Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 22 ta’ Marzu 2006

L-Appostli, xhieda u mibgħuta ta’ Kristu

 

Għeżież ħuti,

 

L-Ittra lill-Efesin tippreżentalna lill-Knisja bħala binja “mibnija fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka” (2:20). Fl-Apokalissi r-rwol tal-Appostli, u b’mod iżjed speċifiku dak tat-Tnax, hu ċċarat fil-perspettiva eskatoloġika ta’ Ġerusalemm tas-Sema, ippreżentata bħala belt li l-ħitan tagħha għandhom “tnax-il pedament, li fuqhom hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf” (21:14). Il-Vanġeli jaqblu li s-sejħa tal-Appostli mmarkat l-ewwel passi tal-ministeru ta’ Ġesù, wara l-magħmudija li rċieva mingħand il-Battista fl-ilmijiet tal-Ġordan.

 

Jekk noqogħdu mar-rakkont ta’ Mark (1:16-20) u ta’ Mattew (4:18-22), ix-xenarju tas-sejħa tal-ewwel Appostli hu l-għadira tal-Galilija. Ġesù ma kienx ilu li beda l-predikazzjoni tas-Saltna ta’ Alla, meta ħarstu waqfet fuq żewġ koppji ta’ aħwa: Xmun u Indrì, Ġakbu u Ġwanni. Kienu sajjieda, mixħutin fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Ikalaw ix-xbiek, u jerġgħu jtellgħuh. Imma issa hemm sajda oħra tistenniehom. Ġesù jsejħilhom b’determinazzjoni u huma jkunu pronti jimxu warajh: issa sa jsiru “sajjieda tal-bnedmin” (ara Mk 1:17; Mt 4:19). Imqar jekk isegwi l-istess tradizzjoni, Luqa għandu rakkont iżjed mirqum (5:1-11). Hu jurina l-mixja ta’ fidi tal-ewwel dixxipli, u jippreċiża li l-istedina għal din it-triq taslilhom wara li jkunu semgħu l-ewwel predikazzjoni ta’ Ġesù u jaraw l-ewwel sinjali tal-għaġeb li jwettaq. B’mod partikulari, is-sajda mirakoluża toħloq il-kuntest immedjat u toffri s-simbolu tal-missjoni ta’ sajjieda tal-bnedmin, fdata lilhom. Id-destin ta’ dawk l-“imsejħin”, minn issa ’l quddiem, kellu jkun marbut b’mod qawwi ma’ dak ta’ Ġesù. L-appostlu hu mibgħut, imma, qabelxejn, hu “espert” ta’ Ġesù.

 

Dan l-aspett jurihulna proprju l-evanġelista Ġwanni sa mill-ewwel laqgħa ta’ Ġesù mal-Appostli futuri. Hawn ix-xenarju hu differenti. Il-laqgħa sseħħ fuq ix-xatt tal-Ġordan. Il-preżenza ta’ dawk li kellhom isiru d-dixxipli tiegħu, li anki huma kienu, bħal Ġesù, mill-Galilija, biex jgħixu l-esperjenza tal-magħmudija ta’ Ġwanni, tixħet dawl fuq id-dinja spiritwali tagħhom. Kienu rġiel li kienu qed jistennew is-Saltna ta’ Alla, mixtieqa li jsiru jafu l-Messija, li l-miġja tiegħu kienet imħabbra li hi fil-qrib. Kienet biżżejjed għalihom l-indikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista li fil-persuna ta’ Ġesù jurihom il-Ħaruf ta’ Alla (ara Ġw 1:36), biex tqanqal fihom ix-xewqa ta’ laqgħa personali mal-Imgħallem. Il-battuti tad-djalogu ta’ Ġesù mal-ewwel żewġ Appostli futuri huma espressivi ħafna. Għall-mistoqsija: “Xi tridu?”, huma jwieġbu b’mistoqsija oħra: “Fejn toqgħod, Rabbi (li tfisser Mgħallem)?”. It-tweġiba ta’ Ġesù hija stedina: “Ejjew u taraw” (ara Ġw 1:38-39). Ejjew biex tistgħu taraw. L-avventura tal-Appostli hekk tibda, b’laqgħa ta’ persuni li jinfetħu għal xulxin. Jibda għad-dixxipli għarfien dirett tal-Imgħallem. Jaraw fejn joqgħod u jibdew isiru jafuh. Fil-fatt huma ma jridux ikunu ħabbara ta’ idea, imma xhieda ta’ persuna. Qabel ma jiġu mibgħuta biex jevanġelizzaw, jeħtieġ “joqogħdu” ma’ Ġesù (ara Mk 3:14), joħolqu miegħu relazzjoni personali. Fuq din il-bażi, l-evanġelizzazzjoni mhix għajr tħabbira ta’ dak li wieħed ikun għex hu u stedina biex nidħlu fil-misteru tal-komunjoni ma’ Kristu (ara 1 Ġw 1:3).

 

Għand min jiġu mibgħuta l-Appostli? Fil-Vanġelu Ġesù donnu jillimita l-missjoni tiegħu għal Iżrael biss: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael” (Mt 15:24). B’xebh ma’ dan, donnu jillimita l-missjoni li hu jafda lit-Tnax: “Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: ‘Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabelxejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael’” (Mt 10:5s). Ċerta kritika moderna ta’ ispirazzjoni razzjonalistika kienet lemħet f’dawn l-espressjonijiet in-nuqqas ta’ għarfien universalistiku tan-Nazzarenu. Fir-realtà, dawn irridu nifhmuhom fid-dawl tar-rabta speċjali tiegħu ma’ Iżrael, il-komunità tal-patt, fil-kontinwità tal-istorja tas-salvazzjoni. Skont l-istennija messjanika l-wegħdiet divini, immedjatament indirizzati lil Iżrael, kellhom jaslu għall-milja tagħhom meta Alla nnifsu, permezz tal-Midluk tiegħu, jiġbor il-poplu tiegħu kif jagħmel ragħaj bil-merħla: “Jien insalva n-nagħaġ tiegħi, u ma jkunux aktar priża… U nqiegħed fuqhom ragħaj wieħed, il-qaddej tiegħi David, u jieħu ħsiebhom u jirgħahom; hu jirgħahom u jkun ir-ragħaj tagħhom. U jiena l-Mulej, inkun Alla tagħhom u l-qaddej tiegħi David ikun il-mexxej tagħhom” (Eżek 34:22-24). Ġesù huwa r-ragħaj eskatoloġiku, li jiġma’ n-nagħġiet mitlufa tad-dar ta’ Iżrael u jmur ifittixhom, għax jagħrafhom u jħobbhom (ara Lq 15:4-7 u Mt 18:12-14; ara wkoll il-figura tar-ragħaj it-tajjeb fi Ġw 10:11ss). Permezz ta’ dan il-“ġmigħ” is-Saltna ta’ Alla titħabbar lill-ġnus kollha: “B’hekk nuri l-glorja tiegħi fost il-ġnus, u jaraw il-ġnus kollha l-ħaqq tiegħi li jien għamilt u idi li meddejt fuqhom” (Eżek 39:21).

 

U Ġesù jimxi sewwasew f’din il-linja profetika. L-ewwel pass hu li “jiġma’” l-poplu ta’ Iżrael, biex hekk il-ġnus kollha msejħa biex jinġabru fil-komunjoni mal-Mulej, jistgħu jaraw u jemmnu. Hekk, it-Tnax, magħżula biex jieħdu sehem fl-istess missjoni ta’ Ġesù, jikkoperaw mar-Ragħaj tal-aħħar żminijiet, billi qabelxejn huma wkoll imorru għand in-nagħġiet mitlufa tad-dar ta’ Iżrael, jiġifieri jduru fuq il-poplu tal-wegħda, li t-tiġmigħ tiegħu hu s-sinjal tas-salvazzjoni għall-popli kollha, il-bidu tal-universalizzazzjoni tal-Patt. Għalhekk, dak li għall-bidu narawh bħala limitazzjoni tal-missjoni tiegħu u tat-Tnax għal Iżrael biss, mhux talli mhux kuntrarju għall-ftuħ universalistiku tal-azzjoni messjanika tan-Nazzarenu, imma jsir is-sinjal profetiku l-aktar b’saħħtu tiegħu. Wara l-passjoni u l-qawmien ta’ Kristu, dan is-sinjal jiġi ċċarat: il-karattru universali tal-missjoni tal-Appostli jsir espliċitu. Kristu jibgħat lill-Appostli “fid-dinja kollha” (Mk 16:15), għand “il-ġnus kollha” (Mt 28:19; Lq 24:47), “sa truf l-art” (Atti 1:8). U din il-missjoni tissokta. Jissokta dejjem il-mandat tal-Mulej li jerġa’ jiġbor il-popli fl-għaqda ta’ mħabbtu. Din hija t-tama tagħna u dan huwa wkoll il-mandat li ngħatajna: li nagħtu sehemna b’riżq din l-universalità, din il-vera għaqda fl-għana tal-kulturi, f’komunjoni mal-veru Mulej tagħna Ġesù Kristu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard