Benedittu XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru
L-Erbgħa, 20 ta’ Ottubru, 2010

Santa Eliżabetta tal-Ungerija

Għeżież ħuti,

Illum nixtieq li nitkellem dwar waħda min-nisa li għexu fil-Medju Evu, iż-Żmien tan-Nofs, li ispiraw ammirazzjoni kbira. Din hi Santa Eliżabetta tal-Ungerija, li hi wkoll magħrufa bħala Santa Eliżabetta tat-Turinġija.

Eliżabetta twieldet fl-1207; l-istoriċi ma jaqblux dwar fejn twieldet. Missierha kien Indrì II, ir-re għani u setgħani tal-Ungerija. Biex isaħħaħ ir-rabtiet politiċi, hu żżewweġ lill-Kontessa Ġermaniża Ġertrude ta’ Andechs-Meran, li kienet oħt Santa Hedwig li kienet mart id-Duka ta’ Silesia. Eliżabetta, flimkien ma’ oħtha u t-tliet ħutha subien, għaddew l-ewwel erba’ snin biss tat-tfulija tagħha fil-palazz Ungeriż. Hi kienet tħobb tilgħab, kienet tħobb il-mużika u ż-żfin ukoll; hi kienet tgħid it-talb tagħha bl-aktar mod li juri fidi u minn kmieni wriet attenzjoni speċjali lejn il-foqra, li hi kienet tgħin b’xi kelma jew b’azzjonijiet mimlijin ħlewwa.

It-tfulija ferrieħa tagħha waqfet ħesrem meta żewġ kavallieri waslu mit-Turinġija, li kienet tinsab ‘il bogħod, biex joħduha fir-residenza l-ġdida tagħha fiċ-Ċentru tal-Ġermanja. Fil-fatt, biex ikun leali lejn it-tradizzjonijiet ta’ dak iż-żmien, missierha rranġalha biex hi ssir Prinċipessa tat-Turinġija. Il-Konti ta’ dan ir-reġjun kien wieħed mill-iktar persuni sovrani fl-Ewropa li kienu sinjuri u l-aktar influwenti fil-bidu tas-seklu 13 u l-kastell tiegħu kien ċentru ta’ manifiċenza (kobor) u kultura.

Madanakollu, il-festi u l-glorja li kienet tidher kienu jaħbu l-ambizzjoni tal-prinċipijiet fewdali li kienu ta’ spiss jiġġieldu ma’ xulxin u f’konflitt mal-awtoritajiet regali u imperjali.

F’dan il-kuntest il-Konti Fewdali Hermann aċċetta bil-qalb kollha l-għerusija ta’ ibnu Ludovigu mal-Prinċipess tal-Ungerija. Eliżabetta ħalliet art twelidha b’dota sinjura ħafna u b’ħafna nies li eskortawha (entourage), inkluż in-nisa li kienu jaqduha u jgħinuha, li tnejn minnhom kellhom jibqgħu fidili lejha sal-aħħar. Huma kienu li ħallewlna l-informazzjoni prezzjuża fuq it-tfulija u fuq il-ħajja tal-Qaddisa.

Huma waslu Eisenach wara vjaġġ twil u telgħu wkoll il-Forti ta’ Wartburg, il-kastell qawwi li kien bħal torri fuq il-belt. Kien hawn li saret iċ-ċelebrazzjoni tal-għerusija bejn Ludovigu u Eliżabetta. Fis-snin ta’ wara, waqt li Ludovigu tgħallem il-professjoni ta’ kavallier, Eliżabetta u l-kumpanni tagħha studjaw il-Ġermaniż, il-Franċiż, il-Latin, il-mużika, il-letteratura u x-xogħol tal-idejn (l-embroidery). Minkejja li kienu raġunijiet politiċi li wasslu għall-għerusija ta’ Ludovigu u Eliżabetta, bejniethom żviluppat imħabba sinċiera li kienet mgħixa bil-fidi u b’xewqa li jagħmlu t-tnejn li huma r-rieda ta’ Alla. Fil-mewt ta’ missieru, meta Ludovigu kellu 18-ilsena, hu beda jirrenja fuq it-Turinġija.

Madanakollu, beda jsir ħafna tfesfis kritiku fuq Eliżabetta għaliex l-imġiba tagħha ma kinitx taqbel mal-ħajja tal-palazz. Dan għaliex iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ kienu ħafna ‘l bogħod mil-lussu u parti mill-fondi għall-ikla tat-tieġ kienu mogħtija lill-fqar.

Permezz tas-sensitività profonda tagħha, Eliżabetta rat il-kontradizzjonijiet bejn il-fidi li kienet tipprofessa u l-prattika Nisranija. Ma setgħetx tagħmel kompromessi. Darba waħda, meta daħlet fil-knisja fil-Festa tal-Assunta, hi neħħiet il-kuruna, poġġietha quddiem il-Kurċifiss u, waqt li għattiet wiċċha, intefgħet mal-art. Meta l-kunjata tagħha ċanfritha għal din l-azzjoni, Eliżabetta weġbitha: "Kif nista’ jiena, ħlejqa li ma niswa xejn, nibqa’ nilbes kuruna li turi d-dinjità tad-dinja, meta r-Re tiegħi Ġesù Kristu hu inkurunat bix-xewk?”

Hi kienet iġġib ruħha ma’ kull min kien suġġett għaliha bl-istess mod li hi kienet iġġib ruħha ma’ Alla. Fost L-għidut tal-erba’ qaddejja, insibu din ix-xhieda:Hi ma kinitx tiekol ikel qabel ma kienet tkun żgura li kien ġej mill-propjetà tar-raġel tagħha jew minn dak li kien jippossiedi b’mod leġittimu. Waqt li hi ma kinitx taċċetta ġid li kien ikun ġej b’mod illegali, hi kienet tagħmel dak kollu li tista’ biex tipprovdi kumpens lil dawk li jkunu sofrew xi vjolenza.

Hi eżempju veru għal dawk kollha li għandhom rwoli ta’ tmexxija: l-eżerċizzju tal-awtorità, f’kull livell, għandu jkun mgħejjex bħala servizz lill-ġustizzja u lill-karità, fi tfittxija kostanti għall-ġid komuni.

B’mod diliġenti ħafna, Eliżabetta pprattikat azzjonijiet ta’ ħniena: kienet tqassam l-ikel u x-xorb lil dawk li kienu jħabbtulha l-bieb, kienet tqassam il-ħwejjeġ, kienet tħallas id-djun, kienet tieħu ħsieb il-morda u tidfen lill-mejtin. Meta kienet tkun nieżla lura mill-kastell tagħha, mal-qaddejja tagħha, kienet ta’ spiss iżżur id-djar tal-foqra, u kienet tagħtihom il-ħobż, il-laħam, id-dqiq u xi ikel ieħor. Hi kienet tqassam l-ikel hi personalment u kienet tiċċekkja b’attenzjoni kbira l-ħwejjeġ u s-saqqijiet tal-foqra.  

Din l-imġiba kienet irrappurtata lil żewġha, li mhux talli ma ħax pjaċir, imma talli wieġeb lill-akkużaturi tagħha, Sakemm ma tbigħx il-kastell, jiena kuntent biha!”

Il-miraklu tal-ħobż li nbidlu f’ward jidħol hawnhekk: meta Eliżabetta kienet sejra bil-fardal tagħha mimli ħobż għall-foqra, iltaqgħet ma’ żewġha li staqsieha x’kienet qiegħda ġġorr. Hi fetħet il-fardal biex turih, u minflok ħobż, il-fardal kien mimli b’ward il-ġmiel tiegħu. Dan is-simbolu ta’ karità ta’ spiss narawh fl-istampi ta’ Eliżabetta.

Iż-żwieġ ta’ Eliżabetta kien tassew wieħed ta’ ferħ kbir: hi għenet lil żewġha biex jgħolli l-kwalitajiet umani tiegħu għal livell supernaturali u hu, bi tweġiba għal dan, appoġġja l-ġenerożità ta’ martu għall-foqra u għall-prattika tar-reliġjon tagħha. Aktar kemm jgħaddi ż-żmien, kien aktar u aktar jammira lil martu għall-fidi tagħha, u Ludovigu kien jgħidilha, waqt li jirreferi għall-attenzjoni li hi kienet tagħti lill-foqra: Għażiża Eliżabetta, huwa Kristu li inti naddaft, tmajt u ħadt ħsieb”.  Xhieda ċara ta’ kif il-fidi u l-imħabba lejn Alla għandhom iqawwu l-ħajja fil-familja u jniżżlu aktar fil-fond l-għaqda fiż-żwieġ.

Il-koppja żagħżugħa sabu għajnuna spiritwali mingħand il-Patrijiet Minuri li kienu bdew jinxterdu fit-Turinġija fl-1222.  Eliżabetta għażlet lil Fra Rodegar (Rüdiger) bħala d-direttur spiritwali tagħha. Meta hu qalilha bil-ġrajja tal-konverżjoni ta’ Franġistu ta’ Assisi, il-merkant għani żagħżugħ, Eliżabetta saret aktar u aktar entużjażmata fil-mixja tagħha  tal-ħajja Nisranija.

Minn dak il-ħin hija saret aktar u aktar determinata li timxi wara Kristu, il-fqir u Kurċifiss, li kien jinsab fil-foqra. Anke meta twieled l-ewwel iben tagħha, li warajh ġew żewġt ulied oħra, Santa Eliżabetta qatt ma ttraskurat l-azzjonijiet tagħha ta’ ħniena. Hi għenet ukoll lill-Patrijiet Minuri biex jibnu l-kunvent fi Halberstadt, li tiegħu Patri Rodeger sar is-superjur. Għal din ir-raġuni, id-direzzjoni spiritwali ta’ Eliżabetta ħadha f’idejh Conrad ta’ Marburg.

L-aħħar tislima tagħha lil żewġha kienet prova iebsa, meta, fl-aħħar ta’ Ġunju tal-1227 Ludovigu IV ngħaqad mal-Kruċjata tal-Imperatur Federiku II. Hu fakkar lil martu li din kienet tradizzjoni għas-sovrani tat-Turinġija. Eliżabetta weġbitu: “Jien żgur li miniex ħa ntellfek. Jien tajt lili nnifsi lil Alla u issa jien irrid nagħti lilek ukoll”.

Madanakollu, id-deni ħarbat it-truppi u Ludovigu nnifsu marad u miet f’Otranto, qabel ma wasal, f’Settembru 1227. Hu kellu 27 sena. Meta Eliżabetta ħadet l-aħbar, tant iddispjaċiha li rtirat fis-solitudni; imma mbagħad, imqawwija mit-talb u msabbra mit-tama li ser terġa’ tarah fil-Ġenna, hi bdiet tattendi l-okkażjonijiet tas-Saltna.

Madanakollu, kien hemm prova oħra tistennieha lil Eliżabetta. Ħuha tar-rispett ħa f’idejh il-gvern tat-Turinġija, u ddikkjara lilu nnifsu bħala l-eredi veru ta’ Ludovigu u akkuża lil Eliżabetta li kienet mara twajba li ma kinitx kapaċi tiggverna. L-armla żagħżugħa, bi tlett itfal, kienet imkeċċija mill-Kastell ta’ Wartburg u telqet tfittex post ta’ refuġju. Tnejn biss min-nisa li kienu magħha baqgħu viċin tagħha. Huma akkumpanjawha u fdaw it-tlett ulied fil-kura tal-ħbieb ta’ Ludovigu. Tiġri qalb il-villaġġi, Eliżabetta ħadmet kull fejn kienet milqugħa, ħadet ħsieb il-morda, nisġet u sajret.

Matul dan il-kalvarju li hija għexet b’fidi kbira, b’paċenzja u b’dedikazzjoni lil Alla, xi qraba li baqgħu fidili lejha u li kienu jqisu r-regola ta’ ħuhom tar-rispett bħala illegali, reġgħet saħħet il-fama tagħha. Dan seħħ fil-bidu tas-sena 1228, meta Eliżabetta rċeviet dħul biżżejjed biex terġa’ tieħu f’idejha l-kastell tal-familja fi Marburg, fejn Patri Conrad, id-direttur spiritwali tagħha, kien qiegħed jgħix.

Kien hu li ħallielna dan ir-rappurtaġġ li hu ta lill-Papa Gregorju IX: Fil-Ġimgħa l-Kbira tal-1228, wara li poġġiet idejha fuq l-altar fil-kappella tal-belt tagħha, Eisenach, fejn hi kienet laqgħet lill-Patrijiet Minuri, fil-preżenza ta’ diversi patrijiet u qraba, Eliżabetta rrinunzjat ir-rieda tagħha u l-frugħat kollha tad-dinja.

Hi riedet kieku ċċedi dak kollu li kienet tippossiedi, imma jien skuraġġejtha tagħmel hekk b’imħabba lejn il-fqar. Fi żmien qasir, hija bniet sptar, ġabret il-morda u l-persuni invalidi u kienet ġġib lill-iktar persuni foqra u batuti biex jieklu mill-istess mejda tagħha. Meta jiena ċanfartha għal dan kollu, Eliżabetta weġbitni billi qaltli li hi kienet irċeviet mingħand il-foqra grazzja speċjali u l-umiltà” (Epistula magistri Conradi, 14-17).

Aħna nistgħu niddixxernu f’din l-affermazzjoni ċerta esperjenza mistika bħalma għadda minnha San Franġisk: il-Fqajjar ta’ Assisi kien iddikjara fit-testment tiegħu, fil-fatt, li li taqdi lill-imġiddmin, li hu għall-ewwel kien jistmerrihom, kien trasformat fi ħlewwa tar-ruħ u tal-ġisem (Testamentum, 1-3).

Eliżabetta għaddiet l-aħħar tliet snin ta’ ħajjitha fl-isptar li hi stess waqqfet, taqdi lill-morda u takkompanja lil dawk li kienu jkunu qegħdin imutu. Hi dejjem kienet tipprova tagħmel l-aktar qadi umli u l-aktar xogħol mistmell. Hi saret dik li llum nistgħu nsejħulha mara kkonsagrata fid-dinja (soror in saeculo) u, flimkien ma’ ħbieb oħra tagħha libsu lbies griż, u ffurmaw komunità reliġjuża. Mhux b’kumbinazzjoni li hi l-Padruna tat-Tielet Ordni Regolari ta’ San Franġisk u tal-Ordni Sekulari Franġiskan.

F’Novembru 1231 kienet milquta minn deni qawwi. Meta l-aħbar tal-marda tagħha xterdet, ħafna nies marru jżuruha. Wara madwar għaxart ijiem, hi talbet li l-bibien jingħalqu ħalli tkun weħidha ma’ Alla. Fil-lejl tas-17 ta’ Novembru, hi raqdet b’mod seren fil-Mulej. Ix-xhieda tal-qdusija tagħha kienu ħafna tant li wara biss erba’ snin il-Papa Gregorju IX kkanonizzaha u, f’dik l-istess sena, il-knisja sabiħa li nbniet ad unur tagħha kienet ikkonsagrata.

Għeżież ħuti, f’Santa Eliżabetta naraw kemm il-fidi u l-ħbiberija ma’ Kristu joħolqu sens ta’ ġustizzja, ta’ ugwaljanza ta’ kulħadd, tad-drittijiet tal-oħrajn u ta’ kif huma joħolqu l-imħabba, il-karità. U minn din il-karità titwieled it-tama wkoll, iċ-ċertezza li aħna maħbuba minn Kristu u li l-imħabba ta’ Kristu tistenniena  u għalhekk tagħmilna kapaċi li nimitaw lil Kristu u li naraw lil Kristu fl-oħrjan.

Santa Eliżabetta tistedinna li nerġgħu niskopru lil Kristu, li nħobbuh u li nemmnu; u għalhekk li nsibu l-vera ġustizzja u mħabba, kif ukoll il-ferħ li ġurnata aħna nkunu mgħaddsa fl-imħabba t’Alla, fil-ferħ tal-eternità ma’ Alla. Grazzi.

 

Maqluba mill-Ingliż għall-Malti minn Kathleen Bonello