roncalli – għax il-Papa Piju XII kien ippremja s-suċċess notevoli tiegħu bil-berittin l-aħmar – kien imfaħħar minn kulħadd fil-Knisja u fl-Istat.

 

Ħidma pastorali, sa fl-aħħar!

Fi żmien sena jew tnejn ġie maħtur Patrijarka ta’ Venezja.  Angelo Roncalli kien ħa jmut bil-ferħ għax sa fl-aħħar, fl-età ta’ 71 sena, kien ħeles mis-servizz diplomatiku u kellu rwol li minn dejjem xtaq: seta’ jkun ragħaj tassew għall-poplu Venezjan tiegħu u huma wkoll ħaddnuh ma’ qalbhom.  Fl-ewwel diskors tiegħu tkellem dwar is-snin bikrin ta’ ħajtu fil-faqar u fuq kemm kien xortih tajba li tul il-vjaġġ ta’ ħajtu ltaqa’ ma’ tant nies ta’ twemmin u ideoloġiji differenti.  Hu għalaq b’dawn il-kelmiet: “Bla dubju, il-pożizzjoni għolja li ġiet fdata lili hi wisq ogħla mill-kapaċitajiet tiegħi.  Imma fuq kollox nafda f’idejn il-qalb tajba tagħkom lil dan il-bniedem li jrid biss li jkun ħukom, twajjeb, fil-qrib u li jifhimkom”.

 

Faċċata falza

Il-Patrijarka l-ġdid ma damx ma għaraf li l-isplendur Barokk li kienu jaraw it-turisti kien vojt minn ġewwa; ma kienx hemm flus fil-bank!  Il-fondi tant kienu ftit li ma kellux biex iżomm it-trasport tiegħu.  Meta ried iżur xi parroċċa, kien iċempel lill-pulizija jew lil tat-tifi tan-nar u jistaqsihom setgħux iwassluh huma, jekk jinzertaw ikunu għaddejjin minn dawk in-naħat!  Imma qatt ma kien ferħan daqs issa; kien medhi fil-ħidma pastorali u r-relazzjonijiet ekumeniċi.  F’dan iż-żmien kiteb hekk: “Issa qed namministra ’l-erwieħ… xejn iżjed ma nixtieq u naħseb ħlief li ngħix u mmut għall-erwieħ fdati f’idejja”.

 

Is-Sinodu tiegħu

Bħala segretarju ta’ l-Isqof ta’ Bergamo ħamsa u erbgħin sena qabel, hu kien għaraf il-valur li hemm f’li tiġbor flimkien il-kleru djoċesan; għalhekk beda mill-ewwel iħejji biex isejjaħ konċilju, jew sinodu, tal-ħmistax-il isqof u tal-kleru li kellu fil-Patrijarkat.  Il-pjan pastorali tiegħu għal Venezja ressqu quddiem is-Sinodu fil-Bażilika ta’ San Mark bejn il-25 u s-27 ta’ Novembru 1957.  Is-sena ta’ wara, fit-3 ta’ Ottubru, sar jaf bil-mewt tal-Papa Piju XII.  Tlitt ijiem wara xtara biljett tal-ferrovija minn Venezja għal Ruma u lura biex jattendi għall-funeral u l-konklavi.  Il-Kardinal Roncalli qatt ma basar li kull ma kellu bżonn kien ta’ biljett ’l hemm!

 

Il-Konklavi

Wara l-konklavi, kien hemm ġimagħtejn ta’ preparazzjoni, li tulhom il-gruppi żgħar ta’ kardinali eletturi, li kienu jgħoddu biss wieħed u ħamsin, iddiskutew x’tip ta’ papa kellha bżonn il-Knisja fl-1958.  Erbgħa u għoxrin minn dawn il-kardinali kienu ixjeħ minn Angelo Roncalli, li għalkemm kellu 77 sena, kien għadu mimli enerġija.  Il-purtiera tal-konklavi ngħalqet fil-25 ta’ Ottubru.  Kien konkors pjuttost diffiċli; kien biss fit-28 wara nofs in-nhar li Roncalli kiseb il-voti meħtieġa ta’ żewġ terzi u wieħed.

 

Hu għażel l-isem ta’ Ġwanni XXIII u fid-djarju tiegħu kiteb: “Kien hemm madwar 300,000 iċapċpuli meta ħriġt fuq il-gallarija ta’ San Pietru.  Bid-dwal ta’ l-arkati jgħammex ġo għajnejja ma stajt nara xejn ħlief folla kbira u bla forma”.

 

Bidu ta’ era ġdida

M’għandniex dubju li l-Kardinal Roncalli kien il-kandidat tal-kardinali konservattivi Taljani li riedu u ppretendew par idejn tradizzjonali u żguri li jżommu għaddej l-istatus quo għal ftit snin oħra, sakemm jinqala’ kandidat iktar addattat.  Il-ġudizzju tagħhom kien żbaljat għal kollox.  Ħadd ma kien qed jistenna daqshekk enerġija jew ħsieb pastorali kreattiv, u ħafna baqgħu mbellha.  Kif kiteb it-Time Magazine ta’ Novembru 1958: “Jekk xi ħadd stenna li Roncalli sa jkunu sempliċiment papa proviżorju, li jipprovdi transizzjoni għall-papat li jmiss, din l-idea kellu jeqridha fi żmien minuti wara l-elezzjoni tiegħu.  Hu daħal b’kuraġġ bħallikieku kien sid il-post, jiftaħ beraħ it-twieqi u jmexxi l-għamara fejn jogħġbu”.

 

Fl-ewwel messaġġ tiegħu, hu ħabbar x’kellhom ikunu ż-żewġ temi prinċipali li jimmarkaw il-pontifikat tiegħu: l-għaqda u l-paċi.  Żamm kelmtu mill-ewwel billi bagħat ix-xewqat sbieħ lill-Knejjes Ortodossi u “lil dawk kollha li huma mifruda minn din is-Sede Appostolika”.  Il-Kurja Rumana ma impressjonatx ruħha, imma xi wħud allarmaw ruħhom.  Il-Papa l-ġdid impenja ruħu biex jirbaħ l-appoġġ tagħhom, u bil-ġesti tiegħu wera li ried jaħdem magħhom iktar milli kontrihom.

 

Il-Milied fil-ħabs

Bħala Isqof ta’ Ruma hu għamel xi ħaġa ġdida; qatta’ l-parti l-kbira ta’ jum il-Milied mat-tfal morda ta’ l-Isptar Bambin Gesù u l-għada tal-Milied mal-priġunieri fil-ħabs Regina Cœli.  L-istil pastorali ġdid kien ċar għal kulħadd u l-pontifikat il-ġdid beda l-mixja tiegħu, bl-istampa xxandar stejjer eċċitanti u udjenzi mal-Papa l-ġdid li spikkaw għall-informalità u n-nuqqas ta’ protokoll li kien fihom.

 

Idea ta’ Konċilju

Jumejn biss wara l-elezzjoni tiegħu, fit-30 ta’ Ottubru, il-Papa Ġwanni qasam ma’ Dom Capovilla, is-segretarju tiegħu, l-idea li kellu tberren f’moħħu li jlaqqa’ Konċilju Ġenerali.  Iddiskuta l-ħsibijiet tiegħu ma’ xi ħbieb tal-qalb u sab reazzjoni mħallta.  Sa fl-aħħar, f’Jannar iddeċieda u ftit jiem wara, kollu anzjuż, ħabbar lill-kardinali kollha, miġbura fil-Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura, l-intenzjoni tiegħu li jsejjaħ sinodu għad-djoċesi ta’ Ruma u konċilju ekumeniku għall-Knisja universali.  Il-Papa Ġwanni ħareġ diżappuntat u qalbu sewda minħabba fir-reazzjoni tal-kardinali; huma baqgħu wiċċhom tal-ġebel!

 

X’tip ta’ Konċilju?

Wara l-kwinti bdiet ġlieda twila u mqallba dwar in-natura vera tal-Konċilju.  Kellu jkun, kif xtaqu l-Papa Ġwanni, Konċilju ta’ tiġdid u riforma, jew, kif xtaqitu l-Kurja, Konċilju ta’ difiża li joħroġ jikkundanna l-iżbalji moderni?  Dan narawh fl-artiklu li jmiss.


 

It-Tielet Parti: Il-Ġlieda għal Konċilju

 

F’Ottubru ta’ din is-sena niċċelebraw l-aktar ġrajja importanti fil-Knisja Kattolika fis-seklu għoxrin; il-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, ħamsin sena ilu.

 

“Djarju ta’ Ruħ”

Il-Beatu Papa Ġwanni XXIII kien l-ewwel papa fl-istorja tal-Knisja li kien iżomm djarju personali.  Sa mill-età ta’ erbatax-il sena sa mewtu fl-età ta’ 81 sena, il-Papa Ġwanni kien iżomm dak li hu sejjaħlu “Djarju ta’ Ruħ”; fuq pitazzi ta’ l-iskola, biċċiet strambi tal-karta u djarji qodma kien iniżżel punti dwar il-mixja tiegħu fit-triq lejn il-qdusija.  F’dak id-djarju personali huma riflessi l-kobor ta’ ħsiebu, is-sempliċità tiegħu u l-imħabba vera li kienet tixgħel minnu għal kull min kien imur iżuru u għad-dinja kollha.

 

Ħajja ta’ bosta influwenzi li mmaturawh

Siltiet meħuda mid-Djarju ta’ Ruħ ġew ippubblikati minn Geoffrey Chapman fl-1964.  Huma jikxfu kif bil-mod il-mod hu beda jifhem iżjed fil-fond min hu, u kif minn adolexxent u żagħżugħ ta’ karattru pjuttost imprevedibbli għadda għall-figura kunfidenti li kienet timla sew it-Tron ta’ San Pietru.  Id-djarju jirrakkonta l-karriera ekkleżjastika tiegħu li ħaditu f’bosta nħawi differenti tad-dinja u tatu esperjenza ta’ popli u ċirkustanzi li faċilment setgħu qarrsu l-wiċċ ta’ persuna oħra bi stamina inqas minn tiegħu.  L-ewwel xokk tas-servizz militari tiegħu bħala koskritt fl-età ta’ għoxrin sena; l-esperjenzi qarsa tiegħu bħala assistent u kappillan fit-trunċieri ta’ l-Ewwel Gwera Dinjija; il-perjodu twil ta’ iżolament fil-Bulgarija u t-Turkija, taħt reġim ostili għal dak kollu li kien jemmen fih, apparentement minsi minn Ruma; u l-ħidma diplomatika fi Franza ta’ wara l-Gwerra, meta l-miżinterpretazzjoni ta’ l-intenzjonijiet tal-Knisja kienet fl-aqwa tagħha.  Sa fl-aħħar, is-sodisfazzjon tax-xogħol pastorali f’Venezja, u warajh id-diffikultà, bħala Papa, biex jipprovdi lill-Knisja Konċilju ta’ riforma li bla dubju ta’ xejn tant kellha bżonn.

 

Laqgħa ostili

Il-Papa Ġwanni ħareġ tassew diżappuntat meta, fil-25 ta’ Jannar 1959, kollu entużjast qasam mal-kardinali tal-Kurja l-idea tiegħu li jsejjaħ Konċilju Ġenerali tal-Knisja, biex imbagħad spiċċa jħabbat wiċċu ma’ indifferenza u apatija totali.  Il-membri tal-Kurja riedu jgħadduh biż-żmien lil dan ix-xwejjaħ u kienu lest jaċċettaw il-proġett biss jekk setgħu jikkontrollaw it-tħejjijiet.  Minn esperjenza ta’ tant snin, il-kardinali tal-Kurja kienu jafu li min jikkontrolla l-aġenda jikkontrolla wkoll il-laqgħa!

 

Dimensjoni ekumenika

Mill-għoxrin sena li għadda fil-Bulgarija u t-Turkija, il-Papa Ġwanni kienu konxju tassew mill-ħtieġa ta’ djalogu mal-Knejjes Ortodossi u ried li l-Konċilju, fuq kull ħaġa oħra, ikun wieħed pastorali b’dimensjoni ekumenika qawwija.  Dawk il-Kattoliċi, bħal Dun Jan Willebrands (aktar tard kardinal), li għal bosta snin kienu ilhom jaħartu waħidhom it-triq għall-ekumeniżmu, bdew jimbuttaw kemm jifilħu biex jiżguraw li l-Insara l-oħra jkollhom xi sehem fi-Konċilju.  Dan ma kienx sa jinżel tajjeb mal-membri antikwati tal-Kurja.  Il-Papa Ġwanni kultant kien jgħid, b’nofs ċajta: “Hawnhekk jien sempliċiment il-Papa!”.

 

Pentekoste ġdid

Sadanittant, it-tħejjijiet għall-Konċilju baqgħu għaddejjin.  Il-Kardinal Tardini, is-Segretarju konservattiv ta’ l-Istat, ingħata f’idejh it-treġija tal-Kummissjoni Preparatorja li ltaqgħet għall-ewwel darba fit-30 ta’ Ġunju 1959.  Il-Papa Ġwanni qalilhom li kien qed jittama li l-Konċilju jkun “Pentekoste ġdid” għall-Knisja.  Hu ddikjara li, la l-Ispirtu s-Santu kien żera’ hu din l-idea tal-Konċilju, l-Ispirtu s-Santu kienu sa jieħu ħsieb il-mixja u l-għeluq tiegħu.  Sadanittant il-Kardinal Tardini kien qed jiġbor l-esperti (periti) mill-universitajiet Rumani.  Hu ddikjara li kien finanzjarjament iktar vjabbli tuża lilhom, milli tistieden esperti minn universitajiet Kattoliċi oħra madwar id-dinja.

 

Papa “mitfi”!

Fit-30 ta’ Ottubru, il-Kardinal Tardini sejjaħ konferenza stampa biex jgħid lid-dinja x’kien ifisser Konċilju.  Ħareġ ċar għal dawk li attendew li l-Kardinal Segretarju ta’ l-Istat ma kien xejn interessat fl-ekumeniżmu jew fir-riforma tal-Knisja.  Fost iċ-ċrieki ta’ ġol-Kurja kien hemm ferħ kbir, għax ħafna mill-kardinali kienu diġà ttimbraw lit-Twajjeb Papa Ġwanni bħala “mhux tant intelliġenti u innovatur perikoluż”.  Il-Kurja kienet se tħalli lill-papa xwejjaħ jagħmel il-Konċilju tiegħu għax kienet hi fil-kontroll!

 

Kontroll sħiħ mill-Kurja

Il-Kummissjoni Preparatorja kkonsultat ma’ 2,821 prelat u istituzzjoni u wieġbu 76%.  It-tweġibiet inżammu kunfidenzjali, biex ħadd ma seta’ jkun jaf kif kienu wieġbu l-isqfijiet.  Kien inkwetanti l-fatt li l-Kummissjoni Teoloġika Ċentrali u l-għaxar sotto-kummissjonijiet tagħha kienu taħt il-kontroll tal-Kurja Rumana; dan kien evidenti meta ġew imxandra l-ismijiet tat-tmien mitt membru (kollha rġiel).  Ir-“Rumani” kien irnexxielhom iżommu barra ’l-“barranin”.  Teologi, studjużi tal-Bibbja u liturġisti famużi mad-dinja kollha, bħall-Amerikani John Courtney Murray u John L. McKenzie, Karl u Hugo Rahner mill-Bavarja, Henri de Lubac u Jean Danielou minn Franza, id-Dumnikani influwenti Yves-Marie Congar u Marie-Dominique Chenu, u bosta oħrajn ġew kollha esklużi.  Kien hemm l-idea li l-ekkleżjastiċi rġiel Rumani kellhom monopolju ta’ “għerf imdawwal”.  Bosta isqfijiet minn madwar id-dinja bdew jitħassbu, għax bdew jibżgħu li l-Konċilju kien sa jkun nieqes mill-bażi akkademika moderna u l-attribut essenzjali tal-libertà.

 

Passi ’l quddiem fl-Ekumeniżmu

Sadanittant, l-interess personali tal-Papa Ġwanni baqa’ dak fl-Għaqda ta’ l-Insara, u f’wiċċ l-oppożizzjoni tas-soltu, hu waqqaf Kummissjoni ġdida, is-Segretarjat għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda ta’ l-Insara, taħt it-tmexxija enerġetika u ispiranti tal-Kardinal Bea.  Fix-xhur li ġew wara, il-Kardinal Bea – li f’kull pass ġdid li jmidd beda jsib l-oppożizzjoni ta’ l-arċi-tradizzjonalista l-Kardinal Ottaviani – kellu jaħdem qatta’ bla ħabel biex jiddefendi s-Segretarjat tiegħu.  Fit-2 ta’ Diċembru 1960, sar pass storiku importanti meta Dr Geoffrey Fisher, Arċisqof ta’ Canterbury, bi tweġiba għall-istedina tal-Kardinal Bea, żar lill-Papa f’Ruma.  Hu kien l-ewwel Arċisqof ta’ Canterbury li għamel hekk sa minn żmien ir-Riforma.

 

L-aħħar stadji

L-aħħar stadji ta’ tħejjija għall-Konċilju bdew fl-20 ta’ Ġunju 1961.  Il-Papa Ġwanni qal lill-Kummissjoni Organizzattiva Ċentrali li kellha taħseb mhux biss għall-membri ta’ l-Istampa imma wkoll għar-radju u t-televiżjoni.  (Dan kellu jkun l-ewwel Konċilju fl-istorja li rċieva kopertura internazzjonali mill-medja).

 

Hu tenna prinċipju sempliċi: “L-ebda ħaġa li tista’ tgħin lill-erwieħ m’għandha tinżamm moħbija”.  Il-Papa enfasizza ħafna li l-għan tal-Konċilju kien l-aggiornamento jew it-tiġdid tal-Knisja Kattolika.

 

Tensjonijiet ġodda

Is-Segretarju ta’ l-Istat tal-Papa, il-konservattiv Kardinal Tardini, sofra attakk qawwi tal-qalb u miet fit-30 ta’ Lulju 1961.  Il-Papa Ġwanni ħataf l-opportunità biex jaħtar lill-Kardinal Cicognani, bniedem li kien joqrob aktar lejh fil-fehmiet tiegħu, bħala s-Segretarju l-ġdid ta’ l-Istat.  Il-Kardinal Ottaviani, li, wara l-mewt ta’ Tardini, ħa f’idejh it-tmexxija tal-fazzjoni konservattiva li kienet qed topponi l-Konċilju, attakka l-proposta tal-Kardinal Bea li osservaturi Nsara li ma kinux Kattoliċi jitħallew jattendu għall-Konċilju.  Ħa x-xokk ta’ ħajtu meta sab li ħarġu jiddefendu bil-qawwa lil Bea, il-Kardinal Alfrink ta’ Utrecht u l-Kardinal Konig ta’ Vienna.  Ma kienx qed jistenna li l-“barranin” kienu sa jirreaġixxu!  Il-Papa Ġwanni, issa ta’ tmenin sena, kien qed iħoss ix-xogħol tat-tħejjijiet bħala piż tqil fuqu, imma hawn sab is-sapport tal-Kardinal Montini (li fi żmien qasir kellu jilħaq il-Papa Pawlu VI) u l-Kardinal Suenens.  Dawn it-tnejn kienu pożittivi u moħħhom ċar dwar l-għan veru tal-Konċilju.  Montini qal li l-ħidma ewlenija tiegħu kellha tkun it-tiġdid u l-aggiornamento.

 

Jaslu l-Padri Konċiljari

Lejn nofs Settembru 1962, il-Papa Ġwanni kien qed isofri minn uġigħ fl-istonku u nstab li kellu kankru fl-istonku.  Hu ordna li dan kellu jinżamm sigriet, għax ma ried xejn li joħloq distrazzjoni mill-Konċilju.  Hu kkummenta li l-kontribut tiegħu lill-Konċilju hu u jiltaqa’ kien se jkun permezz tat-tbatija.  Il-Kurja riedet Konċilju qasir u konċiż, li fi tmiemu l-“barranin” setgħu jirritornaw bil-kwiet lejn darhom u kollox jerġa’ lura għan-normal.  Għalhekk l-istennija ġenerali kienet li l-Konċilju jlesti l-ħidma tiegħu f’sessjoni waħda (mill-11 ta’ Ottubru sat-8 ta’ Diċembru).  Sa issa, Ruma kienet diġà miżgħuda b’isqfijiet li kienu qed jaslu minn madwar il-globu kollu.  Il-217 mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika qagħdu f’lukandi Rumani, waqt li t-42 mill-Ingilterra u Wales qagħdu fil-Kulleġġ Venerabbli Ingliż; il-531 mill-Amerika Latina sabu ospitalità fil-kulleġġi nazzjonali.  Kienet sorpriża meta waslu tmien mitt isqof missjunarju, minn total uffiċjali ta’ 2,449.  Għall-ewwel ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ isqfijiet mill-Ewropa tal-Lvant, imma mbagħad fit-8 ta’ Ottubru wasal il-Kardinal Wyszinski bi tlettax-il isqof Pollakk miegħu (fosthom l-isqof żagħżugħ minn Krakow, il-Kardinal Wojtyla, iktar tard il-Papa Ġwanni Pawlu II).  Wara xi jiem, l-awtoritajiet Komunisti tal-Blokk tal-Lvant ħallew xi isqfijiet oħra jattendu, imma 274 qatt ma tħallew joħorġu!

 

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ

Iċ-ċerimonja twila tal-ftuħ fil-Bażilika ta’ San Pietru kienet maestuża u trijonfanti.  Robert Kaiser tat-Time Magazine, li osserva mill-qrib il-purċissjoni twila u mlewna ta’ isqfijiet deħlin fil-Bażilika ta’ San Pietru, qal: “L-ewwel impressjoni tiegħi kienet waħda ta’ l-universalità immensa tal-Knisja.  Rajt uċuħ suwed, uċuħ sofor, uċuħ kannella: minn ċerta distanza kienet qisha kaskata ta’ kull lewn tal-qawsalla”.  Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Papa Ġwanni XXIII tkellem dwar kif konċilju kien iċ-ċelebrazzjoni ta’ fidi qadima imma dejjem ġdida.  Hu kellu wkoll kelma iebsa għall-kritiċi ta’ ġol-Kurja u qiegħdhom f’posthom meta sejħilhom “profeti ta’ l-isfortuna” li jemmnu li żmienna hu wisq eħżen miż-żminijiet ta’ qabel.  “Għall-kuntrarju”, hu qal, “il-providenza qed tmexxina lejn ordni ġdid ta’ relazzjonijiet umani”.  Il-Papa Ġwanni għalaq billi semma prinċipju importanti: “Id-duttrina awtentika għandha tiġi studjata u mwessgħa fid-dawl tal-metodi ta’ riċerka u l-lingwaġġ tal-ħsieb modern.  Għax is-sutanza tad-depożitu antik tal-fidi hi ħaġa, u l-mod kif din hi ppreżentata hi ħaġa oħra”.

 

Drama kbira!

L-ewwel ġurnata tax-xogħol tal-Konċilju kienet l-14 ta’ Ottuibru.  Hekk kif il-Padri Konċiljari kienu sabu posthom bil-qiegħda fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Kardinal Tisserant, li kien qed jippresiedi, tahom istruzzjonijiet biex jimmarkaw, fuq il-karti tal-votazzjoni li ġew provduti, l-ismijiet tal-membri tal-Kummissjoni li kienu japprovaw.  Il-mija u tmenin isem kienu ġew magħżula kollha mill-Kurja!  F’mossa maħsuba minn qabel, il-Kardinal Lienart ta’ Lille talab il-mikrofonu biex ikellem lill-Konċilju.  Tisserant ċaħad it-talba tiegħu.  Imma l-Kardinal Lienart injorah, ħataf il-mikrofonu f’idejh u ppropona lill-assemblea li jsir aġġornament biex il-Padri Konċiljari jkollhom il-ħin jikkonsultaw ma’ xulxin u jiddeċiedu huma lil min riedu bħala membri tal-Kummissjoni.  F’wiċċ ir-rabja ta’ Tisserant u Ottaviani, il-Padri Konċiljari qablu u hekk, nofs siegħa biss wara li daħlu, l-isqfijiet ħarġu lura barra fid-dawl tax-xemx bil-kontroll tal-Konċilju mill-ġdid f’idejhom!


 

Ir-Raba’ Parti: Il-Ħidma tal-Konċilju: Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla

 

F’Ottubru ta’ din is-sena niċċelebraw l-aktar ġrajja importanti fil-Knisja Kattolika fis-seklu għoxrin; il-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, ħamsin sena ilu.

 

Sapport mid-dinja kollha

Il-Beatu Papa Ġwanni XXIII kellu jissara għal kważi erba’ snin biex irnexxielu jiftaħ il-Konċilju tiegħu, u, b’żieda ma’ dan, issa fl-aħħar ftit xhur kellu jiġġieled ukoll ma’ kanċer terminali fl-istonku.  Kien diżappunt qares għalih meta fehem li qatt ma kien sa jgħix biżżejjed biex jara t-twettiq tal-ħidma tal-Konċilju.  Madankollu, hu ħa r-ruħ meta l-isqfijiet djoċesani (meqjusa l-“barranin” mill-Kurja Rumana), ħatfu l-kontroll tal-Konċilju minn taħt idejn iċ-“ċirku l-qadim” tal-kardinali bbażati f’Ruma.  It-Twajjeb Papa Ġwanni kompla jħossu iżjed sodisfatt meta, wara l-ftuħ tal-Konċilju, bdew jaslulu bosta xewqat sbieħ minn mexxejja ta’ pajjiżi, fosthom il-President Khrushchev ta’ l-Unjoni Sovjetika u l-President Kennedy ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.  Kapijiet ta’ reliġjonijiet oħra kbar tad-dinja bagħtu t-tislimiet tagħhom, bħar-Rabbi Brodie, l-Ogħla Rabbi Ingliż, il-Patrijarka Athenagoras ta’ Konstantinopli, u l-Arċisqof Michael Ramsey ta’ Canterbury.  Insara ta’ fama dinjija, bħal Martin Luther King, Billy Graham u Roger Schutz ta’ Taize bagħtulu l-isbaħ xewqat u wegħduh it-talb tagħhom għas-suċċess tal-Konċilju.  Hekk seħħet sa fl-aħħar il-ħolma tat-Twajjeb Papa Ġwanni.

 

Kif mexa l-Konċilju

Ir-ritratt li juri l-Padri Konċiljari kollha (l-akbar numru għall-inawgurazzjoni kien ta’ 2,860), bil-qiegħda f’dik is-solennità kollha fil-Bażilika ta’ San Pietru, imżejna bl-ifejn ilbies, jiżgwidak daqsxejn…  L-albi, l-istoli, il-mitri u l-kapep tagħhom libsuhom biss għaċ-ċerimonji tal-ftuħ u ta’ l-għeluq.  Għal waqt il-ħidma tagħhom fi gruppi u fis-sessjonijiet plenarji, meta kienu jsiru d-diskorsi u jgħaddu l-voti, il-Padri Konċiljari kienu jilbsu l-ħwejjeġ ekkleżjastiku normali tagħhom.

 

Dokumenti għad-diskussjoni u abbozzi finali tagħhom għall-approvazzjoni kienu jitħejjew mill-Kummissjonijiet u jinħadmu mill-gruppi tal-lingwi; imbagħad ir-riżultati kienu jiġu ppreżentati lill-Konċilju kollu.  Hawn kienu jsiru d-diskorsi favur din jew dik il-pożizzjoni.  Xejn ma kien jiġi finalizzat jekk qabel ma jgħaddix mill-vot u mbagħad, meta jintlaħaq qbil fuqu, jitressaq għall-approvazzjoni tal-Papa.  Ngħidu aħna, l-ewwel dokument li fuqu vvutaw il-Padri Konċiljari kien il-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa; 2,162 ivvotaw favur, b’46 vot biss negattiv.  Il-Papa Ġwanni ma ħax sehem fid-diskussjonijiet u d-dibattiti, irrifjuta li jxaqbel ma’ xi naħa, u ħalla kollox f’idejn l-isqfijiet; imma segwa ħafna mid-diskussjoni permezz ta’ link televiżiv magħmul apposta għalih.

 

Progress bil-mod

Ix-xogħol fuq l-ewwel dokument, il-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija, dam għaddej ġimgħat sħaħ.  Sadanittant fil-Bażilika ta’ San Pietru kienu għaddejjin stili differenti ta’ kult liturġiku.  Għalkemm kien fi stat kontinwu ta’ wġigħ, il-Papa Ġwanni wera li ma kienx tilef is-sens ta’ umoriżmu li kellu.  Meta nstema’ l-ħoss tat-tisbit ta’ tnabar ħiereġ mill-Bażilika, xi ħadd staqsieh x’kien qed jiġri.  Il-Papa Ġwanni wieġeb: “Ma nafx, imma naħseb qed jippreparaw biex jgħallu kardinal!”.  Wasal Novembru u waqgħet dalma fuq il-Konċilju għax ftit li xejn kien hemm xogħol lest għall-ġimgħat tad-dibattitu; żgur li kienu meħtieġa iktar sessjonijiet.  Fit-8 ta’ Diċembru l-Papa għalaq l-ewwel sessjoni (kulħadd seta’ jintebaħ kemm kien marid).  Sa issa, kienu ġew diskussi l-Liturġija, ir-Rivelazzjoni, l-Ekumeniżmu, il-Komunikazzjonijiet u n-natura tal-Knisja, imma l-ebda waħda minnhom ma kienet inħadmet f’forma finali.  Wieħed mill-aħħar ġesti li għamel il-Papa Ġwanni kien li kiteb ittra personali lill-“Isqfijiet tal-Konċilju” biex ifakkarhom li għalkemm kienu qed jieħdu żmien ta’ mistrieħ mill-Konċilju, ix-xogħol kellu jkompli.  Bagħtilhom biex jaħdmu fuqhom id-dar għoxrin abbozz ta’ dokument ġdid.

 

It-Twajjeb Papa Ġwanni jmut

Fit-3 ta’ Ġunju 1963, il-ġurnal nazzjonali Ingliż, The Daily Herald (li f’Settembru 1964 tnieda mill-ġdid bl-isem The Sun), ħareġ bit-titlu kbir fuq quddiem Quddiesa ma’ Nżul ix-Xemx, imbagħad it-Tmiem.  Is-sottotitlu taħtu kien jgħid: “100,000 għarkubbtejhom mal-mewt tal-Papa” u “Il-velja twila tintemm fit-7.49”.  Ir-rapport jiftaħ bil-kelmiet: “Il-Papa Ġwanni miet il-lejla fit-7.49pm – disa’ minuti wara li ntemmet fi Pjazza San Pietru Quddiesa kbira ma’ nżul ix-xemx għall-bżonnijiet tiegħu.  Hekk intemmu erbat ijiem ta’ agunija għall-Papa bidwi ta’ wieħed u tmenin sena li għal iktar minn sena kien sofra b’dinjità tumur ikrah fl-istonku tiegħu”.

 

Il-Papa Pawlu VI

Wara l-mewt tat-Twajjeb Papa Ġwanni, l-ikbar ansjetà tal-Padri Konċiljari kienet jekk il-papa li jmiss kienx sa jkompli bil-Konċilju; ma kienx marbut jagħmel dan!  Ma kellhomx għalfejn jinkwetaw, għax fil-21 ta’ Ġunju ġie elett il-Kardinal Montini, ħabib u sostenitur tal-Papa Ġwanni, li għażel l-isem ta’ Pawlu VI.  L-ewwel ġest tiegħu bħala Papa kien li ħabbar li l-Konċilju kellu jissokta; ħabbar ukoll li kienu sa jintgħażlu xi lajċi Kattoliċi biex jieħdu sehem fih u li ma’ l-osservaturi Nsara mhux Kattoliċi kienu sa jingħaqdu rappreżentanti tar-Reliġjonijiet tad-Dinja.  Il-Papa Pawlu fetaħ it-tieni sessjoni fid-29 ta’ Settembru 1963.

 

Il-ħidma tal-Konċilju

M’għandniex spazju hawn biex nimxu xahar b’xahar ma’ l-istorja tal-Konċilju (ara Tony Castle, Good Pope John and His Council, UK 2006).  Dak li jinteressana l-iżjed hu l-frott ta’ din l-assemblea.  Is-sittax-il dokument ippromulgati fi tmiem il-Konċilju xxandru kollha bil-Latin, il-lingwa uffiċjali tal-Knisja.  Spiss issir riferenza għalihom skond l-ismijiet tagħhom bil-Latin; ngħidu aħna l-Kostituzzjoni tant importanti fuq il-Knisja spiss hi magħrufa bħala Lumen Gentium (Dawl tal-Ġnus).  Hawn sa nħarsu l-ewwel lejn id-dokumenti li jittrattaw ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, u d-darba li jmiss naraw dawk li jħarsu lejn ir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin u mad-dinja.

 

Il-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium

Prinċipji ġenerali: Kristu hu dejjem preżenti fil-Knisja tiegħu; fil-komunità tiegħu ta’ fidi, il-Poplu ta’ Alla, u permezz tagħha, hu kontinwament jagħti ġieħ u qima lill-Missier.  Għalhekk kull ċelebrazzjoni liturġika hi l-azzjoni ta’ Kristu nnifsu; l-ebda azzjoni oħra ma tgħaddiha.  Il-qima pubblika li nagħtu lil Alla hi l-għemil l-aktar għoli u perfett tal-Knisja; hi s-sors, jew għajn, li minnha aħna nixorbu l-qawwa spiritwali tagħna biex ngħixu l-ħajja Nisranija.

 

Il-Liturġija m’hix ċerimonjal estern; titlob li wieħed ikollu l-fidi u n-nies għandhom jersqu lejn dan l-att ta’ qima b’dispożizzjonijiet xierqa.  Hu fid-dmir tal-kleru li jara li dawk li jieħdu sehem fil-liturġija, jagħmlu dan billi “jieħdu sehem ħaj fiha, ikunu jafu x’ikun qed isir, u jkollhom frott minnha”.  Il-Knisja tixtieq tabilħaqq li l-poplu tagħha jasal għal “sehem sħiħ, konxju u attiv” fl-Ewkaristija u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra.  Il-funzjonijiet għandhom ikunu ċari u dinjitużi, b’sempliċità nobbli, u jinftiehmu min-nies ordinarji.

 

L-Ewkaristija: Il-lajċi għandhom iħossuhom milqugħin u involuti fl-Ewkaristija fil-parroċċa.  L-istruttura tal-Quddiesa għandha tkun iżjed sempliċi, biex kulħadd jista’ jieħu sehem attiv fiha.  “It-teżori ta’ l-Iskrittura għandhom jinfetħu aktar”; b’ċiklu ġdid ta’ tliet snin ta’ qari.  It-Talbiet Universali għandhom jerġgħu jiddaħħlu u tintuża l-lingwa vernakulari tul iċ-ċelebrazzjoni kollha.  Il-fidili għandhom jiġu mħajra jirċievu t-Tqarbina Mqaddsa f’kull Quddiesa u possibbilment taħt iż-żewġ speċi.

 

Punti importanti tad-dokument:

• Il-Misteru Paskwali hu mqiegħed mill-ġdid fil-post ċentrali tiegħu.

• Is-Sagramenti huma xi ħaġa komunali, u mhux biss att personali ta’ qima.

• Il-lajċi u l-kleru t-tnejn għandhom rwoli importanti; il-liturġija m’hix f’idejn il-kleru biss.

• L-Iskrittura għandha mill-ġdid il-post li jixirqilha, bħala l-Liturġija tal-Kelma.

• Issir distinzjoni importanti bejn il-partijiet li ma jinbidlux (dawk li ġew mgħoddija lilna b’mod divin, eż. l-ilma fil-Magħmudija) u l-partijiet li jinbidlu (dawk il-partijiet li mal-medda taż-żmien jistgħu jvarjaw, eż. il-lingwa li tintuża).

 

Il-Kostituzzjoni fuq ir-Rivelazzjoni Divina Dei Verbum

Sfond: Dan id-dokument għadda wara proċess drammatiku.  Erba’ darbiet il-Padri Konċiljari rrifjutaw l-abbozzi mressqa mill-Kummissjoni Teoloġika.  Kien biss fir-Raba’ Sessjoni li l-Kostituzzjoni ntlaqgħet kważi b’vot unanimu.

 

Il-Bibbja tinsab fiċ-ċentru tal-Fidi Nisranija, imma fil-ħajja Kattolika anki t-Tradizzjoni tokkupa dan il-post.  Kif nistgħu nsiru nafu lil Alla?  Kif jikkomunika mal-bnedmin?  Fuq naħa waħda, ir-riformaturi Protestanti kienu ddikjaraw li bil-“Bibbja biss”; il-Knisja Kattolika kienet wieġbet billi żammet lill-Kattoliċi milli jaqraw il-Bibbja fil-lingwa tagħhom!  L-istudju tal-Bibbja fost il-Protestanti, fis-seklu dsatax, kien sfida l-idea li l-Bibbja għandha tinftiehem b’mod litterali.  Fl-1943, il-Papa Piju XII, bl-enċiklika tiegħu Divino Afflante Spiritu, approva l-istudji tal-Bibbja fost il-Kattoliċi.  Dan id-dokument kien bażi importanti għad-dokument li mbagħad ħareġ il-Konċilju.

 

Prinċipji ġenerali: Alla, li ma jidhirx, jixtieq jilqa’ lill-bnedmin għall-ħbiberija miegħu.  Permezz tal-pattijiet u tal-profeti u, f’dan l-aħħar żmien, f’Ibnu nnifsu, hu ħejja t-triq għall-Vanġelu.  Kristu nnifsu, li fih ir-rivelazzjoni kollha ta’ Alla sseħħ fil-milja tagħha, fada dan il-Vanġelu f’idejn l-Appostli.  It-tagħlim ta’ l-Appostli jinsab b’mod speċjali fil-kotba ispirati tal-Bibbja.  Kemm it-Tradizzjoni u kemm l-Iskrittura Mqaddsa ħerġin mill-istess għajn u jingħaqdu flimkien.

 

Ispirazzjoni u interpretazzjoni: Il-Knisja żżomm li l-kotba tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid huma qaddisa għax inkitbu taħt l-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, imma Alla għażel u ħaddem aġenti umani fi żminijiet u ambjenti soċjali partikulari.  Aħna u nfittxu u ninterpretaw l-intenzjoni ta’ l-awturi umani, biex naslu għal dak li Alla ried jikkomunikalna, irridu noqogħdu attenti li nistudjaw tajjeb il-forom letterarji u l-kuntest storiku u soċjali tal-kitbiet.

 

Punti importanti tad-dokument:

• Ir-“rivelazzjoni” turi lil Alla, li hu mħabba, li jfittex li jidħol fi ħbiberija magħna.

• Il-Knisja tħares lejn l-Iskrittura u t-Tradizzjoni bħala żewġ għejjun li flimkien jiffurmaw id-depożitu waħdieni tal-Kelma ta’ Alla.

• Huma approvati metodi storiċi-kritiċi ta’ interpretazzjoni Biblika.

• Il-Vanġeli huma taħlita unika ta’ storja u interpretazzjoni teoloġika.

 

F’dawn l-artikli qosra, qed niskopru l-ħidma rivoluzzjonarja ta’ l-Ispirtu s-Santu, ħamsin sena ilu; din il-ħidma għadha għaddejja…


 

Il-Ħames Parti: Il-Ħidma tal-Konċilju: Ir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin

 

F’Ottubru ta’ din is-sena niċċelebraw l-aktar ġrajja importanti fil-Knisja Kattolika fis-seklu għoxrin; il-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, ħamsin sena ilu.

 

B’wiċċ sinċier

Tul it-tieni sessjoni tal-Konċilju Vatikan II, li nfetħet mill-Papa Pawlu VI fit-28 ta’ Settembru 1963, kienet qed tiċċirkola qalb il-Padri Konċiljari l-istorja tal-“Mara tal-Buttuni”, kif kienu jħobbu jsejħulha huma b’mod pulit.  Mara Amerikana ta’ mezz’età, mimlija enerġija, kienet tagħmel badges żgħar ikkuluriti li fuqhom kellhom slogans liberali, bħal “Agħtu vuċi lil-lajċi” u “Quddiesa bil-lingwa tagħna”.  Kont issibha kuljum ħdejn il-Bażilika ta’ San Pietru fejn, b’wiċċ sinċier, kienet tipprova tipperswadi lill-isqfijiet li kienu deħlin biex jieħdu badge magħhom u jilbsuha!

 

Wirt

Il-Konċilju Vatikan I (1869-1870) laħaq iltaqa’ biss għal ftit xhur għax kellu jagħlaq ħesrem minħabba li faqqgħet il-Gwerra bejn Franza u l-Prussja.  Il-Konċilju kien diġà ħejja abbozz twil ta’ dokument dwar il-Knisja, imma laħqu għaddew biss id-definizzjonijiet dwar il-papat.  Ma kienx hemm żmien biex tiġi eżeminata n-natura vera tal-Knisja u r-rwol ta’ l-isqfijiet u membri oħra tal-Knisja.  Sa minn kmieni, il-Konċilju Vatikan II ried jirrettifika dan.

 

Il-Kostituzzjoni fuq il-Knisja Lumen Gentium

Sfond: L-ewwel abbozz ta’ dokument ma ġiex aċċettat mill-Padri Konċiljari, li esprimew il-fehma tagħhom li kienet meħtieġa viżjoni radikalment differenti tal-Knisja, iktar Biblika, iktar storika, iktar vitali u dinamika.  Għalhekk bejn l-ewwel u t-tieni sessjoni ġie mħejji dokument totalment ġdid għad-diskussjoni.  Wara d-dibattitu fuq id-dokument ġdid, il-Padri Konċiljari bagħtuh lura u komplew jiddibattu.  Sa fl-aħħar id-dokument għadda fit-tielet sessjoni b’maġġoranza qawwija ta’ 2,151 vot kontra ħamsa.  Imma l-Padri Konċiljari rrikonoxxew il-fatt li kien fadal wisq aktar x’wieħed jiskopri u jgħid dwar il-Knisja.

 

ĠABRA FIL-QOSOR

Il-Misteru tal-Knisja

Il-Knisja taf l-eżistenza tagħha lil Kristu; l-Ispirtu s-Santu jiggwidaha bħala komunità ta’ fraternità u servizz.  L-awturi joffrulna varjetà ta’ xbihat Bibliċi biex jippruvaw ifissru l-misteru tal-Knisja; hi merħla, għalqa tad-dwieli, u aktar…  Hi komunità ta’ fidi, tama u mħabba, bi struttura li tidher, li permezz tagħha Kristu jikkomunika l-verità u l-grazzja lil kulħadd.  Il-Knisja “tissussisti” fil-Knisja Kattolika, imma bosta elementi li jwasslu għall-qdusija u l-verità jinsabu wkoll barra mill-komunità Kattolika f’komunitajiet ekkleżjali oħra.

 

Il-Poplu ta’ Alla

Kien il-pjan ta’ Alla li jsalva mhux individwi imma poplu sħiħ; hu għażel lil Israel biex ikun il-poplu tiegħu.  Kristu hu r-ras tal-poplu messjaniku ġdid; il-Knisja tiegħu hi Israel il-ġdid.  Il-poplu kollu ta’ Alla jieħu sehem fis-saċerdozju waħdieni ta’ Kristu; jidħol jagħmel minnu permezz tal-Magħmudija; huma jieħdu sehem ukoll fir-rwol profetiku ta’ Kristu.  Il-missjoni tal-Knisja hi li tkompli bil-ħidma fdata minn Kristu lill-Appostli tiegħu.

 

Il-Ġerarkija

Kif Pietru kien jagħmel “kulleġġ” wieħed flimkien ma’ l-Appostli, hekk ukoll jagħmel il-Papa flimkien ma’ l-isqfijiet.  Huma jmexxu l-“Knejjes lokali” bħala vigarji ta’ Kristu, mhux bħala vigarji tal-Papa.  L-awtorità li jħaddmu hi tagħhom.  L-isqfijiet huma megħjuna mis-saċerdoti u d-djakni – hu s-saċerdot tal-post li jagħmel lill-Knisja universali viżibbli fil-komunità lokali tiegħu.  Id-djakonat permanenti fil-Knisja għandu jerġa’ jiġi rrestawrat.

 

Il-Lajċi

Bil-Magħmudija, il-lajċi huma inkorporati fi Kristu u jieħdu sehem fir-rwol tiegħu ta’ saċerdot, profeta u sultan.  Il-vokazzjoni speċjali tagħhom hi li jfittxu lil Alla u s-saltna tiegħu fil-ħidmiet u l-ħwejjeġ ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum.

 

Kulħadd għandu mill-istess dinjità, għalhekk ma teżistix inugwaljanza fil-Knisja fuq bażi ta’ razza, nazzjonalità, sess, jew qagħda soċjali.  Il-kleru għandu jippromovi d-dinjità u r-responsabbiltà tal-lajċi, li għandhom dritt jgħarrfu lir-rgħajja tagħhom bil-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom.  Ir-rgħajja għandhom jilqgħu l-inizjattivi min-naħa tal-lajċi u jitħeġġu biex jitolbu l-pariri tagħhom.

 

Is-Sejħa għall-Qdusija

Fil-Knisja kulħadd, irrispettivament mill-pożizzjoni u l-ministeru tiegħu, hu msejjaħ għall-qdusija u biex jgħix il-milja tal-ħajja Nisranija.

 

Ir-Reliġjużi

Li tkun Reliġjuż m’hux nofs triq bejn is-saċerdoti u n-nies, imma stil ta’ ħajja partikulari.

 

Il-ħajja kkonsagrata tar-Reliġjużi m’għandhiex tkun iddedikata għall-ġid personali tagħhom biss, imma għall-ġid tal-Knisja kollha.

 

Il-Knisja Pellegrina

Il-Knisja m’hix perfetta; tilħaq biss il-perfezzjoni meta Kristu jerġa’ jiġi fil-glorja.  Tul dan il-vjaġġ Kristu jakkumpanja lill-membri pellegrini tal-Knisja tiegħu.

 

Il-Verġni Mqaddsa Marija

Il-Knisja tagħti ġieħ lil Marija, għax tagħha hi d-dinjità ta’ Omm Kristu, l-Iben ta’ Alla.  Permezz tal-maternità tagħha, Marija hi wkoll Omm il-Knisja.  Hi xbieha tal-Knisja, mudell ta’ qdusija u tal-ħajja Nisranija.

 

Punti importanti tad-dokument: L-Isqof Christopher Butler osb faħħar din il-Kostituzzjoni bħala “kisba kbira”, imma wkoll bħala biss “tarġa eqreb, u mhux il-kisba finali”.

• Il-Konċilju ċaħad fermament il-kunċett li l-Knisja hi “soċjetà perfetta”.

•  Id-dokument jirrifjuta li jidentifika l-Knisja temporali mas-saltna ta’ Alla.

• Il-Knisja għandha tiddjaloga ma’ żmienna u tkun miftuħa għal eżaminazzjoni tagħha nfisha.

• Il-Knisja ta’ Kristu m’hix ikkonfinata biss fil-limiti tal-Knisja Kattolika Rumana.  Knejjes oħra wkoll jieħdu sehem fir-realtà ta’ li tkun “Knisja”.

• Id-dinjità tal-lajċi ġejja mill-Magħmudija tagħhom; huma jieħdu sehem fis-saċerdozju ta’ Kristu.

• L-isqfijiet jiffurmaw kulleġġ wieħed flimkien mal-Papa, u mhux taħtu.

• Il-Konċilju jsejjaħ lill-membri kollha tal-Knisja biex ifittxu l-qdusija.

 

Limitazzjonijiet:

• Waqt li hemm tagħlim mill-isbaħ fuq il-Lajċi, ftit li xejn hu indirizzat ir-rwol tan-nisa fil-Knisja.

• L-għarfien imġedded tal-Knisja bħala l-poplu sħiħ ta’ Alla fetaħ il-kwistjoni tar-rwol ta’ l-awtorità fil-Knisja u r-rwol tas-saċerdoti.

Ġie osservat li l-Kurja, f’dawn l-aħħar snin, naqqset l-użu tat-terminu “il-Poplu ta’ Alla” (bl-implikazzjoni tiegħu dwar id-dinjità tal-Lajkat) u issa qed tippreferi tuża l-kelma “Komunjoni”.

 

Id-Digriet fuq l-Appostolat tal-Lajċi Apostolica Actuositatem

Fit-13 ta’ Ottubru 1964 infetaħ kapitlu ġdid fl-istorja, meta Patrick Keegan, minn Liverpool fl-Ingilterra, sar l-ewwel lajk li qatt indirizza Konċilju Ekumeniku, dwar “Ir-rwol tal-persuna lajka”.

 

Sfond: Għal sekli sħaħ “il-Knisja” kienet ġiet identifikata mal-kleru; il-lajċi spiss kienu meqjusa bħala membri tat-tieni klassi.  Fis-seklu dsatax il-lajċi bdew jiġu mħeġġa iktar u iktar jassistu l-kleru (eż. l-Azzjoni Kattolika), imma baqa’ xi ftit ir-rwol passiv tas-soltu, kif turi din il-frażi qasira: “itlob, ħallas u obdi” (bl-Ingliż “pray, pay and obey”).

 

ĠABRA FIL-QOSOR

Il-Vokazzjoni tal-Lajċi

Permezz tas-sagramenti tal-Magħmudija u l-Konfirmazzjoni, il-lajċi jieħdu sehem fir-rwoli ta’ Kristu bħala saċerdot, profeta u sultan.  Minn hawn ġejjin id-dritt u d-dmir tagħhom li jinvolvu ruħhom fl-appostolat tal-Knisja.  Hemm biss appostolat wieħed li fih jieħdu sehem l-imgħammdin kollha.  Il-lajċi m’humiex tal-Knisja, imma huma l-Knisja.

 

Bosta oqsma ta’ l-Appostolat

Il-kontribut tal-lajċi hu speċjali għalihom kif ukoll tassew meħtieġ.  Huma msejħa jagħtu xhieda tal-valuri Nsara f’postijiet li l-kleru ma jistax jilħaq.  Flimkien ma’ ċittadini oħra huma għandhom jippromovu l-ġustizzja u t-tjieba u l-ġid komuni; sew fil-parroċċa, sew fl-affarijiet lokali jew f’dawk nazzjonali u internazzjonali.  Il-koppji Nsara għandhom juru lid-dinja d-dinjità taż-żwieġ u tal-ħajja tal-familja.  Iż-żgħażagħ għandhom isibu kull għajnuna u inkuraġġiment.  Il-kleru għandu jilqa’ bil-ferħ u bi gratitudni l-involviment tal-lajċi.

 

Eżortazzjoni: Id-dokument jagħlaq b’talba mħeġġa lil kull persuna lajka biex twieġeb għas-sejħa ta’ Kristu biex inxerrdu l-Vanġelu u nsiru koperaturi tiegħu fid-dinja tal-lum.

 

Digriet fuq l-Ekumeniżmu Unitatis Redintegratio

Fl-1910, twaqqaf il-Moviment Ekumeniku biex jaħdem għall-għaqda fost il-Knejjes Insara.  Kien moviment għal kollox Protestant.  Il-pożizzjoni uffiċjali tal-Knisja Kattolika kienet ċara; jekk l-eretiċi Protestanti riedu l-għaqda – u l-istess bħalhom ix-xiżmatiċi Ortodossi –, kull ma riedu jagħmlu kien li jerġgħu lura fi ħdan il-Knisja waħda u vera.  Il-Papa Ġwanni XXIII ma kienx jaraha b’dan il-mod; waħda mill-intenzjonijiet tiegħu meta sejjaħ il-Konċilju kienet li jfittex it-triq għall-għaqda.  Il-Papa għaqqad il-frażi “ħutna mifruda minna” u insista li kellu jkun hemm delegati Protestanti u Ortodossi preżenti għall-Konċilju.

 

ĠABRA FIL-QOSOR

Prinċipji Kattoliċi

Fl-Aħħar Ċena, Kristu talab “li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21), u ta lid-dixxipli tiegħu kmandament ġdid ta’ mħabba reċiproka.  Pawlu jikteb: “Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu lil Kristu… għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:27-28).  Għalhekk il-Konċilju jħeġġeġ lill-Kattoliċi kollha biex jieħdu sehem attiv fil-ħidma għall-Għaqda tal-Knejjes.  L-Ekumeniżmu jimxi fuq tliet prinċipji:

a.   l-għaqda f’dak li hu essenzjali,

b.   libertà u varjetà f’dak li m’hux essenzjali,

c.    imħabba f’kollox.

 

Il-Kattoliċi huma msejħa jagħrfu l-preżenza u l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu fost ħutna mifruda minna.

 

Il-Prattika ta’ l-Ekumeniżmu

Il-Knisja kollha, kleru u poplu, għandha taħseb fuq modi kif tfittex mill-ġdid din l-għaqda.  Fi Knisja Pellegrina huma meħtieġa dejjem it-tiġdid u r-riforma.  L-ekumeniżmu jitlob bidla tal-qalb u ħajja qaddisa.  Li nitolbu flimkien għandu jkun ir-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu.  It-teologi Kattoliċi huma mistiedna jistudjaw it-teoloġija flimkien ma’ Nsara oħra, fi spirtu ta’ mħabba għall-verità.

 

 

Nhar il-Ħadd 15 ta’ Lulju 2012, il-Papa Benedittu XVI, hu u jitkellem fi Frascati, qalilna: “Aqraw mill-ġdid id-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II: fihom għana enormi għall-formazzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ Nsara”.  L-ispazju ma jippermettilniex iżjed milli nħarsu fil-qosor lejn ħamsa mis-sittax-il dokument Konċiljari; id-darba li jmiss naraw ieħor: “Il-Knisja fid-Dinja tal-Lum”.


 

Is-Sitt Parti: Il-Ħidma tal-Konċilju: Ir-relazzjoni tagħna mad-dinja

 

Dimensjoni internazzjonali

Il-karattru internazzjonali tal-Konċilju Vatikan II narawh minn ftit statistiċi.  L-attendenza totali ta’ Padri Konċiljari (isqfijiet u superjuri reliġjużi) kienet ta’ 2,860; l-aktar li attendew kienu għas-sessjonijiet tal-ftuħ u ta’ l-għeluq.  B’kollox ma tħallewx jattendu 274 isqof minn pajjiżi Komunisti.  Ir-Radju tal-Vatikan xandar fuq 6,000 siegħa ta’ tagħrif Konċiljari fi tletin lingwa differenti.  Irrappurtaw l-erba’ sessjonijiet fuq 1,000 ġurnalist tal-gazzetti u cameramen.  Il-Konċilju ltaqa’ għal għaxar xhur, fuq medda ta’ erba’ snin, u l-Padri Konċiljari għamlu 4,229 intervent bil-miktub u 2,205 intervent orali tul is-sessjonijiet.

 

Is-sessjoni finali

Is-sessjoni finali tal-Konċilju fetħet fl-14 ta’ Settembru 1965 u ġiet konkluża b’solennità kbira f’Quddiesa ċċelebrata mill-Papa Pawlu VI fil-Bażilika ta’ San Pietru, nhar it-8 ta’ Diċembru.  Din l-aħħar sessjoni kienet l-aktar waħda produttiva, għax lestiet u ppromulgat ħdax-il dokument.  L-aktar importanti fosthom hu l-Gaudium et Spes, il-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum.  Dan id-dokument igawdi d-distinzjoni interessanti li kien l-uniku dokument li oriġina direttament minn suġġeriment li għamel wieħed mill-Padri Konċiljari waqt id-diskussjonijiet.  Il-Papa Ġwanni XXIII, missier il-Konċilju, kien ikun kuntent immens b’dan id-dokument pastorali li kien f’tant sintonija ma’ l-għanijiet pastorali tiegħu għall-Konċilju.  Fil-fatt, l-aktar li kellhom influwenza fuq il-Gaudium et Spes kienu l-ittri enċikliċi tal-Papa Ġwanni, Mater et Magistra u Pacem in Terris.

 

Il-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum Gaudium et Spes

Sfond: Xi wħud jirraġunaw li fl-aħħar hawn għandna dokument li tassew “jitkellem” fuq it-tħassib tan-nies komuni: iż-żwieġ, il-familja, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-divertiment, il-paċi, u oħrajn.  Dak li ħeġġeġ lin-nies kien il-ħsieb miftuħ tal-Padri Konċiljari u l-isforz kontinwu tagħhom biex jenfasizzaw dak li hu pożittiv f’evalwazzjoni realistika tat-tendenzi u l-movimenti li għaddejjin fid-dinja moderna (kif kienet fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor).  Id-dokument fih żewġ partijiet: l-ewwel parti tiżviluppa t-tagħlim tal-Knisja dwar l-umanità u d-dinja li fiha ngħixu; it-tieni parti tikkonċentra fuq bosta aspetti tal-ħajja moderna u l-problemi li, fis-snin sittin, kienu jidhru qed jagħfsu l-iżjed fuq l-umanità.

 

ĠABRA FIL-QOSOR

L-Ewwel Parti: Il-Knisja u l-vokazzjoni ta’ l-umanità.  Il-ferħ u t-tama u l-esperjenzi bażiċi kollha tal-bniedem huma wkoll tal-ħbieb kollha ta’ Kristu u għalhekk tal-Knisja.  Hu dmir tal-Knisja li taqra s-sinjali taż-żminijiet; partikularment f’dan iż-żmien ta’ bidliet mgħaġġla.

 

1. Id-dinjità tal-persuna umana

• L-Iskrittura tgħallem li l-persuna umana ġiet maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla biex tkun essri soċjali.

• Fil-fond tal-kuxjenza tagħhom l-individwi jintebħu li hemm liġi, li huma marbuta li jobdu, u li ssejħilhom biex iħobbu u jagħmlu dak li hu tajjeb.

• Fil-libertà awtentika biss jista’ l-bniedem ifittex il-verità u l-imħabba.

• Il-bnedmin huma msejħin biex jieħdu sehem għal dejjem fil-ħajja divina, ħajja li tmur lil hemm mill-misteru tal-mewt u t-taħsir.

• L-ateiżmu jista’ jkollu bosta forom u għandu bosta kawżi; fost l-oħrajn in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ l-Insara li jgħixu skond is-sejħa tagħhom.

• Il-messaġġ ta’ mħabba u libertà awtentika tal-Verb Inkarnat hu f’armonija max-xewqat l-iżjed profondi tal-qalb umana.

• Il-fidi tagħtina l-qawwa li nkunu magħqudin ma’ Kristu.

 

2. Il-komunità tal-bnedmin

• B’Missier wieħed fis-Sema, kull bniedem hu parti mill-familja ta’ Alla.

• L-imħabba ta’ Alla ma tistax tinfired mill-imħabba tal-proxxmu.

• Id-drittijiet invjolabbli ta’ kull persuna umana għandhom jiġu rispettati.

• Kull ma jmur kontra l-ħajja (ġenoċidju, abort, ewtanasja) jew joffendi d-dinjità umana (eż. traffikar ta’ nisa u tfal), jew kundizzjonijiet miżeri tax-xogħol, fejn il-bnedmin huma trattati sempliċement bħala għodda għall-qligħ; dawn kollha huma kundannabbli.

• Kull tip ta’ diskriminazzjoni għandha tixxejjen u titneħħa.

• Il-libertà umana tista’ tisfa miġruħa, kemm jekk tiġi ssodisfata żżejjed daqskemm bil-faqar estrem.

 

3. L-attività umana fid-dinja

• Ix-xjenza u t-teknoloġija wasslu għall-għarfien li l-familja umana hi komunità dinjija waħda.

• Il-Fidi u x-Xjenza m’humiex kontra xulxin, għax it-tnejn ifittxu l-verità.

• Il-progress uman iwassal għal tentazzjonijiet qawwija; id-dinja ma tibqax post ta’ fraternità vera, u l-individwi u l-gruppi jibdew ifittxu l-interessi tagħhom.

 

4. Ir-rwol tal-Knisja fid-dinja tal-lum

• Il-Knisja sservi bħala ħmira li ttella’ l-għaġna tas-soċjetà.

• Permezz ta’ l-individwi u s-soċjetajiet tagħha, il-Knisja tista’ tikkontribwixxi biex tagħmel lill-familja umana iżjed umana.

• M’għandux ikun hemm kunflitt bejn attivitajiet professjonali u soċjali li jippromovu l-ġid uman u l-ħajja tar-reliġjon.

• Waqt li hi tgħin u tirċievi ħafna minn għand id-dinja, il-Knisja għandha biss għan wieħed: il-miġja tas-Saltna ta’ Alla u t-twettiq tas-salvazzjoni għall-ġens kollu tal-bnedmin.

 

It-Tieni Parti: Xi problemi ta’ urġenza speċjali.  Wara li fissret it-tagħlim tagħha fuq id-dinjità tal-persuna umana, il-Knisja issa tiġbed l-attenzjoni lejn xi kwistjonijiet speċifiċi.  (Dan tant hu dokument twil – għalkemm m’hux diffiċli biex taqrah – li l-qarrej għandu jikkonsulta d-dokument stess.  Xi temi prinċipali huma mogħtija hawn).

• Żwieġ: ħajja konjugali awtentika ssir parti mill-imħabba divina u tistagħna mill-qawwa feddejja ta’ Kristu.

• Familja: il-familja li tinbet miż-żwieġ tista’ turi lil kulħadd il-preżenza kollha mħabba tal-Feddej fid-dinja.

• Relazzjonijiet sesswali: l-atti sesswali, li huma propji ta’ l-imħabba konjugali u jiġu eżerċitati fi qbil mad-dinjità umana, għandhom jiġu onorati b’qima kbira.

• Xogħol: bl-offerta tax-xogħol ta’ kuljum tiegħu lil Alla, il-bniedem jassoċja ruħu max-xogħol feddej ta’ Ġesù Kristu, li f’Nazareth ħadem b’idejh stess.

• Gwerra: il-mexxejja ta’ żminijietna għandhom jifhmu li għad iridu jagħtu kont ta’ l-atti tagħhom ta’ gwerra.

 

Punti importanti tad-dokument: Is-sapport mifrux li kellu fil-Konċilju t-test tal-Gaudium et Spes narawh mill-2,309 vot favur u l-75 biss kontra.  Is-sens ta’ tama għall-futur, li spikka fl-aħħar stadji tal-Konċilju, hu aspett qawwi ta’ dan id-dokument pastorali.  Hu jistqarr il-bżonn li naqraw is-sinjali taż-żminijiet u jirrikonoxxi li l-mistoqsijiet u t-tiftix huma n-norma fil-ħajja moderna.  Hu sinifikanti li t-Tieni Parti tiftaħ biż-żwieġ u l-familja.  Hawn, għall-ewwel darba, insibu stqarrija ċara li kemm l-imħabba reċiproka bejn il-miżżewġin u kemm it-trobbija ta’ l-ulied huma ugwalment affermati bħala l-għanijiet taż-żwieġ.

 

Limitazzjonijiet: Il-limitazzjoni prinċipali hi li dan id-dokument hu marbut biż-żmien u l-kultura.  Fis-seklu wieħed u għoxrin ħafna mill-kwistjonijiet huma simili, imma xi oħrajn għadda żmienhom – eż. il-Gwerra l-Bierda tas-snin sittin; waqt li kwistjonijiet oħra marbuta mal-ħajja – eż. il-piena kapitali, l-ewtanasja, ir-riċerka ta’ l-istem cells, iż-żwieġ bejn l-omosesswali u t-traffikar tan-nisa u t-tfal, saru importanti ħafna fil-kuxjenza Nisranija tagħna.  Kwistjonijiet ekoloġiċi kien ikollhom post importanti f’edizzjoni moderna tad-dokument.

 

Matul is-snin

Il-Gaudium et Spes ħalla impatt qawwi u fit-tul.  It-tagħlim tal-papiet ġie influwenzat bil-kbir minnu, ngħidu aħna, l-enċikliċi tal-Papa Pawlu VI Il-Progress tal-Popli (1967) u Dwar il-Ħajja Umana (1968).  Fuq livell parrokkjali u djoċesan, l-influwenza sostanzjali tad-dokument nistgħu narawha fil-moviment kbir b’riżq il-ġustizzja u l-paċi, li sar parti integrali mill-ħajja Kattolika f’bosta pajjiżi.  L-iżvilupp tat-Teoloġiji tal-Liberazzjoni fl-Amerika Latina, fl-Afrika u fl-Asja ġie ispirat mit-teoloġija ta’ dan id-dokument.  Fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-isqfijiet bdew proċess ta’ dixxerniment dwar l-armi nukleari tal-pajjiż u l-ġid ekonomiku tiegħu.  Fl-Ingilterra u Wales, bl-istess mod, il-ġerarkija ħarġet dokumenti bħal The Common Good u Cherishing Life.

 

Il-Konċilju jagħlaq

Il-purċissjoni ta’ isqfijiet ħadet siegħa biex għaddiet minn qalb il-folla enormi li nġabret fi Pjazza San Pietru biex tassisti għaċ-ċerimonja ta’ l-għeluq tal-Konċilju.  Imbagħad, daqsxejn ta’ tfajjel magħtub u raġel agħma – hu ċar hawn is-simbolu tal-ministeru ta’ Kristu – ġew imressqa ’l quddiem, minn qalb il-Padri Konċiljari, għal fuq it-taraġ ta’ San Pietru, fejn irċivew il-barka quddiem il-ġemgħa.  Tliet snin u xahrejn wara l-ftuħ tiegħu, il-Kardinal Felici qara d-digriet papali li pproklama l-għeluq ta’ l-ikbar fost it-tnejn u għoxrin Konċilju tal-Knisja.  Dan kien jiddikjara li l-Kattoliċi kollha kienu marbuta bid-deċiżjonijiet tiegħu u kull azzjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-Konċilju ma kinitx tgħodd.

 

Fi tmiem il-Quddiesa, il-Papa ta tislima emozzjonali ta’ l-aħħar lill-osservaturi mid-denominazzjonijiet Insara kollha u r-reliġjonijiet differenti tad-dinja, u qalilhom: “Tinsewx l-imħabba li biha l-Knisja Kattolika Rumana sa taħseb fuqkom u ssegwikom.  Ħalluna naqsmu magħkom dan il-ħsieb intimu: it-tluq tagħkom sa jġib solitudni fostna, li ma konniex nafu x’inhi qabel il-Konċilju, u li issa ssewdilna qalbna.  Nixtiequ kieku narawkom magħna dejjem”.

 

Jibda x-xogħol

Wieħed mill-isqfijiet Ewropej fit-tluq tiegħu kkummenta hekk: “F’daqqa waħda qed inħossni pjuttost waħdi.  Pjuttost beżgħan mill-ħidma li għandi quddiemi.  Għall-ewwel darba fis-saċerdozju tiegħi nista’ nifhem l-istorja tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej u kemm ħassewhom anzjużi ta’ qabilna.  Issa wasal iż-żmien li nwasslu ’l-Knisja lid-dinja”.

 

Għall-isqfijiet lura fi triqthom lejn id-djoċesijiet tagħhom, din kienet esperjenza li jibqgħu jiftakru, fejn ġarrbu d-dinamika ta’ grupp u l-ħidma evidenti ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Kellhom quddiemhom problema li ma kinux ipprevedew: kif sa jgħaddu l-ispirtu tal-Konċilju u jħeġġu bin-nar tiegħu lis-saċerdoti u l-poplu tagħhom, li ħafna minnhom ma setgħux jifhmu r-raġunijiet u l-għanijiet tal-bidliet li bdew iseħħu mal-promulgazzjoni tas-sittax-il dokument Konċiljari.  Jekk kien hemm difett kbir fiż-żmien li ġie wara l-Konċilju, dan kien in-nuqqas ta’ pjanifikazzjoni għall-edukazzjoni ta’ l-adulti.

 

Ma jistax ikun hemm dubju li l-Konċilju tal-Papa tat-Tbissima, li għalih tant kien tħabat u ssielet, bidel lill-Knisja Kattolika.  Għax anki jekk fadal partijiet minn dokumenti tal-Konċilju li għad iridu jiġu implimentati, ħadd ma jixtieq tassew li jmur lura lejn il-forma ta’ ħajja Kattolika li spjegajna fl-ewwel artiklu tagħna.

 

Il-Kardinal Kurt Koch, president tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda bejn l-Insara, f’Lulju 2012 qal: “Il-Papa Ġwanni XXIII kien konvint li l-Konċilju għandu qabel kollox ifittex żewġ għanijiet – it-tiġdid tal-Knisja Kattolika u l-Għaqda ta’ l-Insara.  Dak kien il-punt fokali tal-Konċilju kollu”.  Għalhekk il-konklużjoni tagħna tinsab fil-kelmiet tal-Kardinal Lawrence Shehan li kiteb l-introduzzjoni għal The Documents of Vatican II.  Kien sens ta’ kontinwità li ispira l-qawl Ingliż “The king is dead; long live the king” (“Ir-re miet; ħa jgħix ir-re”).  Bl-istess sens nistgħu nistqarru: “Il-Konċilju għadda; il-Konċilju għadu kemm beda”…