Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Ottubru 2006

 

Bartilmew

 

Għeżież ħuti

 

Fis-serje ta’ Appostli msejħin minn Ġesù fil-ħajja tiegħu fuq din l-art, illum huwa l-Appostlu Bartilmew li qed jiġbed l-attenzjoni tagħna. Fil-listi qodma tat-Tnax dejjem insibuh qabel Mattew, waqt li jvarja l-isem ta’ dak li nsibu qablu u li jista’ jkun Filippu (ara Mt 10:3; Mk 3:18; Lq 6:14) jew Tumas (ara Atti 1:13). Huwa ċar li ismu hu marbut ma’ missieru, għax hu fformulat b’riferiment espliċitu għall-isem tal-missier. Fil-fatt, aktarx huwa isem ta’ impronta Aramajka, bar Talmay, li appuntu jfisser “bin Talmay”.

 

Dwar Bartilmew ma għandniex tagħrif ta’ importanza; fil-fatt, ismu jidher dejjem u biss fil-listi tat-Tnax imsemmija hawn fuq u, għalhekk, qatt ma nsibuh fiċ-ċentru ta’ xi rakkont. Tradizzjonalment, imma, jiġi identifikat ma’ Natanjel: isem li jfisser “Alla ta”. Dan Natanjel kien minn Kana (ara Ġw 21:2) u għalhekk hu possibbli li kien xhud tas-“sinjal” il-kbir li għamel Ġesù f’dak il-posst (ara Ġw 2:1-11). L-identifikazzjoni taż-żewġ persunaġġi ma’ xulxin aktarx hi mmotivata mill-fatt li dan Natanjel, fix-xena tas-sejħa rrakkuntata mill-Vanġelu ta’ Ġwanni, jinsab maġenb Filippu, jiġifieri fil-post li għandu Bartilmew fil-listi tal-Appostli li jagħtuna l-Vanġeli l-oħra. Lil dan Natanjel, Filippu kienu qallu li sab “lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi” (Ġw 1:45). Kif nafu, Natanjel wieġbu bi preġudizzju pjuttost qawwi: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġw 1:46a). Din l-għamla ta’ kontestazzjoni hi, bil-mod tagħha, importanti għalina. Fil-fatt, turina li, skont l-istennija tal-Lhud, il-Messija ma setax ikun ġej minn raħal hekk minsi bħalma kien Nazaret (ara wkoll Ġw 7:42). Imma fl-istess waqt turina l-libertà ta’ Alla, li jissorprendi l-istennijiet tagħna billi jridna nsibuh proprju hemm fejn l-inqas li konna nistennewh. Min-naħa l-oħra, nafu li Ġesù fir-realtà ma kienx esklussivament “minn Nazaret”, imma kien twieled f’Betlehem (ara Mt 2:1; Lq 2:4) u li fl-aħħar mill-aħħar kien ġej mis-sema, mill-Missier li jinsab fis-smewwiet.

 

Riflessjoni oħra tissuġġerihielna l-ġrajja ta’ Natanjel: fir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù ma rridux nikkuntentaw ruħna bil-kliem biss. Filippu, fit-tweġiba tiegħu, jagħmel stedina sinifikattiva lil Natanjel: “Ejja u ara” (Ġw 1:46b). L-għarfien tagħna ta’ Ġesù għandu bżonn fuq kollox ta’ esperjenza ħajja: ix-xhieda tal-oħrajn żgur li hi importanti, għax normalment il-ħajja Nisranija kollha tagħna tibda bi tħabbira li tasal għandna bil-ħidma ta’ xhud jew iktar. Imma mbagħad irridu nkunu aħna stess li nidħlu personalment f’relazzjoni intima u profonda ma’ Ġesù; b’mod jixxiebah, is-Samaritani, wara li semgħu x-xhieda tal-konċittadina tagħhom li Ġesù kien iltaqa’ magħha ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, riedu jitkellmu direttament miegħu u, wara dan il-kollokju, lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja” (Ġw 4:42).

 

Lura għax-xena tas-sejħa, l-evanġelista jgħidilna li, meta Ġesù lemaħ lil Natanjel riesaq lejh, esklama: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih” (Ġw 1:47). Dan l-eloġju jfakkarna f’test ta’ Salm: “Hieni l-bniedem… li ma għandu ebda qerq f’qalbu” (Salm 32:2), imma jqanqal il-kurżità ta’ Natanjel, li jwieġeb mistagħġeb: “Kif sirt tafni?” (Ġw 1:48a). It-tweġiba ta’ Ġesù ma nifhmuhiex mill-ewwel. Hu jgħidlu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu” (Ġw 1:48b). Ma nafux x’seta’ ġara taħt din it-tina. Hu ċar li kien mument deċiżiv fil-ħajja ta’ Natanjel. Hu jħoss dawn il-kelmiet ta’ Ġesù jmissulu qalbu, iħossu mifhum u jifhem ħaġa: dan ir-raġel jaf kollox fuqi, hu jaf it-triq tal-ħajja, dan il-bniedem veru nista’ nafda fih. U hekk iwieġeb bi stqarrija ta’ fidi ċara u sabiħa, xħin jgħidlu: “Rabbi, int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael!” (Ġw 1:49). Fiha għandna l-ewwel pass importanti fil-mixja wara Ġesù. Il-kelmiet ta’ Natanjel jitfgħu dawl fuq aspett doppju u kumplimentari tal-identità ta’ Ġesù: hawn hu magħruf kemm fir-rabta speċjali tiegħu ma’ Alla l-Missier, li tiegħu hu l-Iben il-waħdieni, u kemm f’dik li għandu mal-poplu ta’ Iżrael, li tiegħu hu ddikjarat sultan, kwalifika proprja tal-Messija mistenni. Ma rridu qatt nitilfu minn quddiem għajnejna xi waħda minn dawn iż-żewġ karatteristiċi, għax jekk nipproklamaw biss id-dimensjoni smewwija ta’ Ġesù, nirriskjaw li nibdluh f’essri vag u mhux ta’ din id-dinja, u jekk għall-kuntrarju nagħrfu biss il-qagħda konkreta tiegħu fl-istorja, nispiċċaw nittraskuraw id-dimensjoni divina li sewwasew tikkwalifikah.

 

Fuq l-attività appostolika ta’ Bartilmew-Natanjel fiż-żmien ta’ wara ma għandniex tagħrif preċiż. Skont informazzjoni li jagħtina l-istoriku Ewsebju fis-seklu IV, ċertu Pantenu kien sab saħansitra fl-Indja s-sinjali ta’ preżenza ta’ Bartilmew (ara Hist. eccl. V, 10, 3). Fit-tradizzjoni li ġiet wara, ibda mill-Medjuevu, spikka r-rakkont tal-mewt tiegħu bit-tqaxxir tal-ġilda, li mbagħad sar popolari ħafna. Biżżejjed naħsbu fix-xena famuża tal-Ġudizzju Universali fil-Kappella Sistina, fejn Michelangelo pitter lil San Bartilmew qed iġorr f’idu x-xellugija l-istess ġilda tiegħu, li fiha l-artista ħallielna ritratt tiegħu nnifsu. Ir-relikwi tiegħu huma meqjuma hawn Ruma fil-Knisja ddedikata lilu fuq il-Gżira Tiberina, fejn kien ġabhom l-Imperatur Ġermaniż Ottone III fis-sena 983. Biex nagħlqu, nistgħu ngħidu li l-figura ta’ San Bartilmew, imqar jekk it-tagħrif dwaru hu skars, xorta tibqa’ quddiemna biex tgħidilna li nistgħu nimxu wara Ġesù u nagħtu xhieda tiegħu anki jekk ma nagħmlu ebda opra sensazzjonali. Straordinarju hu u jibqa’ Ġesù nnifsu, li għalih kull wieħed u waħda minna msejħin nikkonsagraw ħajjitna u mewtna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard