Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Ġunju 2006

 

Pietru, il-blata li fuqha Kristu waqqaf il-Knisja

 

Għeżież ħuti,

 

Nerġgħu naqbdu l-katekeżi ta’ kull ġimgħa li bdejna fir-rebbiegħa. Fl-aħħar waħda ta’ ħmistax ilu kont tkellimt fuq Pietru bħala l-ewwel fost l-Appostli; illum irridu nerġgħu lura għal din il-figura kbira u importanti tal-Knisja. L-evanġelista Ġwanni, meta jirrakkonta l-ewwel laqgħa ta’ Ġesù ma’ Xmun, ħu Indrì, isemmi fatt uniku: Ġesù “ħares lejh u qallu: ‘Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa’ – jew Pietru” (Ġw 1:42). Ġesù ma kienx soltu tiegħu jibdel l-isem tad-dixxipli tiegħu. Jekk hemm enfasi fuq l-aġġettiv “ulied ir-ragħad”, li f’ċirkustanza preċiża jingħata lil ulied Żebedew (ara Mk 3:17) bla ma jerġa’ jintuża darb’oħra, hu qatt ma ta isem ġdid lil xi dixxiplu tiegħu. Imma lil Xmun tah, meta sejjaħlu Kefa, isem li mbagħad ġie maqlub Petros fil-Grieg, u bil-Latin Petrus. U ġie tradott proprju għaliex ma kienx biss isem; kien “mandat” li Petrus irċieva b’dak il-mod mingħand il-Mulej. L-isem ġdid Petrus insibuh iżjed drabi fil-Vanġeli u jispiċċa jieħu post l-isem oriġinali Xmun.

 

Dan il-fatt jikseb importanza partikulari jekk inżommu f’moħħna li, fit-Testment il-Qadim, il-bidla tal-isem normalment kienet issir qabel dak li jkun jiġi fdat b’missjoni (ara Ġen 17:5; 32:28ss, eċċ.). Fil-fatt, ir-rieda ta’ Kristu li jagħti lil Pietru importanza speċjali fi ħdan il-Kulleġġ appostoliku narawha f’iktar minn sinjal wieħed: f’Kafarnahum l-Imgħallem imur joqgħod fid-dar ta’ Pietru (Mk 1:29); meta l-folla tagħfas fuqu fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Ġennesaret, miż-żewġ dgħajjes marbuta hemm, Ġesù jagħżel dik ta’ Xmun (Lq 5:3); meta f’ċirkustanzi partikulari Ġesù jieħu miegħu tliet dixxipli biss, Pietru dejjem hu mniżżel l-ewwel fil-grupp: hekk seħħ fil-qawmien ta’ bint Ġajru mill-mewt (ara Mk 5:37; Lq 8:51), fit-Trasfigurazzjoni (ara Mk 9:2; Mt 17:1; Lq 9:28), u fl-aħħar waqt l-agunija fl-Ort tal-Ġetsemani (ara Mk 14:33; Mt 16:37). U mill-ġdid: għand Pietru jmorru dawk li kienu jiġbru t-taxxa tat-Tempju u l-Imgħallem iħallas għalihom it-tnejn biss (ara Mt 17:24-27); lil Pietru l-ewwel li jaħsillu saqajh fl-Aħħar Ċena (ara Ġw 13:6) u għalih waħdu jitlob biex ma tonqosx fih il-fidi ħalli mbagħad jista’ jwettaq fiha lid-dixxipli l-oħra (ara Lq 22:30-31).

 

Mill-bqija, Pietru nnifsu hu konxju ta’ din il-pożizzjoni partikulari tiegħu: huwa hu li spiss, anki f’isem l-oħrajn, jitkellem u jitlob spjegazzjoni ta’ parabbola diffiċli (Mt 15:15), jew it-tifsira eżatta ta’ xi preċett (Mt 18:21) jew il-wegħda formali ta’ ħlas (Mt 19:27). B’mod partikulari, huwa hu li jsolvi ċerti sitwazzjonijiet imbarazzanti billi jindaħal f’isem kulħadd. Hekk meta Ġesù, imnikket għax il-folla ma fehmitux wara d-diskors fuq il-“ħobż tal-ħajja”, jistaqsi: “Tridux tmorru intom ukoll?”, it-tweġiba ta’ Pietru hi awtoritattiva: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (ara Ġw 6:67-69). Daqshekk ieħor deċiża hija l-istqarrija ta’ fidi li, mill-ġdid f’isem it-Tnax, huwa jagħmel f’Ċesarija ta’ Filippu. Lil Ġesù li jistaqsi: “Intom min tgħidu li jien?”, Pietru jwieġeb: “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:15-16). Min-naħa tiegħu Ġesù hemmhekk ilissen id-dikjarazzjoni solenni li tiddefenixxi darba għal dejjem ir-rwol ta’ Pietru fil-Knisja: “U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi… Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16:1-19). It-tliet metafori li jinqeda bihom Ġesù huma fihom infushom ċari ħafna: Pietru se jkun il-pedament tal-blat li fuqu tistrieħ il-binja tal-Knisja; hu se jkollu f’idejh l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet biex jiftaħ u jagħlaq għal min jidhirlu li hu sewwa; u fl-aħħar, hu jista’ jorbot u jħoll fis-sens li jista’ jistabbilixxi jew jipprojbixxi x’inhu meħtieġ għall-ħajja tal-Knisja, li hi u tibqa’ ta’ Kristu. Hi dejjem Knisja ta’ Kristu u mhux ta’ Pietru. Hekk insibu mfisser bi xbihat ta’ evidenza ċara dak li r-riflessjoni li ġiet wara kkwalifikat bit-terminu “primat ta’ ġurisdizzjoni”.

 

Din il-pożizzjoni ta’ preminenza li Ġesù ried jagħti lil Pietru narawha wkoll wara l-qawmien: Ġesù jqabbad lin-nisa jwasslu l-aħbar lil Pietru, b’mod distint mill-Appostli l-oħra (ara Mk 16:7); għandu u għand Ġwanni tmur tiġri l-Madalena biex tgħarrafhom dwar il-blata mgerbba fid-daħla tal-qabar (ara Ġw 20:2) u Ġwanni jċedi lilu l-pass meta t-tnejn jaslu quddiem il-qabar vojt (ara Ġw 20:4-6); imbagħad ikun Pietru, fost l-Appostli, l-ewwel xhud ta’ dehra tal-Irxoxt (ara Lq 24:34; 1 Kor 15:5). Dan ir-rwol tiegħu, enfasizzat b’fermezza (ara Ġw 20:3-10), jimmarka l-kontinwità bejn il-preminenza fi ħdan il-grupp appostoliku u l-preminenza li jibqa’ jkollu fil-komunità li twieldet mal-ġrajjiet tal-Għid, kif jixhed il-Ktieb tal-Atti (ara 1:15-26; 2:14-40; 3:12-26; 4:8-12; 5:1-11,29; 8:14-17; 10; eċċ.). L-imġiba tiegħu hi meqjusa hekk deċiżiva, li hi fiċ-ċentru ta’ osservazzjonijiet u anki kritika (ara Atti 11:1-18; Gal 2:11-14). Fl-hekk imsejjaħ Konċilju ta’ Ġerusalemm Pietru jiżvolgi funzjoni direttiva (ara Atti 15 u Gal 2:1-10), u proprju għax hu dan ix-xhud tal-fidi awtentika Pawlu nnifsu jagħraf fih ċerta kwalità tal-“ewwel” post (ara 1 Kor 15:5; Gal 1:18; 2:7s.; eċċ.). Il-fatt, imbagħad, li diversi testi fundamentali li jirriferu għal Pietru nistgħu naqrawhom fil-kuntest tal-Aħħar Ċena, li fiha Kristu jagħti lil Pietru l-ministeru li jwettaq lil ħutu l-oħra (ara Lq 22:31s.), jurina kif il-Knisja li titwieled mit-tifkira tal-Għid iċċelebrata fl-Ewkaristija għandha fil-ministeru fdat lil Pietru wieħed mill-elementi kostituttivi tagħha.

 

Din il-kuntestwalizzazzjoni tal-Primat ta’ Pietru fl-Aħħar Ċena, fil-mument tat-twaqqif tal-Ewkaristija, l-Għid tal-Mulej, tindika wkoll it-tifsira aħħarija ta’ dan il-Primat: Pietru, għaż-żminijiet kollha, għandu jkun il-ħarries tal-komunjoni ma’ Kristu; għandu jmexxi lejn il-komunjoni ma’ Kristu; għandu jara li x-xibka ma titqattax u hekk tista’ tibqa’ sħiħa l-komunjoni universali. Flimkien biss nistgħu nkunu ma’ Kristu, li hu l-Mulej ta’ kulħadd. Ir-responsabbiltà ta’ Pietru hi li hekk jiggarantixxi l-komunjoni ma’ Kristu bl-imħabba ta’ Kristu, u hekk imexxina għat-twettiq ta’ din l-imħaba fil-ħajja ta’ kuljum. Nitolbu biex il-Primat ta’ Pietru, fdat lil bnedmin fqajra, jista’ dejjem jiġi mħaddem f’dan is-sens oriġinali tiegħu kif mixtieq mill-Mulej, u hekk jistgħu jagħrfuh dejjem iktar fit-tifsira vera tiegħu ħutna li għadhom mhumiex f’komunjoni sħiħa magħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard