Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 26 ta’ Novembru 2008

 

San Pawl (14)

Id-duttrina tal-ġustifikazzjoni: mill-fidi għall-opri

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi tal-Erbgħa li għaddiet tkellimt dwar il-kwistjoni ta’ kif bniedem isir ġust quddiem Alla. Skont San Pawl, rajna kif il-bniedem ma jistax isir “ġust” bl-azzjonijiet tiegħu stess, imma jista’ tassew isir “ġust” quddiem Alla biss għaliex Alla jagħtih il-“ġustizzja” tiegħu billi jxierku ma’ Kristu Ibnu. U din l-għaqda ma’ Kristu l-bniedem jiksibha permezz tal-fidi. F’dan is-sens San Pawl jgħidilna: mhux l-opri tagħna, imma l-fidi tagħmilna “ġusti”. Madankollu, il-fidi mhijiex ħsieb, opinjoni, idea. Din il-fidi hi komunjoni ma’ Kristu, li l-Mulej jagħtina u għalhekk issir ħajja, twaħħadna miegħu. Jew, fi kliem ieħor, il-fidi, jekk hi vera, jekk hi reali, issir imħabba, issir karità, tesprimi ruħha fil-karità. Fidi mingħajr karità, mingħajr dan il-frott, ma tkunx fidi vera. Tkun fidi mejta.

 

Fl-aħħar katekeżi għalhekk sibna żewġ livelli: dak tan-nuqqas ta’ siwi tal-azzjonijiet tagħna, tal-opri tagħna biex nistgħu naslu għas-salvazzjoni, u dak tal-“ġustifikazzjoni” permezz tal-fidi li tipproduċi l-frott tal-Ispirtu. Il-konfużjoni bejn dawn iż-żewġ livelli kkawżat, matul is-sekli, mhux ftit taħwid fil-ħsieb tal-Kristjanità. F’dan il-kuntest importanti naraw kif San Pawl fl-istess Ittra lill-Galatin jagħfas b’mod qawwi fuq il-ġustifikazzjoni li Alla jagħtina minn jeddu mhux minħabba l-opri tagħna, imma, fl-istess waqt, jisħaq ukoll fuq ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-imħabba, bejn il-fidi u l-opri: “Għaliex fi Kristu Ġesù, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma jkun jiswa ħlief biss il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5:6). Konsegwentement, minn naħa hemm l-“għemejjel tal-ġisem” li huma “żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija…” (Gal 5:19-21): kollha għemejjel li jeħduha kontra l-fidi; mill-oħra, hemm l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jseddaq il-ħajja Nisranija billi jqanqal “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22): dan huwa l-frott tal-Ispirtu li jwarrad mill-fidi.

 

Fil-bidu ta’ din il-lista ta’ virtujiet hemm imsemmija l-agape, l-imħabba, u fl-għeluq ir-rażan, il-ħakma fuqna nfusna. Fir-realtà, l-Ispirtu, li hu l-Imħabba tal-Missier u tal-Iben, isawwab l-ewwel don tiegħu, l-agape, fi qlubna (ara Rum 5:5); u l-agape, l-imħabba, biex tesprimi ruħha fil-milja tagħha tesiġi r-rażan. Dwar l-imħabba tal-Missier u tal-Iben, li tilħaqna u tibdel il-ħajja tagħna mill-qiegħ, tkellimt ukoll fl-ewwel Enċiklika tiegħi: Deus caritas est. Min jemmen jaf li fl-imħabba tagħna lejn xulxin titlaħħam l-imħabba ta’ Alla u ta’ Kristu, permezz tal-Ispirtu. Lura għall-Ittra lill-Galatin. Hawn San Pawl jgħid li, meta jġorru t-toqol ta’ xulxin, dawk li jemmnu jkunu jwettqu l-kmandament tal-imħabba (ara Gal 6:2). Iġġustifikati bid-don tal-fidi fi Kristu, aħna msejħin ngħixu fl-imħabba ta’ Kristu għall-proxxmu, għax hu fuq dan il-kriterju li, fi tmiem ħajjitna, għad isir ħaqq minna. Fir-realtà, Pawlu ma jiqafx itenni dak li kien qal Ġesù nnifsu u li reġa’ pproponielna l-Vanġelu tal-Ħadd li għadda, fil-parabbola tal-Ġudizzju finali. Fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, San Pawl jinfexx f’eloġju famuż lill-imħabba. L-hekk imsejjaħ innu lill-imħabba: “Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha…” (1 Kor 13:1,4-5). L-imħabba Nisranija hi daqshekk esiġenti għax ħierġa mill-imħabba totali ta’ Kristu għalina: dik l-imħabba li tiġri warajna, tilqagħna, tħaddanna magħha, tweżinna, sa kważi ddejjaqna, għax iġġagħal lil kull wieħed u waħda minna ma jgħixx iżjed għalih innifsu, magħluq fl-egoiżmu tiegħu, imma għal “Dak li miet u rxoxta għalina” (ara 2 Kor 5:15). L-imħabba ta’ Kristu tagħmilna fih ħolqien ġdid (ara 2 Kor 5:17) li jidħol jagħmel parti mill-Ġisem mistiku tiegħu li hi l-Knisja.

 

Meta nħarsu lejha f’din il-perspettiva, iċ-ċentralità tal-ġustifikazzjoni mingħajr opri, oġġett ewlieni tal-predikazzjoni ta’ Pawlu, ma tidħolx f’kontradizzjoni mal-fidi li taħdem fl-imħabba; anzi, tesiġi li l-istess fidi tagħna tesprimi ruħha f’ħajja skont l-Ispirtu. Spiss rajna min bla bażi ta’ xejn iqiegħed kontra xulxin it-teoloġija ta’ San Pawl u dik ta’ San Ġakbu, li fl-Ittra tiegħu jikteb: “Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil” (2:26). Fir-realtà, waqt li Pawlu hu ppreokkupat qabelxejn biex juri li l-fidi fi Kristu hi meħtieġa u hi biżżejjed, Ġakbu jixħet l-aċċent fuq ir-realazzjonijiet li bilfors ikun hemm bejn il-fidi u l-opri (ara Ġak 2:2-4). Għalhekk, kemm għal Pawlu u kemm għal Ġakbu l-fidi li taħdem fl-imħabba tixhed għad-don mogħti b’xejn tal-ġustifikazzjoni fi Kristu. Is-salvazzjoni, li rċivejna fi Kristu, hemm bżonn tkun imħarsa u tingħata xhieda tagħha “bil-biża’ u t-tregħid. Alla hu li jaħdem fikom u jġegħelkom tridu u tħabirku biex tagħmlu dak li jogħġob lilu. Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq… u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja”, qal ukoll San Pawl lill-Insara ta’ Filippi (ara Fil 2:12-14,16).

 

Spiss inkunu ħa naqgħu fl-istess taħwid fil-ħsieb li kkaratterizza l-komunità ta’ Korintu: dawk l-Insara kienu jaħsbu li, għax ġew iġġustifikati b’xejn fi Kristu bil-fidi, “kollox kien leċitu għalihom”. U kienu jaħsbu, u spiss jidher li hekk jaħsbuha wkoll l-Insara tal-lum, li tista’ toħloq qasmiet fil-Knisja, Ġisem ta’ Kristu, tiċċelebra l-Ewkaristija bla ma tagħti kas tal-aħwa l-aktar fil-bżonn, tixxennaq għal kariżmi aqwa mingħajr ma tintebaħ li aħna membri ta’ xulxin, u l-bqija. Huma diżastrużi l-konsegwenzi ta’ fidi li ma titlaħħamx fl-imħabba, għax tirriduċi ruħha għal kif jidhirlu wieħed jew l-oħra u għas-suġġettiviżmu li jagħmel l-aktar ħsara lilna u lil ħutna. Bil-maqlub, jekk nimxu ma’ kliem San Pawl, jeħtieġ nagħrfu mill-ġdid il-fatt li, proprju għax aħna ġġustifikati fi Kristu, m’aħniex iżjed tagħna nfusna, imma sirna tempju tal-Ispirtu u għalhekk aħna msejħa nigglorifikaw lil Alla f’ġisimna bil-ħajja kollha tagħna (ara 1 Kor 6:19). Inkunu nbaxxu l-valur mill-aktar għoli tal-ġustifikazzjoni jekk, mixtrija bi prezz hekk għoli mid-demm ta’ Kristu, ma nigglorifikawhx b’ġisimna. Fir-realtà, hija proprju din il-qima “raġonevoli” u fl-istess ħin “spiritwali” tagħna li għaliha San Pawl isejħilna “noffru ġisimna b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla” (Rum 12:1). Kemm tkun fqira liturġija indirizzata biss lejn il-Mulej, mingħajr ma ssir, fl-istess waqt, servizz lill-aħwa, jew fidi li ma tesprimix ruħha fil-karità? U l-Appostlu spiss iqiegħed lill-komunitajiet tiegħu quddiem il-ġudizzju finali, fejn ilkoll għad “nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem” (2 Kor 5:10; ara wkoll Rum 2:16). U dan il-ħsieb tal-Ġudizzju għandu jdawwalna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

 

Jekk l-etika li jipproponi Pawlu lil dawk li jemmnu ma skadietx f’forom ta’ moraliżmu u tidher attwali għalina, dan għaliex, kull darba, titlaq dejjem mir-relazzjoni personali u komunitarja ma’ Kristu, biex isseħħ fil-ħajja skont l-Ispirtu. Dan hu essenzjali: l-etika Nisranija ma tinbitx minn sistema ta’ kmandamenti, imma hi konsegwenza tal-ħbiberija tagħna ma’ Kristu. Din il-ħbiberija tinfluwenza l-ħajja: jekk hi vera, titlaħħam u titwettaq fl-imħabba għall-proxxmu. Għalhekk, kull dekadenza etika ma tillimitax ruħha għall-isfera individwali, imma hi fl-istess waqt żvalutazzjoni tal-fidi personali u komunitarja: minn hawn ġejja u fuqha tħalli effett deċiżiv. Mela ejjew inħallu tilħaqna r-rikonċiljazzjoni, li Alla tana fi Kristu, l-imħabba “belha” ta’ Alla lejna: ħadd u xejn ma jista’ qatt jifridna minn imħabbtu (ara Rum 8:39). F’din iċ-ċertezza ngħixu. Hi din iċ-ċertezza li tagħtina l-qawwa li ngħixu b’mod konkret il-fidi li taħdem fl-imħabba.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard