Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 24 ta’ Mejju 2006

 

Pietru, l-Appostlu

 

Għeżież ħuti,

 

F’din il-katekeżi qed nimmeditaw fuq il-Knisja. Għidna li l-Knisja tgħix fil-persuni u għalhekk, fl-aħħar katekeżi, bdejna nimmeditaw fuq il-figuri tal-Appostli wieħed wieħed, u tlaqna minn San Pietru. Rajna żewġ tappi deċiżivi fil-ħajja tiegħu: is-sejħa ħdejn l-għadira tal-Galilija u mbagħad l-istqarrija tal-fidi: “Int il-Kristu, il-Messija”. Stqarrija, għidna, li għadha mhix biżżejjed, għadha tal-bidu, imma hi miftuħa. San Pietru jidħol fit-triq tal-mixja wara Ġesù. U hekk din l-istqarrija tal-bidu diġà ġġorr fiha, bħal f’żerriegħa, il-fidi futura tal-Knisja. Illum nixtiequ nikkunsidraw żewġ ġrajjiet oħra importanti fil-ħajja ta’ San Pietru: it-tkattir tal-ħobż – smajna fis-silta li nqrat issa l-mistoqsija tal-Mulej u t-tweġiba ta’ Pietru – u mbagħad il-Mulej li jsejjaħ lil Pietru biex ikun ragħaj tal-Knisja universali.

 

Nibdew bil-ġrajja tat-tkattir tal-ħobż. Intom tafu li l-poplu kien ilu għal sigħat sħaħ jisma’ lill-Mulej. Fl-aħħar Ġesù jgħid: Dawn għejew, għandhom il-ġuħ, irridu nagħtuhom x’jieklu lil dawn in-nies. L-Appostli jistaqsuh: Imma kif? U Indrì, ħu Pietru, jiġbed l-attenzjoni ta’ Ġesù dwar tfajjel li għandu fuqu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Imma dawn x’inhuma għal tant nies, jistaqsu l-Appostli. Imma l-Mulej jordnalhom ipoġġu lin-nies bilqiegħda u jqassmulhom dawn il-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. U kulħadd jixba’. Anzi, il-Mulej iqabbad lill-Appostli, fosthom Pietru, jiġbru l-loqom li baqa’: tnax-il qoffa ħobż (ara Ġw 6:12-13). Meta n-nies rat dan il-miraklu – li deher jixbah it-tiġdid, hekk mistenni, ta’ “manna” ġdida, tad-don tal-ħobż mis-sema – riedet tagħmlu s-sultan tagħha. Imma Ġesù ma jaċċettax u jinqata’ għalih waħdu fuq il-muntanja biex jitlob. L-għada, fuq ix-xatt l-ieħor tal-għadira, fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, Ġesù jinterperta l-miraklu – mhux fis-sens ta’ regalità fuq Iżrael bil-poter ta’ din id-dinja kif kienet qed tittama l-folla, imma fis-sens tal-għotja tiegħu nnifsu: “Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6:51). Ġesù jħabbar is-salib u mas-salib il-veru tkattir tal-ħobż, il-ħobż Ewkaristiku – il-mod assolutament ġdid tiegħu kif ikun sultan, mod totalment kuntrarju għal dak li kienet qed tistenna minnu n-nies.

 

Nistgħu nifhmu għaliex dawn il-kelmiet tal-Imgħallem – li ma jridx ta’ kuljum iwettaq tkattir tal-ħobż, li ma jridx joffri lil Iżrael poter ta’ din id-dinja – kienu tassew diffiċli, anzi inaċċettabbli, għan-nies. “Jagħtina ġismu”: xi jrid jgħid b’dan? U anki għad-dixxipli jidher inaċċettabbli dak li Ġesù jgħid f’dak il-ħin. Kien u hu wkoll għall-qalb tagħna, għall-mentalità tagħna, diskors “iebes” li jpoġġi l-fidi fi prova (ara Ġw 6:60). Ħafna mid-dixxipli telquh. Riedu xi ħadd li jġedded tassew lill-Istat ta’ Iżrael, lill-poplu tiegħu, u mhux xi ħadd li jgħidilhom: “Nagħti ġismi”. Nistgħu nimmaġinaw li l-kliem ta’ Ġesù kien iebes għal Pietru wkoll, li f’Ċesarija ta’ Filippu kien ħadha kontra l-profezija tas-salib. U mandakollu meta Ġesù staqsa lit-Tnax: “Tridux tmorru intom ukoll?”, Pietru rreaġixxa bil-ħeġġa tal-qalb kuraġġjuża tiegħu, immexxija mill-Ispirtu s-Santu. F’isem kulħadd wieġbu b’dawn il-kelmiet immortali, li huma wkoll il-kelmiet tagħna: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (ara Ġw 6:66-69).

 

Hawn, bħal f’Ċesarija, bi kliemu Pietru jniedi l-istqarrija tal-fidi Kristoloġika tal-Knisja u jsir il-fomm anki tal-Appostli l-oħra u tagħna li nemmnu f’kull żmien. Dan ma jfissirx li kien fehem diġà l-misteru ta’ Kristu fil-profondità kollha tiegħu. Tiegħu kienet għadha fidi tal-bidu, fidi f’mixja; il-milja sħiħa kellu jilħaqha biss meta jesperjenza l-ġrajjiet tal-Għid. Imma xorta kienet diġà fidi, miftuħa għar-realtà ikbar – miftuħa fuq kollox għax ma kinitx fidi f’xi ħaġa, kienet fidi f’Xi Ħadd: fih, fi Kristu. Hekk ukoll il-fidi tagħna hi dejjem fidi tal-bidu u fadlilna nterrqu mixja twila. Imma hu essenzjali li tkun fidi miftuħa u li nħallu lil Ġesù jmexxina hu, għax hu mhux biss jaf it-Triq, imma huwa t-Triq.

 

Imma l-ġenerożità impulsiva ta’ Pietru ma tħarsux mir-riskji marbuta mad-dgħufija umana. Wara kollox dan hu li aħna nistgħu nagħrfu wkoll fil-ħajja tagħna. Pietru mexa wara Ġesù b’ħeġġa, għeleb il-prova tal-fidi, u ntelaq f’idejh. Imma jiġi l-mument li fih hu wkoll iċedi għall-biża’ u jaqa’: jittradixxi lill-Imgħallem (ara Mk 14:66-72). L-iskola tal-fidi mhijiex marċ trijonfali, imma mixja miżgħuda bi tbatijiet u bi mħabba, bi provi u b’fedeltà, li jeħtieġ inġeddu ta’ kuljum. Pietru, li kien wiegħed fedeltà assoluta, għaraf l-imrar u l-umiljazzjoni taċ-ċaħda: il-kburi jitgħallem l-umiltà spejjeż tiegħu. Anki Pietru jkollu jitgħallem ikun dgħajjef u fil-bżonn tal-maħfra. Meta fl-aħħar taqagħlu l-maskra u jifhem il-verità tal-qalb dgħajfa tiegħu ta’ midneb li jemmen, jinfexx f’bikja kbira u ħelliesa ta’ ndiema. Wara din il-bikja issa hu lest għall-missjoni tiegħu.

 

F’għodwa tar-rebbiegħa din il-missjoni tiġi fdata lilu minn Kristu Rxoxt. Il-laqgħa sseħħ fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Tiberija. Huwa l-evanġelista Ġwanni li jagħtina dan id-djalogu li f’dik iċ-ċirkustanza seħħ bejn Ġesù u Pietru. Nilmħu logħba sinifikattiva ħafna bil-verbi. Fil-Grieg il-verb “filéo” jesprimi l-imħabba ta’ ħbiberija, twajba imma mhux sħiħa, waqt li l-verb “agapáo” ifisser l-imħabba bla riservi, totali u inkundizzjonata. Ġesù jistaqsi lil Pietru għall-ewwel darba: “Xmun… tħobbni int (agapâs-me)” b’din l-imħabba totali u inkundizzjonata (ara Ġw 21:15)? Qabel l-esperjenza tat-tradiment l-Appostlu żgur kien jgħidlu: “Inħobbok (agapô-se) mingħajr kundizzjonijiet”. Issa li kien għadda mid-diqa morra tal-infedeltà, id-drama tad-dgħufija tiegħu, jgħidlu b’umiltà: “Mulej, inħobbok (filô-se)”, jiġifieri “nħobbok bl-imħabba fqajra tiegħi ta’ bniedem”. Kristu jinsisti: “Xmun, tħobbni int b’din l-imħabba totali li rrid jien?”. U Pietru jtenni t-tweġiba tal-imħabba fqajra tiegħu ta’ bniedem: “Kyrie, filô-se”, “Mulej, inħobbok kif naf inħobb”. Għat-tielet darba Ġesù lil Xmun jgħidlu biss: “Fileîs-me?, “tħobbni?”. Xmun jifhem li għal Ġesù biżżejjed l-imħabba fqajra tiegħu, l-unika waħda li kapaċi jħobb biha, u madankollu jħoss għafsa ta’ qalb li l-Mulej kellu jistaqsih hekk. Għalhekk iwieġbu: “Mulej, int taf kollox, int taf li nħobbok (filô-se)”. Jagħtina li ngħidu li kien Ġesù li adatta ruħu għal Pietru, pjuttost milli Pietru għal Ġesù! Hu proprju dan l-adattament divin li jagħti tama lid-dixxiplu, li għaraf it-tbatija tal-infedeltà. Minn hawn tinbet il-fiduċja li tagħmlu kapaċi jimxi wara l-Mulej sal-aħħar: “Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: ‘Ejja warajja’” (Ġw 21:19).

 

Minn dakinhar Pietru “mexa” wara l-Imgħallem bl-għarfien preċiż tad-dgħufija tiegħu; imma dan l-għarfien ma qatagħlux qalbu. Fil-fatt hu kien jaf li seta’ jserraħ fuq il-preżenza tal-Irxoxt maġenbu. Mill-entużjażmu inġenwu tal-iva tal-bidu Pietru għadda għall-esperjenza ta’ tbatija taċ-ċaħda u l-bikja tal-konverżjoni, biex wasal jafda f’dak Ġesù li adatta ruħu għall-ħila fqira tiegħu li jħobb. U hekk hu juri lilna wkoll it-triq, minkejja d-dgħufija kollha tagħna. Nafu li Ġesù jadatta ruħu għal din id-dgħufija tagħna. Aħna nimxu warajh, bil-ħila fqira tagħna li nħobbu, u nafu li Ġesù hu twajjeb u jaċċettana kif aħna. Għal Pietru din kienet mixja twila li għamlitu xhud ta’ min joqgħod fuqu, “blata” tal-Knisja, għax dejjem miftuħ għall-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Ġesù. Pietru nnifsu aktar tard sejjaħ lilu nnifsu “xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu u [] wieħed li għandu sehem mill-glorja li għad trid tidher” (1 Piet 5:1). Meta kiteb dawn il-kelmiet kien diġà anzjan, u qrib lejn it-tmiem tal-ħajja tiegħu li kellu jissiġilla bil-martirju. U hemm kellu l-ħila jfisser il-ferħ veru u jurina mnejn nistgħu niksbuh: l-għajn huwa Kristu, li fih nemmnu u lilu nħobbu bil-fidi dgħajfa imma sinċiera tagħna, minkejja d-dgħufijiet tagħna. Għalhekk hu kiteb lill-Insara tal-komunità tiegħu, u dan jgħidu lilna wkoll: “Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni tagħkom” (1 Piet 1:8-9).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard