Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 6 ta’ Settembru 2006

 

Filippu

 

Għeżież ħuti,

 

Aħna u nkomplu nfittxu ħjiel tal-fiżjonomija tad-diversi Appostli, kif ilna nagħmlu minn xi ġimgħat ’l hawn, illum niltaqgħu ma’ Filippu. Fil-listi tat-Tnax, lilu dejjen insibuh fil-ħames post (hekk f’Mt 10:3; Mk 3:18; Lq 6:14; Atti 1:13), allura sostanzjalment fost tal-ewwel. Għalkemm Filippu kien ta’ oriġni Lhudija, ismu huwa Grieg, bħal dak ta’ Indrì, u dan hu sinjal ċkejken ta’ ftuħ kulturali li m’għandniex inwarrbuh. It-tagħrif li għandna dwaru jagħtihulna l-Vanġelu ta’ Ġwanni. Hu kien ġej mill-istess post ta’ oriġni ta’ Pietru u ta’ Indrì, jiġifieri Betsajda (ara Ġw 1:44), belt li kienet tagħmel parti mit-tetrarkija ta’ wieħed minn ulied Erodi l-Kbir, hu wkoll jismu Filippu (ara Lq 3:1).

 

Ir-Raba’ Vanġelu jirrakkonta li, wara li ġie msejjaħ minn Ġesù, Filippu ltaqa’ ma’ Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi” (Ġw 1:45). Għat-tweġiba pjuttost xettika ta’ Natanjel (“Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?”), Filippu ma jċedix u jirribatti determinat: “Ejja u ara” (Ġw 1:46). F’din it-tweġiba, xotta imma ċara, Filippu juri l-karatteristiċi tal-veru xhud: ma jikkuntentax li jipproponi t-tħabbira, bħala teorija, imma jisfida direttament lill-ieħor li qed jisimgħu billi jissuġġerilu li jagħmel hu stess esperjenza personali ta’ dak li tħabbar. L-istess żewġ verbi jintużaw minn Ġesù nnifsu meta żewġ dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista jersqu lejh jistaqsuh fejn joqgħod. Ġesù weġibhom: “Ejjew u taraw” (ara Ġw 1:38-39).

 

Nistgħu naraw lil Filippu jdur fuqna wkoll b’dawn iż-żewġ verbi li jissupponu involviment personali. Lilna wkoll qed jgħid dak li qal lil Natanjel: “Ejja u ara”. L-Appostlu jimpenjana biex insiru nafu lil Ġesù mill-qrib. Fil-fatt, il-ħbiberija, il-veru għarfien tal-ieħor, għandhom bżonn tal-qrubija, anzi f’ċertu sens jgħixu biha. Mill-bqija, ma rridux ninsew li, skont dak li jikteb Mark, Ġesù għażel it-Tnax bl-għan ewlieni li “jibqgħu miegħu” (Mk 3:14), jiġifieri qasmu fil-ħajja tiegħu u tgħallmu direttament minnu mhux biss l-istil tal-imġiba tiegħu, imma fuq kollox min kien tassew. Fil-fatt, hekk biss, billi jieħdu sehem fil-ħajja tiegħu, setgħu jsiru jafuh u mbagħad ixandruh. Iktar tard, fl-Ittra ta’ Pawlu lill-Efesin, naqraw li l-importanti hu li “nitgħallmu ’l Kristu” (4:20), allura mhux biss u mhux tant nisimgħu t-tagħlim tiegħu, kliemu, imma iktar insiru nafu lilu personalment, jiġifieri l-umanità u d-divinità tiegħu, il-misteru tiegħu, il-ġmiel tiegħu. Fil-fatt hu mhuwiex biss Mgħallem, imma Ħabib, anzi Ħuna. Kif nistgħu nsiru nafuh sew jekk nibqgħu mbegħdin? L-intimità, il-familjarità, id-drawwa jgħinuna niskopru l-identità vera ta’ Ġesù Kristu. Araw: hu proprju dan li jfakkarna l-Appostlu Filippu. U hekk jistedinna biex “niġu”, “naraw”, jiġifieri nidħlu f’kuntatt ta’ smigħ, ta’ tweġiba u ta’ komunjoni ta’ ħajja ma’ Ġesù jum wara jum.

 

Hu, imbagħad, fl-okkażjoni tat-tkattir tal-ħobż, irċieva mingħand Ġesù talba preċiża, u daqstant ieħor sorprendenti: jiġifieri, mnejn setgħu jixtru l-ħobż biex jitimgħu dawk in-nies kollha li ġew jisimgħuh (ara Ġw 6:5). Dak il-ħin Filippu wieġeb b’realiżmu kbir: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit” (Ġw 6:7). Hawn naraw il-konkretezza u r-realiżmu tal-Appostlu, li jaf jiġġudika l-implikazzjonijiet effettivi ta’ sitwazzjoni. Kif kompliet il-biċċa mbagħad nafu. Nafu li Ġesù qabad il-ħobżiet u, wara li talab, qassamhom. Hekk seħħ it-tkattir tal-ħobż. Imma interessanti li Ġesù dar proprju fuq Filippu biex jagħtih l-ewwel indikazzjoni ta’ kif seta’ jsolvi l-problema: sinjal ċar li hu kien jagħmel parti mill-grupp ristrett ta’ madwaru. F’mument ieħor, importanti ħafna għall-istorja futura, qabel il-Passjoni, xi Griegi li kienu Ġerusalemm għall-Għid “marru għand Filippu… u talbuh: ‘Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù’. Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù” (Ġw 12:20-22). Għal darb’oħra, għandna l-ħjiel tal-prestiġju partikulari tiegħu fi ħdan il-Kulleġġ appostoliku. Fuq kollox, f’dan il-każ, hu jagħmilha ta’ intermedjarju bejn it-talba ta’ xi Griegi – aktarx kien jitkellem bil-Grieg u seta’ jagħmilha ta’ interpretu – u Ġesù; imqar jekk hu jingħaqad ma’ Indrì, l-Appostlu l-ieħor b’isem Grieg, proprju għandu jmorru dawk il-barranin. Dan jgħallimna nkunu aħna wkoll pronti, kemm biex nilqgħu t-talbiet u l-invokazzjonijiet jiġu mnejn jiġu, u kemm biex norjentawhom lejn il-Mulej, l-uniku wieħed li jista’ jimliena b’mod sħiħ. Fil-fatt, importanti nkunu nafu li m’aħniex aħna d-destinatarji aħħarija tat-talb ta’ min jersaq għandna, imma l-Mulej: lilu rridu nindirizzaw lil kull min isib ruħu fil-bżonn. Araw: kull wieħed u waħda minna għandu jkun triq miftuħa lejh!

 

Imbagħad hemm okkażjoni kollha kemm hi partikulari, fejn jidħol fix-xena Filippu. Fl-Aħħar Ċena, wara li Ġesù kien stqarr li min jagħraf lilu jagħraf ukoll lill-Missier (ara Ġw 14:7), Filippu kważi b’mod inġenwu talbu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina” (Ġw 14:8). Ġesù wieġbu b’ton ta’ ċanfira twajba: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija?… Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija” (Ġw 14:9-11). Dawn il-kelmiet huma fost l-ogħla fil-Vanġelu ta’ Ġwanni. Fihom rivelazzjoni vera u proprja. Fi tmiem il-Prologu tal-Vanġelu tiegħu, Ġwanni jistqarr: “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18). Dik id-dikjarazzjoni, li hi tal-evanġelista, jerġa’ jaqbadha u jikkonfermaha Ġesù nnifsu. Imma bi sfumatura ġdida. Fil-fatt, waqt li l-Prologu ta’ Ġwanni jitkellem fuq intervent esplikattiv ta’ Ġesù bil-kelmiet tat-tagħlim tiegħu, fit-tweġiba lil Filippu Ġesù jitkellem fuq il-persuna tiegħu bħala tali, u jagħtina x’nifhmu li possibbli nifhmuh mhux biss minn dak li jgħid, imma iżjed u iżjed minn dak li sempliċiment hu. Biex nesprimu ruħna skont il-paradoss tal-Inkarnazzjoni, nistgħu ngħidu tajjeb li Alla libes wiċċ uman, dak ta’ Ġesù, u b’konsegwenza ta’ hekk mil-lum ’il quddiem, jekk tassew irridu nagħrfu l-wiċċ ta’ Alla, ma għandna bżonn xejn ħlief nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Ġesù! Fil-wiċċ tiegħu nilmħu tassew min hu Alla u kif inhu Alla!

 

L-Evanġelista ma jgħidilniex jekk Filippu fehemx għalkollox dik il-frażi ta’ Ġesù. Żgur li hu ddedika ħajtu kollha għalih. Skont xi rakkonti li ġew wara (Atti ta’ Filippu u oħrajn), l-Appostlu tagħna evanġelizza l-ewwel il-Greċja u mbagħad il-Friġja u hemm miet, f’Ġerapoli, b’sagrifiċċju li min jgħid li kien it-tislib u min it-tħaġġir. Irridu nagħlqu din ir-riflessjoni tagħna billi nfakkru l-għan li lejh għandha tħares ħajjitna: li niltaqgħu ma’ Ġesù kif iltaqa’ miegħu Filippu, infittxu li fih naraw lil Alla nnifsu, il-Missier tas-Sema. Jekk jonqos dan l-impenn, nispiċċaw inħarsu biss lejna nfusna bħal f’mera, u nkunu dejjem iżjed waħidna! Imma Filippu jgħallimna nħallu lil Ġesù jirbaħna għalih, noqogħdu miegħu, u nistiednu wkoll oħrajn jaqsmu f’din il-kumpanija indispensabbli. U hekk naraw, insibu lil Alla, insibu l-ħajja vera.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard