Laikos

 

Benedittu XVI

UDJENZA ĠENERALI

Sala ta’ l-Udjenzi Pawlu VI – L-Erbgħa 27 ta’ Jannar 2010

San Franġisk ta’ Assisi

 

Sa minn meta tela’ fuq it-tron ta’ Pietru fl-2005, il-Papa Benedittu XVI, teologu għaref u għalliem diliġenti, qed iwettaq b’żelu liema bħalu d-dmir tiegħu ta’ ragħaj li minn fuq il-katedra ta’ Pietru jxerred il-messaġġ dejjem ħaj ta’ Kristu.  Fl-Udjenza Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa, issa għal dawn l-aħħar ħames snin, il-Papa qed joħroġ mit-teżor għani ta’ l-istorja tal-Knisja tagħlim fuq il-figuri kbar tagħha, li b’ħajjithom u bil-kitbiet tagħhom dawlu lid-dinja u wasslulha l-Aħbar it-Tajba.  Din hi prova ta’ kemm tassew il-Kelma tappella għall-intellett daqskemm għall-qalb ta’ kull bniedem.

 

Fl-Udjenza ta’ nhar l-Erbgħa 27 ta’ Jannar 2010, fl-Aula Paolo VI tal-Vatikan, il-Papa Benedittu XVI tkellem fuq il-figura dejjem maħbuba ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Patrun ta’ l-Italja u qaddis meqjum minn bosta, u fost dawn anki min m’hux Kattoliku jew saħansitra Kristjan.

 

Għeżież ħuti,

 

F’katekeżi riċenti, diġà tkellimt fuq ir-rwol providenzjali li kellhom fit-tiġdid tal-Knisja ta’ żmienhom l-Ordni ta’ l-Aħwa Minuri u l-Ordni tal-Predikaturi, imwaqqfa minn San Franġisk ta’ Assisi u San Duminku ta’ Guzmán rispettivament.  Il-lum nixtieq nippreżentalkom il-figura ta’ Franġisku, “ġgant” awtentiku tal-qdusija, li jkompli jsaħħar għal warajh tant persuni ta’ kull età u ta’ kull reliġjon.

 

“Twieldet xemx għad-dinja”.  B’dawn il-kelmiet, fid-Divina Commedia (Paradiso, Canto XI), il-poeta kbir Taljan Dante Alighieri jirriferi għat-twelid ta’ Franġisku, li seħħ f’Assisi lejn tmiem is-sena 1181 jew il-bidu ta’ l-1182.  Wild familja għanja – missieru kien negozjant tad-drapp –, Franġisku għex l-adolexxenza u ż-żgħożija tiegħu b’moħħu frisk, u xettel f’qalbu l-ideali kavallereski ta’ żmienu.  Ta’ għoxrin sena ħa sehem f’kampanja militari, u safa priġunier.  Marad u ngħata l-ħelsien.  Wara li rritorna f’Assisi, beda fih proċess twil ta’ konverżjoni spiritwali, li wasslitu biex iħalli ftit ftit l-istil tal-ħajja tad-dinja li kien ħaddan sa dak in-nhar.  Ta’ dan il-perjodu huma l-episodji ċelebri tal-laqgħa ma’ l-imġiddem, li lilu Franġisku, wara li niżel minn fuq iż-żiemel tiegħu, tah il-bewsa tal-paċi, u tal-messaġġ tal-Kurċifiss mill-knisja ċkejkna ta’ San Damjan.  Tliet darbiet Kristu Msallab ħa l-ħajja u qallu: “Mur, Franġisku, u sewwi l-Knisja tiegħi li hi mġarrfa”.  Din il-ġrajja sempliċi tal-kelma tal-Mulej li hu sema’ fil-knisja ta’ San Damjan taħbi fiha simboliżmu profond.  San Franġisk mill-ewwel hu msejjaħ isewwi din il-knisja żgħira, imma l-qagħda mġarrfa ta’ din il-binja hi simbolu tas-sitwazzjoni drammatika u ta’ tħassib tal-Knisja nfisha f’dak iż-żmien, b’fidi superfiċjali li la tifforma u lanqas tittrasforma l-ħajja, bi kleru ftit li xejn żelanti, fejn l-imħabba birdet għal kollox.  Kienet il-qerda interjuri tal-Knisja li ġabet magħha wkoll dekompożizzjoni ta’ l-unità, bit-twelid ta’ movimenti eretiċi.  Minkejja dan, f’din il-Knisja qed tiġġarraf hemm fiċ-ċentru l-Kurċifiss li qed jitkellem: isejjaħ għat-tiġdid, isejjaħ lil Franġisku għal ħidma manwali biex konkretament isewwi l-knisja ċkejkna ta’ San Damjan, simbolu tas-sejħa iktar profonda biex iġedded l-istess Knisja ta’ Kristu, bir-radikalità tal-fidi tiegħu u bl-entużjażmu ta’ mħabbtu għal Kristu.  Din il-ġrajja, li aktarx seħħet fl-1205, tfakkarna fi ġrajja oħra tixbahha li seħħet fl-1207: il-ħolma tal-Papa Innoċenz III.  Dan waqt il-ħolm ra lill-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, il-knisja omm tal-knejjes kollha, qed tiġġarraf, u wieħed patri ċkejken u insinifikanti qed iżomm il-knisja fuq spallejh biex ma taqax.  Minn naħa, interessanti ninnotaw li m’hux il-Papa li qed jgħin biex il-knisja ma taqax, imma daqsxejn ta’ patri żgħir u insinifikanti, li fih il-Papa jagħraf lil Franġisku meta dan mar iżuru.  Innoċenz III kien Papa b’saħħtu, ta’ kultura teoloġika kbira, l-istess kif kellu saħħa politika kbira; minkejja dan, m’hux hu li sa jġedded il-Knisja, imma l-patri żgħir u insinifikanti: hu San Franġisk, imsejjaħ minn Alla.  Min-naħa l-oħra, imma, importanti ninnotaw li San Franġisk ma jġeddidx lill-Knisja mingħajr jew kontra l-Papa, imma biss f’komunjoni miegħu.  Iż-żewġ realtajiet jimxu id f’id: is-Suċċessur ta’ Pietru, l-Isqfijiet, il-Knisja mwaqqfa fuq is-suċċessjoni ta’ l-Appostli u l-kariżma ġdida li l-Ispirtu s-Santu joħloq il-lum biex iġedded lill-Knisja.  Flimkien joktor it-tiġdid veru.

 

Nerġgħu lura għall-ħajja ta’ San Franġisk.  Meta missieru Bernardone ċanfru talli kien ġeneruż iżżejjed mal-foqra, Franġisku, quddiem l-Isqof ta’ Assisi, f’ġest simboliku neża’ ħwejġu, biex hekk wera li kien qed jiċħad il-wirt li kien imissu: bħal dak in-nhar tal-ħolqien, Franġisku m’għandu xejn tiegħu ħlief il-ħajja li tah Alla, li f’idejh issa hu jintreħa.  Imbagħad għex bħala eremita, sakemm, fl-1208, seħħet ġrajja oħra fundamentali fil-mixja tal-konverżjoni tiegħu.  Huwa u jisma’ silta mill-vanġelu ta’ Mattew – id-diskors ta’ Ġesù lill-Appostli meta bagħathom bil-missjoni tagħhom –, Franġisku ħassu msejjaħ jgħix fil-faqar u jiddedika ħajtu għall-predikazzjoni.  Miegħu ngħaqdu ħbieb oħra, u fl-1209 mar Ruma, biex jippreżenta lill-Papa Innoċenz III il-proġett ta’ għamla ġdida ta’ ħajja Kristjana.  Irċieva laqgħa ta’ missier minn għand dak il-Papa kbir, li, imdawwal mill-Mulej, f’qalbu lemaħ l-għerq divin tal-moviment mibdi minn Franġisku.  Il-Fqajjar ta’ Assisi kien fehem li kull kariżma li jagħti l-Ispirtu s-Santu għandha titqiegħed għas-servizz tal-Ġisem ta’ Kristu, li hu l-Knisja; għalhekk hu aġixxa dejjem f’komunjoni sħiħa ma’ l-awtorità ekkleżjastika.  Fil-ħajja tal-qaddisin m’hemmx differenza bejn il-kariżma profetika u l-kariżma tat-tmexxija, u, jekk tinħloq xi tensjoni, huma jafu jistennew bis-sabar iż-żminijiet imfassla mill-Ispirtu s-Santu.

 

Fil-fatt, xi storiċi tas-sekli dsatax u għoxrin wara l-figura tradizzjonali tal-qaddis ippruvaw joħolqu dak li huma sejħulu Franġisku storiku, l-istess kif wara Ġesù tal-vanġeli ppruvaw joħolqu Ġesù storiku.  Dan Franġisku storiku ma kellux ikun bniedem tal-Knisja, imma bniedem marbut direttament u biss ma’ Kristu, bniedem li ried iġedded il-poplu ta’ Alla, mingħajr forom kanoniċi u mingħajr ġerarkija.  Il-verità hi li San Franġisk kellu tassew relazzjoni l-iżjed immedjata ma’ Ġesù u mal-Kelma ta’ Alla, li fuqha hu ried jimxi sine glossa, hekk kif inhi, fir-radikalità u l-verità kollha tagħha.  Hu minnu wkoll li għall-bidu ma kellux il-ħsieb li jwaqqaf Ordni bil-forom kanoniċi meħtieġa, imma ried sempliċiment li, bil-Kelma ta’ Alla u l-preżenza tal-Mulej, iġedded il-poplu ta’ Alla, isejjaħlu mill-ġdid għas-smigħ tal-Kelma u għall-ubbidjenza kelma b’kelma għal Kristu.  Iktar minn hekk, hu kien jaf li Kristu qatt m’hu “tiegħi”, imma hu dejjem “tagħna”, li lil Kristu “jien” ma nistax nagħmlu tiegħi u nibnih kontra l-Knisja, ir-rieda tagħha u t-tagħlim tagħha; imma li biss fil-komunjoni mal-Knisja mibnija fuq is-suċċessjoni ta’ l-Appostli tista’ tiġġedded ukoll l-ubbidjenza għall-Kelma ta’ Alla.

 

Hu minnu wkoll li ma kellux ħsieb li joħloq ordni ġdid, imma biss li lill-Mulej, li ġej, iġeddidlu l-poplu ta’ Alla.  Imma fehem bi tbatija u b’diqa li kollox irid ikollu l-ordni tiegħu, li anki l-liġi tal-Knisja hi meħtieġa biex tagħti forma lit-tiġdid, u hekk b’mod reali ntefa’ b’mod sħiħ, u bil-qalb, fil-komunjoni tal-Knisja, mal-Papa u ma’ l-Isqfijiet.  Kien dejjem konxju li l-qalba tal-Knisja hi l-Ewkaristija, fejn isiru preżenti l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.  Permezz tas-Saċerdozju, l-Ewkaristija hi l-Knisja.  Fejn is-saċerdozju, Kristu u l-komunjoni tal-Knisja jmorru flimkien, hawn biss tgħammar ukoll il-Kelma ta’ Alla.  Il-veru Franġisku storiku hu Franġisku tal-Knisja, u sewwa sew b’dan il-mod li hu jkellem ukoll lilna li nemmnu, u lil dawk li jħaddnu konfessjonijiet u reliġjonijiet oħra.

 

Franġisku u l-irħieb tiegħu, dejjem jikbru fil-għadd, għażlu bħala darhom lill-Porzjunkola, jew il-knisja ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli, santwarju qaddis per eccellenza ta’ l-ispiritwalità Franġiskana.  Anki Kjara, xbejba żagħżugħa minn Assisi, minn familja nobbli, issieħbet fl-iskola ta’ Franġisku.  Hekk tnissel it-Tieni Ordni Franġiskan, dak tal-Klarissi, esperjenza oħra li kellha tagħti lill-Knisja frott insinji ta’ qdusija.

 

Anki s-suċċessur ta’ Innoċenz III, il-Papa Onorju III, bil-bulla tiegħu Cum dilecti ta’ l-1218, sostna l-iżvilupp uniku ta’ l-ewwel Aħwa Minuri, li marru jiftħu l-missjonijiet tagħhom f’bosta artijiet ta’ l-Ewropa, u saħansitra fil-Marokk.  Fl-1219 Franġisku kiseb il-permess li jmur ikellem lis-sultan Musulman Melek-el-Kâmel fl-Eġittu, biex hemm ukoll jgħallem il-Vanġelu ta’ Ġesù.  Nixtieq nenfasizza dan l-episodju mill-ħajja ta’ San Franġisk, li għadu jgħodd ħafna għal żmienna.  F’epoka fejn il-Kristjaneżmu u l-Islam kienu fi ġlieda ma’ xulxin, Franġisku, intenzjonalment armat biss bil-fidi u bl-umiltà personali tiegħu, irnexxielu jterraq it-triq tad-djalogu.  Il-kronaki jkellmuna fuq l-akkoljenza tajba u kordjali li hu rċieva min-naħa tas-Sultan Musulman.  Hu mudell li minnu anki l-lum għandhom jispiraw ruħhom ir-relazzjonijiet bejn Kristjani u Musulmani: li jippromovu djalogu fil-verità, fir-rispett reċiproku u fil-komprensjoni wieħed ta’ l-ieħor (ara Nostra ætate, 3).  Imbagħad jidher li fl-1220 Franġisku żar l-Art Imqaddsa, biex hekk qiegħed hemm żerriegħa li kellha tagħmel ħafna frott: l-ulied spiritwali tiegħu, fil-fatt, bidlu l-Imkejjen li fihom għex Ġesù fi spazju pprivileġġjat għall-missjoni tagħhom.  Il-lum naħseb bi gratitudni fil-merti kbar tal-Kustodja Franġiskana ta’ l-Art Imqaddsa.

 

Lura fl-Italja, Franġisku għadda t-tmexxija ta’ l-Ordni f’idejn il-vigarju tiegħu, Fra Pietru Cattani, waqt li l-Papa fada l-Ordni, li kien qed jiġbor fih dejjem aktar ulied, taħt il-protezzjoni tal-Kardinal Ugolino, il-futur Papa Girgor IX.  Min-naħa tiegħu l-fundatur, mogħti kollu kemm hu għall-predikazzjoni li kienet qed tiżvolġi b’suċċess kbir, ġabar ir-Regola tiegħu, li aktar tard ġiet approvata mill-Papa.

 

Fl-1224, fl-eremitaġġ ta’ La Verna, Franġisku kellu viżjoni tal-Kurċifiss fil-forma ta’ serafin, u minn din il-laqgħa mas-serafin mislub hu rċieva l-pjagi; hekk hu twaħħad ma’ Kristu Mislub: don, mela, li jesprimi l-identifikazzjoni intima tiegħu mal-Mulej.

 

Il-mewt ta’ Franġisku – it-transitus tiegħu – seħħet fil-għaxija tat-3 ta’ Ottubru 1226, fil-Porzjunkola.  Wara li bierek l-ulied spiritwali tiegħu, hu miet, mimdud ma’ l-art għerja.  Sentejn wara, il-Papa Girgor IX niżżlu fil-lista tal-qaddisin.  Ftit taż-żmien wara, f’ġieħu nbniet bażilika kbira f’Assisi, sal-lum il-ġurnata destinazzoni għal ħafna pellegrini, li jistgħu jqimu l-qabar tal-qaddis u jgawdu d-dehra ta’ l-affreski ta’ Giotto, pittur li illustra bl-aqwa mod il-ħajja tal-qaddis.

 

Intqal li Franġisku jirrappreżenta alter Christus, li kien tassew ikona ħajja ta’ Kristu.  Hu ġie msejjaħ ukoll “ħu Ġesù”.  Tabilħaqq, dan kien l-ideal tiegħu: li jkun bħal Ġesù; jikkontempla lil Kristu tal-Vanġelu, iħobbu intensament, jimita l-virtujiet tiegħu.  B’mod partikulari, hu ried jagħti valur fundamentali lill-faqar interjuri u esterjuri, hekk li għallmu wkoll lill-ulied spiritwali tiegħu.  L-ewwel beatitudni tad-Diskors tal-Muntanja – “Henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet (Mt 5:3) – sabet realizzazzjoni mill-isbaħ fil-ħajja u l-kelmiet ta’ San Franġisk.  Tassew, għeżież ħbieb, il-qaddisin huma l-aqwa interpreti tal-Bibbja; billi jinkarnaw f’ħajjithom il-Kelma ta’ Alla, huma jagħmluha attraenti iżjed minn qatt qabel, hekk li lilna tkellimna b’mod reali.  Ix-xhieda li ta Franġisku, li ħabb il-faqar biex seta’ jimxi wara Kristu b’dedikazzjni u libertà totali, tkompli tkun għalina wkoll stedina biex inxettlu fina l-faqar interjuri ħa nikbru fil-fiduċja f’Alla, u hekk inrawmu stil ta’ ħajja sobrju u distakk mill-ġid materjali.

 

Fi Franġisku l-imħabba lejn Kristu dehret b’mod speċjali fl-adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament ta’ l-Ewkaristija.  Fil-Fonti Francescane naqraw espressjonijiet kommoventi bħalma hi din: “Ħa tibża’ l-umanità kollha, ħa jirtogħod l-univers kollu u ħa jifraħ is-sema, meta fuq l-altar, f’id is-saċerdot, jiġi Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.  O dinjità stupenda!  O sublimità umli, li s-Sinjur ta’ l-univers, Alla u Bin Alla, tant jiċċekken li għall-fidwa tagħna jistaħba taħt forma ordinarja tal-ħobż” (Franġisku ta’ Asissi, Scritti, Editrici Frencescane, Padova 2002, 401).

 

F’din is-sena saċerdotali, nieħu gost ukoll niftakar f’rakkomandazzjoni li jagħti Franġisku lis-saċerdoti: “Meta jkunu jridu jiċċelebraw il-Quddiesa, safja u b’mod safi, ħa jwettqu bil-qima s-sagrifiċċju veru tal-Ġisem u d-Demm l-iżjed imqaddsa tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu” (Franġisku ta’ Assisi, Scritti, 399).  Franġisku dejjem kien juri rispett kbir lejn is-saċerdoti, u kien jirrikmanda li jintwerew dejjem rispett, anki jekk personalment ftit kienu jkunu denji.  Bħala raġuni għal dan ir-rispett profond kien dejjem iġib il-fatt li huma rċivew id-don li jikkonsagraw l-Ewkaristija.  Għeżież ħuti fis-saċerdozju, ma ninsewh qatt dan it-tagħlim: il-qdusija ta’ l-Ewkaristija ssejħilna biex inkunu safja, biex ngħixu b’mod li jaqbel mal-Misteru li niċċelebraw.

 

Mill-imħabba lejn Kristu titwieled l-imħabba lejn l-oħrajn u anki lejn il-ħlejjaq kollha ta’ Alla.  Hawn hi karatteristika oħra ta’ l-ispiritwalità ta’ Franġisku: is-sens tal-fraternità universali u l-imħabba għall-ħolqien, li ispirah biex jinseġ iċ-ċelebri Għanja tal-ħlejjaq.  Hu messaġġ attwali ħafna.  Kif fakkart fl-enċiklika riċenti tiegħi Caritas in veritate, hu sostenibbli biss dak l-iżvilupp li jirrispetta l-ħolqien u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent (ara nri 48-52), u fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi ta’ din is-sena enfasizzajt li anki t-tfassil ta’ paċi b’saħħitha hu marbut mar-rispett lejn il-ħolqien.  Franġisku jfakkarna li fil-ħolqien jesprimu ruħhom l-għerf u t-tjieba tal-Ħallieq.  In-natura ġiet maħsuba minnu sewwa sew bħala lingwaġġ li bih Alla jitkellem magħna, li fih ir-realtà ssir trasparenti u aħna nistgħu nitkellemu fuq Alla u ma’ Alla.

 

Għeżież ħbieb, Franġisku kien qaddis kbir u bniedem ta’ ferħ.  Is-sempliċità tiegħu, l-umiltà tiegħu, il-fidi tiegħu, l-imħabba tiegħu għal Kristu, it-tjieba tiegħu lejn kull raġel u mara għamluh hieni f’kull sitwazzjoni.  Fil-fatt, bejn il-qdusija u l-ferħ hemm komuni relazzjoni intima u indossulibbli.  Wieħed kittieb Franċiż qal li d-dinja għandha biss diqa waħda: dik li m’aħniex qaddisin, u għalhekk m’aħniex qrib ta’ Alla.  Meta nħarsu lejn ix-xhieda ta’ San Franġisk nifhmu li dan hu s-sigriet tal-veru ferħ: li nsiru qaddisin, qrib ta’ Alla!

 

Tiksbilna dan id-don il-Verġni Mbierka, li Franġisku ħabb bi ħlewwa kbira.  Nafdaw ruħna f’riġlejha bl-istess kelmiet tal-Fqajjar ta’ Assisi: “Verġni Mqaddsa Marija, ħadd ma twieled bħalek fost in-nisa tad-dinja, bint u qaddejja tas-Sultan l-iktar għoli u Missier tas-Sema, Omm tas-Sinjur l-aktar qaddis tagħna Ġesù Kristu, għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu: itlob għalina… quddiem l-iktar qaddis u maħbub Iben, Mulej u Mgħallem tiegħek” (Franġisku ta’ Assisi, Scritti, 163).

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Francesco Pio Attard.