Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 8 ta’ Novembru 2006

 

Pawlu – Iċ-ċentralità ta’ Ġesù Kristu

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi ta’ qabel, ħmistax ilu, ippruvajt nagħti ħjiel tal-linji essenzjali tal-bijografija tal-Appostlu Pawlu. Rajna kif il-laqgħa ma’ Kristu fit-triq ta’ Damasku qalbet għalkollox ta’ taħt fuq il-ħajja tiegħu. Kristu sar ir-raġuni ta’ ħajtu u l-motiv qawwi tal-ħidma appostolika kollha tiegħu. Fl-ittri tiegħu, wara isem Alla, li jidher fuq 500 darba, l-isem li jissemma l-iżjed hu dak ta’ Kristu (380 darba). Għalhekk importanti nintebħu kemm Ġesù Kristu jista’ jħalli effett fuq il-ħajja ta’ bniedem u għalhekk anki fl-istess ħajja tagħna. Fir-realtà, Kristu Ġesù hu l-quċċata tal-istorja tas-salvazzjoni u għalhekk il-veru punt li jiddistingwina anki fid-djalogu mar-reliġjonijiet l-oħrajn.

 

Meta nħarsu lejn Pawlu, hekk nistgħu nifformulaw il-mistoqsija ewlenija: Kif isseħħ il-laqgħa ta’ bniedem ma’ Kristu? U fiex tikkonsisti r-relazzjoni li toħroġ minnha? It-tweġiba li jagħtina Pawlu nistgħu nifhmuha f’żewġ mumenti. L-ewwel nett, Pawlu jgħinna nifhmu l-valur li fuqu tissejjes b’mod assolut il-fidi u li xejn ma jista’ jeħodlu postu. Araw x’jikteb fl-Ittra lir-Rumani: “Għax aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi” (3:28). U hekk ukoll fl-Ittra lill-Galatin: “Aħna li nafu li l-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-Liġi imma bil-fidi f’Ġesù Kristu, aħna wkoll emminna f’Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġġustifikati bil-fidi fi Kristu u mhux bl-opri tal-Liġi, għaliex bl-opri tal-Liġi ebda bniedem ma jkun iġġustifikat” (2:16). “Inkunu ġġustifikati” jfisser insiru ġusti, jiġifieri niġu milqugħa mill-ġustizzja ħanina ta’ Alla, u nidħlu f’komunjoni miegħu, u b’hekk nistgħu nistabbilixxu relazzjoni ħafna iżjed awtentika ma’ ħutna kollha: u dan hu msejjes fuq il-maħfra sħiħa ta’ dnubietna. Mela Pawlu qed jgħid ċar daqs il-kristall li din il-kundizzjoni ta’ ħajja ma tiddependix minn kemm nagħmlu opri tajbin aħna, imma purament mill-grazzja ta’ Alla: “Għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù” (Rum 3:24).

 

B’dawn il-kelmiet San Pawl jesprimi l-kontenut fundamentali tal-konverżjoni tiegħu, id-direzzjoni ġdida ta’ ħajtu frott tal-laqgħa tiegħu ma’ Kristu Rxoxt. Pawlu, qabel il-konverżjoni, ma kienx xi bniedem imbiegħed minn Alla u mil-Liġi tiegħu. Bil-maqlub, kien osservanti, b’osservanza fidila sal-punt tal-fanatiżmu. Imma fid-dawl tal-laqgħa tiegħu ma’ Kristu fehem li b’dan kien fittex li jibni lilu nnifsu, il-ġustizzja tiegħu, u li b’din il-ġustizzja kollha kien għex għalih innifsu. Fehem li kien assolutament meħtieġ orjentament ġdid ta’ ħajtu. U dan l-orjentament ġdid insibuh espress fi kliemu: “Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Għalhekk Pawlu ma jgħixx iżjed għalih innifsu, għall-ġustizzja tiegħu. Jgħix bi Kristu u ma’ Kristu: jagħti lilu nnifsu, u ma jfittixx jew jibni iżjed lilu nnifsu. Din hi l-ġustizzja ġdida, l-orjentament ġdid li jagħtina l-Mulej, li tagħtina l-fidi. Quddiem is-salib ta’ Kristu, l-ogħla espressjoni tal-għotja tiegħu nnifsu, ma hemm ħadd li jista’ jiftaħar bih innifsu, bil-ġustizzja tiegħu nnifsu li għamilha hu, għalih innifsu! Band’oħra Pawlu, f’eku ta’ Ġeremija, jespliċita dan il-ħsieb billi jikteb: “Min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej” (1 Kor 1:31 = Ġer 9:22s); jew: “Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja” (Gal 6:14).

 

Aħna u nirriflettu fuq xi tfisser ġustifikazzjoni mhux bl-opri imma bil-fidi, wasalna allura għat-tieni aspett li jiddefinixxi l-identità Nisranija mfissra minn San Pawl fil-ħajja tiegħu. Identità Nisranija li hi magħmula proprju minn żewġ elementi: din li ma jfittixx lilu nnifsu fih innifsu imma jirċievi dak li hu minn Kristu u jingħata għal Kristu, u hekk jieħu sehem b’mod personali f’dak li hu ta’ Kristu nnifsu, sal-punt li jogħdos fih u jaqsam kemm fil-mewt tiegħu u kemm fil-ħajja tiegħu. Hu dak li Pawlu jikteb fl-Ittra lir-Rumani: “Tgħammidna fil-mewt tiegħu… indfinna miegħu… sirna ħaġa waħda miegħu… Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù” (Rum 6:3,4,5,11). Proprju din l-aħħar espressjoni hi karatteristika tiegħu: fil-fatt, għal Pawlu mhux biżżejjed jgħid li l-Insara huma mgħammdin jew nies ta’ fidi; għalih hu daqstant ieħor importanti jgħid li huma “fi Kristu Ġesù” (ara wkoll Rum 8:1,2,39; 12:5; 16:3,7,10; 1 Kor 1,2,3, eċċ.). Drabi oħra hu jaqleb it-termini u jikteb li “Kristu jgħammar fina/fikom” (Rum 8:10; 2 Kor 13:5) jew “fija” (Gal 2:20). Din l-għaqda reċiproka bejn Kristu u n-Nisrani, karatteristika tat-tagħlim ta’ Pawlu, tagħmel sħiħ id-diskors tiegħu fuq il-fidi. Fil-fatt, il-fidi, imqar jekk tgħaqqadna intimament ma’ Kristu, tagħfas fuq id-distinzjoni bejnna u bejnu. Imma, skont Pawlu, il-ħajja tan-Nisrani għandha wkoll karatteristika li nistgħu nsejħulha ‘mistika’, għax iġġib it-twaħħid sħiħ tagħna ma’ Kristu u ta’ Kristu magħna. F’dan is-sens, l-Appostlu jasal saħansitra biex jikkwalifika t-tbatijiet tagħna bħala “s-sofferenzi ta’ Kristu fina” (2 Kor 1:5), hekk li aħna “f’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù” (2 Kor 4:10).

 

Dan kollu rridu nagħmluh tagħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum billi nimxu fuq l-eżempju ta’ Pawlu li għandna ngħixuh dejjem b’dan in-nifs kbir spiritwali. Minn naħa, il-fidi trid iżżommna f’atteġġjament kontinwu ta’ umiltà quddiem Alla, anzi ta’ qima u ta’ ġieħ fil-konfront tiegħu. Fil-fatt, dak li aħna bħala Nsara nafuh biss lilu u lill-grazzja tiegħu. Ladarba ħadd u xejn ma jista’ jeħodlu postu, allura hemm bżonn li lil xejn iżjed u lil ħadd iżjed ma nagħtu l-ġieħ li nagħtu lilu. L-ebda idolu ma għandu jniġġes l-univers spiritwali tagħna, inkella flok ingawdu l-libertà li ksibna nerġgħu naqgħu f’għamla ta’ jasar li jbaxxina. Min-naħa l-oħra, l-appartenenza radikali tagħna għal Kristu u l-fatt li “aħna fih” għandu jimliena b’atteġġjament ta’ fiduċja totali u ta’ ferħ bla qies. Fil-fatt, bla dubju ta’ xejn, irridu nesklamaw ma’ San Pawl: “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rum 8:31). U t-tweġiba hi li ħadd u xejn “ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8:39). Il-ħajja Nisranija tagħna, għalhekk, isserraħ fuq il-blata l-iżjed soda u żgura li nistgħu nimmaġinaw. U minnha nġibu l-enerġija kollha tagħna, kif jikteb appuntu l-Appostlu: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini” (Fil 4:13).

 

Għalhekk naffrontaw ħajjitna, bil-ferħ u l-uġigħ tagħha, imwieżna minn dawn is-sentimenti li joffrilna Pawlu. Meta nagħmlu esperjenza tagħhom nistgħu nifhmu kemm hu minnu dak li l-istess Appostlu jikteb: “Jien naf f’min emmint, u naf sewwa li hu jista’ jħares it-teżor li kien fdat f’idejja, sa ma jasal dak il-Jum” (2 Tim 1:12), jiġifieri sal-jum li fih saflaħħar isseħħ il-laqgħa tagħna ma’ Kristu l-Imħallef, il-Feddej tad-dinja u tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard