Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 10 ta’ Diċembru 2008

 

San Pawl (16)

Ir-rwol tas-sagramenti

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-mixja tagħna wara San Pawl rajna żewġ affarijiet fil-katekeżi tal-Erbgħa li għadda. L-ewwel hi li l-istorja tagħna ta’ bnedmin sa mill-bidu tagħha ġiet imtappna mill-abbuż tal-libertà maħluqa, li tfittex kif temanċipa ruħha mir-Rieda divian. U hekk ma ssibx il-vera libertà, imma teħodha kontra l-verità, u b’konsegwenza ta’ dan tiffalsifika r-realtajiet umani tagħna. Tiffalsifika fuq kollox ir-relazzjonijiet fundamentali: dik ma’ Alla, dik bejn ir-raġel u l-mara, dik bejn il-bniedem u l-art. Għidna li dan it-tniġġis tal-istorja tagħna jixtered fuq it-tessut kollu tagħha u li dan id-difett li writna kompla jikber u issa nistgħu narawh kullimkien. Din kienet l-ewwel ħaġa. It-tieni hi din: minn San Pawl tgħallimna li jeżisti bidu ġdid fl-istorja u tal-istorja f’Ġesù Kristu, Dak li hu bniedem u Alla. Ma’ Ġesù, li ġej mingħand Alla, tibda storja ġdida msawra mill-iva tiegħu lill-Missier, u għalhekk imwaqqfa mhux fuq is-suppervja ta’ emanċipazzjoni falza, imma fuq l-imħabba u fuq il-verità.

 

Imma issa tfiġġ il-mistoqsija: kif nistgħu nidħlu aħna f’dan il-bidu ġdid, f’din l-istorja ġdida? Din l-istorja ġdida kif qed tasal għandi? Mal-ewwel storja mniġġsa aħna bla dubju marbutin bin-nisel bijoloġiku tagħna, għax ilkoll kemm aħna nagħmlu parti mill-ġisem wieħed tal-umanità. Imma l-komunjoni ma’ Ġesù, it-twelid ġdid biex nidħlu nagħmlu parti mill-umanità ġdida, kif iseħħu? Kif jasal Ġesù fil-ħajja tiegħi, f’dak li jien? It-tweġiba fundamentali ta’ San Pawl, tat-Testment il-Ġdid kollu hi: jasal bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Jekk l-ewwel storja tibda, biex ngħidu hekk, bil-bijoloġija, it-tieni tibda fl-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt. Dan l-Ispirtu f’Għid il-Ħamsin ħoloq il-bidu tal-umanità ġdida, tal-komunità ġdida, il-Knisja, il-Ġisem ta’ Kristu.

 

Imma jeħtieġ inkunu iżjed konkreti minn hekk: dan l-Ispirtu ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu, kif jista’ jsir Spirtu tiegħi? It-tweġiba hi li dan iseħħ bi tliet modi, marbuta intimament ma’ xulxin. L-ewwel hu dan: l-Ispirtu ta’ Kristu jħabbat fuq il-bibien ta’ qalbi, imissni minn ġewwa. Imma ladarba l-umanità ġdida jeħtieġ tkun ġisem veru, ladarba l-Ispirtu jrid jiġborna mill-ġdid flimkien u tassew joħloq komunità, ladarba karatteristika tal-bidu ġdid hi li jingħelbu l-firdiet u tinħoloq il-ġabra flimkien tal-imxerrdin, dan l-Ispirtu ta’ Kristu jinqeda b’żewġ elementi li viżibbilment ixierku flimkien: ix-xandir tal-Kelma u s-Sagramenti, partikularment il-Magħmudija u l-Ewkaristija. Fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, San Pawl jgħid: “Għax jekk inti tistqarr b’fommok: ‘Ġesù hu l-Mulej’, u temmen b’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva” (10:9), jiġifieri tidħol fl-istorja ġdida, storja ta’ ħajja u mhux ta’ mewt. Imbagħad ikompli San Pawl: “Imma kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta?” (Rum 10:14-15). F’silta oħra ’l quddiem mill-ġdid jgħid: “Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ” (Rum 10:17). Il-fidi mhix prodott tal-ħsieb tagħna, tar-riflessjoni tagħna, hi xi ħaġa ġdida li ma nistgħux nivvintawha aħna, imma nirċevuha biss bħala don, bħala xi ħaġa ġdida li pproduċa Alla. U l-fidi ma tiġix mil-qari, imma mis-smigħ. Mhix biss xi ħaġa interjuri, imma relazzjoni ma’ Xi Ħadd. Titlob laqgħa mat-tħabbira, titlob il-ħajja tal-ieħor li jxandar u joħloq komunjoni.

 

U fl-aħħar nett ix-xandir: dak li jħabbar ma jitkellimx minn żniedu, imma hu mibgħut. Jinsab fi ħdan struttura ta’ missjoni li tibda ma’ Ġesù mibgħut mill-Missier, tgħaddi għand l-Appostli – il-kelma appostli tfisser “mibgħutin” – u tissokta fil-ministeru, fil-missjonijiet mgħoddija mill-Appostli. In-nisġa ġdida tal-istorja tidher f’din l-istruttura tal-missjonijiet, li fiha fl-aħħar mill-aħħar nisimgħu lil Alla nnifsu jitkellem, il-Kelma personali tiegħu, l-Iben jitkellem magħna, jasal sa għandna. Il-Kelma saret laħam, Ġesù, biex tabilħaqq toħloq umanità ġdida. Għalhekk il-kelma tat-tħabbira ssir Sagrament tal-Magħmudija, li hu twelid mill-ġdid mill-ilma u mill-Ispirtu, kif imbagħad jgħid San Ġwann. Fis-sitt kapitlu tal-Ittra lir-Rumani San Pawl jitkellem b’mod profond ħafna fuq il-Magħmudija. Smajnieh il-qari. Imma forsi jiswa li ntennuh: “Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (6:3-4).

 

F’din il-katekeżi, naturalment, ma nistax nidħol f’interpretazzjoni dettaljata ta’ dan it-test xejn ħafif. Irrid fil-qosor ninnota biss tliet ħwejjeġ. L-ewwel: “tgħammidna” hu fil-passiv. Ħadd ma jista’ jgħammed lilu nnifsu, għandu bżonn ta’ ieħor. Ħadd ma jista’ jsir Nisrani minn jeddu. Li nsiru Nsara hu proċess passiv. Hu biss xi ħadd ieħor li jista’ jagħmilna Nsara. U dan l-“ieħor” li jagħmilna Nsara, jagħtina d-don tal-fidi, hi l-ewwel u qabel kollox il-komunità ta’ dawk li jemmnu, il-Knisja. Mill-Knisja nirċievu l-fidi, il-Magħmudija. Jekk ma nħallux din il-komunità ssawwarna, ma nsirux Insara. Kristjaneżmu awtonomu, prodott tiegħu nnifsu, hu kontradizzjoni fiha nfisha. L-ewwel nett, dan l-ieħor hu l-komunità ta’ min jemmen, il-Knisja, imma mbagħad anki din il-komunità ma taġixxix waħidha, skont l-ideat u x-xewqat tagħha. Anki l-komunità tgħix fl-istess proċess passiv: Kristu waħdu jista’ jsawwar lill-Knisja. Kristu hu l-veru donatur tas-Sagramenti. Dan hu l-ewwel punt: ħadd ma jgħammed lilu nnifsu, ħadd ma jagħmel hu stess lilu nnifsu Nisrani. Insara nsiru.

 

It-tieni ħaġa hi din: il-Magħmudija hi iżjed minn ħasil. Hija mewt u qawmien. Pawlu stess fl-Ittra lill-Galatin jitkellem dwar il-bidla li seħħet f’ħajtu fil-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt, u jfissirha bil-kelma: mitt. F’dak il-waqt tibda tassew ħajja ġdida. Li nsiru Nsara hi aktar minn operazzjoni kożmetika, li żżid xi ħaġa sabiħa ma’ ħajja diġà xi ftit jew wisq kompluta. Hu bidu ġdid, hu twelid mill-ġdid: mewt u qawmien. Ovvjament fil-qawmien jerġa’ joħroġ dak kollu li kien tajjeb fil-ħajja ta’ qabel.

 

It-tielet ħaġa hi din: il-materja tagħmel parti mis-Sagrament. Il-Kristjaneżmu mhuwiex realtà purament spiritwali. Jimplika l-ġisem. Jimplika l-kożmu. Jitwessa’ lejn l-art ġdida u s-smewwiet ġodda. Nirritornaw lejn l-aħħar kelma tat-test ta’ San Pawl: hekk – jgħid hu – nistgħu “ngħixu ħajja ġdida”. Element ta’ eżami ta’ kuxjenza għalina lkoll: ngħixu ħajja ġdida. Dan qed jgħidu għall-Magħmudija.

 

Niġu issa għas-Sagrament tal-Ewkaristija. Diġà wrejt f’katekeżijiet oħra b’liema rispett kbir San Pawl jgħaddi verbalment it-tradizzjoni dwar l-Ewkaristija li hu rċieva mill-istess xhieda ta’ dik l-aħħar lejla. Jgħaddi dawn il-kelmiet bħala teżor prezzjuż fdat lill-fedeltà tiegħu. U hekk f’dawn il-kelmiet nisimgħu tassew lix-xhieda ta’ dik l-aħħar lejla. Nisimgħu l-kelmiet tal-Appostlu: “Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: ‘Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi’. Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: ‘Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi’” (1 Kor 23-25). Huwa test bla limiti. Hawn ukoll, f’din il-katekeżi, żewġ osservazzjonijiet qsar. Pawlu jgħaddilna l-kelmiet tal-Mulej fuq il-kalċi b’dan il-mod: dan il-kalċi hu “l-patt il-ġdid b’demmi”. F’dawn il-kelmiet hemm moħbi aċċenn għal żewġ testi fundamentali tat-Testment il-Qadim. L-ewwel aċċenn hu għall-wegħda ta’ patt ġdid fil-Ktieb tal-Profeta Ġeremija. Ġesù jgħid lid-dixxipli u jgħid lilna: issa, f’din is-siegħa, miegħi u bil-mewt tiegħi qed jitwettaq il-patt il-ġdid; mid-demm tiegħi qed tibda fid-dinja din l-istorja ġdida tal-umanità. Imma f’dawn il-kelmiet hemm ukoll aċċenn għall-mument tal-patt tas-Sinaj, fejn Mosè kien qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu” (Eż 24:8). Hemm kien qed jitkellem fuq id-demm tal-annimali. Id-demm tal-annimali seta’ jkun biss espressjoni ta’ xewqa, stennija tas-sagrifiċċju veru, tal-kult veru. Bid-don tal-kalċi l-Mulej qed jagħtina s-sagrifiċċju veru. Is-sagrifiċċju veru u waħdieni hu l-imħabba tal-Iben. Bid-don ta’ din l-imħabba, imħabba eterna, id-dinja tidħol fil-patt il-ġdid. Niċċelebraw l-Ewkaristija jfisser li Kristu jagħtina lilu nnifsu, imħabbtu, biex iwaħħadna miegħu u biex hekk joħloq id-dinja ġdida.

 

It-tieni aspett importanti tat-tagħlim fuq l-Ewkaristija jidher fl-istess Ittra lill-Korintin fejn San Pawl jgħid: “Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (10:16-17). F’dawn il-kelmiet jidher il-karattru personali u daqstant ieħor il-karattru soċjali tas-Sagrament tal-Ewkaristija. Kristu jingħaqad personalment ma’ kull wieħed u waħda minna, imma l-istess Kristu jingħaqad ukoll mar-raġel u mal-mara ta’ ħdejja. U l-ħobż hu għalija u anki għall-ieħor. Fit-tqarbin nirċievu lil Kristu. Imma Kristu bl-istess mod jingħaqad mal-proxxmu tiegħi: fl-Ewkaristija Kristu u l-proxxmu ma jinfirdux. U hekk aħna lkoll ħobża waħda, ġisem wieħed. Ewkaristija mingħajr solidarjetà mal-oħrajn hi Ewkaristija abbużata. U hawn ninsabu wkoll fl-għeruq u fl-istess ħin fil-qalba tat-tagħlim fuq il-Knisja bħala Ġisem ta’ Kristu, ta’ Kristu Rxoxt.

 

Naraw ukoll ir-realiżmu kollha ta’ dan it-tagħlim. Kristu fl-Ewkaristija jagħtina ġismu, jagħtina lilu nnifsu f’ġismu u hekk jagħmilna ġismu, jgħaqqadna flimkien mal-ġisem irxuxtat tiegħu. Jekk il-bniedem jiekol minn ħobż normali, dan il-ħobż fil-proċess tad-diġestjoni jsir parti minn ġismu, mibdul f’sustanza ta’ ħajja umana. Imma fit-Tqarbin imqaddes iseħħ il-proċess bil-maqlub. Kristu, il-Mulej, jassimilana fih, idaħħalna fil-Ġisem glorjuż tiegħu u hekk aħna lkoll flimkien insiru Ġismu. Min jaqra biss il-kapitlu 12 tal-Ewwel Ittra lill-Korintin u l-kapitlu 12 tal-Ittra lir-Rumani jista’ jaħseb li l-kelma fuq il-Ġisem ta’ Kristu bħala organiżmu tal-kariżmi hija biss speċi ta’ parabbola soċjoloġika-teoloġika. Veru li fl-organizzazzjoni politika Rumana din il-parabbola tal-ġisem bid-diversi membri li jsawru unità waħda kienet tintuża għall-Istat innifsu, biex turi kif l-Istat hu organiżmu li fih kull wieħed għandu l-funzjoni tiegħu, il-bosta funzjonijiet differenti jsawru ġisem wieħed u kulħadd għandu postu fih. Jekk naqraw biss il-kapitlu 12 tal-Ewwel Ittra lill-Korintin nistgħu naħsbu li Pawlu qed jillimita ruħu li jittrasferixxi biss dan għall-Knisja, li anki hawn għandna biss soċjoloġija tal-Knisja. Imma jekk inżommu quddiem għajnejna dan l-għaxar kapitlu naraw li r-realiżmu tal-Knisja hu iżjed minn hekk, ħafna iżjed profond u veru minn dak ta’ Stat-organiżmu. Għalhekk tassew Kristu jagħti ġismu u jagħmilna ġismu. Insiru tabilħaqq magħquda mal-ġisem irxuxtat ta’ Kristu, u hekk magħqudin ma’ xulxin. Il-Knisja mhijiex biss korporazzjoni bħall-Istat, hija ġisem. Mhijiex sempliċiment organizzazzjoni, imma veru organiżmu.

 

Fl-aħħar, kelma waħda biss fuq is-Sagrament taż-Żwieġ. Fl-Ittra lill-Korintin insibu biss xi aċċenn, waqt li l-Ittra lill-Efesin żviluppat tassew teoloġija profonda taż-Żwieġ. Pawlu hawn jagħtina definizzjoni taż-Żwieġ bħala “misteru kbir”. Isemmih b’riferiment “għal Kristu u għall-Knisja” (5:32). Ta’ min jara f’din is-silta reċiproċità li sseħħ f’dimensjoni vertikali. Is-sottomissjoni lejn xulxin għandha taddotta l-lingwaġġ tal-imħabba, li għandha l-mudell tagħha fl-imħabba ta’ Kristu lejn il-Knisja. Din ir-relazzjoni ta’ Kristu mal-Knisja tpoġġi fuq quddiem l-aspett teologali tal-imħabba fiż-żwieġ, tgħolli r-relazzjoni affettiva bejn il-miżżewġin. Żwieġ awtentiku jingħax sewwa jekk, huma u jikbru kontinwament bħala bnedmin u fl-imħabba ta’ bejniethom, il-miżżewġin iħabirku biex jibqgħu dejjem marbutin mal-qawwa tal-Kelma u mat-tifsira tal-Magħmudija. Kristu qaddes il-Knisja, saffieha permezz tal-ħasil bl-ilma, imsieħeb mill-Kelma. Is-sehem fil-ġisem u d-demm tal-Mulej mhux ħlief isaħħaħ, barra li juri b’mod viżibbli, għaqda li bil-grazzja ma tistax tinħall.

 

U fl-aħħar nett nisimgħu l-kelma ta’ San Pawl lill-Filippin: “Il-Mulej qorob” (Fil 4:5). Jidhirli li fhimna li, permezz tal-Kelma u permezz tas-Sagramenti, fil-ħajja kollha tagħna l-Mulej hu fil-qrib. Nitolbuh biex dejjem nistgħu nħallu tmissna fil-ġewwieni tagħna din il-qrubija tiegħu, biex hekk jitwieled il-ferħ – dak il-ferħ li jitwieled meta Ġesù hu tassew qrib tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard