Laikos

 

Mil-Papa Benedittu XVI ...


Is-Sagrament ta’ l-Imħabba,

eżortazzjoni appostolika

post-sinodali

tal-qdusija tiegħu

il-papa benedittu xvi

lill-isqfijiet, lill-kleru,

lill-erwieħ ikkonsagrati,

u lil-lajċi li jemmnu,

dwar l-ewkaristija

għajn u quċċata tal-ħajja

u tal-missjoni tal-knisja.

 

WERREJ

 

Daħla (1)

L-ikel tal-verità (2)

L-iżvilupp tar-rit ewkaristiku (3)

Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet u s-Sena ta’ l-Ewkaristija (4)

Għan ta’ din l-Eżortazzjoni (5)

 

L-Ewwel Taqsima:

L-EWKARISTIJA MISTERU LI GĦANDNA NEMMNU

Il-fidi tal-Knisja fl-Ewkaristija (6)

 

It-Trinità Qaddisa u l-Ewkaristija

Il-ħobż li niżel mis-sema (7)

Don tat-Trinità Qaddisa (8)

 

L-Ewkaristija: Ġesù Ħaruf tassew tas-Sagrifiċċju

Ir-rabta l-ġdida u ta’ dejjem fid-demm tal-Ħaruf (9)

It-twaqqif ta’ l-Ewkaristija (10)

Figura transit in veritatem (Ix-xbieha ssir realtà) (11)

 

L-Ispirtu s-Santu u l-Ewkaristija

Ġesù u l-Ispirtu s-Santu (12)

L-Ispirtu s-Santu u ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika (13)

 

L-Ewkaristija u l-Knisja

L-Ewkaristija tifforma l-Knisja (14)

L-Ewkaristija u l-għaqda tal-Knisja (15)

 

L-Ewkaristija u s-Sagramenti

Il-Knisja Sagrament (16)

 

I. L-Ewkaristija u l-bidu tal-ħajja nisranija

L-Ewkaristija, il-milja tal-bidu tal-ħajja nisranija (17)

L-ordni tas-sagramenti tal-bidu (tal-ħajja nisranija (18)

Il-bidu (tal-ħajja nisranija), il-komunità ekkleżjali u l-familja (19)

 

II. L-Ewkaristija u s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni

Ir-relazzjoni vera tagħhom (20)

Xi tħassib pastorali għall-attenzjoni tagħna (21)

 

III. L-Ewkaristija u d-dilka tal-morda (22)

 

IV. L-Ewkaristija u s-Sagrament ta’ l-Ordni Sagri

In persona Christi capitis (fil-persuna ta’ Kristu Kap tal-Knisja)(23)

L-Ewkaristija u ċ-ċelibat saċerdotali (24)

In-nuqqas ta’ kleru u l-pastorali għal vokazzjonijiet (25)

Radd ta’ ħajr u tama (26)

 

V L-Ewkaristija u ż-żwieġ

L-Ewkaristija, sagrament tat-tieġ (27)

L-Ewkaristija u ż-żwieġ bejn raġel wieħed u mara waħda (28)

L-Ewkaristija u r-rabta taż-żwieġ li ma tinħallx (29)

 

Ewkaristija u l-aħħar żmenijiet

Ewkaristija: don lill-bniedem fit-triq tal-ħajja (30)

L-ikla l-kbira ta’ l-aħħar żmenijiet (31)

It-talb għall-mejtin (32)

 

L-Ewkaristija u l-Verġni Marija (33)

It-Tieni Taqsima:

L-EWKARISTIJA, MISTERU LI GĦANDU JKUN ĊELEBRAT

 

Lex orandi u lex credendi (Il-liġi tat-talb u l-liġi tat-twemmin) (34)

Is-sbuħija u l-liturġija (35)

 

Iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika għemil ta’ “Kristu Sħiħ”

Christus totus in capite et in corpore (Kristu sħiħ fir-ras u fil-ġisem)(36)

L-Ewkaristija u Kristu mqajjem mill-imwiet (37)

 

Ars celebrandi (L-arti taċ-ċelebrazzjoni) (38)

L-Isqof, iċ-ċelebrant per eċċellenza (39)

Il-ġieħ lill-kotba tal-liturġija u lir-rikkezza tas-sinjali (40)

L-arti għas-servizz taċ-ċelebrazzjoni (41)

Il-kant liturġiku (42)

 

L-Istruttura taċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika (43)

L-għaqda essenzjali ta’ l-azzjoni liturġika (44)

Il-liturġija tal-Kelma (45)

L-omelija (46)

Il-preżentazzjoni ta’ l-offerti (47)

It-Talba Ewkaristika (48)

L-għotja tal-paċi (49)

It-tqarbin u kif nirċevuh (50)

“Ite, missa est”, tmiem il-laqgħa (51)

 

Actuosa participatio (52)

Kif inwettqu s-sehem tagħna sewwa (53)

Parteċipazzjoni u ministeru saċerdotali (53)

Ċelebrazzjoni Ewkaristika u inkulturazzjoni (54)

L-istat (spiritwali) personali għal ‘parteċipazzjoni attiva’ (55)

Parteċipazzjoni mill-Insara li mhumiex kattoliċi (56)

Parteċipazzjoni permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni (57)

Parteċipazzjoni attiva mill-morda (58)

L-attenzjoni għall-ħabsin (59)

Il-migranti u l-parteċipazzjoni fl-Ewkaristija (60)

Il-Konċelebrazzjonijiet kbar (61)

Il-lingwa latina (62)

Ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi fi gruppi żgħar (63)

 

Parteċipazzjoni spiritwali fiċ-ċelebrazzjoni

Katekeżi mistagoġika (li ddaħħalna fil-misteru) (64)

Il-qima lill-Ewkaristija (65)

 

Adorazzjoni u devozzjoni ewkaristika

Ir-relazzjoni essenzjali bejn ċelebrazzjoni u adorazzjoni (66)

Il-prattika ta’ l-adorazzjoni ewkaristika (67)

Forom ta’ devozzjoni ewkaristika (68)

Il-post tat-tabernaklu fil-knisja (69)

 

IT-Tielet Taqsima:

L-EWKARISTIJA, MISTERU LI GĦANDNA NGĦIXUH

 

Forma ewkaristika tal-ħajja nisranija

Il-qima spiritwali – logiké latreía (Rum 12,1) (70)

Is-siwi totali tal-qima ewkaristika (71)

Iuxta dominicam viventes - Ngħixu skond jum il-Mulej (72)

Ngħixu l-liġi tal-Ħadd (73)

Xi jfissru l-mistrieħ u x-xogħol (74)

Il-ġemgħa liturġika fil-Ħdud mingħajr saċerdot (75)

Is-sħubija fil-Knisja titlob forma ewkaristika tal-ħajja nisranija (76)

Spiritwalità u formazzjoni ewkaristika (77)

L-Ewkaristija u l-evanġelizzazzjoni taċ-ċiviltajiet (78)

L-Ewkaristija u l-lajċi li jemmnu (79)

L-Ewkaristija u l-ħajja spiritwali tas-saċerdoti (80)

L-Ewkaristija u l-ħajja kkonsagrata (81)

L-Ewkaristija u l-bidla morali (82)

Konsistenza ewkaristika (83)

 

L-Ewkaristija, misteru li għandu jixxandar

L-Ewkaristija u l-missjoni tan-nisrani (84)

L-Ewkaristija u x-xhieda nisranija (85)

Kristu Ġesù, is-Salvatur waħdieni (86)

Il-liberta’ tal-qima (87)

 

L-Ewkaristija, misteru li għandna nippreżentaw lid-dinja

L-Ewkaristija, ħobż maqsum għall-ħajja tad-dinja (88)

L-implikazzjonijiet soċjali tal-misteru ewkaristiku (89)

Il-ħobż tal-verità u l-bżonn tal-bniedem (90)

It-tagħlim soċjali tal-Knisja (91)

It-tqaddis tad-dinja u l-ħarsien tal-ħolqien (92)

Is-siwi ta’ Kompendju Ewkaristiku (93)

 

Għeluq (94)

 

DAĦLA

 

1.               L-Ewkaristija Mqaddsa, is-Sagrament tal-karità1 hija l-għotja li Ġesù Kristu jagħmel tiegħu nnifsu, waqt li jurina l-imħabba bla qies ta’ Alla lejn kull bniedem. F’dan is-Sagrament ta’ l-għaġeb tidher “l-ikbar” imħabba, dik li tqanqal biex wieħed “jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15, 13). Tassew Ġesù “ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13, 1). B’din il-frażi, l-Evanġelista jippreżenta l-ġest ta’ umilta’ infinita mwettaq minn Ġesù: qabel ma miet fuq is-salib għalina, wara li tħażżem b’fardal ma’ qaddu, huwa ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu. Bl-istess mod, Ġesù fis-Sagrament ewkaristiku jkompli jħobbna “sa l-aħħar”, sa jagħtina ġismu u demmu. Kif baqgħu mistagħġbin qlub l-Appostli quddiem il-ġest u l-kliem tal-Mulej waqt dik l-Ikla! Xi stagħġib għandu jqajjem wkoll f’qalbna il-misteru ewkaristiku!

 

L-ikel tal-verità

 

2.               Fis-sagrament ta’ l-altar, il-Mulej jiġi jiltaqa’ mal-bniedem, maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1, 27), billi għamel lilu nnifsu sieħeb tiegħu għat-triq (tal-ħajja). Tassew f’dan is-Sagrament il-Mulej għamel lilu nnifsu ikel għall-bniedem imġewwaħ għall-verita’ u l-libertà. Billi l-verità biss tista’ tagħmilna tassew ħielsa (ara Ġw 8, 32) Kristu jsir għalina ikel tal-verità. B’dehen għoli tar-realtà tal-bniedem, Santu Wistin għamilha ċara kif il-bniedem jitqanqal minn rajh, u mingħajr ma jkun imġiegħel, meta jsib ruħu quddiem dak li jiġbdu u jqajjem fih ix-xewqa. Minħabba f’hekk, waqt li jsaqsi x’jista’ fl-aħħarnett iqanqal il-bniedem fil-qiegħ ta’ qalbu, l-Isqof qaddis jistqarr: “X’tixtieq b’ħeġġa kbira ir-ruħ aktar mill-verità?”2 Tassew, kull bniedem għandu fih ix-xewqa li wieħed ma jistax irażżan lejn il-verità aħħarija u definittiva. Għalhekk, il-Mulej Ġesù, “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6), idur lejn il-qalb imxennqa tal-bniedem, li jħoss ruħu pellegrin u għatxan, lejn il-qalb li titniehed għall-għajn tal-ħajja, lejn il-qalb tittallab għall-verità, Tassew, Ġesù Kristu huwa l-verità li saret persuna, li tiġbed lejha d-dinja, “Ġesù hu l-kewkba polari tal-libertà umana: mingħajru din titlef id-direzzjoni tagħha, għaliex mingħajr it-tagħrif tal-verità, il-libertà titlef in-natura tagħha, tinqata’ għaliha nfisha u ssir kapriċċ fieragħ. Ma’ Ġesù, il-libertà ssib lilha nfisha”.3 Fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija Ġesù jurina b’mod speċjali l-verità ta’ l-imħabba, li hi l-istess essenza ta’ Alla. Din hi l-istess verità evanġelika li tisfida kull bniedem kollu kemm hu. Għalhekk il-Knisja, li ssib fl-Ewkaristija ċ-ċentru ta’ ħajjitha, tagħmel ħilitha bla waqfien biex ixxandar lil kulħadd, opportune importune (f’waqtu u barra minn waqtu) (2 Tim 4, 2), li Alla huwa mħabba.4 Sewwasew għaliex Kristu sar għalina l-ħobż tal-verità, il-Knisja ddur lejn il-bniedem, waqt li tistiednu biex jilqa’ bil-libertà d-don ta’ Alla.

 

L-iżvilupp tar-rit ewkaristiku

 

3.               Meta nħarsu lejn l-istorja ta’ elfejn sena tal-Knisja ta’ Alla mmexxija mill-ħidma għarfa ta’ l-Ispirtu s-Santu, nammiraw mimlijin ħajr l-iżvilupp, ordinat matul iż-żmien, tal-forom ritwali li fihom nagħmlu t-tifkira tal-ġrajja tas-salvazzjoni. Mill-forom kotrana ta’ l-ewwel sekli, li għadhom jiddu fir-riti tal-Knejjes bikrin tal-Lvant, sa ma xtered ir-rit ruman; mid-direttivi ċari tal-Konċilju ta’ Trento u mill-Missal ta’ San Piju V sat-tiġdid liturġiku li ried il-Konċilju Vatikan II: f’kull żmien ta’ l-istorja tal-Knisja, iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, bħala għajn u quċċata tal-ħajja u tal-missjoni tagħha, tiddi fir-rit liturġiku bir-rikkezza kollha tal-forom tagħha. Il-ħdax-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, li saret fil-Vatikan bejn it-2 u t-23 ta’ Ottubru 2005, quddiem din l-istorja fissret ringrazzjament kbir lil Alla, waqt li għarfet fiha d-direzzjoni mħaddma mill-Ispirtu s-Santu. B’mod partikulari, il-Missirijiet Sinodali qiesu u kkonfermaw l-effett ta’ ġid li r-riforma liturġika mwettqa wara l-Konċilju Vatikan II kellha għall-ħajja tal-Knisja.5 Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet kellu ċ-ċans li jqis kif din intlaqgħet wara l-Laqgħat tal-Konċilju. Kien hemm ħafna kliem ta’ apprezzament. Id-diffikultajiet kif ukoll xi abbużi li spikkaw, kif stqarrew huma, ma jistgħux jaħbu t-tjieba u s-siwi tat-tiġdid liturġiku, li fih għandu wkoll rikkezzi li għadhom ma ġewx mistħarrġa għal kollox. Fir-realtà neħtieġu li t-tibdil mixtieq mill-Konċilju jiġi studjat fil-ġabra totali li tat xejra lill-iżvilupp storiku ta’ l-istess rit, mingħajr ma joħloq qtugħ artifiċjali.6

 

Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet u s-Sena ta’ l-Ewkaristija

 

4.               Barra dan huwa meħtieġ li ninsistu fuq ir-relazzjoni tas-Sinodu reċenti ta’ l-Isqfijiet fuq l-Ewkaristija ma’ dak kollu li ġara fl-aħħar snin fil-ħajja tal-Knisja. L-ewwelnett, għandna nerġgħu naqbdu b’mod ideali mal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, li bih il-Predeċessur maħbub tiegħi, il-Qaddej ta’ Alla Ġwanni Pawlu II, daħħal il-Knisja fit-tielet elf sena ta’ l-era nisranija. Is-Sena tal-Ġublew bla dubju kienet immarkata b’tifsira ewkaristika qawwija. Barra dan wieħed ma jistax jinsa li s-Sinodu ta’ l-Isqfijiet kellu qablu s-Sena ta’ l-Ewkaristija, biex ngħidu hekk bi tħejjija għalih, mixtieqa b’viżjoni kbira ta’ Ġwanni Pawlu II li tefa’ ħarsa twila bil-quddiem għall-Knisja kollha. Din il-medda ta’ snin, mibdija bil-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali fi Guadalajara f’Ottubru 2004, intemmet fit-23 ta’ Ottubru 2005, f’għeluq il-XI l-Assemblea Sinodali bil-kanonizzazzjoni ta’ ħames Beati, li spikkaw b’mod partikulari għat-tjieba ewkaristika tagħhom: l-Isqof Jozef Bilezewski, is-saċerdoti Gaetano Catanoso, Zygmunt Gorazdowski u Alberto Hurtado Cruchaga, u l-patri kapuċċin Felice da Nicosia. Bis-saħħa tat-tagħlim ippreżentat minn Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Appostolika Mane nobiscum, Domine7 u tas-suġġerimenti prezzjużi tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin, u d-Dixxiplina tas-Sagramenti,8 kienu f’għadd kbir l-injizjattivi li d-djoċesijiet u diversi gruppi ekkleżjali daħlu għalihom biex iqajmu u jkabbru f’dawk li jemmnu l-fidi ewkaristika, biex itejbu l-kwalità taċ-ċelebrazzjonijiet u jħeġġu għall-adorazzjoni ewkaristika, biex iħabirku għal solidarjetà bil-fatti li tibda mill-Ewkaristija u tilħaq lin-nies fil-bżonn. Fl-aħħar, huwa meħtieġ li nsemmi l-importanza ta’ l-aħħar Enċiklika tal-Predeċessur meqjum tiegħi Ecclesia de Eucharistia,9 li biha huwa ħallielna tagħlim żgur ta’ mgħallem li għandna nirreferu għalih dwar id-dottrina ewkaristika kif ukoll xhieda aħħarija dwar il-post ċentrali li dan is-Sagrament divin kellu f’ħajtu.

 

Għan ta’ din l-Eżortazzjoni

 

5.               Din l-Eżortazzjoni appostolika ta’ wara s-Sinodu għandha l-għan li terġa’ taqbad ir-rikkezzi ta’ ħafna għamliet ta’ riflessjoniet u proposti li ħarġu fl-aħħar Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet - mil-Lineamenta sal-Proposti, inqallbu l-Instrumentum laboris, ir-Relationes ante et post disceptationem, ir-rimarki tal-Missirijiet Sinodali, ta’ l-Auditores u d-delegati aħwa, - bil-ħsieb li niċċaraw ċerti linji fundamentali ta’ impenn, immirati biex iqajmu fil-Knisja tqanqila ġdida u ħerqa ewkaristika. Meta nafu bil-wirt dottrinali u dixxiplinari kbir li nġabar fil-ġirja tas-sekli madwar dan is-Sagrament,10 f’dan id-dokument preżenti, waqt li nilqa’ x-xewqat tal-Missirijiet Sinodali,11 nixtieq fuq kollox nirrikkmanda li l-poplu nisrani jifhem fil-fond ir-relazzjoni bejn il-misteru ewkaristiku, l-azzjoni liturġika u l-qima spiritwali ġdida li toħroġ mill-Ewkaristija bħala s-Sagrament tal-karità. F’din il-viżjoni nifhem inqiegħed din l-Eżortazzjoni f’relazzjoni ma’ l-ewwel Enċiklika tiegħi Deus caritas est, ittra li fiha tkellimt diversi drabi dwar is-sagrament ta’ l-Ewkaristija biex ninsisti fuq ir-relazzjoni tagħha ma’ l-imħabba nisranija, sew f’referenza għal Alla sew għal għajrna: “Alla li sar bniedem jiġbidna lkoll lejh. Minn hawn nifhmu kif il-kelma agape issa saret ukoll isem ta’ l-Ewkarisitja: fiha l-imħabba agape ta’ Alla tiġi lejna fil-ġisem biex tkompli l-ħidma tiegħu fina u bina.”12

 

L-EWWEL TAQSIMA

L-EWKARISTIJA, MISTERU TA’ MIN JEMMNU

“L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat” (Ġw 6, 29)

 

Il-fidi ewkaristika tal-Knisja

 

6.               “Il-misteru tal-fidi!” B’din il-frażi mtennija dritt wara l-kelmiet tal-konsagrazzjoni, is-saċerdot ixandar il-misteru ċċelebrat u juri l-istagħġib tiegħu quddiem il-bdil mis-sustanza tal-ħobż u l-inbid għall-ġisem u d-demm tal-Mulej Ġesù, realta’ li tisboq kull raġunar tal-bniedem. Tabilħaqq, l-Ewkaristija hija “l-misteru tal-fidi” li m’hawnx ieħor bħalu: “huwa il-kompendju u l-ġabra tal-fidi tagħna”.13 Il-fidi tal-Knisja hija fl-essenza tagħha fidi ewkaristika u titgħajjex b’mod partikulari mill-mejda ta’ l-Ewkaristija. Il-fidi u s-Sagramenti huma żewġ aspetti li joqogħdu flimkien għall-ħajja tal-Knisja. Imqanqla mix-xandir tal-Kelma ta’ Alla, il-fidi titgħajjex u tikber fil-laqgħa mal-Mulej rxoxtat li sseħħ bis-Sagramenti: “Il-fidi titfisser fiċ-ċerimonja, u ċ-ċerimonja tirfed u ssaħħaħ il-fidi”.14 Għalhekk, is-Sagrament ta’ l-altar huwa dejjem fiċ-ċentru tal-ħajja ekkleżjali; “bis-saħħa ta’ l-Ewkaristija l-Knisja titwieled dejjem mill-ġdid”.15 Aktar ma tkun ħajja l-fidi ewkaristika fil-Poplu ta’ Alla, aktar ikun imsejjes tajjeb is-sehem fil-ħajja ekkleżjali permezz tar-rabta mal-missjoni li Kristu ried jafda lid-dixxipli. L-istess storja tal-Knisja hija xhud ta’ dan. Kull riforma kbira hi marbuta, b’xi mod, mas-sejba mill-ġdid tal-fidi fil-preżenza Ewkaristika tal-Mulej f’nofs il-poplu tiegħu.

 

It-Trinità Qaddisa u l-Ewkaristija, il-ħobż li niżel mis-sema

 

7.               L-ewwel realtà tal-fidi ewkaristika hija l-istess misteru ta’ Alla, imħabba trinitarja. Fit-taħdita ta’ Ġesù ma’ Nikodemu, insibu sentenza li ddawlilna dan il-ħsieb: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull  min jemmen fih ma jintilifix, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu”. (Ġw 3, 16-17) Dan il-kliem juri l-bidu ta’ l-għajn ewlenija tad-don ta’ Alla. Ġesù fl-Ewkaristija ma jagħtix “xi ħaġa” imma lilu nnifsu; huwa joffri l-ġisem tiegħu u jxerred demmu. B’dan il-mod jagħtina bħala don it-totalità tiegħu nnifsu, waqt li juri l-għajn li taf il-bidu ta’ din l-imħabba. Huwa l-Iben etern mogħti għalina mill-Missier. Fl-Evanġelju nerġgħu nisimgħu lil Ġesù li wara li tama’ l-kotra bit-tkattir tal-ħobż u l-ħut, jgħid lil dawk li staqsewh waqt li marru warajh sas-sinagoga ta’ Kafarnahum: “Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja” (Ġw 6, 32-33), u jasal biex jipprova li hu nnifsu, ġismu u demmu, huwa dak il-ħobż: “Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6, 51). Hekk Ġesù juri lilu nnifsu bħala l-ħobż tal-ħajja, li l-Missier etern jagħti lill-bnedmin.

 

Don mogħti mit-Trinità Qaddisa għax riedet hi

 

8.               Fl-Ewkaristija jidher il-pjan ta’ l-imħabba li jmexxi l-istorja kollha tas-salvazzjoni (ara Ef 1, 10; 3, 8-11). Fiha id-Deus Trinitas (Alla Trinità), li  huwa mħabba fih innifsu (ara 1 Ġw 4, 7-8), jidħol għal kollox fil-kundizzjoni umana tagħna. Fil-ħobż u l-inbid, li taħt ix-xbihat tagħhom Kristu jagħtina lilu nnifsu fl-ikla ta’ l-Għid (ara Lq 22, 14-20; 1 Kor 11, 23-26), hemm il-ħajja divina kollha li tasal għandna u tagħtina sehem minnha nfisha fil-għamla tas-Sagrament. Alla huwa għaqda perfetta ta’ mħabba bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Sa mill-ħolqien il-bniedem huwa msejjaħ biex b’ċertu qies ikollu sehem min-nifs tal-ħajja ta’ Alla (ara Ġen 2, 7). Iżda huwa fi Kristu mejjet u mqajjem mill-mewt u bil-għotja msawba ta’ l-Ispirtu s-Santu, mogħti bil-kotra, (ara Ġw 3, 34), li aħna ddaħħalna f’sehem mill-intimità divina.16 Għalhekk Ġesù Kristu, li “bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla” (Lhud 9, 14) jgħaddi lilna l-istess ħajja divina fid-don ewkaristiku. Qegħdin ngħidu għal don mogħti lilna għal kollox b’xejn, li għandu x’jaqsam biss mal-wegħdiet ta’ Alla, imwettqin ’il fuq minn kull qies. Il-Knisja tilqa’, tiċċelebra, tadura dan id-don b’ubbidjenza fidila. Il-misteru tal-fidi huwa misteru ta’ mħabba ġej mit-Trinità, li bi grazzja aħna msejħin biex nieħdu sehem fih. Għal dan kollu aħna wkoll għandna nistqarru ma’ Santu Wistin “jekk tara l-imħabba, tara t-Trinità”.17

 

L-Ewkaristija: Ġesù tassew il-Ħaruf tas-sagrifiċċju

 

Ir-Rabta l-ġdida u ta’ dejjem fid-demm tal-Ħaruf

 

9.               Il-missjoni li għaliha Ġesù ġie fostna seħħet fil-misteru ta’ l-Għid. Minn fuq is-salib, minn fejn Hu jiġbed lil kulħadd lejh (ara Ġw 12,32), qabel ma “radd l-Ispirtu”, Huwa qal: “Kollox hu mitmum”. (Ġw 19,30). Fil-misteru ta’ l-ubbidjenza tiegħu sal-mewt, u  sal-mewt tas-salib (ara Fil 2,8) seħħet ir-rabta ġdida u ta’ dejjem. Il-libertà ta’ Alla u l-libertà tal-bniedem iltaqgħu darba għal dejjem fil-ġisem tiegħu imsallab għal patt li ma jinħallx, li jgħodd għal dejjem. Saret ukoll tpattija darba għal dejjem għad-dnub tal-bniedem mill-Iben ta’ Alla (ara Lhud 7, 27; 1 Ġw 2, 2; 4, 10). Bħalma diġa’ kelli okkażjoni nistqarr, “fil-mewt tiegħu fuq is-salib iseħħ il-fatt li Alla dar kontra tiegħu nnifsu; f’dan Hu jagħti lilu nnifsu biex jerfa’ l-bniedem u jsalvah - din hi l-imħabba fil-għamla tagħha l-aktar radikali”.18 Fil-misteru tal-Għid twettaq tassew il-ħelsien tagħna mill-ħażen u mill-mewt. Ġesù nnifsu fit-twaqqif ta’ l-Ewkaristija tkellem dwar “ir-rabta ġdida u ta’ dejjem”, miksuba fid-demm tiegħu mxerred (ara Mt 26, 28; Mk 14, 24; Lq 22, 20). Dan l-għan aħħari tal-missjoni tiegħu kien diġa’ jidher sewwa fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu. Tassew, meta fuq xtut il-Ġordan, Ġwanni l-Battista jara ’l Ġesù ġej lejh, jistqarr: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1, 29). Dan ifisser ħafna meta l-istess sentenza hi mtennija, kull darba li aħna niċċelebraw il-Quddiesa, fl-istedina tas-saċerdot biex nersqu lejn l-altar; “Ħenjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Mulej, dan hu l-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.” Ġesù huwa tassew il-ħaruf ta’ l-Għid li offra lilu nnifsu minn rajh b’sagrifiċċju għalina, u hekk wettaq ir-rabta ġdida u ta’ dejjem. L-Ewkaristija fiha nfisha tiġbor dan in-novità radikali, li terġa’ tiġi ppreżentata lilna f’kull ċelebrazzjoni.19

 

It-Twaqqif ta’ l-Ewkaristija

 

10.            Hekk issa wasalna biex nirriflettu fuq it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena. Dan ġara f’ikla ritwali li kienet tiġbor fiha t-tifkira tal-ġrajja li fuqha nbena l-poplu ta’ Israel: il-ħelsien mill-jasar ta’ l-Eġittu. Din iċ-ċena ritwali, marbuta mas-sagrifiċċju tal-ħrief (ara Es 12, 1-28, 43-51), kienet tifkira ta’ l-imgħoddi iżda, fl-istess ħin, tifkira profetika wkoll, jew aħbar ta’ ħelsien ġejjieni. Tassew, il-poplu kien ġarrab li dak il-ħelsien ma kienx finali, għaliex l-istorja tiegħu kienet għadha bil-wisq immarkata mill-jasar u mid-dnub. It-tifkira tal-ħelsien il-qadim kienet tistieden il-mistoqsija u l-istennija ta’ salvazzjoni aktar profonda, radikali, universali u finali. Huwa f’dan l-isfond li Ġesù daħħal is-sura ġdida tad-don tiegħu. Fit-talba ta’ tifħir il-Berakah, Huwa jrodd ħajr lill-Missier mhux biss għall-ġrajjiet il-kbar ta’ l-istorja ta’ l-imgħoddi, iżda wkoll għall-“eżaltazzjoni” tiegħu. Waqt li waqqaf is-Sagrament ta’ l-Ewkaristija, Ġesù juri minn qabel u jdaħħal is-sagrifiċċju tas-salib u r-rebħa tal-qawmien. Fl-istess waqt Huwa juri lilu nnifsu bħal l-ħaruf tassew sagrifikat, maħsub minn qabel fil-pjan tal-Missier sa mit-twaqqif tad-dinja, bħalma naqraw fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru (ara 1, 18-20). Meta nqiegħdu f’dan l-isfond id-don ta’ Ġesù, Huwa juri t-tifsira marbuta mas-salvazzjoni bil-mewt u l-qawmien tiegħu, misteru li jsir realtà li ġġedded l-istorja u l-ħolqien kollu. It-twaqqif ta’ l-Ewkaristija juri tabilħaqq kif dik il-mewt, li minnha nfisha hi vjolenti u ma tiftihemx saret fi Kristu l-ogħla għemil ta’ mħabba u ħelsien finali għall-bnedmin mill-ħażen.

 

Figura transit in veritatem (Ix-xbieha ssir realtà)

 

11.            B’dan il-mod Ġesù jdaħħal l-invenzjoni (novum) radikali tiegħu fil-qalba ta’ l-ikla lhudija antika tas-sagrifiċċju. Aħna l-insara ma neħtiġux aktar intennu dik l-ikla. Bħalma jgħidu bir-raġun missirijiet il-Knisja, figura transit in veritatem: dak li ħabbar ir-realtajiet tal-ġejjieni issa ċeda l-post għall-istess verità. Ir-rit il-qadim issa twettaq u għamel żmienu b’mod definittiv permezz tad-don ta’ l-imħabba ta’ l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. L-ikel tal-verità, Kristu sagrifikat għalina, dat. . . . . figuris terminum20 (temm ix-xbihat). Bil-kmand “agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22, 19; 1 Kor 11, 25), Huwa jitlobna li nwieġbu għad-don tiegħu, nerġgħu nagħmluh preżenti b’mod sagramentali. Għalhekk, b’dan il-kliem il-Mulej fisser, biex ngħidu hekk, l-istennija, li l-Knisja tiegħu, mwielda, mis-sagrifiċċju tiegħu, tilqa’ dan id-don, u taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu tiżviluppa l-għamla liturġika tas-Sagrament. Tassew, it-tifkira tad-don perfett tiegħu ma tinġabarx fir-ripetizzjoni sempliċi ta’ l-Aħħar Ċena, iżda sewwasew fl-Ewkaristija, jiġifieri fis-sura radikali ġdida tal-kult nisrani. Hekk Ġesù ħallielna r-responsabbiltà li nidħlu fis-“siegħa” tiegħu: “L-Ewkaristija tiġbidna lejn l-att ta’ l-offerta ta’ Ġesù. Aħna ma nirċevux biss b’mod bla tibdil il-Logos (Kelma) li saret bniedem, iżda niġu impenjati fl-enerġija ta’ l-offerta tiegħu.”21 Huwa “jiġbidna fih innifsu”.22 It-tibdil fis-sustanza tal-ħobż u tal-inbid fil-ġisem u d-demm tiegħu tqiegħed fil-ħolqien il-prinċipju ta’ tibdil radikali bħal qisha “enerġija nukleari”, biex nużaw tixbiha li nafu biha ħafna llum, li titwassal sal-qalba tal-ħolqien, bidla maħsuba biex tqajjem proċess li jbiddel ir-realtà, li t-tmiem tiegħu jkun it-tibdil tad-dinja kollha, sa dak l-istat li fih Alla jsir kollox f’kulħadd (ara 1 Kor 15, 28).

 

L-Ispirtu s-Santu u l-Ewkaristija

 

Ġesù u l-Ispirtu s-Santu

 

12.            Bil-kelma tiegħu u bil-ħobż u l-inbid il-Mulej innifsu tana l-elementi essenzjali tal-kult il-ġdid. Il-Knisja, l-Għarusa tiegħu, hija msejħa biex tiċċelebra l-ikla ewkaristika jum wara l-ieħor b’tifkira tiegħu. Hekk hija tagħmel is-sagrifiċċju li jifdi tal-Għarus tagħha fl-istorja tal-bnedmin u tagħmlu preżenti b’mod sagramentali fil-kulturi kollha. Dan il-misteru kbir hu ċċelebrat fis-suriet liturġiċi li l-Knisja, immexxija mill-Ispirtu s-Santu, tiżviluppa fiż-żmien u fl-ispazju.23 Għal dan il-għan huwa meħtieġ li nqajmu fina l-għarfien tar-rwol deċiżiv imwettaq mill-Ispirtu s-Santu fl-iżvilupp tal-forma liturġika u fit-tiftix biex nifhmu aħjar il-misteri divini. Il-Paraklitu, l-ewwel don lil dawk li jemmnu,24 diġa’ ħabrieki fil-ħolqien (ara Ġen 1, 2), huwa għal kollox preżenti fil-ħajja kollha tal-Verb li sar bniedem: Ġesù Kristu, tassew tnissel mill-Verġni Marija bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Mt 1, 18; Lq 1, 35); fil-bidu tal-missjoni pubblika tiegħu, fuq ix-xtut tal-Ġordan, huwa rah jinżel fuqu nnifsu qisu ħamiema (ara Mt 3, 16 u vrus li jixtiebħu); f’dan l-istess Spirtu, huwa jitkellem u jifraħ (ara Lq.10,21); huwa fih ukoll li Ġesù jista’ joffri lilu nnifsu (ara Lhud 9, 14). F’dak li jsejħulu “d-diskors tal-firda” (fl-aħħar ċena) miktub minn Ġwanni, Ġesù jqiegħed f’relazzjoni ċara id-don tal-ħajja tiegħu fil-misteru ta’ l-Għid mad-don ta’ l-Ispirtu lil ħbiebu (ara Ġw 16, 7). Meta qam, waqt li żamm is-sinjali tal-passjoni f’ġismu, Huwa jista’ jsawwab l-Ispirtu (ara Ġw 20, 22) billi jdaħħal lil ħbiebu f’sehem mill-istess missjoni tiegħu (ara Ġw 20, 21). ’Il quddiem ikun l-Ispirtu li jgħallem kollox lid-dixxipli u jfakkarhom dak kollu li kien qal Kristu (ara Ġw 14, 26), għaliex billi huwa l-Ispirtu tal-verità (ara Ġw 15, 16), imiss Lilu jippreżenta d-dixxipli quddiem il-verità sħiħa (ara Ġw 16, 13). Fir-rakkont ta’ l-Atti l-Ispirtu jinżel fuq l-Appostli miġburin fit-talb ma’ Marija f’jum Għid il-Ħamsin (ara 2,1-4), u jħeġġiġhom għall-missjoni li jħabbru lill-popli kollha l-Bxara t-Tajba. Għaldaqstant, huwa bil-qawwa tal-ħidma ta’ l-Ispirtu li Kristu nnifsu jibqa’ preżenti u jaħdem fil-Knisja tiegħu, ibda miċ-ċentru ta’ ħajjitha li hi l-Ewkaristija.

 

L-Ispirtu s-Santu u ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika

 

13.            F’dan l-isfond aħna nistgħu nifhmu l-irwol deċiżiv ta’ l-Ispirtu s-Santu fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u b’mod partikulari fit-transustanzjazzjoni (bidla tas-sustanza tal-ħobż u l-inbid fil-ġisem u d-demm ta’ Kristu).  L-għarfien ta’ dan huwa dokumentat sewwa f’Missirijiet il-Knisja. San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, fil-Katekeżi tiegħu, isemmi li aħna “nsejħu ’l Alla ħanin biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu tiegħu fuq l-offerti li għandna quddiemna, biex Huwa jbiddel il-ħobż fil-ġisem ta’ Kristu u l-inbid fid-demm ta’ Kristu. Dak li l-Ispirtu s-Santu jmiss huwa mqaddes u mibdul kollu kemm hu.”25 San Ġwann Griżostmu wkoll jinnota li s-saċerdot isejjaħ l-Ispirtu s-Santu meta jiċċelebra s-Sagrifiċċju:26 bħal Elija, -jgħid hu- il-ministru jsejjaħ l-Ispirtu s-Santu biex “waqt li tinżel il-grazzja fuq il-vittma biha jitkebbsu l-erwieħ ta’ kulħadd.”27 Hija ħaġa bil-bosta meħtieġa għall-ħajja spiritwali ta’ dawk li jemmnu li jkollhom għarfien iktar ċar tar-rikkezza ta’ l-anafora (it-talba ewkaristika ta’ radd il-ħajr u konsagrazzjoni): flimkien mal-kelmiet imlissna minn Kristu fl-Aħħar Ċena, din fiha wkoll l-epiklesi, bħala sejħa lill-Missier biex jibgħat id-don ta’ l-Ispirtu ħalli l-ħobż u l-inbid jsiru l-ġisem  u d-demm ta’ Ġesù Kristu u biex “il-komunità kollha kemm hi ssir dejjem aktar il-ġisem ta’ Kristu.”28 L-Ispirtu, imsejjaħ miċ-ċelebrant fuq id-doni tal-ħobż u ta’ l-inbid imqegħdin fuq l-altar huwa l-istess Spirtu li jgħaqqad lil dawk li jemmnu “f’ġisem wieħed”, u jagħmilhom “offerta spiritwali togħġob lill-Missier.”29

 

L-Ewkaristija u l-Knisja

 

L-Ewkaristija, tifforma l-Knisja

 

14.          Bis-Sagrament ta’ l-Ewkaristija Ġesù jiġbed lil dawk li jemmnu lejn is-“siegħa” tiegħu; b’dan Huwa jurina r-rabta li ried bejnu u bejnna, bejn il-persuna tiegħu u l-Knisja. Tassew, Kristu nnifsu bis-sagrifiċċju tas-salib welled il-Knisja bħala għarusa tiegħu u ġismu. Missirijiet il-Knisja mmeditaw fit-tul fuq kif ġiet Eva minn ġenb Adam rieqed (ara Ġen 2, 21-23) u kif ġiet Eva l-ġdida, il-Knisja, mill-ġenb miftuħ ta’ Kristu mitluq fir-raqda tal-mewt: mill-kustat midrub, jirrakkonta Ġwanni, ħareġ demm u ilma (ara Ġw 19, 34), figura tas-sagramenti.30 Ħarsa kontemplattiva “lejn dak li nifdu” (Ġw 19, 37) twassalna biex naħsbu fuq ir-rabta kawżattiva bejn is-sagrifiċċju ta’ Kristu, l-Ewkaristija u l-Knisja. Tabilħaqq, il-Knisja “tgħix bl-Ewkaristija”.31 Billi fiha s-sagrifiċċju tal-fidwa minn Kristu jsir preżenti, jeħtieġ qabel kollox nagħrfu li “hemm qawwa ġejja mill-Ewkaristija sa mill-bidunett tal-Knisja.”32 L-Ewkaristija hija Kristu li jagħtina lilu nnifsu, u jibni lilna bla waqfien bħala ġismu. Għalhekk, fiċ-ċirkolazzjoni li tolqotna bejn l-Ewkaristija li tibni lil Knisja u l-Knisja nfisha li tagħmel l-Ewkaristija,33 il-kawża ewlenija hi dik imfissra fl-ewwel formula: il-Knisja tista’ tiċċelebra u tadura l-misteru ta’ Kristu preżenti fl-Ewkaristija sewwasew għaliex Kristu nnifsu kien l-ewwel li ta lilu nnifsu lilha fis-sagrifiċċju tas-salib. Il-possibbiltà għall-Knisja li “tagħmel” l-Ewkaristija għandha l-għeruq tagħha fl-għotja li Kristu għamel tiegħu nnifsu lilha. Hawnhekk ukoll insibu aspett konvinċenti tal-frażi “Hu ħabbna l-ewwel” (1Ġw 4, 19). Hekk ukoll aħna f’kull ċelebrazzjoni nistqarru l-aqwa grad tad-don ta’ Kristu. Il-qawwa ġejja mill-Ewkaristija sa mill-bidu tal-Knisja turina darba għal dejjem mhux biss il-preċedenza kronoloġika (fiż-żmien) iżda ukoll dik ontoloġika (fl-essenza) tal-fatt li kien hu li “ħabbna l-ewwel”. Huwa jibqa’ għal dejjem dak li ħabbna l-ewwel.

 

L-Ewkaristija u l-għaqda ekkleżjali

 

15.          Għalhekk l-Ewkaristija hija element essenzjali ta’ l-eżistenza u l-ħidma tal-Knisja. Minħabba dan, l-imgħoddi bikri kristjan uża l-istess kelmiet Corpus Christi biex ifisser il-ġisem imwieled mill-Verġni Marija, il-ġisem Ewkaristiku u l-ġisem ekkleżjali ta’ Kristu.34 Dan il-fatt magħruf sewwa fit-tradizzjoni jgħinna nkabbru fina l-għarfien li ma jistax ikun hemm firda bejn Kristu u l-Knisja. Waqt li l-Mulej Ġesù offra lilu nnifsu f’sagrifiċċju għalina, Huwa b’mod qawwi ħabbar minn qabel il-misteru tal-Knisja fid-don tiegħu. Għandu tifsira kbira (għalina) l-fatt li t-tieni talba ewkaristika, waqt is-sejħa lill-Paraklitu ssawwar talba għall-għaqda tal-Knisja b’dan il-mod: “li l-Ispirtu s-Santu jgħaqqadna f’ġisem wieħed lilna li nieħdu sehem mill-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.” Din is-silta ġġegħelna nifhmu sewwa kif it-tifsira (res) tas-Sagrament ewkaristiku hija l-għaqda ta’ dawk li jemmnu miġbura f’komunjoni ekkleżjali. Hekk l-Ewkaristija tidher fl-għeruq tal-Knisja bħala misteru ta’ komunjoni.35 Ir-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u l-communio diġa’ ġibdet l-attenzjoni tal-qaddej ta’ Alla Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika tiegħu Ecclesia de Eucharistia.  Huwa tkellem dwar it-tifkira ta’ Kristu bħala “l-aħħar turija sagramentali tal-komunjoni tal-Knisja.”36 L-għaqda fil-komunjoni ekkleżjali tidher fir-realtà fil-komunitajiet kristjani u tiġġedded fl-azzjoni ewkaristika li tgħaqqadhom u turihom fid-differenza ta’ knejjes partikulari, “in quibus et ex quibus una et unica Ecclesia Catholica existit”37 (li fihom u minnhom teżisti Knisja Kattolika waħda u waħdanija). Sewwasew ir-realtà ta’ l-Ewkaristija waħdanija li tiġi ċċelebrata f’kull djoċesi madwar l-Isqof lokali ġġegħelna nifhmu kif l-istess knejjes partikulari jeżistu “fil-Knisja u mill-Knisja”. Il-fatt li “l-Ġisem Ewkaristiku tal-Mulej huwa waħdieni u ma jistax jinfired, iġib miegħu l-fatt tal-Ġisem mistiku waħdieni tiegħu li hu l-Knisja waħda u ma tistax tinfired. Miċ-ċentru ewkaristiku toħroġ il-ħtieġa li kull komunità li tiċċelebra, kull Knisja partikulari tinfetaħ; miġbuda lejn id-dirgħajn miftuħa tal-Mulej; hija tiddaħħal fil-Ġisem waħdieni tiegħu li ma jistax jinfired.”38 Għal din ir-raġuni fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija l-insara li jemmnu jinsabu fil-Knisja tagħhom, jiġifieri fil-Knisja ta’ Kristu. F’dan il-kwadru ewkaristiku mifhum sewwa, il-għaqda ekkleżjali tidher li hi realta’ kattolika min-natura tagħha.39 L-insistenza fuq din il-bażi ewkaristika ta’ l-għaqda ekkleżjali tista’ tkun ta’ ġid b’mod effikaċi, anke għad-djalogu ekumeniku mal-Knejjes u mal-Komunitajiet ekkleżjali li mhumiex f’għaqda sħiħa mas-Sede ta’ San Pietru. Fil-fatt, l-Ewkaristija toħloq realment rabta qawwija ta’ għaqda bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi, li żammew in-natura ġenwina u sħiħa tal-misteru ta’ l-Ewkaristija. Fl-istess waqt l-importanza mogħtija lill-karattru ekkleżjali ta’ l-Ewkaristija tista’ ssir element privileġġjat fid-djalogu mal-Komunitajiet li ħarġu mir-Riforma. 40

 

L-Ewkaristija u s-Sagramenti

 

Il-Knisja bħala Sagrament

 

16.          Il-Konċilju Vatikan II fakkarna li “s-Sagramenti kollha, kif ukoll il-ministeri ekkleżjastiċi u l-ħidmiet ta’ l-appostolat, huma magħquda b’mod sħiħ ma’ l-Ewkaristija Mqaddsa u huma indirizzati lejha. Għaliex, fl-Ewkaristija l-aktar qaddisa hemm miġbur il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja, jiġifieri Kristu nnifsu, l-Għid tagħna u l-ħobż ħaj li, permezz tal-ġisem tiegħu mogħni bil-ħajja mill-Ispirtu Qaddis u jagħti l-ħajja, jgħaddi l-ħajja lill-bnedmin, li b’dan il-mod huma mistednin u mmexxijin biex flimkien miegħu joffru lilhom infushom, ix-xogħol tagħhom u l-ħlejjaq kollha.”41 Din ir-rabta intima ta’ l-Ewkaristija mas-Sagramenti l-oħra kollha u mal-ħajja nisranija tiftiehem sewwa fil-qalba tagħha meta nikkontemplaw il-misteru tal-Knisja nfisha bħala Sagrament.42 Għal dan il-ħsieb, il-Konċilju Vatikan II stqarr li “fi Kristu, il-Knisja hi b’mod jew ieħor is-sagrament, jiġifieri s-sinjal u l-mezz tar-rabta intima ma’ Alla u ta’ l-għaqda tal-bnedmin kollha.”43 Il-Knisja - kif jgħid San Ċiprijanu – “bħala poplu miġbur fil-għaqda tal-Missier, ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu”,44 hija sagrament ta’ l-għaqda trinitarja. Il-fatt li l-Knisja hi “sagrament universali ta’ salvazzjoni”45 juri kif l-“ekonomija” sagramentali fl-aħħar mill-aħħar tagħżel il-mod li fih Kristu, is-Salvatur waħdieni, permezz ta’ l-Ispirtu jilħaq il-ħajja tagħna fiċ-ċirkustanzi partikulari tagħha. Il-Knisja hi milqugħa u fl-istess waqt tfisser dak li hi fis-seba’ sagramenti li permezz tal-grazzja ta’ Alla tolqot fir-realtà l-għajxien ta’ l-insara biex ħajjithom kollha, mifdija minn Kristu, issir qima li togħġob ’l Alla. F’dan il-kwadru nixtieq ninsisti fuq xi elementi, mqanqlin mill-Missirijiet Sinodali; li jistgħu jgħinuna nifhmu r-relazzjoni tas-Sagramenti kollha mal-misteru Ewkaristiku.

 

I.        L-Ewkaristija u l-bidu tal-ħajja nisranija

 

L-Ewkaristija, il-milja tal-bidu tal-ħajja nisranija

 

17.          Jekk tassew l-Ewkaristija hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja, qabel kollox ikollna nifhmu li l-mixja sa mill-bidu tal-ħajja nisranija għandha bħala għan li tkun tista’ tersaq lejn dan is-sagrament. Għal dan il-ħsieb, kif qalu l-Missirijiet Sinodali, għandna nsaqsu lilna nfusna jekk fil-komunitajiet insara tagħna nagħrfux biżżejjed ir-rabta intima bejn il-Magħmudija, il-Konfermazzjoni u l-Ewkaristija.46 Tassew jeħtieġ li qatt ma ninsew li aħna nitgħammdu u nkunu konfermati biex nersqu lejn l-Ewkaristija. Dan il-fatt jitlob l-impenn li fil-prattika pastorali nħeġġu għal għarfien aktar uniformi tal-mixja sa mill-bidu tal-ħajja nisranija. Is-sagrament tal-Magħmujdija, li bih sirna nixbhu lil Kristu,47 imseħbin fil-Knisja u magħmulin ulied Alla, jifforma l-bieb tad-dħul lejn is-Sagramenti kollha. Bih aħna sirna ħaġa mal-Ġisem waħdieni ta’ Kristu (ara 1 Kor 12, 13) poplu saċerdotali. B’danakollu huwa s-sehem tagħna fis-sagrifiċċju Ewkaristiku li jwassal għall-perfezzjoni fina dak kollu li ngħatalna fil-Magħmudija. Id-doni wkoll ta’ l-Ispirtu ngħatawlna għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu (1 Kor 12) u għal akbar xhieda evanġelika fid-dinja.48 Għalhekk l-Ewkaristija l-aktar qaddisa twassal għall-milja tal-bidu tal-ħajja nisranija u titqiegħed bħala ċentru u għan tal-ħajja kollha sagramentali.49

 

 

L-Ordni għas-sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija

 

18.          Dwar dan huwa meħtieġ li noqogħdu attenti għall-qofol ta’ l-ordni tas-Sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija. Fil-Knisja hemm tradizzjonijiet differenti. Din id-differenza tidher ċar fid-drawwiet ekkleżjali tal-Lvant,50 u fl-istess prattika tal-punent fejn għandna x’naqsmu mal-bidu tal-ħajja nisranija ta’ l-adulti,51 u min-naħa l-oħra ma’ dik tat-tfal.52  B’danakollu dawn id-differenzi mhumiex proprjament ta’ ordni dommatiku, iżda ta’ xeħta pastorali. Fir-realtà, huwa meħtieġ li wieħed għandu jivverifika liema prattika bil-fatti tista’ tgħin aħjar lill-insara li jemmnu biex iqiegħdu fiċ-ċentru (ta’ ħajjithom) is-sagrament ta’ l-Ewkaristija, bħala realtà li lejha għandu jieħu l-proċess kollu tal-bidu tal-ħajja nisranija. F’kollaborazzjoni sħiħa ma’ l-uffiċċji kompetenti tal-Kurja Rumana, il-Konferenzi Episkopali għandhom jeżaminaw l-effetti ta’ prattiċi differenti fir-rigward tal-bidu tal-ħajja nisranija, biex l-insara mill-formazzjoni edukattiva li ħadu fil-komunitajiet tagħna jkunu megħjuna jikbru dejjem iżjed, u jaslu jieħdu direzzjoni ewkaristika awtentika f’ħajjithom, hekk li jkunu lesti, jagħtu tweġiba għat-tama tagħhom b’mod li jgħodd għal żmienna. (1 Pt 3, 15)

 

Il-bidu tal-ħajja nisranija, il-komunita’ ekkleżjali u l-familja

 

19.          Jeħtieġ inżommu dejjem quddiem għajnejna li l-bidu kollu tal-ħajja nisranija huwa mixja ta’ konverżjoni li għandna nagħmlu bil-għajnuna ta’ Alla u f’relazzjoni ma taqtax mal-komunità ekkleżjali, sew meta hu l-adult li jitlob jidħol fil-Knisja, kif jiġri fil-postijiet li rċevew l-Evanġelju għall-ewwel darba u f’tant oqsma sekolarizzati, kif ukoll meta l-ġenituri jitolbu s-Sagramenti għal uliedhom. Fuq dan, nixtieq niġbed l-attenzjoni l-aktar għar-relazzjoni bejn il-bidu tal-ħajja nisranija u l-familja. Fil-ħidma pastorali wieħed għandu dejjem jgħaqqad il-familja nisranija mal-mixja tal-bidu. Li wieħed jirċievi l-magħmudija, il-Konfermazzjoni, u jersaq l-ewwel darba għall-Ewkaristija huma mumenti deċiżivi mhux biss għall-persuna li tirċevihom, iżda wkoll għall-familja kollha, li fid-dmir edukattiv tagħha għandha tkun imwieżna mill-elementi kollha tal-komunità ekkleżjali.53 Hawn nixtieq ninsisti fuq l-importanza ta’ l-ewwel tqarbina. Għal ħafna nsara dan il-jum bir-raġun kollu jibqa’ mmarkat fil-memorja bħala l-ewwel waqt li fih,  għalkemm b’mod sempliċi, wieħed beda jifhem l-importanza tal-laqgħa personali ma’ Ġesù. Il-pastorali parrokkjali għandha tapprezza kif hu xieraq din l-okkażjoni li għandha tifsira hekk kbira.

 

II. L-Ewkaristija u s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (Qrar)

 

Ir-relazzjoni essenzjali bejniethom

 

20.          Bir-raġun kollu, il-Missirijiet Sinodali stqarrew li l-imħabba għall-Ewkaristija twassal biex wieħed japprezza dejjem aktar is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni wkoll.54 Minħabba r-rabta bejn dawn iż-żewġ sagramenti, it-tagħlim veru dwar it-tifsira ta’ l-Ewkaristija ma jistax ikun mifrud mill-pjan ta’ mixja ta’ penitenza (ara 1 Kor 11, 27-29). Hekk hu, fi żmienna aħna qegħdin naraw kif l-insara jinsabu mdawrin minn kultura li tipprova twarrab is-sens tad-dnub55, u tippreferi mġiba ta’ fuq fuq, li twassal biex wieħed jinsa l-ħtieġa li jkun fil-grazzja ta’ Alla ħalli jersaq kif jixraq għat-tqarbina sagramentali.56 Fil-fatt, meta wieħed ma jibqax iħoss id-dnub ikollu dejjem ukoll nuqqas ta’ serjetà biex jifhem l-istess imħabba ta’ Alla. Jiswa ta’ ġid kbir għall-insara li jiftakru f’dawk l-elementi li matul iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa jqanqlu fina l-għarfien tad-dnubiet personali u, fl-istess ħin (ifakkruna) fil-ħniena ta’ Alla.57 Barra dan, ir-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni tfakkarna li d-dnub qatt ma hu affari għal kollox personali; huwa dejjem iġib miegħu ferita f’nofs il-komunjoni ekkleżjali; li fiha ġejna milqugħa minħabba l-magħmudija. Għal din ir-raġuni, ir-Rikonċiljazzjoni, kif kienu jgħidu Missirijiet il-Knisja, hija laboriosus quidam baptismus,58 (bħal magħmudija li titlob it-taħbit), u b’dan huma, insistew li r-riżultat tal-mixja ta’ konversjoni jkun ukoll tiġdid ta’ l-għaqda sħiħa fil-komunità ekkleżjali, li tintwera billi wieħed jersaq għall-Ewkaristija.59

 

Punti għal attenzjoni pastorali

 

21.          Is-sinodu fakkar li huwa dmir pastorali ta’ l-Isqof li fid-djoċesi tiegħu jqajjem tiġdid maħsub tal-katekeżi dwar il-konverżjoni li toħroġ mill-Ewkaristija, u  jħeġġeġ il-qrar regolari fost l-insara. Is-saċerdoti kollha għandhom jiddedikaw ruħhom bil-ġenoriżità b’impenn u b’ħila meħtieġa biex jamministraw is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.60 Għal dan hija meħtieġa attenzjoni biex il-konfessjonarji fil-knejjes tagħna jkunu jidhru sewwa u jagħtu t-tifsira ta’ dan is-Sagrament. Nitlob lir-Ragħajja biex jgħassu sewwa għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, waqt li jżommu biss il-prattika ta’ l-assoluzzjoni ġenerali għal każijiet awtoriżżati,61 għaliex il-forma ordinarja (ta’ l-assoluzzjoni) hija biss dik personali.62 Quddiem il-ħtieġa li nerġgħu nsibu l-maħfra sagramentali, f’kull Djoċesi għandu dejjem ikun hemm il-Penitenzier.63  Fl-aħħar, biex nifhmu mill-ġdid ir-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni tista’ tkun ta’ għajnuna kbira l-prattika meqjusa u studjata sewwa ta’ l-indulġenzi, li wieħed jaqla’ għalih innifsu jew għall-mejtin. Bihom wieħed jirċievi l-maħfra “quddiem Alla tal-piena temporali għad-dnubiet, li tagħhom diġa’ nħafret il-ħtija.”64 L-użu ta’ l-indulġenzi jgħinna nifhmu li bil-forzi tagħna biss ma jkollniex ħila li npattu għall-ħażen li wettaqna, u li d-dnubiet ta’ kull wieħed ġibdu fuq il-komunità kollha; barra dan, il-prattika ta’ l-indulġenzi li barra d-dottrina tal-merti bla qies ta’ Kristu ddaħħal ukoll dik tax-xirka tal-qaddisin, tgħidilna “kemm aħna magħqudin ma’ xulxin fil-qrib fi Kristu u kemm il-ħajja soprannaturali ta’ kull wieħed tista’ tiswa ta’ ġid għall-oħrajn.”65 Billi fost il-kundizzjonijiet l-istess forma tagħhom, tistenna li nersqu għall-qrar u għat-tqarbina sagramentali, il-prattika tagħhom tista’ tgħin b’mod siewi lill-insara fil-mixja ta’ konverżjoni u jerġgħu jsibu l-post ċentrali għall-Ewkaristija fil-ħajja nisranija.

 

III. L-Ewkaristija u d-Dilka tal-morda

 

22.          Ġesù ma bagħatx id-dixxipli biex ifejqu biss il-morda (ara Mt 10, 8; Lq 9, 2; 10, 9), iżda waqqaf ukoll għalihom sagrament bl-istess ħsieb: id-Dilka tal-morda.66 L-Ittra ta’ Ġakbu tixhdilna l-preżenza ta’ dan is-sinjal sagramentali sa mill-ewwel komunità kristjana (ara 5, 14-16). Jekk l-Ewkaristija turi kif it-tbatijiet u l-mewt ta’ Kristu nbidlu f’imħabba, id-Dilka tal-morda, min-naħa tagħha, tgħaqqad il-marid ma’ l-offerta li Kristu għamel tiegħu nnifsu għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, b’mod li l-marid ukoll fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin ikollu sehem fil-fidwa tad-dinja. Ir-relazzjoni bejn dawn is-Sagramenti tidher ukoll meta l-marda ssir iktar gravi: “Lil dawk li waslu biex iħallu din il-ħajja, il-Knisja, barra mid-Dilka tal-morda, toffri wkoll l-Ewkaristija bħala vjatku.”67 Fil-vjaġġ għal għand il-Missier, l-għaqda mal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tidher bħala żerriegħa ta’ ħajja eterna u qawwa ta’ qawmien: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.” (Ġw 6, 54) Billi l-Vjatku Qaddis jagħti ħjiel lill-marid għall-milja tal-misteru ta’ l-Għid, huwa meħtieġ li jaħseb għalih fil-ħin.68 L-attenzjoni u l-kura pastorali lejn dawk li jkunu morda ċertament tkun ta’ ġid spiritwali għall-komunità kollha, billi nafu li dak li nagħmlu ma’ wieħed mill-iżgħar inkunu nagħmluh ma’ Ġesù nnifsu (ara Mt 25,40).

 

IV. L-Ewkaristija u s-Sagrament ta’ l-Ordni

 

In persona Christi Capitis (fil-persuna ta’ Kristu kap tal-Knisja)

 

23.          Ir-rabta essenzjali bejn l-Ewkaristija u s-Sagrament ta’ l-Ordni toħroġ mill-istess kelmiet ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22,19) Fil-fatt, lejlet il-mewt tiegħu, Ġesù waqqaf l-Ewkaristija u fl-istess ħin ibbaża s-saċerdozju tal-Patt il-Ġdid. Kristu huwa saċerdot, vittma u altar; medjatur bejn Alla l-Missier u l-poplu (ara Lhud 5,5-10), vittma ta’ tpattija (ara 1 Ġw 2, 2; 4, 10) li toffri lilha nfisha fuq l-altar tas-salib. Ħadd ma jista’ jgħid “dan huwa ġismi” u “dan huwa l-kalċi ta’ demmi” jekk mhux fl-isem u fil-persuna ta’ Kristu, il-qassis il-kbir u waħdieni ta’ l-Għaqda l-ġdida u eterna (ara Lhud 8-9). F’laqgħat oħra ta’ qabel, is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet kien għażel bħala suġġett is-Saċerdozju ministerjali, sew fejn għandha x’taqsam in-natura tal-ministeru69 sew għall-formazzjoni tal-kandidati (għas-saċerdozju).70 Hawnhekk fid-dawl tad-djalogu li sar fl-aħħar Assemblea Sinodali inħoss xewqa kbira li nfakkarkom ċerti valuri importanti dwar ir-relazzjoni bejn is-Sagrament ta’ l-Ewkaristija u l-Ordni Sagri. Qabel kollox jeħtieġ ninsistu li r-rabta bejn l-Ordni Sagri u l-Ewkaristija tidher proprju fil-Quddiesa mmexxija mill-Isqof jew mis-saċerdot (presbiteru) in persona (fil-persuna) ta’ Kristu kap. Il-Knisja tgħallem li l-ordinazzjoni saċerdotali hija bilfors meħtieġa għaċ-ċelebrazzjoni valida ta’ l-Ewkaristija.71 Tassew, “fis-servizz ekkleżjali tal-ministerju ordnat huwa Kristu nnifsu li hu preżenti għall-Knisja tiegħu, bħala kap tal-ġisem tiegħu, ir-Ragħaj tal-merħla tiegħu, il-Qassis il-Kbir tas-sagrifiċċju li jifdi.”72 Ċertament il-ministru ordnat “jagħmel dmiru wkoll f’isem il-Knisja kollha meta jippreżenta lil Alla t-talba tal-Knisja tiegħu u fuq kollox meta joffri s-sagrifiċċju ewkaristiku.”73 Għalhekk huwa meħtieġ li s-saċerdoti jagħrfu li fil-ministeru kollu tagħhom ma għandhomx iqiegħdu fl-ewwel post lilhom infushom jew il-fehmiet tagħhom iżda lil Ġesù Kristu. Kull tentattiv li fl-azzjoni liturġika (is-saċerdoti) jagħmlu protagonisti lilhom infushom imur kontra l-identità saċerdotali. Is-saċerdot qabel kollox huwa qaddej u għandu jimpenja ruħu bla waqfien biex, bħala strument ubbidjenti f’idejn Kristu, jirreferi għalih. Dan joħroġ b’mod partikulari fl-umiltà li biha s-saċerdot imexxi l-azzjoni liturġika, b’ubbidjenza għar-rit, jingħaqad magħha bil-qalb u bil-ħsieb, waqt li jwarrab dak kollu li jista’ jagħti ħjiel ta’ wirja personali barra minn postha. Għalhekk, nirrikkmanda lill-kleru biex jagħrfu dejjem  aktar il-ministeru ewkaristiku tagħhom bħala servizz umli lil Kristu u lill-Knisja tiegħu. Bħalma qal Santu Wistin, is-saċerdozju huwa amoris officium (servizz ta’ mħabba),74 huwa s-servizz tar-ragħaj it-tajjeb, li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 10, 14-15).

 

L-Ewkaristija u ċ-ċelibat saċerdotali

 

24.          Il-Missirijiet Sinodali jinsistu li s-saċerdozju ministerjali, permezz ta’ l-Ordinazzjoni, jitlob it-xebh sħiħ ma’ Kristu. Għalkemm bir-rispett lejn il-prattika differenti u t-tradizzjoni tal-Knejjes tal-lvant, jeħtieġ insostnu t-tifsira profonda taċ-ċelibat saċerdotali; bir-raġun kollu hu miżmum bħala teżor ’il fuq minn kull valur, u mwettaq ukoll mid-drawwa orjentali li tagħżel l-Isqfijiet fost dawk li jgħixu ħajja mhix miżżewġa u żżomm f’ġieħ kbir l-għażla taċ-ċelibat imħaddna minn ħafna qassisin. Tabilħaqq, f’din l-għażla tas-saċerdot isibu tifsira partikulari d-dedikazzjoni li tagħmlu jixbah lil Kristu u l-għotja esklusiva tiegħu nnifsu għas-Saltna ta’ Alla.75 Il-fatt li Kristu nnifsu, saċerdot għal dejjem, għex il-missjoni tiegħu stess sas-sagrifiċċju tas-salib fl-istat ta’ verġinità huwa punt żgur ta’ referenza biex naqbdu s-sens tat-tradizzjoni tal-Knisja latina fuq dan is-suġġett. Għalhekk, mhux biżżejjed nifhmu ċ-ċelibat saċerdotali fi frażijiet li jmissu biss ix-xogħol tiegħu. Fir-realtà, - huwa jippreżenta qbil speċjali mal-mod tal-ħajja ta’ Kristu nnifsu. Din il-għażla qabel kollox għandha tifsira ta’ għerusija; hija għaqda totali mal-qalb ta’ Ġesù Għarus li jagħti ħajtu għall-Għarusa tiegħu. Magħqudin mat-tradizzjoni kbira ekkleżjali, mal-Konċilju Vatikan II76 u mal-Papiet predeċessuri tiegħi77, intenni s-sbuħija u l-importanza ta’ ħajja saċerdotali mgħixa fiċ-ċelibat bħala sinjal li jfisser ċar l-għotja totali u esklużiva lil Kristu, lill-Knisja u lis-Saltna ta’ Alla, u nikkonferma l-obbligu għat-tradizzjoni latina. Iċ-ċelibat saċerdotali li wieħed jgħixu b’maturità, ferħ u dedikazzjoni huwa barka kbira ħafna għall-Knisja u għall-istess soċjetà.

 

In-Nuqqas ta’ kleru u l-pastorali għall-vokazzjonijiet

 

25.          Dwar ir-rabta bejn is-sagrament ta’ l-Ordni u l-Ewkaristija, is-Sinodu ħadha fit-tul fuq is-sitwazzjoni diffiċli li nħolqot f’diversi djoċesijiet meta wieħed isib ma’ wiċċu n-nuqqas ta’ saċerdoti. Dan ġara mhux biss f’xi oqsma evanġelizzati għall-ewwel darba, iżda wkoll f’ħafna pajjiżi bi tradizzjoni nisranija twila. Ċertament taqsim aktar bilanċjat tal-kleru jiswa għas-soluzzjoni tal-problema. Għalhekk hemm bżonn ta’ ħidma li toħloq interess li jilħaq l-attenzjoni ta’ ħafna. L-Isqfijiet fil-ħtiġijiet pastorali għandhom jinvolvu l-Istituti ta’ Ħajja Konsagrata u l-gruppi ekkleżjali ġodda, b’rispett lejn il-kariżmi proprji tagħhom, u għandhom jinsistu mal-membi kollha tal-kleru ħalli jkunu aktar disposti biex jaqdu ’l-Knisja fejn hemm il-ħtieġa, anke b’sagrfiċċju.78 Barra dan, fis-Sinodu saret ukoll diskussjoni fuq l-inizjattivi pastorali li wieħed għandu jħaddem biex iqajjem l-aktar fost iż-żgħażagħ imġiba ta’ ftuħ spiritwali għall-vokazzjoni saċerdotali. Din is-sitwazzjoni ma tistax issib soluzzjoni b’deċiżjonijiet sempliċement prattici. Fil-ħidma tagħhom l-Isqfijiet, imqanqlin minn tħassib li wieħed jifhmu għan-nuqqas ta’ kleru, m’għandhomx iħallu li jwettqu dixxerniment vokazzjonali xieraq u jilqgħu għall-formazzjoni apposta u għall-ordinazzjoni kandidati neqsin mill-kwalitajiet individwali meħtieġa għas-servizz saċerdotali.79 Kleru mhux ifformat biżżejjed, milqugħ għall-ordinazzjoni mingħajr id-dixxerniment dovut, bil-kemm jista’ joffri xhieda siewja li tqajjem fl-oħrajn ix-xewqa li jwieġbu bil-qalb għas-sejħa ta’ Kristu. Fir-realtà il-pastorali għall-vokazzjonijiet għandha timpenja l-komunità nisranija kollha fl-oqsma kollha tagħha.80 Għal dan il-għan, f’dan ix-xogħol pastorali mifrux sewwa tidħol ukoll il-ħidma li tqanqal interess fil-familji, spiss indifferenti jekk mhux għal kollox kontra l-ħsieb ta’ vokazzjoni saċerdotali.

 

Radd il-ħajr u tama

 

26.          Fl-aħħar huwa meħtieġ li jkollna fidi u tama aktar kbar fl-inizjattiva ta’ Alla. Jekk ukoll f’xi artijiet jidher nuqqas ta’ kleru, qatt ma għandha tonqos il-fiduċja li Kristu se jkompli jqanqal bnedmin, li, waqt li jwarrbu kull xogħol ieħor, jiddedikaw lilhom infushom għal kollox biex jiċċelebraw il-misteri qaddisa, biex ixandru l-Evanġelju, u jidħlu għall-ministeru pastorali. Hawnhekk irid infisser ir-rikonoxxenza tal-Knisja kollha lejn l-Isqfijiet u s-saċerdoti, li qegħdin iwettqu il-missjoni tagħhom b’dedikazzjoni u b’impenn. Mhemmx għalfejn ngħidu li r-ringrazzjament tal-Knisja jmur ukoll għad-djakni, li fuqhom tqiegħdu l-idejn “mhux għas-saċerdozju iżda għas-servizz.”81 Kif irrikkmandat l-Assemblea tas-Sinodu, b’mod speċjali nrodd  ħajr lis-saċerdoti tal-fidei Donum, li b’ħila u dedikazzjoni ġeneruża qegħdin jibnu l-komunità bix-xandir tal-Kelma ta’ Alla, u jaqsmu l-Ħobż tal-ħajja, mingħajr ma jixxaħħu fl-enerġija fis-servizz tal-missjoni tal-Knisja.82 Jeħtieġ inroddu ħajr ’l Alla għal ħafna saċerdoti li batew sas-sagrifiċċju ta’ ħajjithom biex jaqdu lil Kristu. Fihom tidher bix-xhieda qawwija tal-fatti xi tfisser tkun saċerdot sat-tmiem. Hawn għandna xhieda li jqanqlu u jistgħu inebbħu tant żgħażagħ biex min-naħa tagħhom jimxu wara Kristu u jaħlu ħajjithom għall-oħrajn, u b’dan isibu tassew x’inhi l-ħajja vera.

 

V. L-Ewkaristija u ż-Żwieġ

 

L-Ewkaristija, sagrament ta’ l-għerusija

 

27.          L-Ewkaristija sagrament ta’ l-imħabba, turi relazzjoni partikulari ma’ l-imħabba bejn ir-raġel u l-mara, magħqudin fiż-żwieġ. Fi żmienna tinħass ħtieġa vera li nistudjaw fil-fond din ir-rabta. 83 Il-Papa Ġwanni Pawlu II kemm-il darba ħa l-okkażjoni biex jistqarr il-karattru ta’ għerusija ta’ l-Ewkaristija u r-relazzjoni speċjali mas-sagrament taż-żwieġ: “L-Ewkaristija hija s-sagrament tal-fidi tagħna. Huwa s-sagrament ta’ l-Għarus, ta’ l-Għarusa.”84 Barra dan, “il-ħajja kollha nisranija għandha s-sinjal ta’ l-imħabba ta’ l-għerusija ta’ Kristu u tal-Knisja. Ladarba l-Magħmudija li ddaħħalna fil-Poplu ta’ Alla, hija misteru ta’ għerusija: hi, biex ngħidu hekk, il-ħasil ta’ l-għerusija li jiġi qabel l-ikla tat-tieġ, li hi l-Ewkaristija.”85 L-Ewkaristija ssaħħaħ b’mod li ma jintemm qatt r-rabta waħdanija u l-imħabba li ma tinħallx ta’ kull żwieġ nisrani. F’ dan, bil-qawwa tas-sagrament, ir-rabta taż-żwieġ hija minnha nfisha msieħba ma’ l-għaqda ewkaristika bejn Kristu Għarus u l-Knisja Għarusa (ara Ef 5, 31-32). Il-kunsens tat-tnejn li r-raġel u l-mara jirċievu mingħand xulxin fi Kristu, u li jagħmilhom f’komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba, għandu huwa wkoll dimensjoni ewkaristika. Tassew, fit-teoloġija pawlina, l-imħabba ta’ l-għarajjes hi wkoll sinjal sagramentali ta’ l-imħabba ta’ Kristu, għall-Knisja tiegħu, imħabba li tilħaq il-qofol tagħha fis-salib, dehra tat-tieġ tiegħu ma’ l-umanità, u fl-istess waqt bidu u ċentru ta’ l-Ewkaristija. Għal din ir-raġuni, il-Knisja turi li b’mod spiritwali toqgħod qrib ta’ dawk kollha li waqqfu l-familja tagħhom fuq is-sagrament taż-żwieġ.86 Il-familja-knisja tad-dar87 - hija qasam ewlieni tal-ħajja tal-Knisja, l-aktar għall-ħidma deċiżiva wiċċ imb’wiċċ ma’ l-edukazzjoni nisranija tat-tfal.88 F’dan il-kuntest, is-Sinodu rrikkmanda wkoll l-għarfien tal-missjoni waħdanija tal-mara fil-familja u fis-soċjetà, missjoni li għandna niddefendu, nipproteġu u nġibu ’l quddiem.89 Il-fatt li hi għarusa u omm jagħmilha realtà li ma nistgħux inwarrbuha u qatt ma għandha tkun immaqdra.

 

L-Ewkaristija u l-unità taż-żwieġ

 

28.          Huwa proprju fid-dawl ta’ din ir-relazzjoni reali tagħhom bejn żwieġ, familja u Ewkaristija li nistgħu naħsbu fuq xi problemi pastorali. Ir-rabta fidila, li ma tinħallx u esklużiva li tgħaqqad lil Kristu u l-Knisja, u li ssib dehra sagramentali fl-Ewkaristija, tiltaqa’ mal-fatt bażiku tal-bniedem li bih ir-raġel għandu jingħaqad b’mod deċisiv ma’ mara waħda, u l-mara ma’ raġel wieħed (ara Ġen 2, 24; Mt 19, 5). B’dawn il-ħsibijiet f’moħħhom, is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet ħabbat wiċċu mal-kwistjoni tal-prattika pastorali fost dawk li jiltaqgħu max-xandir ta’ l-Evanġelju u jkunu ġejjin minn kulturi li għandhom id-drawwa tal-poligamija (żwieġ ma’ diversi nisa fl-istess żmien jew bil-maqlub). Dawk li jkunu f’sitwazzjoni bħal din u li jilqgħu l-fidi nisranija għandhom ikunu megħjuna biex il-pjan ta’ ħajjithom jgħaqqduh mat-tiġdid radikali ta’ Kristu. Fil-kors ta’ katekiżmu lill-adulti, Kristu jilħaqhom fiċ-ċirkustanzi partikulari tagħhom u jsejħilhom għall-verità sħiħa ta’ l-imħabba waqt li jgħaddu miċ-ċaħdiet meħtieġa biex jaslu sal-għaqda perfetta ekkleżjali. Il-Knisja timxi magħhom b’sistema pastorali mimlija ħlewwa u serjetà,90 l-aktar billi turihom id-dawl li jirrifletti fuq in-natura u s-sentimenti umani mill-misteri nsara.

 

L-Ewkaristija u r-rabta taż-żwieġ li ma tinħallx

 

29.          Jekk l-Ewkaristija tfisser li Alla ma jreġġax lura l-imħabba tiegħu fi Kristu lejn il-Knisja tiegħu, wieħed jifhem għaliex f’relazzjoni mas-sagrament taż-żwieġ, l-Ewkaristija tinvolvi dik ir-rabta li ma tinħallx li kull imħabba ma jistax ikun li ma tixxennaqx għaliha.91 Għalhekk hija aktar milli ġusta l-attenzjoni pastorali li s-Sinodu ta għas-sitwazzjonijiet dolorużi li fihom jinsabu mhux ftit insara li, wara li ċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ, iddivorzjaw u ntrabtu bi żwieġ ieħor. Qegħdin nitħabtu ma’ problema pastorali li hi mħawda u tweġġa’, pjaga reali għas-soċjetà ta’ llum, li qiegħda tħassar l-ambjenti kattoliċi b’attakk dejjem jiżdied. Għall-imħabba tal-verità, ir-Ragħajja huma fid-dmir li jgħarblu sewwa s-sitwazzjonijiet diversi, biex jgħinu spiritwalment lill-insara involuti b’modi xierqa.92 Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet ikkonferma d-drawwa tal-Knisja, ibbażata fuq l-Iskrittura Mqaddsa (ara Mt 10, 2-12) li ma tagħtix is-Sagramenti lid-divorzjati li reġgħu żżewġu, għaliex l-istat tagħhom u l-qagħda ta’ ħajjithom minnha nfisha tmur kontra l-għaqda ta’ mħabba bejn Ġesù u l-Knisja mfissra u mwettqa fl-Ewkaristija. B’danakollu, id-divorzjati li reġgħu żżewġu, minkejja l-qagħda tagħhom, jibqgħu tal-Knisja, li ssegwihom b’attenzjoni speċjali, bix-xewqa li jrawmu kemm jista’ jkun stil nisrani ta’ ħajja bis-sehem tagħhom fil-Quddiesa għalkemm ma jitqarbnux, fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, fl-Adorazzjoni ewkaristika, fit-talb, bis-sehem tagħhom fil-ħajja komunitarja, bid-djalogu fiduċjuż ma’ saċerdot jew għalliem tal-ħajja spiritwali, b’dedikazzjoni biex jgħixu l-karità, l-għemejjel ta’ penitenza, l-impenn edukattiv lejn uliedhom.

 

Fejn b’mod leġittimu jkun hemm xi dubji dwar il-validità taż-żwieġ sagramentali li sar qabel, wieħed għandu jfittex kemm ikun meħtieġ biex jivverifika x’bażi għandhom (dawk id-dubji). Imbagħad b’rispett sħiħ lejn il-liġi kanonika,93 wieħed għandu jaċċerta ruħu mill-preżenza fuq it-territorju tat-tribunali ekkleżjastiċi, il-karattru pastorali tagħhom, u l-ħidma tagħhom pronta u kif imiss.94 Jeħtieġ li f’kull Djoċesi jkun hemm numru biżżejjed ta’ persuni mħejjija għas-servizz tat-tribunali ekklezjastiċi. Niftakar li “huwa dmir gravi li twassal ix-xogħol ta’ l-istituti tal-Knisja fit-tribunali dejjem aktar qrib l-insara.”95 B’dankollu, huwa meħtieġ li l-kura pastorali m’għandhiex tiftiehem bħallikieku hi kontra l-liġi. Anzi, wieħed għandu jitlaq mill-ħsieb ewlieni li l-imħabba għall-verità hija punt fundamentali fejn jiltaqgħu l-liġi u l-kura ta’ l-erwieħ: din il-ħaġa qatt ma hi astratta (magħluqa fil-ħsieb biss), iżda “issir ħaġa waħda fil-mixja umana u kristjana ta’ kull nisrani.”96 Fl-aħħar, fejn wieħed ma jistax jilqa’ l-ineżistenza tar-rabta taż-żwieġ, u hemm ċirkustanzi reali li tabilħaqq ma jistgħux jerġgħu lura għall-ħajja flimkien, il-Knisja tħeġġeġ lil dawn l-insara biex jimpenjaw ruħhom ħalli jgħixu r-relazzjoni tagħhom skond ma titlob il-liġi ta’ Alla, bħala ħbieb, bħala aħwa; u hekk jistgħu jerġgħu jersqu għall-mejda ewkaristika, waqt li joqogħdu attenti għall-prattika stabilita u approvata mill-Knisja f’din il-ħaġa. Biex din il-mixja tkun possibli u tħalli l-frott, jeħtieġ tkun imwieżna mill-għajnuna tar-Ragħajja u minn inizjattivi xierqa tal-Knisja, waqt li f’kull każ, wieħed jevita li jbierek dawn ir-relazzjonijiet, biex ma tinħoloqx konfuzjoni dwar il-valur taż-żwieġ.97

 

Minħabba t-taħwid ta’ l-ambjent kulturali li fih qiegħda tgħix il-Knisja f’ħafna pajjiżi, is-Sinodu rrikkmanda wkoll li jkun hemm kura pastorali mill-aħjar fil-formazzjoni ta’ dawk li sa jiżżewġu u wieħed jivverifika minn qabel il-konvinzjoni tagħhom dwar impenji li ma jistgħux jitwarrbu biex is-sagrament taż-żwieġ ikun validu. Stħarriġ serju dwar dan jista’ jiswa biex jitwarrbu impulsi emozzjonali u raġunijiet ta’ fuq fuq li jġiegħlu ż-żewġ żgħażagħ jerfgħu responsabbiltà li wara ma jafux iżommuha.98 Il-ġid li l-Knisja u s-soċjetà umana kollha jistennew miż-żwieġ u mill-familja li fuqu hi mibnija huwa hekk kbir li jitlob impenn sħiħ f’dan il-qasam pastorali partikulari. Iż-żwieġ u l-familja huma istituzzjonijiet ta’ min iħabrek għalihom u jiddefendihom minn kull taħwid dwar il-verità tagħhom, għaliex kull ħsara magħmula lilhom hija fil-fatt ferita magħmula lill-istess soċjetà umana.

 

L-Ewkaristija u l-Aħħar Żminijiet

 

L-Ewkaristija: don lill-bnedmin ma’ tul it-triq

 

30.          Jekk hu veru li s-Sagramenti huma realtà f’idejn il-Knisja waqt il-pellegrinaġġ tagħha fiż-żmien99 lejn id-dehra sħiħa tar-rebħa ta’ Kristu Rxoxt, huwa wkoll veru li, l-aktar fil-liturġija ewkaristika, huwa mogħti lilna li nduqu minn qabel is-seħħ ta’ l-aħħar żminijiet li lejhom kull bniedem u l-ħolqien kollu huma mexjin (ara Rum 8, 19 eċċ). Il-bniedem huwa maħluq għall-hena tassew u ta’ dejjem, li l-imħabba ta’ Alla biss tista’ tagħtih. Iżda l-libertà tagħna midruba tista’ titlef it-triq, kieku ma kienx possibbli li minn issa stess inġarrbu xi ftit minn dak li għandu jseħħ fil-ġejjieni. Barra dan biex kull bniedem jista’ jimxi fid-direzzjoni t-tajba jeħtieġ li jħares ’il quddiem lejn is-sinjal tar-rebħa. Fil-fatt din il-mira huwa Kristu l-Mulej innifsu rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt, li jsir preżenti għalina b’mod speċjali fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika. Hekk, waqt li aħna għadna “barranin u pellegrini” (1 Pt 2, 11) f’din id-dinja, aħna bil-fidi diġa’ nieħdu sehem mill-milja tal-ħajja tal-qawmien. L-ikla ewkaristika, li turina d-dimensjoni qawwija ta’ l-aħħar żminijiet, tgħinna għal-libertà tagħna ma’ tul it-triq.

 

L-Ikla ta’ l-aħħar żminijiet

 

31.          Waqt li nirriflettu fuq dan il-misteru, nistgħu ngħidu li bil-miġja tiegħu Ġesù wieġeb għall-istennija preżenti tal-poplu ta’ Israel, fl-umanità kollha u fl-aħħar mill-aħħar fil-ħolqien kollu. Bl-għotja tiegħu nnfisu, Huwa ta bidu reali liż-żmenijiet ta’ l-aħħar. Kristu ġie biex isejjaħ u jiġbor flimkien il-Poplu mxerred ta’ Alla (ara Ġw 11, 52) billi wera biċ-ċar il-fehma li jiġbor il-komunità tal-patt, biex iwassal għat-tmiem il-wegħdiet ta’ Alla magħmula lill-missirijiet tal-qedem (ara Ġer 23, 3; 31,10; Lq 1, 55.70). Fis-sejħa tat-Tnax, li tiftiehem f’relazzjoni mat-tnax-il tribù ta’ Israel, u  fil-kmand li afdalhom fl-aħħar ikla, qabel il-passjoni feddejja tiegħu, biex jiċċelebraw it-tifkira tiegħu, Ġesù wera li ried jgħaddi lill-komunità kollha mwaqqfa minnu d-dmir li fl-istorja tkun sinjal u strument tal-laqgħa ta’ l-aħħar żminijiet, mibdija fih. Għalhekk f’kull ċelebrazzjoni ewkaristika, titwettaq b’mod sagramentali l-laqgħa eskatoloġika tal-Poplu ta’ Alla. Għalina l-ikla ewkaristika hija twettiq minn qabel ta’ l-ikla finali, imħabbra minn qabel mill-profeti (ara Is 25, 6-9) u spjegata fit-Testment il-Ġdid bħala “it-tieġ tal-Ħaruf”. (Apk 19, 7-9), li tkun ċelebrata fil-hena tax-xirka tal-qaddisin.100

 

It-talb għall-mejtin

 

32.          Iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, li fiha nħabbru mewt il-Mulej, inxandru l-qawmien tiegħu, waqt li nistennewh jerġa’ jiġi, hija rahan tal-glorja futura li fiha l-iġsma tagħna wkoll ikunu msebbħa. Waqt li niċċelebraw it-Tifkira tas-salvazzjoni tagħna tissaħħaħ fina t-tama tal-qawmien tal-ġisem u l-possibbiltà li nerġgħu niltaqgħu, wiċċ ’imb wiċċ, ma’ dawk li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi. F’dan il-kuntest, flimkien mal-Missirijiet Sinodali, nixtieq infakkar lill-insara kollha fl-importanza tat-talb b’suffraġju għall-mejtin, b’mod partikulari biċ-ċelebrazzjoni ta’ Quddies għalihom,101 biex huma, imsoffijin, jistgħu jaslu fid-dehra beatifika ta’ Alla. Waqt li nagħrfu mill-ġdid id-dimensjoni ta’ l-aħħar żminijiet li teżisti fl-Ewkaristija, ċelebrata u adorata, aħna ninsabu mwieżna fil-mixja tagħna u mfarrġa bit-tama tal-glorja. (ara Rum 5, 2; Tit 2, 13)

 

L-Ewkaristija u l-Verġni Marija

 

33.          Mir-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u s-Sagramenti wieħed wieħed, u mit-tifsira eskatoloġika tal-Misteri qaddisa toħroġ l-istampa sħiħa ta’ l-eżistenza nisranija, imsejħa biex f’kull waqt tkun qima spiritwali, offerta personali li togħġob ’l Alla. U jekk hu minnu li aħna lkoll għadna fil-mixja lejn it-twettiq sħiħ tat-tama tagħna, dan ma jneħħix il-fatt li minn issa nistgħu nagħrfu b’radd il-ħajr li dak kollu li tana Alla jseħħ b’mod perfett fil-Verġni Marija, Omm Alla u Ommna: it-Tlugħ tagħha fis-sema bil-ġisem u r-ruħ hu għalina sinjal ta’ tama żgura, b’mod li juri lilna, pellegrini fiż-żmien, dak il-għan eskatoloġiku li s-sagrament ta’ l-Ewkaristija jdewwaqna minn issa stess.

 

F’Marija Santissima naraw ukoll imwettaq perfettament il-mod sagramentali li bih Alla jiltaqa’ mal-bniedem u jdaħħlu fl-inizjattiva tiegħu ta’ salvazzjoni. Mit-tħabbira sa Għid il-Ħamsin, Marija ta’ Nazaret tidher bħala l-persuna li l-libertà tagħha hi għal kollox imħejjija għar-rieda ta’ Alla. It-tnissil tagħha bla tebgħa jidher sewwasew fl-ubbidjenza bla ebda kundizzjoni quddiem il-Kelma ta’ Alla. Il-fidi ubbidjenti  hija l-forma li ħajjitha ħadet quddiem l-għemil ta’ Alla. Hija Verġni attenta biex tisma’, għexet fi qbil sħiħ mar-rieda ta’ Alla; tgħożż f’qalbha l-kliem li jwasslilha Alla u, waqt li tgħaqqadhom qisu f’mużajk, titgħallem tifhimhom aktar fil-fond (ara Lq 2, 19.51). Marija hija Dik li emmnet bil-kbir, u mimlija fiduċja, rħiet ruħha f’idejn Alla, mogħtija għar-rieda tiegħu.102 Dan il-misteru jsir iktar qawwi sa ma jasal li jdaħħalha totalment fil-missjoni feddejja ta’ Ġesù. Bħalma stqarr il-Konċilju Vatikan II, “il-Verġni mbierka għaddiet ’il quddiem fil-pellegrinaġġ tal-fidi u żammet bil-fedeltà l-għaqda tagħha ma’ Binha sas-salib, fejn, mhux mingħajr il-pjan ta’ Alla, hija baqgħet wieqfa (ara Ġw 19,25) tbati bil-bosta ma’ l-Iben waħdieni tagħha waqt li b’qalb ta’ omm ingħaqdet minn rajha mas-sagrifiċċju tiegħu, qablet b’fehma kollha mħabba għall-qatla tal-vittma mwielda minnha; u fl-aħħar minn Ġesù nnifsu waqt li kien imut fuq is-salib hija ngħatat bħala omm lid-dixxiplu b’dawn il-kelmiet: “Mara, hawn hu Ibnek.”103 Mit-tħabbira sa fuq is-salib, Marija hija dik li laqgħet il-Kelma li saret bniedem fiha u waslet sakemm ġiet imsikkta fil-mewt. Fl-aħħar, hi kienet li laqgħet f’dirgħajha l-ġisem, issa bla ħajja, li kienet tat lil Dak li lil tiegħu tassew ħabbhom “għall-aħħar.” (Ġw 13,1).

 

Għalhekk, kull darba li fil-Liturġija ewkaristika aħna nersqu għall-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, aħna nduru wkoll lejn Dik li, bil-fedeltà sħiħa tagħha, laqgħet għall-Knisja kollha s-sagrifiċċju ta’ Kristu. Bir-raġun kollu l-Missirijiet Sinodali stqarrew li “Marija inawgurat is-sehem tal-Knisja fis-sagrifiċċju tal-Feddej.”104 Hi l-Immakulata li laqgħet bla ebda kundizzjoni d-don ta’ Alla, u, b’dan il-mod, issieħbet fl-opra tas-salvazzjoni. Marija ta’ Nazaret, xbieha tal-Knisja kif twieldet, hija l-mudell ta’ kif kull wieħed minna huwa msejjaħ biex jilqa’ d-don li Ġesù jagħmel tiegħu nnifsu fl-Ewkaristija.

 

It-Tieni Taqsima

 

L-Ewkaristija, misteru li għandna niċċelebraw

 

“Tassew, tassew ngħidilkom, mhux Mosé takom il-ħobz mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema.” (Ġw 6, 32)

 

Lex orandi u lex credendi (Il-liġi tat-talb u l-liġi tat-twemmin)

 

34.          Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet ħaseb ħafna fuq ir-relazzjoni essenzjali bejn fidi ewkaristika u ċelebrazzjoni ewkaristika, billi wera biċ-ċar ir-rabta bejn il-lex orandi u l-lex credendi; u insista fuq il-post ewlieni ta’ l-azzjoni liturġika. Huwa meħtieġ li ngħixu l-Ewkaristija bħala misteru tal-fidi ċelebrat b’mod awtentiku, b’konvinzjoni ċara li “l-intellectus fidei huwa dejjem sa mill-bidu f’relazzjoni ma’ l-azzjoni liturġika tal-Knisja.”105 F’dan il-qasam, ir-riflessjoni teoloġika qatt ma tista’ tinqata’ mill-ordni sagramentali mwaqqaf minn Kristu nnifsu. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni liturġika qatt ma tista’ tkun meqjusa b’mod ġeneriku, billi wieħed iħalli barra l-misteru tal-fidi. L-għajn tal-fidi tagħna u tal-liturġija ewkaristika hija fil-fatt l-istess ġrajja: id-don li Kristu għamel tiegħu nnifsu fil-misteru ta’ l-Għid.

 

Sbuħija u liturġija

 

35.          Ir-relazzjoni bejn il-misteru li nemmnu u li niċċelebraw jidher b’mod partikulari fil-valur teoloġiku u liturġiku tas-sbuħija. Fil-fatt, il-liturġija, bħall-bqija tar-Rivelazzjoni nisranija, għandha rabta essenzjali mas-sbuħija: hija l-ġmiel tal-verità. Fil-liturġija jiddi l-Misteru ta’ l-Għid li bih Kristu nnifsu jiġbidna lejh u jsejħilna għall-għaqda. F’Ġesù, kif kien jgħid San Bonaventura, nikkontemplaw is-sbuħija u d-dija fil-għajn tagħha.106 Dan id-don li għalih qegħdin nagħmlu referenza mhux sempliċement ix-xjenza tas-sabiħ, imma mod li bih il-verità ta’ l-imħabba ta’ Alla fi Kristu tilħaqna, issaħħarna u tgħaxxaqna, billi ġġegħelna noħorġu minna nfusna u tiġbidna lejn il-vera vokazzjoni tagħna: l-imħabba.107 Tassew fil-ħolqien Alla jħallina nilmħuh fis-sbuħija u fl-armonija ta’ l-univers (ara Għerf 13, 5; Rum 1, 19-20). Imbagħad fit-Testment il-Qadim insibu ħafna sinjali tal-kobor tal-qawwa ta’ Alla, li turi ruħha fil-glorja tagħha permezz tal-għeġubijet li saru f’nofs il-poplu magħżul (ara Eż 14; 16, 10; 24, 12-18; Num 14, 20-23). Fit-Testment il-Ġdid din id-dehra ta’ sbuħija sseħħ b’mod deċiżiv fir-rivelazzjoni ta’ Alla f’Ġesù Kristu;108 Huwa l-wirja sħiħa tal-glorja ta’ Alla. Fil-glorifikazzjoni ta’ l-Iben tiddi u titwassal fostna l-glorja tal-Missier (ara Ġw 1, 14; 8, 54; 12, 28; 17, 1). B’danakollu, din is-sbuħija mhix sempliċi armonija ta’ xbihat; “l-isbaħ fost ulied il-bnedmin” (Salm 45, 3) huwa wkoll b’mod misterjuż dak li “ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh” (Is 53, 2). Ġesù Kristu jurina kif il-verità ta’ l-imħabba tista’ tbiddel ukoll il-misteru mdallam tal-mewt fid-dawl jiddi tal-qawmien. F’dan id-dija tal-glorja ta’ Alla tisboq kull sbuħija ta’ din id-dinja. Is-sbuħija tassew hija l-imħabba ta’ Alla li b’mod deċiżiv uriena lilu nnifsu fil-misteru ta’ l-Għid.

 

Is-sbuħija tal-liturġija hija parti minn dan il-misteru; hija dehra l-aktar għolja ta’ Alla u, f’ċertu sens, tifforma titwila tas-sema lejn l-art. It-tifkira tas-sagrifiċċju tal-fidwa ddewwaqna xi ħaġa minn dik is-sbuħija ta’ Ġesù li tawna xhieda tagħha Pietru, Ġakbu u Ġwanni meta l-Imgħallem, fit-triq lejn Ġerusalemm, ried jitbiddel quddiemhom (ara Mk 9, 2). Għalhekk, is-sbuħija mhix element ta’ tiżjin fl-azzjoni liturġika; hija aktar element essenzjali; bħala attribut sinjal ta’ Alla nnifsu u tar-rivelazzjoni tiegħu. Dawn ir-riflessjonijiet għandhom iġegħluna nagħrfu dik l-attenzjoni li neħtieġu biex l-azzjoni liturġika tiddi skond in-natura proprja tagħha.

 

Iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika ħidma ta’ “Christus totus” (Kristu sħiħ)

 

Christus totus in capite et in corpore (Kristu sħiħ fir-ras u fil-ġisem)

 

36.          Is-sbuħija essenzjali tal-liturġija għandha bħala suġġett proprju lil Kristu mqajjem mill-mewt u glorifikat fl-Ispirtu s-Santu, li jdaħħal miegħu l-Knisja fil-ħidma tiegħu.109 F’din il-viżjoni jfisser ħafna għalina li niftakru fi kliem Santu Wistin li b’mod li jolqotna jurina din il-qawwa tal-fidi proprju fl-Ewkaristija. Il-Qaddis kbir ta’ Ippona, meta proprju jagħmel referenza għall-Misteru Ewkaristiku, ifisser b’mod li jispikka kif Kristu iwaħħadna miegħu: “Dak il-ħobż li intom taraw fuq l-altar imqaddes bil-kelma ta’ Alla, huwa l-ġisem ta’ Kristu. Il-kalċi, jew aħjar dak li hemm fil-kalċi, imqaddes bil-kelma ta’Alla, huwa demm Kristu. B’dawn is-sinjali Kristu l-Mulej ried jafdalna l-ġisem u d-demm tiegħu, li Hu xerred għalina għall-maħfra tad-dnubiet. Jekk intom irċevejtuhom sewwa, intom stess sirtu dak li rċevejtu.”110 Għalhekk aħna “mhux biss sirna nsara, iżda sirna Kristu nnifsu.”111 B’hekk nistgħu nikkontemplaw l-azzjoni misterjuża ta’ Alla li ġġib l-għaqda profonda bejnna u l-Mulej Ġesù: “Tabilħaqq, wieħed m’għandux jemmen li Kristu huwa fir-ras mingħajr ma jkun fil-ġisem, iżda Hu kollu sħiħ fir-ras u fil-ġisem.”112

 

L-Ewkaristija u Kristu mqajjem mill-imwiet

 

37.          Billi l-liturġija ewkaristika hi essenzjalment actio Dei (azzjoni ta’ Alla) li tgħaqqadna fi Kristu permezz ta’ l-Ispirtu, il-pedament tagħha mhux f’idejna biex nagħmlu bih li rridu u lanqas m’għandu jkun mhedded mill-modi (gosti) tal-mument. Hawnhekk ukoll tiswa l-istqarrija ta’ San Pawl li ma tistax tkun miċħuda: “Pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu” (1 Kor 3, 11). Għal darba oħra l-Appostlu tal-ġnus jaċċertana li, b’referenza għall-Ewkaristija, hu mhux jagħtina xi tagħlim personali, imma dak li hu nnifsu rċieva (ara 1 Kor 11, 23). Iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija torbot fil-fatt mat-Tradizzjoni ħajja. Il-Knisja tiċċelebra s-Sagrifiċċju ewkaristiku b’ubbidjenza għall-kmand ta’ Kristu, msejsa fuq l-esperjenza ta’ Kristu Rxoxt u t-tiswib ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għal din ir-raġuni, il-komunità nisranija sa mill-bidu, tinġabar għall-fractio panis (għall-qsim tal-ħobż f’Jum il-Mulej). Il-Ħadd, il-jum li fih Kristu qam mill-imwiet, huwa wkoll l-ewwel jum tal-ġimgħa, dak li fih it-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim rat il-bidu tal-ħolqien. Issa jum il-ħolqien sar jum “il-ħolqien il-ġdid”, jum il-ħelsien tagħna li fih infakkru ’l Kristu li miet u rxoxta.113

 

Ars celebrandi (l-arti taċ-ċelebrazzjoni)

 

38.          Fil-kors tas-Sinodu kien hemm insistenza mtennija fuq il-ħtieġa li nwarrbu kull firda bejn l-ars celebrandi, jiġifieri l-arti li wieħed jiċċelebra sewwa, u l-parteċipazzjoni sħiħa, attiva u ta’ ġid għall-insara kollha. Verament, l-ewwel mod li bih wieħed iqanqal għall-parteċipazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fil-funzjoni mqaddsa huwa ċ-ċelebrazzjoni xierqa ta’ l-istess funzjoni.  L-ars celebrandi hija l-aħjar kundizzjoni għall-actuosa participatio.114 L-ars celebrandi toħroġ mill-ubbidjenza fidila għar-regoli tal-liturġija fir-rikkezza kollha tagħhom, għaliex huwa proprju dan il-mod ta’ ċelebrazzjoni li aċċertana għall-elfejn sena mill-ħajja tal-fidi ta’ dawk kollha li jemmnu, imsejħin biex jgħixu ċ-ċelebrazzjoni bħala Poplu ta’ Alla, saċerdozju rjali nazzjon qaddis (ara 1 Pt 2, 4-5.9).115

 

L-Isqof, iċ-ċelebrant per eċċellenza

 

39.          Billi hu veru li l-Poplu kollu ta’ Alla jieħu sehem fil-Liturġija ewkaristika, b’danakollu f’relazzjoni ma’ l-ars celebrandi magħmula sewwa, dawk li rċevew is-sagrament ta’ l-Ordni għandhom responsabbiltà li hi tagħhom. Isqfijiet, saċerdoti u djakni, kull wieħed skond il-grad tiegħu, għandu jqis iċ-ċelebrazzjoni bħala d-dmir ewlieni tiegħu.116 Qabel kulħadd l-Isqof djoċesan: hu tabilħaqq “il-gwida, l-organizzatur u dak li jħares il-ħajja liturġika kollha, bħala l-ewwel wieħed li jqassam il-misteri ta’ Alla fil-Knisja partikulari afdata lilu.117 Dan kollu huwa essenzjali għall-ħajja tal-Knisja partikulari mhux biss għaliex l-għaqda ma’ l-Isqof hi l-kundizzjoni biex kull ċelebrazzjoni fit-territorju tiegħu tkun skond il-liġi, iżda wkoll għaliex huwa nnifsu hu ċ-ċelebrant per eċċellenza fid-djoċesi tiegħu.118 Għalhekk “l-Isqof għandu jkun determinat li jara li s-saċerdoti, id-djakni u l-insara jifhmu it-tifsira awtentika taċ-ċerimonji u t-testi liturġiċi u hekk jitwasslu għal ċelebrazzjoni ewkaristika attiva u ta’ ġid.”119 B’mod partikulari, nħeġġiġkom biex tagħmlu kull ma hu meħtieġ biex iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi mmexxija mill-Isqof fil-Knisja katidrali jsiru b’rispett sħiħ lejn l-ars celebrandi, b’mod li jkunu stmati bħala mudell għall-knejjes kollha mxerdin fit-territorju.120

 

Ir-Rispett lejn il-kotba liturġiċi u r-rikkezza tas-sinjali

 

40.          Meta ninsistu fuq l-importanza ta’ l-ars celebrandi, naslu wkoll biex napprezzaw il-valur tar-regoli liturġiċi.121 L-ars celebrandi għandha tgħolli s-sens ta’ dak li hu sagru u l-użu ta’ dawk is-sinjali esterni li jkabbru dan is-sens, bħal, per eżempju, l-armonija tar-rit, ta’ l-ilbies liturġiku, tat-tagħmir u tal-post sagru. Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tisbieħ fejn is-saċerdoti u n-nies responsabbli mill-pastorali liturġika jimpenjaw ruħhom biex l-insara jsiru jafu l-kotba liturġiċi li qegħdin jintużaw u r-regoli relattivi, billi juru r-rikkezzi kbar ta’ l-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman u l-Ordni tal-Qari fil-Quddiesa. Jista’ jkun li aħna naħsbu li l-komunitajiet ekkleżjali jafu u japprezzaw sewwa dawn l-affarijiet, iżda sikwit ma jkunx hekk. Fir-realtà, hemm testi li fihom jinsabu rikkezzi li jħarsu u jfissru l-fidi u l-mixja tal-poplu ta’ Alla ma’ tul elfejn sena ta’ l-istorja. Hekk ukoll għall-ars celebrandi magħmula sewwa hi importanti l-attenzjoni lejn il-forom kollha ta’ lingwaġġ użati mil-liturġija: kliem u kant, ġesti u skiet, moviment, kuluri liturġiċi ta’ l-ilbies. Fil-fatt, il-liturġija min-natura tagħha għandha varjetà ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni li jħalluha tfittex l-impenn sħiħ tal-bniedem kollu kemm hu. Is-sempliċità tal-ġesti u s-serjetà tas-sinjali magħmulin bl-ordni u fil-waqt magħżul joffru u jimpenjaw aktar miż-żjidiet artifiċjali u barra minn posthom. Waqt li jfissru r-rikonoxximent ta’ l-Ewkaristija bħala don, l-attenzjoni u l-ubbidjenza għall-istruttura proprja tar-rit juru r-rieda tal-ministeru li jilqa’ bi gratitudni umli dan id-don li ħadd ma jista’ jfisser.

 

L-arti għas-servizz taċ-ċelebrazzjoni

 

41.          Ir-rabta qawwija bejn is-sbuħija u l-liturġija għandha ġġegħelna nqisu b’attenzjoni x-xogħlijiet kollha ta’ l-arti mqegħdin għas-servizz taċ-ċelebrazzjoni.122 Ċertament element importanti ta’ l-arti sagra huwa l-arkitettura tal-knejjes,123 li fihom għandha tispikka l-għaqda bejn it-tagħmir proprju tal-presbiterju: altar, kurċifiss, tabernaklu, ambone, sedja. Hawnhekk jeħtieġ li wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-għan ta’ l-arkitettura sagra hu li toffri lill-Knisja li tiċċelebra l-misteri tal-fidi, b’mod speċjali l-Ewkaristija, spazju li jaqbel maċ-ċelebrazzjoni xierqa ta’ l-azzjoni liturġika tagħha.124 Fil-fatt, in-natura tat-tempju nisrani hi meqjusa mill-istess azzjoni liturġika, li tfisser li l-insara jinġabru f’ġemgħa (ecclesia); huma l-ġebel ħaj tat-tempju. (ara 1 Pt 2,5)

 

L-istess prinċipju jiswa għall-arti sagra kollha in ġenerali, l-aktar il-pittura u l-iskultura li fihom l-ikonografija reliġjuża (studju tax-xbihat) għandha tħares lejn il-mistagoġija sagramentali (dħul fil-misteru ta’ Kristu permezz tas-sagramenti). Tagħrif aktar studjat tal-forom li l-arti sagra tgħallmet toħloq matul is-sekli jista’ jkun ta’ għajnuna kbira lil dawk li quddiem arkitetti u artisti għandhom ir-responsabbilta’ li jordnaw opri artistiċi marbutin ma’ l-azzjoni liturġika. Għalhekk huwa essenzjali li fil-formazzjoni tas-seminaristi u tas-saċerdoti tiddaħħal l-istorja ta’ l-arti bħala studju importanti, b’referenza speċjali għall-bini ta’ qima fid-dawl tar-regoli liturġiċi. Tassew, jeħtieġ li f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ l-Ewkaristija għandu jkun hemm il-gost tas-sbuħija. Għandu jkun hemm ukoll rispett u attenzjoni għall-ilbies, it-tagħmir, ir-reċipjenti sagri, sabiex, magħqudin b’mod sistematiku u ordinat bejniethom, ikabbru l-istagħġib ġej mill-qima għall-misteri ta’ Alla, juru l-għaqda tal-fidi u jsaħħu d-devozzjoni.125

 

Il-Kant liturġiku

 

42.          Fl-ars celebrandi għandu post importanti il-kant liturġiku.126 F’waħda mill-priedki famużi tiegħu, Santu Wistin jistqarr bir-raġun : “Il-bniedem ġdid jgħanni għanja ġdida. Il-kant huwa sfog ta’ ferħ, u jekk naħsbu f’dan bi ftit iktar attenzjoni, huwa sfog ta’ mħabba.”127 Il-poplu ta’ Alla miġbur għaċ-ċelebrazzjoni jgħanni tifħir il-Mulej. Il-Knisja fl-elfejn sena ta’ l-istorja tagħha, ħolqot, u għadha toħloq mużika u innijiet li jifformaw patrimonju ta’ fidi u ta’ mħabba li ma għandux jintilef. Tassew, fil-liturġija ma nistgħux ngħidu li l-innijiet huma tajbin xorta waħda. Minħabba dan, ta’ min iwarrab il-mużika bi spirtu pront jew id-dħul ta’ forom mużikali li ma jirrispettax is-sens tal-liturġija. Bħala element liturġiku, il-kant għandu jkun magħqud ħaġa waħda mal-forma proprja taċ-ċelebrazzjoni.128 Għalhekk kollox - fit-test, fil-melodija, fl-esekuzzjoni - għandu jaqbel mas-sens tal-misteru ċelebrat, ma’ l-istruttura tar-rit u maż-żmien liturġiku.129 Fl-aħħar, waqt li nagħtu kas tad-diversi xejriet ta’ mużika u tat-tradizzjonijiet differenti ta’ min ifaħħarhom ħafna, nixtieq, kif talbu l-Missirijiet Sinodali, li jingħata valur xieraq lill-kant gregorjan,130 billi huwa l-kant proprju tal-liturġija rumana.131

 

L-istruttura taċ-ċelebrazzjoni ewkaristika

 

43.          Wara li semmejna l-elementi importanti ta’ l-ars celebrandi li ħarġu matul is-sinodu, nixtieq niġbed l-attenzjoni b’mod partikulari fuq xi taqsimiet ta’ l-istruttura taċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, li fi żmienna jeħtieġu ħrara partikulari, biex nibqgħu fidili għall-intenzjoni fundamentali tat-tiġdid liturġiku mitlub mill-Konċilju Vatikan II, biex inkomplu mat-tradizzjoni kbira ekkleżjali kollha kemm hi.

 

L-għaqda essenzjali ta’ l-azzjoni liturġika

 

44.          L-ewwelnett huwa meħtieġ li nirriflettu fuq l-għaqda essenzjali tar-rit tal-Quddiesa. Jeħtieġ li sew fit-tagħlim sew fil-mod taċ-ċelebrazzjoni nevitaw li nagħtu l-impressjoni li ż-żewġ taqsimiet tar-rit huma biss waħda ħdejn l-oħra. Barra mir-riti ta’ dħul u għeluq, il-liturġija tal-Kelma u l-liturġija ewkaristika “huma hekk magħqudin flimkien bejniethom li jifformaw att waħdieni ta’ qima.”132 Fil-fatt hemm rabta essenzjali bejn il-kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija. Bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla titwieled u tissaħħaħ il-fidi (ara Rum 10,17); fl-Ewkaristija il-Kelma li saret bniedem tingħata lilna bħala ikel spiritwali.133 Hekk “miż-żewġ imwejjed tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu l-Knisja tirċievi u toffri l-Ħobż tal-ħajja lill-insara.134 Għal din ir-raġuni, wieħed għandu jżomm quddiemu bla waqfien li l-Kelma ta’ Alla, li tinqara u titħabbar  mill-Knisja fil-liturġija, twassal għall-Ewkaristija bħala l-għan marbut man-natura tagħha (tal-Kelma).

 

Il-Liturġija tal-kelma

 

45.          Flimkien mas-Sinodu, jiena nitlob li l-liturġija tal-Kelma tkun dejjem imħejjija sewwa u ċelebrata. Għalhekk nirrikkmanda bil-ħeġġa kollha li fil-liturġija tingħata attenzjoni kbira għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla min-naħa ta’ letturi mħejjija sewwa. Ma ninsew qatt li “meta fil-Knisja tinqara l-Iskrittura Mqaddsa, Alla nnifsu jkellem lill-poplu tiegħu u Kristu, preżenti fil-Kelma tiegħu, ixandar l-Evanġelju.”135 Jekk iċ-ċirkustanzi juru l-waqt, ta’ min jaħseb għal ftit kliem ta’ introduzzjoni li jistgħu jgħinu lill-insara biex iġeddu l-attenzjoni. Il-Kelma ta’ Alla, biex tiftiehem sewwa għandha tiġi mismugħa u milqugħa bi spirtu ta’ għaqda mal-Knisja u b’ tagħrif sħiħ ta’ l-għaqda tagħha mas-Sagrament ewkarisitku. Fil-fatt, il-Kelma li nxandru u nisimgħu hija l-Verb magħmul bniedem (ara Ġw 1, 14) u għandha referenza essenzjali għall-persuna ta’ Kristu u għall-għamla sagramentali tal-preżenza kontinwa tagħha. Kristu ma jitkellimx fl-imgħoddi iżda fi żmienna, bħalma Hu preżenti fl-azzjoni liturġika. F’din il-viżjoni sagramentali tar-rivelazzjoni nisranija,136 it-tagħrif u l-istudju tal-Kelma ta’ Alla jgħinuna napprezzaw, niċċelebraw u ngħixu aħjar l-Ewkaristija. Hawn ukoll nistgħu naraw kemm hu minnu li “l-injoranza dwar l-Iskrittura Mqaddsa hija injoranza dwar Kristu.”137 Għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-insara jkunu megħjuna biex japprezzaw it-teżori ta’ l-Iskrittura Mqaddsa li hemm fil-lezzjonarju permezz ta’ inizjattivi pastorali; ċelebrazzjonijiet tal-Kelma ta’ Alla u qari bi spirtu ta’ talb (lectio divina). Barra dan, mhux ta’ min jinsa jħeġġeġ dawk il-forom ta’ talb ikkonfermati mit-tradizzjoni: il-Liturġija tas-Sigħat, l-aktar it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum, l-Għasar, it-Talba ta’ Għeluq il-jum, kif ukoll il-velji. It-talb tas-Salmi, il-qari bibliku u dawk is-siltiet meħuda mit-tradizzjoni għanja u ppreżentati fl-Uffiċċju divin jistgħu jwasslu għal esperjenza iktar bażika tal-ġrajja ta’ Kristu u ta’ l-ekonomija tas-salvazzjoni, li min-naħa tagħha tista’ tagħni l-għarfien u s-sehem tagħna fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.138

 

L-Omelija

 

46.          F’relazzjoni ma’ l-importanza tal-Kelma ta’ Alla tidħol il-ħtieġa li ntejbu l-kwalità ta’ l-omelija. Din fil-fatt “hi parti mill-azzjoni liturġika”,139 għandha tiswa biex tqajjem għarfien u siwi aktar sħaħ tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja ta’ l-insara. Għalhekk il-ministri ordnati għandhom “iħejju b’attenzjoni l-omelija, billi jistrieħu fuq it-tagħlim bilanċjat mill-Iskrittura Mqaddsa.” 140 Omeliji b’suġġetti ġenerali jew astratti, għandhom ikunu evitati. B’mod speċjali, nitlob lill-ministri li jippridkaw b’mod li l-omelija tqiegħed il-Kelma ta’ Alla mxandra f’relazzjoni mill-qrib maċ-ċelebrazzjoni sagramentali141 u mal-ħajja tal-komunità, b’mod li l-Kelma ta’ Alla twieżen u tgħajjex il-ħajja tal-Knisja.142 Għalhekk inżommu quddiemna l-għan ta’ katekeżi u inkoraġġiment fl-omelija. Huwa f’waqtu li waqt li nibdew mil-lezzjonarju ta’ tliet snin, bil-għaqal kollu noffru lill-insara omeliji marbutin ma’ suġġetti li, matul is-sena liturġika, ikunu fuq l-argumenti kbar tal-fidi nisranija, billi jieħdu minn dak li offriet l-awtorità tal-Maġisterju fl-erba’ “pilastri” tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u fil-Kompendju li ħareġ dan l-aħħar l-istqarrija tal-fidi, iċ-ċelebrazzjoni tal-misteru nisrani, il-ħajja ta’ Kristu, it-talb nisrani.143

 

Il-preżentazzjoni ta’ l-offerti

 

47.          Il-Missirijiet Sinodali ġibdu wkoll l-attenzjoni lejn il-preżentazzjoni ta’ l-offerti. Dan mhux sempliċement xi għamla ta’ “intervall” bejn il-Liturġija tal-Kelma u dik Ewkaristika. Jekk wieħed iħares lejh biss bħala intervall, dan iwassal biex idgħajjef is-sens ta’ rit wieħed magħmul minn żewġ taqsmiet marbutin ma’ xulxin. F’dan il-ġest umli u sempliċi tidher tassew tifsira kbira ħafna; fil-ħobż u l-inbid li nieħdu lejn l-altar il-ħolqien kollu huwa merfugħ minn Kristu l-Feddej biex ikun mibdul u ppreżentat lill-Missier.144 B’dan il-mod, inressqu wkoll lejn l-altar it-tbatija kollha u l-uġigħ tad-dinja, żguri li kollox hu ta’ valur fl-għajnejn ta’ Alla. Dan il-ġest, biex ngħixuh skond it-tifsira awtentika ma jeħtieġx li jispikka b’xi żjidiet barra minn posthom. Hu jippermetti li nagħtu valur lis-sehem ewlieni li Alla jitlob mill-bniedem biex iwassal għat-twettiq tal-ħidma divina fih, u b’dan il-mod jagħti tifsira sħiħa ta’ xogħol il-bniedem, li permezz taċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika jingħaqad mas-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu.

 

It-Talba Ewkaristika

 

48.          It-talba ewkaristika hija “il-mument ċentrali u l-qofol taċ-ċelebrazzjoni kollha kemm hi.”145 L-importanza tagħha jistħoqqilha tingħata enfasi xierqa biżżejjed. It-talbiet ewkaristiċi differenti li jinsabu fil-Missal waslu sa għandna mit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja u jingħarfu għar-rikkezza teoloġika u spiritwali li ma tintemm qatt. L-insara għandhom bżonn jitwasslu biex japprezzaw dik ir-rikkezza. F’dan, l-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman tgħinna billi tfakkarna fl-elementi ewlenin ta’ kull talba ewkaristika: radd il-ħajr, akklamazzjoni, l-epiklesi (sejħa biex il-Missier jibgħat l-Ispirtu s-Santu), ir-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, il-konsagrazzjoni, l-anamnesi (it-tifkira), l-offerta, l-interċessjonijiet, u d-dossoloġja (tifħir li jagħlaq it-talba).146 B’mod partikulari, l-ispiritwalità ewkaristika u r-riflessjoni teoloġika jiddawlu jekk wieħed jikkontempla l-għaqda profonda fl-anafora (Talba ewkaristika) bejn is-sejħa għall-Ispirtu s-Santu u r-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija,147 li fiha (fl-anafora) “jitwettaq is-sagrifiċċju li Kristu waqqaf fl-Aħħar Ikla.”148 Fil-fatt, “il-Knisja titlob ħerqana b’sejħat speċjali l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, biex id-doni li offrew il-bnedmin ikunu kkonsagrati, jiġifieri jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u biex il-vittma bla tebgħa, milqugħa fit-Tqarbin, tiswa għas-salvazzjoni ta’ dawk li jieħdu sehem minnha.149

 

L-Għoti tal-paċi lil xulxin

 

49.          Min-natura tagħha l-Ewkaristija hija Sagrament tal-paċi. Din id-dimensjoni tal-Misteru ewkaristiku ssib fiċ-Ċelebrazzjoni liturġika turija speċjali fir-rit tal-paċi lil xulxin. Bla dubju qegħdin nagħmlu sinjal ta’ valur kbir. (ara Ġw 14, 27) Fi żmienna, imtaqqal b’mod tal-biża’ bit-tilwim, dan il-ġest, anke skond is-sensibbiltà komuni, jispikka b’mod partikulari billi l-Knisja saret dejjem aktar konxja tar-responsabbiltà proprja tagħha li titlob mingħand il-Mulej id-don tal-paċi u ta’ l-għaqda għaliha nfisha u għall-familja kollha tal-bnedmin. Il-paċi hi tassew it-tnehida li ma tistax tkun fgata, u tinsab fil-qalb ta’ kull bniedem. Il-Knisja hija l-leħen li jitlob il-paċi u r-rikonċiljazzjoni li toħroġ mill-ispirtu ta’ kull persuna ta’ rieda tajba, u tindirizzaha lil Dak li hu “il-paċi tagħna.” (Ef 2, 14) u li jista’ jġib il-paċi bejn popli u persuni, ukoll fejn ifallu l-isforzi tal-bnedmin. Minn dan kollu nifhmu l-qawwa li biha r-rit tal-paċi spiss jinħass fiċ-ċelebrazzjoni liturġika. B’danakollu, matul is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet dehret għal dan l-iskop l-okkażjoni li dan il-ġest ikun iktar moderat, għaliex jista’ jieħu dehriet mhux meqjusa, u jqajmu ċertu taħwid fost il-ġemgħa proprju qabel it-Tqarbin. Ta’ min jiftakar li ma tnaqqas xejn mill-valur għoli tal-ġest is-serjetà meħtieġa biex tinżamm dehra xierqa fiċ-ċelebrazzjoni, per eżempju billi wieħed jillimita l-għoti tal-paċi għal dawk l-iżjed qrib.150

 

It-Tqarbin u kif nirċevuh

 

50.          Mument ieħor taċ-ċelebrazzjoni li jeħtieġ insemmu huwa t-tqarbin u kif nirċievu l-Ewkaristija. Nitlob lil kulħadd, b’mod partikulari lill-ministri ordnati u lil dawk li, mħejjija kif jixraq, f’każ ta’ ħtieġa reali, ikunu awtoriżżati għall-ministerju tat-Tqarbin, jagħmlu kull ma jistgħu biex dan il-ġest fis-sempliċita’ tiegħu jaqbel mal-valur tal-laqgħa personali mal-Mulej Ġesù fis-Sagrament. Għal dak li għandu x’jaqsam mar-regoli għall-prattika sewwa tat-Tqarbin nirreferi għad-dokumenti li ħarġu dan l-aħħar.151 Il-komunitajiet insara kollha għandhom iżommu bil-fedeltà mar-regoli eżistenti, waqt li jaraw fihom prova ta’ fidi u ta’ mħabba li aħna lkoll għandu jkollna quddiem dan is-Sagrament hekk kbir. Barra dan, iż-żmien prezzjuż ta’ radd il-ħajr wara t-tqarbin ma għandux jisfa fix-xejn: barra mill-kant ta’ innu li jaqbel, jista’ jkun ta’ siwi kbir li wieħed joqgħod miġbur fis-skiet.152

 

Għal dan il-għan, nixtieq niġbed l-attenzjoni għal problema pastorali li sikwit niltaqgħu miegħu fi żmienna. Nirreferi għall-fatt li f’xi ċirkustanzi, bħal per eżempju fil-Quddiesa ċċelebrata fl-okkażjoni ta’ tiġijiet, funerali jew avvenimenti bħalhom, minbarra l-insara prattikanti, ikun hemm ukoll oħrajn li ilhom is-snin ma jersqu lejn l-altar, jew forsi jinsabu f’qagħda ta’ ħajja li ma tħallihomx jersqu għas-Sagramenti. Drabi oħra, jiġri li jkun hemm nies ta’ reliġjonijiet kristjani oħra jew saħansitra ta’ reliġjonijiet oħra. Ċirkustanzi bħal dawn iseħħu wkoll fi knejjes li huma mfittxija mit-turisti, l-aktar fl-ibliet il-kbar ta’ l-arti. Wieħed jifhem il-ħtieġa li jinstabu modi fil-qosor u ċari biex kulħadd jiftakar xi tfisser it-tqarbina sagramentali u l-kundizzjonijiet biex wieħed jirċeviha. Fejn ikun hemm ċirkustanzi li fihom ma jkunx possibli tiżgura t-tifsira ċara dovuta dwar l-Ewkaristija, wieħed għandu jqis iċ-ċans li jibdel iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ma’ ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla.153

 

“Ite, missa est”, l-aħħar tislima

 

51.          Fl-aħħar, nixtieq ngħid kelma fuq dak li qalu l-Missirijiet Sinodali dwar it-tislima qabel joħorġu n-nies fi tmiem iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika. Wara l-barka, id-djaknu jew is-saċerdot jibgħat il-poplu bil-kelmiet: “Ite, missa est” (Morru fil-paċi ta’ Kristu). F’din it-tislima, jgħinuna nifhmu r-relazzjoni bejn il-Quddiesa ċelebrata u l-missjoni nisranija fid-dinja. Fil-qedem “missa” kienet tfisser sempliċement “tluq”. B’dan kollu fl-użanza nisranija sabet tifsira dejjem aktar profonda. Fir-realtà, il-kelma “tluq” saret tfisser “missjoni”. Din it-tislima tfisser fil-qosor in-natura missjunarja tal-Knisja. Għalhekk, hija ħaġa tajba li ngħinu l-Poplu ta’ Alla biex jifhem aktar ċar din il-viżjoni essenzjali tal-ħajja tal-Knisja, waqt li jieħdu mil-liturġija l-ħsieb tal-missjoni tagħhom. F’dan il-kwadru jista’ jkun siewi li jitħejjew siltiet (testi) approvati kif għandu jkun, għat-talb fuq il-Poplu u l-barka ta’ l-aħħar biex ifissru ċar din ir-relazzjoni.154

 

Actuosa participatio

 

 Parteċipazzjoni awtentika

 

52.          Il-Konċilju Vatikan II bir-raġun insista b’mod partikulari fuq is-sehem attiv, sħiħ u li jħalli l-frott tal-poplu ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.155 Tabilħaqq permezz tat-tiġdid imwettaq f’dawn is-snin sar progress ta’ min jinnotah fid-direzzjoni mixtieqa mill-Missirijiet konċiljari. B’danakollu ma nistgħux ma nagħtux każ tal-fatt li xi drabi deher nuqqas ta’ ftehim preċizament dwar is-sens ta’ din il-parteċipazzjoni. Jaqbel għalhekk li nagħmluha ċara li b’din il-kelma m’għandniex il-ħsieb nirreferu għal xi attivita’ esterna waqt il-Quddiesa. Fil-fatt, is-sehem attiv mixtieq mill-Konċilju għandna nifhmuh fi kliem li fih tifsira iktar sostanzjali, fuq il-bażi ta’ għarfien ikbar tal-misteru li jkun iċċelebrat u tar-relazzjoni tiegħu mal-ħajja ta’ kull jum. Għadha kollha kemm hi valida r-rakkomandazzjoni tal-Kostituzzjoni konċiljari Sacrosanctum Concilium, li ħeġġet l-insara biex ma jeħdux sehem fil-liturġija ewkaristika “bħala spettaturi barranin u muti,” imma jipparteċipaw “fl-azzjoni qaddisa b’mod konxju, bil-ħerqa u b’sehem attiv.”156 Il-Konċilju kompla jiżvolġi r-riflessjoni: l-insara “iffurmati mill-Kelma ta’ Alla, għandhom jissaħħu mill-mejda ta’ Ġisem il-Mulej; iroddu ħajr ’l Alla; waqt li joffru l-vittma bla tebgħa, mhux biss b’idejn is-saċerdot, iżda flimkien miegħu, jitgħallmu joffru lilhom infushom, u minn jum għall-ieħor, permezz ta’ Kristu medjatur isiru perfetti fl-għaqda ma’ Alla u bejniethom.”157

 

Parteċipazzjoni u ministeru saċerdotali

 

53.          Is-sbuħija u l-armonija ta’ l-azzjoni liturġika jsibu t-twettiq li jfisser ħafna fl-ordni li bih kull wieħed huwa msejjaħ biex jieħu sehem attiv. Dan jitlob rikonoxximent tad-diversi rwoli ġerarċiċi distinti li jieħdu sehem fl-istess ċelebrazzjoni. Jiswa nfakkru li l-parteċipazzjoni attiva fiha mhix minnha nfisha bħat-twettiq ta’ xi ministerju partikulari. Fuq kollox għas-sehem attiv ta’ l-insara ma jkunx ta’ ġid xi taħwid li joħroġ min-nuqqas li wieħed fil-komunità ekkleżjali ma jagħmilx differenza bejn id-diversi dmirijiet ta’ kull wieħed.158 B’mod partikulari, huwa meħtieġ li nkunu ċari dwar id-dmirijiet magħżula għas-saċerdot. Kif tixhed it-tradizzjoni tal-Knisja, hu biss u ħadd iktar, huwa l-president taċ-ċelebrazzjoni ewkaristika kollha, mit-tislima tal-bidu sal-barka ta’ l-aħħar. Bil-qawwa ta’ l-Ordni Sagri li rċieva, hu jidher flok Ġesù Kristu, kap tal-Knisja u, fil-mod tiegħu proprju, jidher ukoll għall-Knisja nfisha.159 Fil-fatt kull ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, hi taħt id-direzzjoni ta’ l-Isqof, jew personalment, jew permezz tas-saċerdoti li jgħinuh.160 Hu megħjun mid-djaknu, li fiċ-ċelebrazzjoni għandu inkarigi partikulari: iħejji l-altar u jagħti servizz lis-saċerdot, ixandar l-Evanġelju, xi drabi jagħmel l-omelija, jaqra t-talbiet tal-komunità, u jqarben lill-fidili.161 F’relazzjoni ma’ dawn il-ministeri, marbutin mas-sagrament ta’ l-Ordni, hemm ukoll ministeri oħra għas-servizz liturġiku mwettqin b’mod ta’ min ifaħħru minn reliġjużi u lajċi mħejjija.162

 

Ċelebrazzjoni ewkaristika u inkulturazzjoni

 

54.          Meta nqisu l-istqarrijiet fundamentali tal-Konċilju Vatikan II, insibu insistenza aktar minn darba fuq l-importanza tas-sehem attiv ta’ l-insara fis-sagrifiċċju ewkaristiku. Biex inħeġġu dan l-impenn jista’ wieħed idaħħal xi elementi xierqa u f’posthom fid-diversi ambjenti u kulturi differenti.163 Il-fatt li kien hemm xi abbużi ma jnaqqasx id-dawl ta’ dan il-prinċipju, li għandu jibqa’ jinżamm skond il-ħtiġiet reali tal-Knisja, li tgħix u tiċċelebra l-istess misteru ta’ Kristu f’ċirkustanzi kulturali differenti. Tassew, il-Mulej Ġesù, propju fil-misteru li fih sar bniedem billi twieled minn mara bħala bniedem perfett (ara Gal 4,4) daħal f’relazzjoni diretta mhux biss ma’ dak kollu li kien mistenni għax imsemmi ma’ tul it-Testment il-Qadim, iżda wkoll ma’ dak li kiber fil-kultura tal-popli kollha. B’dan huwa wera li Alla jaħseb biex jilħaqna fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna. Għalhekk, għal parteċipazzjoni aktar effettiva ta’ l-insara fil-misteri qaddisa jiswa li l-proċess ta’ l-inkulturazzjoni jkompli fil-limiti taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, waqt li nagħtu kas ta’ l-adattamenti possibbli mogħtija mill-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman,164 imfissrin fid-dawl tal-prinċipji stabiliti mir-IV Istruzzjoni tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina tas-Sagramenti Varietates Legitimae (Tibdil skond il-Liġi) tal-25 ta’ Jannar 1994165, u d-direttivi msemmijin mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjonijiet ta’ wara s-Sinodi Ecclesia in Africa, Ecclesia in America, Ecclesia in Asia, Ecclesia in Oceania u Ecclesia in Europa.166 Għal dan il-għan jiena inħeġġeġ lill-konferenzi episkopali jieħdu azzjoni biex iżommu bilanċ ġust bejn prinċipji u direttivi li ġa’ ħarġu u adattamenti ġodda,167 dejjem fi qbil mas-Sede Appostolika.

 

L-Istat (spirtwali) personali għal “parteċipazzjoni attiva”

 

55.          Meta qiesu s-suġġett ta’ l-actuosa participatio ta’ l-insara il-Missirijiet Sinodali taw importanza wkoll lill-istat personali li fih wieħed għandu jkun għal parteċipazzjoni li tħalli l-frott ġewwa fih.168 Kundizzjoni minn dawn hi ċertament l-ispirtu ta’ konversjoni kontinwa li għandha tidher fil-ħajja tal-fidili kollha, Wieħed ma jistax jistenna sehem attiv fil-liturġija ewkaristika, jekk jersaq lejha bla ħsieb ta’ xejn, mingħajr ma l-ewwel jgħarbel ħajtu. Din it-tħejjija spiritwali tgħaddi ’l quddiem, per eżempju bil-ġabra u s-skiet, għallinqas għal ftit ħin qabel il-bidu tal-liturġija, bis-sawm u, meta jeħtieġ, il-Qrara sagramentali. Qalb fi ħbiberija ma’ Alla twassal għall-parteċipazzjoni vera. B’mod partikulari, jeħtieġ infakkru lill-insara għall-fatt li ma jistax ikollhom ebda actuosa participatio (sehem attiv) jekk wieħed ma jfittixx fl-istess ħin li hu jieħu sehem b’mod attiv fil-ħajja tal-Knisja kollha kemm hi; hawn jidħol ukoll l-impenn missjunarju li wieħed iwassal l-imħabba ta’ Kristu fil-qalba tas-soċjeta’.

 

Bla dubju, is-sehem sħiħ fl-Ewkaristija jintlaħaq meta wieħed jersaq ukoll personalment lejn l-altar biex jirċievi t-tqarbin.169 B’danakollu, ta’ min joqgħod attent biex ma jiġrix li din l-istqarrija ġusta ma ddaħħalx fost il-fidili xi dritt jew forsi wkoll l-obbligu li jersqu lejn il-Mejda ewkaristika minħabba l-fatt waħdu li jkunu fil-Knisja waqt il-liturġija. Is-sehem fil-Quddiesa jibqa’ meħtieġ, siewi,  ifisser ħafna u ta’ ġid, meta wkoll mhux possibli li wieħed jersaq għat-tqarbina sagramentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi hija ħaġa tajba nedukaw ix-xewqa għall-għaqda aktar intima ma’ Kristu permezz tat-tqarbina spiritwali mfaħħra minn Ġwanni Pawlu II170 u rrikkmandata mill-Qaddisin għalliema tal-ħajja spiritwali.171

 

Sehem l-insara mhux kattoliċi

 

56.          Minħabba s-suġġett tal-parteċipazzjoni nsibu ruħna li għandna nitkellmu dwar l-insara li huma ta’ Knejjes jew ta’ Komunitajiet ekkleżjali li mhumiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika. Dwar dan, ta’ min jgħid li r-rabta essenzjali li hemm bejn l-Ewkaristija u l-għaqda tal-Knisja, minn naħa waħda ġġegħelna nixtiequ b’qalbna kollha l-jum li fih inkunu nistgħu niċċelebraw flimkien l-Ewkaristija ma’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu u hekk infissru bid-dieher il-milja ta’ l-għaqda li Kristu xtaq għad-dixxipli tiegħu (ara Ġw. 17, 21). Min-naħa l-oħra, ir-rispett li għandu jkollna lejn is-sagrament tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu ma jħalliniex nagħmlu minnu sempliċi “mezz” biex nużawh bla ebda differenza biex naslu għal din il-għaqda.172 Fil-fatt, l-Ewkaristija ma turix biss il-għaqda personali tagħna ma’ Ġesù Kristu, iżda tinvolvi wkoll il-communio (l-għaqda) mal-Knisja. Għalhekk din hi r-raġuni li għaliha b’niket, iżda mhux mingħajr tama, nitolbu lill-insara mhux kattoliċi biex jifhmu u jirrispettaw il-konvinzjoni tagħna li hija msejsa fil-Bibbja u fit-Tradizzjoni. Aħna nżommu li t-Tqarbina ewkaristika u l-għaqda ekkleżjali huma hekk intimament ta’ xulxin li ġeneralment għall-insara mhux kattoliċi jagħmluha impossibbli li wieħed jersaq lejn waħda mingħajr ma jgawdi l-oħra. Tkun ħafna aktar nieqsa mis-sens xi konċelebrazzjoni vera u proprja bejn ministri ta’ Knejjes jew Komunitajiet ekkleżjali li ma jkunux f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika. Iżda jibqa’ veru li, minħabba s-salvazzjoni ta’ dejjem, hemm il-possibiltà li naċċettaw kristjani individwali mhux kattoliċi għall-Ewkaristija, għas-sagrament tal-Qrar u għad-Dilka tal-morda. Iżda dan jitlob li jitwettqu ċirkustanzi magħżula u eċċezzjonali b’kundizzjonijiet preċiżi u limitati.173 Dawn huma msemmija b’mod ċar fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika174 u fil-Kompendju tiegħu.175 Huwa dmir ta’ kull wieħed li joqgħod għal dawn ir-regoli bil-fedeltà.

 

Parteċipazzjoni permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni

 

57.          Minħabba l-progress qawwi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, fl-aħħar għaxriet ta’ snin il-kelma “parteċipazzjoni” ħadet tifsira aktar wiesgħa milli kellha fl-imgħoddi. Nagħarfu b’sodisfazzjon li dawn l-istrumenti joffru possibiltajiet ġodda anke b’referenza għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.176 Dan jitlob mill-operaturi pastorali tas-settur tħejjija speċjali u sens qawwi ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, il-Quddiesa mxandra fuq it-televiżjoni bilfors tieħu ċerta sura ta’ eżempju. Għalhekk wieħed għandu jagħmel attenzjoni partikulari biex iċ-ċelebrazzjoni, barra milli ssir f’postijiet xierqa u mħejjija tajjeb, tirrispetta r-regoli tal-liturġija.

 

Fl-aħħar, dwar il-valur tas-sehem fil-Quddiesa kif saret possibbli bil-mezzi ta’ komunikazzjoni, dawk li jinġabru għal trasmissjonijiet bħal dawn għandhom jafu li, f’kundizzjonijiet normali, ma jħarsux il-preċett tal-Ħdud u l-festi. Fil-fatt, ix-xbieha viżwali turi r-realtà, iżda ma toħloqhiex fiha nfisha.177 Jekk hi ta’ min ifaħħarha ħafna li l-anzjani u l-morda jieħdu sehem fil-Quddiesa tal-Ħdud u l-festi permezz tar-radju u televiżjoni, ma jistax wieħed jgħid l-istess għal dawk li b’dawn it-trasmissjonijiet ikunu jridu jeħilsu milli jmorru l-Knisja ħalli jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-ġemgħa tal-Knisja ħajja.

 

“Actuosa participatio” tal-morda

 

58.          Waqt li naħseb fuq is-sitwazzjoni ta’ dawk li minħabba saħħithom jew xjuħithom ma jistgħux imorru f’postijiet ta’ qima, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-komunità ekkleżjali kollha għall-ħtieġa pastorali li tiżgura l-għajnuna spiritwali lill-morda, għal dawk li ma joħorġux minn djarhom jew li jinsabu fl-isptar. Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet tkellem diversi drabi dwar is-sitwazzjoni tagħhom. Jeħtieġ li dawn ħutna jkunu jistgħu jersqu ta’ sikwit għat-Tqarbina sagramentali. Waqt li b’dan il-mod isaħħu r-relazzjoni tagħhom ma’ Kristu msallab u mqajjem mill-mewt, jistgħu jħossu l-eżistenza tagħhom marbuta għal kollox mal-ħajja u mal-missjoni tal-Knisja permezz ta’ l-offerta ta’ tbatijiethom magħqudin mas-sagrifiċċju tal-Mulej. Jeħtieġ tinżamm attenzjoni partikulari għal dawk b’abbiltajiet oħra (id-diżabbli); meta l-kundizzjoni tagħhom tippermetti, il-komunità nisranija għandha tagħmilha possibbli għalihom li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni f’postijiet ta’ qima. Għal dan il-għan, wieħed għandu jagħmel mod li mill-postijiet sagri jitwarrab it-tfixkil tal-bini li jżomm lura lil dawn il-persuni. Fl-aħħar, kemm jista’ jkun, għandha tkun żgurata wkoll it-tqarbina ewkaristika lil dawk b’abbiltajiet mentali differenti, u li huma mgħammdin u li rċevew il-konfermazzjoni: huma jirċievu l-Ewkaristija wkoll fil-fidi tal-familja u tal-komunità li twennishom.178

 

L-attenzjoni għall-ħabsin

 

59.          Imħarsa mill-kelma ċara ta’ Kristu (ara Mt 25, 36), it-tradizzjoni spiritwali tal-Knisja għażlet iż-żjara lill-ħabsin bħala waħda mill-opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem. Dawk li jinsabu f’din is-sitwazzjoni għandhom bżonn partikulari li l-Mulej iżurhom fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija. Il-fatt li tħoss fil-qrib il-komunità ekkleżjali, tieħu sehem fl-Ewkaristija u tirċievi t-Tqarbin imqaddes f’perjodu hekk diffiċli u mnikket tal-ħajja jista’ ċertament ikun ta’ siwi għall-kwalità tal-mixja tal-fidi (tal-priġunier) u jgħin lill-persuna terġa’ tikseb l-istat soċjali sħiħ tagħha. Waqt li nfisser ix-xewqat murija fl-Assemblea Sinodali nitlob lid-djoċesijiet li jagħmlu ħilithom, meta huwa possibli li jinvestu biżżejjed riżorsi pastorali fil-ħidma diretta għall-kura spiritwali tal-priġunieri.179

 

Il-migranti u l-parteċipazzjoni fl-Ewkaristija

 

60.          Meta mess il-problema ta’ dawk li għal diversi raġunijiet kellhom iħallu art twelidhom, is-Sinodu wera gratitudni partikulari lejn dawk kollha li huma impenjati fil-kura pastorali tal-migranti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-migranti li huma tal-Knejjes Kattoliċi tal-lvant u li għalihom, barra mit-tbegħid minn darhom, tiżdidilhom id-diffikultà li ma jkunux jistgħu jieħdu sehem fil-liturġija ewkaristika skond ir-rit tagħhom. Minħabba dan, fejn jista’ jkun, huma għandhom ikunu moqdija minn saċerdoti tar-rit tagħhom. F’kull każ, nitlob lill-Isqfijiet li jilqgħu, dawn l-aħwa fl-imħabba ta’ Kristu. Il-laqgħa tal-fidili ta’ diversi riti, tista’ ssir ukoll okkażjoni ta’ ġid lil xulxin. B’mod partikulari, naħseb fil-ġid li jista’ joħroġ, l-aktar għall-kleru, mit-tagħrif ta’ diversi tradizzjonijiet.180

 

Il-Konċelebrazzjonijiet il-kbar

 

61.          L-Assemblea Sinodali ħadet ftit fit-tul biex taħseb fuq il-kwalità ta’ parteċipazzjoni fil-konċelebrazzjonijiet il-kbar li jsiru f’ċirkustanzi partikulari, li fihom barra min-numru kbir ta’ fidili, ikun hemm ukoll ħafna saċerdoti konċelebranti.181 Minn naħa waħda, hija ħaġa ħafifa li wieħed japprezza mumenti bħal dawn, l-aktar meta jiċċelebra l-Isqof imdawwar mas-saċerdoti tiegħu u d-djakni. Min-naħa l-oħra, f’ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jinqalgħu problemi dwar id-dehra ċara tal-għaqda tas-saċerdoti, l-aktar fit-talba ewkaristika, u waqt it-tqarbin imqaddes. Ta’ min jevita li dawn il-konċelebrazzjonijiet kbar ma joħolqux tixrid ta’ nies. Għal dan wieħed għandu jaħseb għal mezzi xierqa ta’ għaqda u arranġament tal-post għall-qima, b’mod li s-saċerdoti u l-fidili jkollhom parteċipazzjoni sħiħa u reali. B’danakollu wieħed għandu jżomm f’moħħu li qegħdin ngħidu dwar konċelebrazzjonijiet ta’ kobor eċċezzjonali, u limitati għal ċirkustanzi mhux tas-soltu.

 

Il-Lingwa latina

 

62.          Dan li ktibt m’għandux jitfa’ xi dell fuq il-valur ta’ dawn il-liturġiji l-kbar. F’dan il-ħin qed naħseb, b’mod partikulari, fiċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru matul laqgħat internazzjonali, u li llum qegħdin isiru ta’ sikwit. Bir-raġun huma għandhom ikunu apprezzati. Biex infissru aħjar l-għaqda u l-universalità tal-Knisja, nixtieq nirrikkmanda dak li kien propost mis-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, fi qbil mad-direttivi tal-Konċilju Vatikan II:182 b’eċċezzjoni tal-qari, l-omelija u t-talbiet tal-ġemgħa, hi ħaġa tajba li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu bil-latin; hekk ukoll jingħadu bil-latin it-talbiet l-aktar magħrufa183 tat-tradizzjoni tal-Knisja u, jekk huwa possibli, jitkantaw siltiet fil-kant gregorjan. B’mod ġenerali, nitlob li s-saċerdoti tal-futur, minn żmien għal żmien, jirċievu waqt iż-żmien tas-seminarju, it-tħejjija meħtieġa biex jifhmu u biex jiċċelebraw il-Quddiesa bil-latin, u li jużaw testi bil-latin u li jkantaw il-Gregorjan; lanqas m’għandna ninsew li l-insara jistgħu jkunu mgħallma jitolbu bil-latin l-aktar talbiet komuni, u li jkantaw partijiet mil-liturġija bil-Gregorjan.184

 

Ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi fi gruppi żgħar

 

63.          Hi għal kollox sitwazzjoni differenti dik li tinqala’ f’xi ċirkustanzi pastorali li fihom, proprju permezz ta’ parteċipazzjoni aktar konxja, attiva u li tħalli frott, wieħed jippreferi ċelebrazzjonijiet fi gruppi żgħar. Waqt li nagħrfu l-valur ta’ formazzjoni li toħroġ minn dawn l-għażliet, huwa meħtieġ niċċaraw li dawn għandhom ikunu jaqblu mal-pjan pastorali kollu tad-Djoċesi. Fil-fatt dawn l-esperjenzi jitilfu l-karattru tagħhom pedagoġiku, jekk jinħassu f’kompetizzjoni, jew paralleli mal-ħajja tal-Knisja partikulari. Dwar dan is-Sinodu nieda ċerti kriterji li wieħed għandu joqgħod għalihom: il-gruppi żgħar għandhom jiswew għall-għaqda tal-komunità, u mhux jagħmluha biċċiet; dan għandu jidher biċ-ċar fil-ġid li joħroġ; dawn il-gruppi għandhom ikabbru l-parteċipazzjoni li tħalli l-frott fost l-assemblea kollha, u jżommu, kemm jista’ jkun, l-għaqda tal-ħajja liturġika tal-familji individwali.185

 

Parteċipazzjoni spiritwali fiċ-ċelebrazzjoni

 

Katekeżi mistagoġika (li ddaħħalna fil-misteru)

 

64.          It-tradizzjoni liturġika tal-Knisja tgħallimna li, għal parteċipazzjoni li tħalli l-frott, huwa meħtieġ li wieħed jimpenja ruħu biex jikkoopera personalment fil-misteru li jkun iċċelebrat, bl-offerta ta’ ħajtu lil Alla, f’għaqda mas-sagrifiċċju ta’ Kristu għas-salvazzjoni tad-dinja kollha. Għal dan il-għan, is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet talab li l-insara jkunu megħjuna sabiex id-dispożizzjonijiet interjuri tagħhom jaqblu mal-ġesti u l-kliem tagħhom. Jekk dan jonqos, iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna, għalkemm imħejjija tajjeb, ikunu fis-sogru li jaqgħu f’ċertu ritwaliżmu. Għalhekk jeħtieġ inħabirku għal edukazzjoni fil-fidi ewkaristika li tħejji l-fidili biex jgħixu personalment dak li jkun ċċelebrat. Quddiem l-importanza essenzjali ta’ din il-partecipatio personali u konxja liema jistgħu jkunu l-mezzi adatti ta’ formazzjoni? Fuq dan is-suġġett il-Missirijiet Sinodali b’fehma waħda wrew it-triq ta’ katekeżi ta’ karattru mistagoġiku, li jwassal il-fidili biex jidħlu dejjem aħjar fil-misteri li jkunu ċċelebrati.186 B’mod partikulari, għar-relazzjoni bejn l-ars celebrandi u l-actuosa partecipatio ta’ min, qabel kollox, jistqarr li “l-aħjar katekeżi fuq l-Ewkaristija hi l-Ewkaristija nfisha ċċelebrata sewwa.”187 Fil-fatt, min-natura tagħha, il-liturġija għandha l-effikaċja pedagoġika li ddaħħal il-fidili ħalli jagħrfu l-misteru ċelebrat. Proprju minħabba dan, fit-tradizzjoni l-aktar qadima tal-Knisja, il-mixja ta’ formazzjoni tan-nisrani, anke mingħajr ma nittraskuraw il-ħila biex jifhem b’mod sistematiku l-kontenut tal-fidi, kienet tieħu sura ta’ esperjenza li fiha kienet tkun deċiżiva l-laqgħa ħajja u konvinċenti ma’ Kristu mħabbra minn xhieda awtentiċi. F’dan is-sens, dak li jdaħħal fil-misteri qabel kollox huwa x-xhud. Din il-laqgħa ċertament issir aktar profonda (intima) fil-katekeżi u ssib l-għajn tagħha u l-quċċata fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Minn din l-istruttura fundamentali ta’ l-esperjenza kristjana tieħu l-bidu l-ħtieġa ta’ mixja mistagoġika (lejn il-misteru), li fiha għandhom dejjem jinżammu preżenti tliet elementi:

 

a)               Qabel kollox nittrattaw it-tifsira tar-riti fid-dawl tat-tradizzjoni ħajja tal-Knisja. Fil-fatt, iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, fir-rikkezza bla qies tagħha, hemm fiha referenzi għall-istorja tas-salvazjoni. Fi Kristu msallab u mqajjem mill-mewt, aħna niċċelebraw tassew lil Dak li għaqqad kollox fih innifsu (ara Ef 1, 10). Sa mill-bidunett il-komunità nisranija kienet taqra l-ġrajjiet tal-ħajja ta’ Ġesù, u b’mod partikulari tal-misteru ta’ l-Għid, f’relazzjoni ma’ l-istorja kollha tat-Testment il-Qadim.

 

b)               Il-Katekeżi mistagoġika għandha wkoll tagħmel li tista’ biex tippreżenta t-tifsira tas-sinjali li hemm fir-riti. Dan huwa importanti b’mod speċjali f’epoka teknoloġika l-aktar qawwija bħal ta’ llum, li fiha hemm ir-riskju li nitilfu l-ħila li napprezzaw is-sinjali u s-simboli. Aktar milli nagħtu tagħrif, katekeżi mistagoġika għandha tkun kapaċi li tqajjem u teduka s-sensibbiltà tal-fidili għal-lingwaġġ tas-sinjali u l-ġesti li magħqudin mal-kliem jiffurmaw ir-rit.

 

c)               Fl-aħħar, il-katekeżi mistagoġika għandha tagħmel li tista’ biex turi it-tifsira tar-riti mal-ħajja nisranija fl-oqsma kollha tagħha, ta’ xogħol u ta’ impenn, ta’ ħsieb u ta’ sentimenti, ta’ ħidma u ta’ mistrieħ. Huwa parti mill-mixja mistagoġika li tqiegħed fid-dieher ir-rabta tal-misteri ċelebrati fir-rit mar-responsabbiltà missjunarja tal-fidili. F’dan is-sens, ir-riżultat matur tal-mistagoġija hu l-għarfien li l-eżistenza personali tkun qiegħda tinbidel b’mod progressiv mill-misteri qaddisa li jkunu ċċelebrati. Barra dan, l-għan ta’ l-edukazzjoni nisranija kollha hu li tifforma lil dak li jemmen, bħala “bniedem ġdid”, lejn fidi adulta, li tagħmlu kapaċi jixhed fl-ambjent tiegħu t-tama nisranija li tħeġġu. Biex wieħed ikun jista’ jwettaq f’nofs il-komunitajiet ekkleżjali tagħna dmir edukattiv bħal dan jeħtieġ ikollna nies imħejjija tajjeb biex jagħtu formazzjoni. Ċertament il-poplu kollu ta’ Alla għandu jħossu impenjat f’din il-formazzjoni. Kull komunità kristjana hija msejħa biex tkun post fejn il-poplu jista’ jitgħallem dwar il-misteri ċċelebrati fil-fidi. Dwar dan, il-Missirijiet tas-Sinodu insistew għal impenn aktar kbir mill-Komunitajiet tal-ħajja konsagrata, mill-movimenti u mill-gruppi, li bis-saħħa tal-kariżmi proprji tagħhom jistgħu jagħtu tqanqila ġdida lill-formazzjoni nisranija.188 Fi żmienna wkoll l-Ispirtu s-Santu żgur li mhux se jixxaħħaħ milli jsawwab id-doni tiegħu biex isostni l-missjoni appostolika tal-Knisja, li għandha l-missjoni li xxerred il-fidi u tedukaha sakemm timmatura.189

 

Il-qima lejn l-Ewkaristija

 

65.          Sinjal konvinċenti ta’ l-effett li tħalli fuq il-fidili l-katekeżi ewkaristika huwa żgur kemm jikber fihom is-sens ta’ Alla preżenti fostna. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ sinjali esterni ċari ta’ qima lejn l-Ewkaristija, fejn il-proċess mistagoġiku għandu jwassal.190 F’sens ġenerali qed naħseb fl-importanza tal-ġesti u tal-pożizzjoni, bħal meta wieħed joqgħod għarkobbtjeh fil-mumenti ċentrali tat-talba ewkaristika. Biex wieħed jadatta ruħu għall-varjetà leġittima ta’ sinjali li jitwettqu fl-ambjent ta’ kulturi differenti, kull wieħed għandu jgħix u juri b’mod konxju li f’kull ċelebrazzjoni jinsab quddiem il-majestà infinita ta’ Alla, li tasal sa għandna b’mod umli fis-sinjali sagramentali.

 

Adorazzjoni u devozzjoni ewkaristika

 

Ir-relazzjoni essenzjali bejn ċelebrazzjoni u adorazzjoni

 

66.          Wieħed mill-mumenti l-aktar imqanqlin tas-Sinodu kien meta aħna morna fil-Bażilka ta’ San Pietru, flimkien ma’ ħafna fidili għall-adorazzjoni Ewkaristika. B’din l-azzjoni ta’ talb, l-Assemblea ta’ l-Isqfijiet fehmu jiġbdu l-attenzjoni, mhux biss bil-kliem, fuq l-importanza tar-relazzjoni essenzjali bejn iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u l-adorazzjoni. F’dan l-aspett tal-fidi tal-Knisja li jfisser ħafna, jinsab wieħed mill-elementi deċiżivi tal-mixja ekkleżjali li twettaq wara t-tiġdid liturġiku mixtieq mill-Konċilju Vatikan II. Waqt li r-riforma kienet qiegħda tagħmel l-ewwel passi, kultant ir-relazzjoni essenzjali bejn il-Quddiesa u l-adorazzjoni tas-Sagrament l-aktar Qaddis ma kenux fehmuha ċar biżżejjed. Per eżempju, oġġezzjoni mxerrda f’dak iż-żmien taf il-bidu tagħha mill-argument li l-Ħobż ewkaristiku ma ġiex mogħti lilna biex nikkontemplawh, iżda biex nikluh. Fil-fatt, fid-dawl ta’ l-esperjenza tat-talb tal-Knisja, din il-kontraproposta dehret nieqsa minn kull bażi. Santu Wistin kien diġa’ qal: “nemo autem illam carnem manducat, nisi prius adoraverit, peccemus non adorando - Ħadd ma jiekol minn dan il-ġisem, mingħajr ma jadurah qabel; nidinbu jekk ma nadurawhx.”191 Fil-fatt, fl-Ewkaristija, l-Iben ta’ Alla jiġi jiltaqa’ magħna u jixtieq jingħaqad magħna; l-adorazzjoni ewkaristika mhix ħlief l-iżvilupp naturali taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, li fiha nfisha hi l-akbar att ta’ adorazzjoni tal-Knisja.192 Li nirċievu l-Ewkaristija jfisser li ninxteħtu f’att ta’ adorazzjoni quddiem Dak li nirċievu. Proprju hekk u hekk biss insiru ħaġa waħda miegħu u b’xi mod induqu minn qabel is-sbuħija tal-liturġija tas-sema. L-att ta’ adorazzjoni barra mill-Quddiesa jtawwal u jżid dak li sar fiċ-ċelebrazzjoni liturġika nfisha. Fil-fatt, “huwa biss waqt li nadurawh li nistgħu nikbru b’mod profond u ġenwin f’din l-azzjoni li fiha qegħdin nirċievu. Huwa proprju f’din il-laqgħa personali mal-Mulej wara tikber ukoll il-missjoni soċjali li tinsab miġbura fl-Ewkaristija u li trid tkisser il-ħitan mhux biss bejn il-Mulej u aħna, imma wkoll u fuq kollox il-ħitan li jifirduna wieħed mill-ieħor.”193

 

Il-Prattika ta’ l-adorazzjoni ewkaristika

 

67.          Għalhekk flimkien ma’ l-Assemblea Sinodali, nirrikkmanda bil-qalb kollha lir-Ragħajja tal-Knisja u lill-Poplu ta’ Alla l-prattika ta’ l-adorazzjoni ewkaristika, sew personali sew komunitarja.194 Joħroġ ħafna ġid minn katekeżi adatta li tfisser lill-fidili l-importanza ta’ l-att ta’ qima li jwassalhom biex iħossu aktar f’qiegħ qalbhom u b’aktar frott iċ-ċelebrazzjoni liturġika nfisha. Imbagħad, skond ma jkun possibbli, l-aktar fiċ-ċentri fejn jgħixu ħafna nies, ikun jaqbel li jintgħażlu knejjes jew oratorji li għandhom jinżammu apposta għall-adorazzjoni kontinwa. Barra dan, nirrikkmanda li fil-formazzjoni katekistika, u l-aktar fit-tħejjija għall-Ewwel Tqarbina, it-tfal għandna nwassluhom għat-tifsira u l-ġmiel li joqogħdu ma’ Ġesù; u nkabbru fihom sentiment ta’ stagħġib għall-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija. Hawnhekk irrid nuri ammirazzjoni u inkuraġġiment lil dawk l-Istituti kollha ta’ ħajja konsagrata li l-membri tagħhom jiddedikaw parti importanti minn ħinhom għall-adorazzjoni ewkaristika. B’dan il-mod huma joffru lil kulħadd l-eżempju ta’ persuni li jħallu lill-Mulej jifforma ħajjithom fil-preżenza reali tiegħu. Nixtieq bl-istess mod nagħmel kuraġġ lil dawk l-għaqdiet ta’ fidili kif ukoll fratellanzi, li jieħdu din il-prattika bħala impenn speċjali tagħhom, u hekk isiru ħmira ta’ kontemplazzjoni għall-Knisja kollha u sejħa biex l-individwu u l-gruppi jqiegħdu ’l Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjithom.

 

Forom ta’ devozzjoni ewkaristika

 

68.          Ir-relazzjoni personali li n-nisrani jaqbad għalih ma’ Ġesù, preżenti fl-Ewkaristija, iddawru dejjem lejn il-komunità ekkleżjali kollha, billi ssostni fih l-għarfien tar-rabta tiegħu mal-Ġisem ta’ Kristu. Għal din ir-raġuni, barra milli nistieden lill-fidili wieħed wieħed biex personalment isibu ħin li jgħadduh fit-talb quddiem is-Sagrament ta’ l-altar, inħossni fid-dmir inqajjem l-istess parroċċi u l-gruppi l-oħra ekkleżjali biex iħeġġu mumenti ta’ adorazzjoni komunitarja. Naturalment, dawk il-forom ta’ devozzjoni ewkaristika li diġa’ jeżistu għad għandhom il-valur tagħhom. Qed naħseb, per eżempju fil-purċissjonijiet ewkaristiċi, l-aktar fil-purċissjoni tradizzjonali fis-solennità ta’ Corpus Christi, fid-drawwa devota tal-kwaranturi, fil-Kungressi ewkaristiċi lokali, nazzjonali u internazzjonali, u f’inizjattivi oħrajn li jixbhuhom. Issa li ġew aġġornati u adattati għal ċirkustanzi diversi, dawn il-forom ta’ devozzjoni llum ukoll jistħoqqilhom jibqgħu miżmuma tajjeb.195

 

Il-post tat-tabernaklu fil-knisja

 

69.          Meta qies l-importanza li tinżamm l-Ewkaristija, kif ukoll l-adorazzjoni u l-qima quddiem is-sagrament tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet daħal f’diskussjoni dwar il-post xieraq tat-tabernaklu fil-knejjes tagħna.196 Fil-fatt, il-post magħżul sewwa jgħin biex wieħed jagħraf il-preżenza reali ta’ Kristu fis-Sagrament l-aktar Qaddis. Għalhekk huwa meħtieġ li l-post fejn tinżamm l-Ewkaristija għandu jkun faċilment magħruf minn kull min jidħol fil-Knisja, anke minħabba d-dawl dejjem jixgħel quddiemha. Għal dan il-għan, jeħtieġ li wieħed iqis is-sura arkitettonika tal-bini sagru: fil-knejjes li fihom m’hemmx kappella tas-Santissimu Sagrament u għad hemm l-altar maġġur bit-tabernaklu, jaqbel li nkomplu nagħmlu użu minn din l-istruttura biex tinżamm l-Ewkaristija u għall-adorazzjoni, waqt li nevitaw li titqiegħed quddiemha is-sedja taċ-ċelebrant. Fil-knejjes ġodda hi ħaġa tajba li wieħed ifassal minn qabel il-kappella tas-Santissimu qrib il-presbiterju; fejn dan mhux possibli, ikun aħjar li t-tabernaklu jitqiegħed fil-presbiterju, f’post għoli biżżejjed, fiż-żona ta’ l-apside, jew xi mkien ieħor fejn ikun jidher xorta waħda. Dawn ir-riflessjonijiet jaslu biex jagħtu dinjità lit-tabernaklu, li għandu dejjem ikun imħares skond id-disinn artistiku. Hi ħaġa ċara li jeħtieġ nagħtu każ ta’ dak li tgħid dwar dan l-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman.197 Madankollu il-ġudizzju finali dwar din il-ħaġa jibqa’ ta’ l-Isqof Djoċesan.

 

It-Tielet Taqsima

 

L-Ewkaristija, misteru li għandna ngħixuh

 

“Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix f’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili,

hu wkoll jgħix bija” (Ġw 6, 57)

 

Il-forma ewkaristika tal-ħajja nisranija

 

Il-qima spiritwali-logiké latreía (Rum 12, 1)

 

70.          Il-Mulej Ġesù, li sar għalina l-ikel tal-verità u l-imħabba, meta tkellem dwar id-don ta’ ħajtu żgurana li  “min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” (Ġw 6,51) Iżda din il-“ħajja ta’ dejjem” tibda fina sa minn issa permezz tat-tibdil li d-don ewkaristiku joħloq fina: “min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.” (Ġw 6, 57). Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù jġegħluna nifhmu kif il-misteru “li nemmnu u niċċelebraw” għandu minnu nnifsu qawwa li tagħmlu l-prinċipju ta’ ħajja ġdida ġewwa fina u s-sura ta’ l-eżistenza nisranija tagħna. Waqt li nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu aħna, tassew, jingħatalna sehem mill-ħajja divina b’mod dejjem aktar matur u konxju. Joqgħod hawnhekk ukoll dak li fl-Istqarrijiet tiegħu jgħid Santu Wistin dwar il-Logos etern, ikel tar-ruħ: waqt li saħaq fuq in-natura misterjuża ta’ dan l-ikel, Wistin stħajjel li sama’ min jgħidlu: “Jiena l-ikel tal-kbar: ikber, u tiekol minni. U mhux jien insir bħalek bħalma l-ikel isir ġismek, iżda int issir bħali.”198 Fil-fatt mhux l-ikel ewkaristiku li jinbidel fina, iżda nkunu aħna li naslu biex ninbidlu permezz tiegħu b’mod misterjuż. Kristu jitmagħna billi jgħaqqadna miegħu; “Hu jiġbidna lejh fih innifsu.”199

 

Iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika hawn tidher fil-qawwa kollha tagħha bħala għajn u quċċata tal-ħajja ekkleżjali, billi fl-istess ħin tfisser sew il-bidu sew it-twettiq tal-qima ġdida u stabilita, il-logiké latreía.200 Dan il-kliem ta’ San Pawl lir-Rumani huma l-forma li tiġbor kollox ta’ kif l-Ewkaristija tbiddel il-ħajja kollha tagħna f’qima spiritwali li togħġob lil Alla: “nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom.” (Rum 12, 1) F’din it-tħeġġiġa tispikka x-xbieha tal-qima ġdida bħala offerta sħiħa tal-persuna tiegħek innifsek mal-Knisja kollha. L-insistenza ta’ l-Appostlu fuq l-offerta ta’ ġisimna turi l-importanza tar-realtà umana ta’ qima li żgur mhix mingħajr il-ġisem. Għal darba oħra, il-Qaddis ta’ Ippona f’dan il-kuntest ifakkarna li “dan hu s-sagrifiċċju ta’ l-insara, jiġifieri li għalkemm inkunu ħafna, aħna ġisem wieħed fi Kristu. Il-Knisja tiċċelebra dan il-misteru fis-sagrament ta’ l-altar, li l-fidili jafuh sew, u fih turihom biċ-ċar li f’dik l-offerta hi qiegħda toffri lilha nfisha.”201 Tassew, it-tagħlim kattoliku jistqarr li l-Ewkaristija, bħala sagrifiċċju ta’ Kristu, hi wkoll sagrifiċċju tal-Knisja, u hekk tal-fidili kollha.202 L-insistenza fuq is-sagrifiċċju –“tagħmel sagru”- hawnhekk tfisser il-qofol eżistenzjali (marbut ma’ l-eżistenza umana) involut fil-bidla tar-realtà umana kif ħaddanha miegħu Kristu (ara Fil 3,12).

 

L-effett li fih jinġabar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-qima ewkaristika

 

71.          Il-qima ġdida nisranija tiġbor fiha kull aspett tal-ħajja, u tibdlu: “Sew jekk tieklu sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.” (1 Kor 10, 31) F’kull għemil tal-ħajja in-nisrani huwa msejjaħ biex joffri qima vera lil Alla. Minn hawn in-natura essenzjalment ewkaristika tal-ħajja nisranija tieħu s-sura tagħha. Billi l-Ewkaristija tħaddan l-ħajja umana ta’ min jemmen fir-realtà ta’ kull jum, hija jum wara l-ieħor tagħmel possibbli l-bidla progressiva tal-bniedem imsejjaħ mill-grazzja biex ikun xbieha ta’ l-Iben ta’ Alla. (ara Rum 8, 29ss) M’hemm xejn verament uman - ħsibijiet u sentimenti, kliem u għemejjel – li ma jsibx fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija s-sura xierqa biex jingħex fil-ħajja fil-milja tiegħu. Hawnhekk jispikka il-valur kollu tal-bniedem fit-tiġdid radikali mwettaq minn Kristu bl-Ewkaristija: fil-ħajja umana l-qima lil Alla ma nistgħux inwarrbuha għal xi ħin partikulari u privat, iżda min-natura tagħha hija għandha timla kull aspett ta’ l-eżistenza tal-bniedem. Hekk il-qima li togħġob lil Alla ssir mod ġdid biex wieħed jgħix iċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja li fihom kull waqt partikulari jitgħolla, billi wieħed jgħixu f’relazzjoni ma’ Kristu u bħala offerta lil Alla. Il-glorja ta’ Alla hija l-bniedem ħaj (ara 1 Kor 10, 31). U l-ħajja tal-bniedem hija d-dehra ta’ Alla.203

 

“Iuxta dominicam viventes” – ngħixu skond Jum il-Mulej

 

72.          Sa mill-bidu l-insara kienu konxji b’mod li jidher ta’ din il-ħaġa ġdida radikali li l-Ewkaristija daħħlet fil-ħajja tal-bniedem. Il-fidili mill-ewwel ħassew l-effett qawwi li ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika kellha fuq l-istil ta’ ħajjithom. Sant Injazju ta’ Antjokja wera din  il-verità billi sejjaħ lill-insara “dawk li waslu għat-tama ġdida,” u ppreżentahom bħala dawk li jgħixu “skond Jum il-Mulej” (iuxta dominicam viventes).204 Din il-frażi ta’ dak il-martri magħruf minn Antijokja titfa’ dawl kbir fuq ir-rabta bejn ir-realtà ewkaristika u l-ħajja kristjana ta’ kull jum. Id-drawwa li tagħżel lill-insara meta jinġabru fl-ewwel jum wara s-Sibt biex jiċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu – skond ir-rakkont ta’ San Ġustinu Martri205 – hi wkoll il-fatt li jfisser is-sura tal-ħajja mġedda mil-laqgħa ma’ Kristu. Il-frażi ta’ Sant Injazju – “ngħixu skond il-jum il-Mulej” – tisħaq ukoll dwar il-valur mudell li dan il-jum qaddis għandu fih għal kull jum ieħor tal-ġimgħa. Fil-fatt, hu ma jingħażilx mill-oħrajn minħabba l-waqfien sempliċi mix-xogħol tas-soltu, qisu xi brejk fir-rutina komuni tal-ġranet. L-insara dejjem ħassew dan il-jum bħala l-ewwel wieħed tal-ġimgħa, għaliex fih issir it-tifkira tal-fatt radikali ġdid li wettaq Kristu. Għalhekk il-Ħadd huwa l-jum li fih in-nisrani jsib dik is-sura ewkaristika ta’ ħajtu li għaliha huwa msejjaħ biex jgħixha bla waqfien. “Ngħixu skond jum il-Mulej” ifisser ngħixu billi nagħrfu u nħossu l-ħelsien li ġabilna Kristu u ngħaddu ħajjitna f’offerta tagħna nfusna lil Alla, għaliex ir-rebħa tiegħu tidher fl-aqwa tagħha lill-bnedmin permezz ta’ mġiba mġedda minn ġewwa.

 

Ngħixu l-liġi tal-Ħadd

 

73.          Waqt li għarfu dan il-prinċipju ġdid ta’ ħajja li l-Ewkaristija tagħti lin-nisrani, il-Missirijiet Sinodali insistew fuq l-importanza tal-preċett tal-Ħadd bħala għajn ta’ libertà vera għall-fidili kollha, biex jistgħu jgħixu kull jum ieħor skond dak li ċċelebraw f’“jum il-Mulej”. Fil-fatt il-ħajja tal-fidi hi fil-periklu meta wieħed ma jibqax jagħti kas tax-xewqa li jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika li fiha ssir it-tifkira tar-rebħa ta’ l-Għid. Il-kuxjenza nisranija titlob u fl-istess ħin tissawwar bis-sehem fl-assemblea liturġika tal-Ħadd, flimkien ma’ l-aħwa kollha, irġiel u nisa li bihom jissawwar il-ġisem waħdieni fi Kristu Ġesù. Li titlef it-tifsira tal-Ħadd bħala jum il-Mulej li għandu jitqaddes huwa sinjal ta’ telfa tas-sens awtentiku tal-libertà nisranija, il-libertà ta’ wlied Alla.206 Dwar dan jibqgħu ta’ valur kbir ir-riflessjonijiet tal-predeċessur venerabbli tiegħi Ġwanni Pawlu II fl-Ittra appostolika Dies Domini,207 dwar id-diversi punti importanti tal-Ħadd għall-insara: il-Ħadd hu Dies Domini (Jum il-Mulej) b’referenza għal opra tal-ħolqien; Dies Christi (Jum Kristu ) bħala jum tal-ħolqien il-ġdid u tad-don li l-Mulej li qam mill-mewt tana fl-Ispirtu s-Santu; Dies Ecclesiae (Jum il-Knisja) bħala li fih il-komunità nisranija tinġabar għaċ-ċelebrazzjoni; Dies hominis, (Jum il-bniedem) bħala jum ta’ ferħ, mistrieħ, u mħabba ta’ l-aħwa.

 

Għalhekk, jum bħal dan jidher bħala festa sa mill-bidu, li fiha l-fidili kollha fl-ambjent li jgħixu, jistgħu jsiru ħabbara u għassiesa tas-sens taż-żmien. Fil-fatt, minn dan il-jum, toħroġ it-tifsira nisranija tal-ħajja u mod ġdid ta’ kif wieħed jgħix iż-żmien, ir-relazzjonijiet, ix-xogħol, il-ħajja u l-mewt. Għalhekk, huwa tajjeb li f’jum il-Mulej il-gruppi ekkleżjali jorganizzaw madwar il-Quddiesa tal-Ħadd attivitajiet għall-komunità nisranija: laqgħat ta’ ħbieb, inizjattivi għall-formazzjoni fil-fidi għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-adulti, pellegrinaġġi, opri ta’ karità u diversi mumenti ta’ talb. Għar-raġuni ta’ dawn il-valuri hekk importanti – għalkemm is-Sibt fil-għaxija sa mill-Ewwel Għasar huwa diġa’ parti mill-Ħadd u hemm il-permess li wieħed iwettaq fih il-preċett tal-Ħadd – huwa meħtieġ infakkru li hu l-Ħadd fih innifsu li jistħoqqlu jitqaddes, biex ma jispiċċax li jsir jum “bla Alla”.208

 

It-tifsira tal-mistrieħ u x-xogħol

 

74.          Fl-aħħar, b’mod partikulari huwa urġenti fi żmienna nfakkru li jum il-Mulej huwa wkoll jum il-mistrieħ mix-xogħol: nixtieq minn qalbi li dan il-jum jibqa’ magħruf hekk anke mis-soċjetà ċivili, b’mod li l-individwi jkunu jistgħu jibqgħu ħielsa mix-xogħol, mingħajr ma jieħdu kastig għal dan. Fil-fatt, l-insara mhux mingħajr relazzjoni għat-tifsira tas-Sibt fit-tradizzjoni lhudija, f’Jum il-Mulej raw ukoll jum il-mistrieħ mit-taħbit ta’ kull jum. Dan għandu tifsira preċiża, għaliex lix-xogħol jagħmlu relattiv, u x-xogħol, isib l-iskop tiegħu fil-bniedem: ix-xogħol hu għall-bniedem u mhux il-bniedem għax-xogħol. Ħaġa ħafifa tifhem il-ħarsien li minn dan jingħata lill-istess bniedem, li hekk jasal ikun meħlus minn forma possibli ta’ jasar. Bħalma kelli ċans nistqarr, “ix-xogħol jieħu importanza ewlenija biex il-bniedem jirnexxi sewwa u s-soċjetà tgħaddi ’l quddiem, u għal dan jeħtieġ li x-xogħol ikun dejjem organizzat u jsir b’rispett sħiħ lejn id-dinjità umana u għandu dejjem jiswa għall-ġid komuni. Fl-istess ħin huwa bilfors meħtieġ li l-bniedem ma jħallix lilu nnifsu jitjassar mix-xogħol, jew li jagħmel idolu mix-xogħol, billi jidhirlu li jsib fih it-tifsira aħħarija u deċiżiva tal-ħajja.”209 Huwa fil-jum ikkonsagrat lil Alla li l-bniedem jifhem it-tifsira ta’ ħajtu kif ukoll tax-xogħol tiegħu. 210

 

Il-ġemgħa liturġika fil -Ħdud mingħajr saċerdot

75.          Meta nerġgħu nsibu t-tifsira taċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd għall-ħajja tan-nisrani, mill-ewwel titfaċċa l-problema ta’ dawk il-komunitajiet kristjani li ma għandhomx saċerdot, u fejn bħala konsegwenza, mhux possibli li jkollhom iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa f’Jum il-Mulej. Hawnhekk ta’ min jgħid, li ninsabu quddiem sitwazzjonijiet differenti bejniethom. Is-Sinodu, qabel kollox irrikkmanda lill-fidili biex imorru f’xi knisja oħra tad-Djoċesi li fiha żgur isibu l-preżenza ta’ saċerdot, ukoll meta dan jitlob ċertu sagrifiċċju.211 Iżda fejn id-distanzi kbar jagħmlu prattikament impossibli s-sehem fl-Ewkaristija tal-Ħadd, huwa importanti li l-komunitajiet insara jinġabru l-istess biex ifaħħru l-Mulej u jagħmlu tifkira tal-Jum dedikat lilu. Dan għandu jsir fil-kuntest ta’ tagħlim adattat dwar id-differenza bejn il-Quddiesa u l-laqgħat tal-Ħadd mingħajr is-saċerdot. F’dan il-każ il-kura pastorali tal-Knisja għandha tintwera billi tiżgura li l-liturġija tal-Kelma, immexxija minn xi djaknu jew minn xi persuna mqabbda mill-awtorità responsabbli, issir skond ritwal magħżul u maħdum mill-Konferenzi Episkopali u approvat minnhom għal dan l-iskop.212 Nerġa’ ngħid li l-Ordinarji biss jistgħu jagħtu l-fakultà biex isir it-Tqarbin f’dawn il-liturġiji, waqt li jiżnu b’attenzjoni l-bżonn ta’ ċerta għażla. Barra dan, wieħed għandu jieħu ħsieb li dawn il-laqgħat ma joħolqux taħwid dwar ir-rwol ċentrali tas-saċerdot u dwar is-sagramenti fil-ħajja tal-Knisja. L-importanza tar-rwol tal-lajċi li huma ta’ min jirringrazzjahom bir-raġun għall-ġenerożità tagħhom fis-servizz tal-komunitajiet insara, qatt ma għandha taħbi il-ministeru li ma tistax tibdlu tas-saċerdoti għall-ħajja tal-Knisja.213 Għalhekk wieħed għandu joqgħod attent biex il-laqgħat mingħajr saċerdot ma jiftħux il-bieb għal viżjonijiet ekkleżjali li ma jaqblux mal-verità ta’ l-Evanġelju u tat-tradizzjoni tal-Knisja. Dawn aktar għandhom ikunu okkażjonijiet privileġġjati ta’ talb lil Alla biex jibgħat saċerdoti qaddisa skond il-qalb tiegħu. Dwar dan, jolqotna dak li kiteb il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Ittra lis-Saċerdoti għal Ħamis ix-Xirka 1979, dwar dawk il-postijiet fejn in-nies, nieqsa mis-saċerdot minħabba reġim dittatorjali, kienet tinġabar f’xi knisja jew f’xi santwarju, tqiegħed fuq l-altar l-istola li żammew u tgħid it-talb tal-liturġija ewkaristika, waqt li jieqfu fis-skiet “fil-mument li jaqbel mat-transustanzjazzjoni”, bħala xhieda ta’ kemm “kienu jixtiequ bil-qalb li jisimgħu il-kelmiet li x-xofftejn biss tas-saċerdot jistgħu jlissnu effettivament.”214 Proprju b’din ix-xena f’moħħi, waqt li nirriflettu fuq il-ġid bla paragun li joħroġ miċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju ewkaristiku, nitlob lis-saċerdoti kollha li jżuru minn rajhom sikwit kemm jista’ jkun il-komunitajiet afdati għall-kura pastorali tagħhom, biex dawn ma jibqgħux għal żmien twil mingħajr is-sagrament ta’ l-imħabba.

 

Is-sħubija fil-Knisja titlob forma ewkaristika ta’ ħajja nisranija

 

76.          L-importanza tal-Ħadd bħala Dies Ecclesiae (Jum il-Knisja) tiġbdilna l-attenzjoni għar-relazzjoni essenzjali bejn ir-rebħa ta’ Ġesù fuq il-ħażen u fuq il-mewt u s-sħubija tagħna fil-Ġisem tiegħu ekkleżjali. Fil-fatt, kull nisrani f’Jum il-Mulej jerġa’ jsib ukoll id-dimensjoni komunitarja ta’ ħajtu stess bħala wieħed mifdi. Bis-sehem fil-liturġija, u t-tqarbin bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jfisser fl-istess waqt insaħħu dejjem iżjed fl-intimità tal-qalb is-sħubija tagħna ma’ Dak li miet għalina (ara 1 Kor 6, 19ss; 7, 23). Tassew li min jiekol minn Kristu, jgħix għalih. F’relazzjoni mal-Misteru ewkaristiku tiftiehem it-tifsira profonda tal-communio sanctorum (ix-xirka tal-qaddisin). Il-komunjoni (xirka) għandha dejjem u ma tistax tifridha minn tifsira vertikali u orizzontali: għaqda ma’ Alla u għaqda ma’ l-aħwa irġiel u nisa. Iż-żewġ oqsma jiltaqgħu b’mod misterjuż fid-don ta’ l-Ewkaristija. “Fejn tinqered l-għaqda ma’ Alla, li hi għaqda mal-Missier, ma’ l-Iben u ma’ l-Ispirtu s-Santu, jinqerdu wkoll l-għerq u l-għajn ta’ l-għaqda bejnietna u fejn ma  ngħixux l-għaqda bejnietna, l-għaqda wkoll ma’ Alla Trinità la hi ħajja u lanqas vera.”215 Għalhekk, imsejħin biex inkunu membri ta’ Kristu kif ukoll membri ta’ xulxin (ara 1 Kor 12, 27) aħna nagħmlu realtà essenzjalment mibnija fuq il-magħmudija u mitmugħa bl-Ewkaristija; din hija realtà li titlob qbil li jidher fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Il-forma ewkaristika tal-ħajja nisranija hi bla dubju forma ekkleżjali u komunitarja. Permezz tad-Djoċesi u tal-parroċċa, bħala strutturi bażiċi tal-Knisja f’territorju partikulari, kull nisrani jista’ jagħmel esperjenza reali tas-sħubija tiegħu fil-Ġisem ta’ Kristu. Għaqdiet, movimenti ekkleżjali u komunitajiet ġodda – bil-ħeġġa tal-kariżmi mogħnijin bihom mill-Ispirtu s-Santu għal żmienna – kif ukoll l-Istituti ta’ ħajja konsagrata għandhom ir-responsabbiltà li joffru ħidma speċjali biex ikabbru fil-fidili għarfien għall-fatt li huma tal-Mulej. (ara Rum 14,8) Is-sekularizzazzjoni, li fiha mhux b’kumbinazzjoni xejriet ta’ individwaliżmu, għandha l-effetti qerrieda tagħha l-aktar fil-persuni li jinqatgħu għalihom u huma nieqsa minn sens ta’ sħubija. Sa mill-bidu tiegħu, il-Kristjaneżmu daħħal sens ta’ għaqda, nisġa ta’ relazzjonijiet kontinwament imsaħħin bis-smigħ tal-Kelma fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u miżmuma ħajjin mill-Ispirtu s-Santu.

 

Spiritwalità u kultura ewkaristika

 

77.          Il-Missirijiet Sinodali stqarrew b’mod ċar li “l-fidili nsara għandhom bżonn li jifhmu fil-fond ir-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u l-ħajja ta’ kull jum. L-ispiritwalità ewkaristika mhux biss sehem fil-Quddiesa u devozzjoni lejn is-Sagrament l-aktar Qaddis. Hija tħaddan il-ħajja kollha.216 Din ir-riflessjoni importanti tiġbor fiha tifsira speċjali għalina lkoll, illum. Jeħtieġ nagħarfu li wieħed mill-effetti tas-sekularizzazzjoni msemmija ftit qabel, hu li din warrbet il-fidi nisranija fit-truf tal-ħajja bħallikieku l-fidi kienet bla siwi f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp reali tal-ħajja tal-bnedmin. Il-falliment ta’ dan il-mod ta’ ħajja “daqslikieku m’hemmx Alla” issa jarah kulħadd. Illum jeħtieġ li nerġgħu nsibu li Ġesù Kristu mhux sempliċi konvinzjoni privata jew astratta, iżda huwa persuna reali li d-daħla tiegħu fl-istorja hi kapaċi li ġġedded il-ħajja ta’ kulħadd. Għalhekk l-Ewkaristija bħala l-għajn u l-quċċata tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja tinbidel fi spiritwalità, f’ħajja “skond l-Ispirtu” (Rum. 8, 4ss; Gal 5, 16.25). Fiha tifsira importanti li San Pawl, fis-silta mill-Ittra lir-Rumani li fiha jistieden lil dawk li qed jisimgħuh biex jgħixu l-qima ġdida spiritwali, fl-istess ħin jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa tal-bidla fil-mod kif wieħed jgħix u jaħseb: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (12, 2). B’dan il-mod l-Appostlu tal-ġnus jinsisti dwar ir-rabta bejn il-vera qima spiritwali u l-ħtieġa ta’ mod ġdid kif wieħed jifhem u jgħix ħajtu. Hija parti essenzjali tal-forma ewkaristika tal-ħajja nisranija li wieħed iġedded il-mod kif jaħseb “biex ma nkunux aktar trabi mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin.” (Ef 4, 14)

 

Ewkaristija u evanġeliżżazzjoni tal-kulturi

 

78.          Minn din l-istqarrija jiġi li l-Misteru ewkaristiku jdaħħalna fi djalogu mal-kulturi differenti, iżda f’ċertu sens jisfidahom.217 L-aspett interkulturali ta’ din il-qima ġdida, din il-logiké latreía, għandha tkun rikonoxxuta. Il-preżenza ta’ Ġesù Kristu u tiswib ta’ l-Ispirtu s-Santu huma ġrajjiet li jistgħu jitqabblu bis-sod ma’ kull realtà kulturali, biex jgħolluha bħal ħmira ta’ l-Evanġelju. B’riżultat dan iġib miegħu l-impenn li wieħed jifrex b’konvinzjoni l-evanġeliżżazzjoni tal-kulturi, u jkun konxju li Kristu nnifsu huwa l-verità ta’ kull bniedem u ta’ l-istorja kollha umana. L-Ewkaristija ssir il-kriterju li quddiemu n-nisrani jagħti valur lil dak kollu li jiltaqa’ miegħu f’kulturi differenti. F’dan il-proċess importanti nistgħu nifhmu kemm huma f’waqthom il-kelmiet ta’ San Pawl li bihom fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin jistedinna “ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh.” (1 Tess 5, 21).

 

L-Ewkaristija u l-lajċi li jemmnu

 

79.          Fi Kristu, Kap tal-Knisja li hi l-Ġisem tiegħu, l-insara kollha jiffurmaw “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih biex ixxandru l-għemejjel tiegħu tal-għaġeb.” (1 Pt 2, 9) L-Ewkaristija bħala misteru ta’ min jgħixu, toffri lilha nfisha lil kull wieħed minna aħna kif aħna, u tagħmel is-sitwazzjoni eżistenzjali tagħna post fejn ngħixu kull jum il-ħajja ġdida nisranija. Jekk is-sagrifiċċju ewkaristiku jitma’ u jkabbar fina kulma ngħatalna fil-Magħmudija u bih aħna lkoll imsejħin għall-qdusija,218 għalhekk dan għandu jagħti fil-għajn u jidher proprju fiċ-ċirkustanzi jew fil-qagħdiet tal-ħajja li fihom ikun jinsab kull nisrani. Jum wara l-ieħor aħna nsiru qima li togħġob lil Alla billi ngħixu ħajjitna bħala vokazzjoni. Wara l-laqgħa liturġika, huwa l-istess sagrament ta’ l-Ewkaristija li jimpenjana fir-realtà ta’ kull jum biex nagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.

 

U billi d-dinja hija “l-għalqa” (Mt 13, 38) li fiha Alla qiegħed ’l uliedu bħala żerriegħa tajba, l-insara lajċi, bis-saħħa tal-Magħmudija u tal-Konfermazzjoni, imsaħħin bl-Ewkaristija, huma msejħin biex jgħixu l-mod radikali ġdid li ġabilna Kristu f’nofs iċ-ċirkustanzi komuni tal-ħajja.219 Huma għandhom ikabbru x-xewqa li l-Ewkaristija għandha tidħol dejjem iżjed fil-fond fil-ħajja ta’ kuljum u twassalhom biex ikunu xhieda li jingħarfu fl-ambjent tagħhom fuq ix-xogħol u fis-soċjeta’ kollha kemm hi.220 Irrid inqawwi qalb speċjalment lill-familji, biex jieħdu ispirazzjoni u qawwa minn dan is-Sagrament. L-imħabba bejn raġel u mara, il-ftuħ għall-ħajja, id-dmir edukattiv, jidhru bħala oqsma privileġġjati li fihom l-Ewkaristija tista’ turi l-kapaċità li tbiddel u twassal għat-tifsira sħiħa tal-ħajja.221 Ir-Ragħajja m’għandhom qatt jonqsu milli jwieżnu, jedukaw u jagħmlu kuraġġ lill-fidili lajċi biex jgħixu fil-milja tagħha s-sejħa proprja tagħhom għall-qdusija f’nofs dinja li Alla tant ħabb li ta ’l Ibnu biex isir is-salvazzjoni tagħha.

 

Ewkaristija u spiritwalità saċerdotali

 

80.          Il-forma ewkaristika tal-ħajja nisranija tidher bla dubju b’mod partikulari fl-istat tal-ħajja saċerdotali. L-ispiritwalità hi essenzjalment ewkaristika. Iż-żerriegħa ta’ din l-ispiritwalità tinsab diġa’ fil-kliem li l-Isqof ilissen fil-liturġija ta’ l-Ordinazzjoni: “Ilqa’ l-offerti tal-poplu qaddis għas-Sagrifiċċju ewkaristiku, ifhem dak li tagħmel, ixbah dak li tiċċelebra, u qabbel ħajtek mal-misteru tas-salib ta’ Kristu l-Mulej.”222 Biex jagħti lil ħajtu forma ewkaristika dejjem aktar sħiħa, is-saċerdot, ġa’ fiż-żmien ta’ formazzjoni u mbagħad fis-snin ta’ wara, għandu jagħti l-akbar post għall-ħajja spiritwali.223 Huwa msejjaħ biex bla waqfien ifittex ’l Alla b’mod awtentiku, għalkemm jibqa’ fl-istess ħin qrib it-taħbit tal-bnedmin. Ħajja spiritwali qawwija tħallih jidħol aktar fil-fond fl-għaqda mal-Mulej u tgħinu jħalli lilu nnifsu jinħakem mill-imħabba ta’ Alla, billi jsir xhud tiegħu f’kull ċirkostanza anke diffiċli u mdallma. Għal dan l-iskop, flimkien mal-Missirijiet tas-Sinodu, nirrikkmanda lis-saċerdoti “iċ-ċelebrazzjoni ta’ kull jum tal-Quddiesa, ukoll meta ma jkunx hemm is-sehem tal-fidili.”224 Din ir-rakkomandazzjoni taqbel qabel xejn mal-valur reali u infinit ta’ kull ċelebrazzjoni ewkaristika; imbagħad huwa motivat mill-ġid spiritwali ewlieni tal-Quddiesa, għaliex jekk wieħed jgħixha bl-attenzjoni u bil-fidi, il-Quddiesa tagħti formazzjoni fis-sens l-aktar profond tal-kelma, billi tkompli tħeġġeġ ix-xebh ma’ Kristu u ssaħħaħ is-saċerdot fil-vokazzjoni tiegħu.

 

Ewkaristija u ħajja konsagrata

 

81.          Fl-isfond tar-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u s-sejħat differenti fil-Knisja tiddi b’mod partikulari “ix-xhieda profetika ta’ nisa u rġiel konsagrati, li fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u fl-adorazzjoni jsibu l-qawwa għall-mixja radikali wara Kristu ubbidjenti, fqir u safi.”225 Għad li jwettqu ħafna servizzi fil-qasam tal-formazzjoni umana u fil-kura tal-foqra, fit-tagħlim jew fil-għajnuna lill-morda, l-irġiel u n-nisa konsagrati jafu li l-iskop ewlieni ta’ ħajjithom huwa “il-kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ divini u l-għaqda li ma taqtax ma’ Alla.”226 Il-kontribut essenzjali li l-Knisja tistenna mill-ħajja konsagrata aktar hija fl-ordni ta’ kif għandek tkun milli x’għandek tagħmel. F’dan il-kuntest nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-importanza tax-xhieda verġinali proprju fir-relazzjoni mal-misteru ta’ l-Ewkaristija. Fil-fatt, barra mir-rabta maċ-ċelibat saċerdotali, il-misteru ewkaristiku juri relazzjoni essenzjali mal-verġinità konsagrata, billi din hija prova tad-dedikazzjoni esklużiva tal-Knisja lil Kristu li tilqgħu bħala l-Għarus tagħha b’fedeltà radikali li tħalli l-frott.227 Fl-Ewkaristija l-Verġinità konsagrata ssib ispirazzjoni u għajxien għall-għotja totali tagħha lil Kristu. Barra dan, mill-Ewkaristija hija tieħu faraġ u ħeġġa biex fi żmienna wkoll tkun sinjal ta’ l-imħabba mogħtija b’xejn u li tħalli frott li Alla għandu għall-bnedmin. Fl-aħħar permezz tax-xhieda speċjali tagħha, il-ħajja konsagrata issir tassew sinjal u dehra minn qabel ta’ dak “it-tieġ tal-Ħaruf” (Apok19, 7-9) li fih qiegħed l-għan ta’ l-istorja kollha tas-salvazzjoni. F’dan is-sens tipponta lejn ix-xefaq ta’ l-aħħar żmenijiet li kull bniedem għandu bżonnu biex jista’ jsib direzzjoni għall-għażliet u d-deċiżjonijiet tal-ħajja.

 

Ewkaristija u bidla morali

 

82.          Meta nilmħu s-sbuħija tal-forma ewkaristika tal-ħajja nisranija aħna nitwasslu biex nirriflettu fuq is-saħħa morali li titħaddem biex twieżen il-libertà awtentika ta’ wlied Alla. B’dan nifhem nerġa’ naqbad argument li ħareġ mis-Sinodu dwar ir-rabta bejn il-forma ewkaristika tal-ħajja u l-bidla morali. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien stqarr li l-ħajja morali “għandha l-valur ta’ ‘qima spiritwali’ (Rum 12, 1; ara Fil 3, 3) li toħroġ u titgħajjex minn dik l-għajn li ma tinxef qatt ta’ qdusija u tifħir lil Alla li huma s-sagramenti, b’mod speċjali l-Ewkaristija; fil-fatt, bis-sehem tiegħu fis-Sagrifiċċju tas-Salib, in-nisrani jieħu sehem fl-imħabba ta’ l-għotja ta’ Kristu u jkollu l-ħila u jimpenja ruħu biex jgħix din l-istess imħabba fl-imġiba u l-azzjonijiet tal-ħajja.”228 Tabilħaqq, “fl-istess ‘qima’, fit-Tqarbin hemm jinsab il-fatt li aħna maħbubin u l-fatt li aħna min-naħa tagħna nħobbu lill-oħrajn. Ewkaristija li ma tissarrafx f’imħabba verament prattika hi mfarrka fiha nfisha.”229

 

Din is-sejħa għall-valur morali tal-qima spiritwali m’għandhiex titfisser b’xi ħjiel ta’ moraliżmu naturali. Qabel xejn hi s-sejba ferrieħa ta’ l-enerġija ta’ l-imħabba fil-qalb ta’ min jilqa’ d-don tal-Mulej, jintelaq f’idejh, u jsib il-libertà vera. Il-bidla morali, li għandha x’taqsam mal-kult ġdid mibdi minn Kristu, hija tensjoni u xewqa mill-qalb ta’ wieħed li jrid iwieġeb għall-imħabba tal-Mulej bil-ħila tiegħu kollha, waqt li jaf bid-dgħufija personali tiegħu. Dan li qegħdin ngħidu jidher ċar fir-rakkont ta’ l-Evanġelju fejn jidħol Żakkew (ara Lq 19, 1-10). Wara li laqa’ lil Ġesù f’daru, il-pubblikan isib lilu nnifsu mibdul għal kollox: jiddeċiedi li jagħti nofs ġidu lill-foqra, u li jrodd lura erba’ darbiet iżjed lil dawk li seraq. L-urġenza morali li taf il-bidu tagħha mill-merħba li nagħtu lil Ġesù f’ħajjitna toħroġ mill-gratitudni li nkunu ġarrabna mill-fatt li l-Mulej huwa ħafna qrib tagħna bla ma jistħoqqilna.

 

Konsistenza ewkaristika

 

83.          Huwa importanti li nqisu dik li l-Missirijiet Sinodali sejħulha konsistenza ewkaristika li għaliha hija realment imsejħa ħajjitna. Fil-fatt, il-qima li togħġob lil Alla qatt ma hi biss azzjoni privata, mingħajr konsegwenzi għar-relazzjonijiet soċjali tagħna: hija titlob ix-xhieda pubblika tal-fidi tagħna. Ħaġa ċara li dan jiswa għall-imgħammdin kollha, iżda b’urġenza partikulari jolqot lil dawk li minħabba l-pożizzjoni soċjali jew politika li għandhom, ikollhom jieħdu deċiżjonijiet dwar valuri fundamentali, bħar-rispett u d-difiża tal-ħajja umana, mit-tnissil sal-mewt naturali, il-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, il-libertà fl-edukazzjoni ta’ l-ulied u t-titjib tal-ġid komuni fil-forom kollha tiegħu.230 Dawn il-valuri mhumiex negozjabbli. Għalhekk, il-politiċi u l-leġiżlaturi kattoliċi, li jagħrfu r-responsabbiltà soċjali gravi tagħhom għandhom iħossu b’mod partikulari l-kuxjenza tagħhom iffurmata sewwa, tħeġġiġhom biex jippreżentaw u jsostnu liġijiet  imnebbħin mill-valuri mibnijin fuq in-natura umana.231 Dan għandu rabta reali ma’ l-Ewkaristija (ara 1 Kor 11, 27-29). L-Isqfijiet huma fid-dmir li jinsistu bla waqfien fuq dawn il-valuri: din hija parti mir-responsabbilta’ tagħhom quddiem il-merħla afdata lilhom.232

 

L-Ewkaristija, misteru li għandu jixxandar

 

L-Ewkaristija u l-missjoni

 

84.          Fl-Omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni li biha tajt bidu għall-ministeru tiegħi fuq l-Kattedra ta’ Pietru jiena għidt: “M’hemm xejn isbaħ milli nkunu mgħaġġbin mill-Evanġelju, mil-laqgħa tagħna ma’ Kristu. M’hemm xejn isbaħ milli nsiru nafu Lilu u nwasslu lill-oħrajn għall-ħbiberija miegħu.”233 Din l-istqarrija tieħu aktar qawwa jekk naħsbu fil-misteru ta’ l-Ewkaristija. Tassew, ma nistgħux inżommu għalina l-imħabba li niċċelebraw fis-Sagrament. Min-natura tiegħu hu jitlob li jkun imwassal lil kulħadd. Dak li d-dinja għandha bżonn hija l-imħabba ta’ Alla, il-laqgħa ma’ Kristu u l-fidi fih. Għalhekk l-Ewkaristija mhix biss l-għajn u l-quċċata tal-ħajja tal-Knisja; hija wkoll l-għajn u l-quċċata tal-missjoni tagħha: “Knisja awtentikament ewkaristika hija Knisja Missjunarja.”234 Aħna wkoll imissna ngħidu b’konvinzjoni lil ħutna: “Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna biex intom ukoll tissieħbu magħna.” (1 Ġw 1, 3) Tassew m’hemm xejn aktar sabiħ milli tiltaqa’ ma’ Kristu u tgħarrfu lil kulħadd. Madankollu l-istess twaqqif ta’ l-Ewkaristija juri minn qabel dak li jifforma l-qalba tal-missjoni ta’ Ġesù. Huwa l-mibgħut tal-Missier għall-fidwa tad-dinja (ara Ġw 3, 16-17; Rum 8, 32). Fl-aħħar Ikla Ġesù ried jafda lid-dixxipli s-Sagrament li jagħmel preżenti s-sagrifiċċju tiegħu nnifsu magħmul minnu b’ubbidjenza lejn il-Missier għas-salvazzjoni tagħna lkoll. Ma nistgħux nersqu lejn il-Mejda ewkaristika mingħajr ma nħallu lilna nfusna nkunu mkaxkrin fil-missjoni li taf il-bidu tagħha fl-istess Qalb ta’ Alla, bil-ħsieb li tilħaq lill-bnedmin kollha. Għalhekk il-ġibda għall-missjoni hija parti essenzjali tal-forma ewkaristika tal-ħajja nisranija.

 

L-Ewkaristija u x-xhieda

 

85.          L-ewwel missjoni fundamentali li jagħtuna l-misteri qaddisa li niċċelebraw hi li nagħtu xhieda b’ħajjitna. L-istagħġib għad-don li Alla tana fi Kristu jistampa f’ħajjitna enerġija ġdida li timpenjana biex inkunu xhud ta’ mħabbtu. Insiru xhieda meta permezz ta’ l-għemejjel tagħna, tal-kliem li ngħidu u tal-mod kif inġibu ruħna, jidher l-Ieħor (Kristu) u jagħti lilu nnifsu. Wieħed jista’ jgħid li x-xhieda hi l-mezz li bih il-verità ta’ l-imħabba ta’ Alla tilħaq il-bnedmin fl-istorja, u tistedinhom biex jilqgħu bil-libertà din in-novità radikali. Permezz tax-xhieda, Alla, biex ngħidu hekk, jesponi lilu nnifsu għar-riskju tal-libertà umana. Ġesù nnifsu huwa x-xhud fidil u veru (ara Apok 1, 5; 3, 14); ġie biex jixhed għall-verità (ara Ġw 18, 37). F’dan l-ordni ta’ riflessjonijiet inħossni rrid naqbad ħsieb għażiż għall-ewwel insara, iżda li jolqot lilna wkoll, insara ta’ llum: ix-xhieda li taw sal-għotja tagħhom infushom, sal-martirju, kienet dejjem meqjusa fl-istorja tal-Knisja l-quċċata tal-qima ġdida spiritwali: “Offru ġisimkom”. (Rum 12, 1) Wieħed jista’ jaħseb ngħidu aħna, fir-rakkont tal-martirju ta’ San Polikarpu ta’ Smirna, dixxiplu ta’ San Ġwann: il-ġrajja drammatika kollha hija mtennija qisha liturġija, anzi bħallikieku l-martri nnifsu sar Ewkaristija.235 Nistgħu wkoll naħsbu fis-sens ewkaristiku li wera Injazju ta’ Antjokja quddiem il-martirju tiegħu: hu jqis lilu nnifsu “qamħ ta’ Alla” u fil-martirju xtaq isir “ħobż safi ta’ Kristu.”236 In-nisrani li joffri ħajtu fil-martirju jidħol f’għaqda sħiħa ma’ l-Għid ta’ Ġesù Kristu u hekk hu nnifsu jsir Ewkaristija miegħu. Illum ukoll mhumiex neqsin il-martri fil-Knisja, fihom tidher fl-aqwa tagħha l-imħabba ta’ Alla. B’danakollu, ukoll meta l-prova tal-martirju mhix mitluba  minna, aħna nafu li l-qima, li togħġob ’l Alla, tinsisti li f’qalbna inkunu mhejjija għaliha,237 u din issib it-twettiq tagħha fix-xhieda ferrieħa u konvinta, quddiem id-dinja, f’ħajja nisranija soda fl-oqsma li l-Mulej isejħilna biex inxandruh.

 

Kristu Ġesù, is-Salvatur waħdieni

 

86.          L-insistenza fuq ir-relazzjoni essenzjali bejn l-Ewkaristija u l-missjoni tmexxina biex nerġgħu nsibu wkoll il-qofol tal-messaġġ tagħna. Aktar ma tkun ħajja l-imħabba lejn l-Ewkaristija fil-qalb tal-poplu nisrani, aktar jara ċar id-dmir tal-missjoni: li nwasslu ’l Kristu. Din mhix biss idea jew mod ta’ ħajja ispirata minnu, iżda d-don tal-Persuna tiegħu. Min ma jwassalx il-verità ta’ l-Imħabba lil ħuh għadu ma tax biżżejjed. L-Ewkaristija bħala sagrament tas-salvazzjoni tagħna bilfors tfakkarna fl-uniċità ta’ Kristu, u li s-salvazzjoni twettqet minnu billi xerred demmu. Għalhekk, mill-misteru Ewkaristiku, li nemmnu fih u niċċelebrawh, toħroġ il-ħtieġa li nedukaw bla waqfien lil kulħadd għall-ħidma missjunarja li ċ-ċentru tagħha hu t-tħabbira ta’ Kristu, is-Salvatur waħdieni.238 Dan jgħinna biex nevitaw li nifhmu biss b’mod soċjoloġiku l-ħidma deċiżiva tal-promozzjoni umana li dejjem għandha x’taqsam f’kull proċess awtentiku ta’ evanġeliżżazzjoni.

 

Il-libertà tal-qima

 

87.          F’dan il-kuntest, nixtieq insemma’ dak li stqarrew il-Missirijiet ma’ tul l-Assemblea Sinodali dwar id-diffikultajiet serji li jolqtu l-missjoni ta’ dawk il-komunitajiet insara fejn jgħixu f’minoranza jew għal kollox f’nuqqas ta’ libertà reliġjuża.239 Għandna għalfejn inroddlu ħajr lill-Mulej għal dawk l-Isqfijiet, għas-saċerdoti, għall-persuni konsagrati u għal-lajċi kollha li jiddedikaw ruħhom biex ixandru l-Evanġelju u jgħixu l-fidi tagħhom waqt li jpoġġu f’periklu ħajjithom stess. Mhumiex ftit iż-żoni tad-dinja li fihom li tmur biss il-Knisja fiha xhieda erojka li tesponi l-ħajja tan-nisrani għall-emarġinazzjoni u għall-vjolenza. Hawnhekk ukoll irrid insaħħaħ is-solidarjetà tal-Knisja kollha ma’ dawk li qegħdin ibatu n-nuqqas ta’ libertà tal-qima. Bħalma nafu fejn il-libertà reliġjuża hija nieqsa, fil-fatt tkun nieqsa il-libertà l-iktar importanti għaliex il-bniedem fil-fidi juri d-deċiżjoni intima dwar is-sens aħħari ta’ ħajtu. Għalhekk, nitolbu biex fil-ġnus kollha jikbru fil-libertà reliġjuża, biex l-insara, kif ukoll il-membri ta’ reliġjonijiet oħra, jistgħu jgħixu bil-libertà l-konvinzjonijiet tagħhom, kemm personalment, kif ukoll f’komunità.

 

L-Ewkaristija, misteru li għandna noffru lid-dinja

 

L-Ewkaristija, ħobż maqsum għall-ħajja tad-dinja

 

88.          “Il-ħobż li jiena nagħti hu ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6, 51) B’dawn il-kelmiet il-Mulej jgħarrafna t-tifsira vera tad-don ta’ ħajtu għall-bnedmin kollha. Dawn il-kelmiet juruna wkoll il-mogħdrija intima li hu għandu għal kull persuna. Fil-fatt, ħafna drabi l-Evanġelji jsemmulna x’ħass Ġesù quddiem il-bnedmin, b’mod speċjali dawk fit-tbatija u l-midinbin. (Mt 20, 34; Mk 6, 34; Lq 19, 41) B’sensibiltà  umana fl-aqwa tagħha huwa fissrilna l-fehma ta’ Alla li jsalva lil kull bniedem, biex jasal għall-ħajja vera. Kull ċelebrazzjoni ewkaristika, tagħmel preżenti b’mod sagramentali d-don li Ġesù għamel ta’ ħajtu fuq is-salib għalina u għad-dinja kollha. Fl-istess ħin, fl-Ewkaristija Ġesù jagħmel minna xhieda tal-mogħdrija ta’ Alla għal ħutna kollha rġiel u nisa. Hekk madwar il-misteru tal-Ewkaristija jibda s-servizz tal-karità lejn il-proxxmu li “proprju fih il-fatt li jiena nħobb f’Alla u ma’ Alla, il-persuna li ma togħġobnix jew lanqas naf. Dan jista’ jseħħ biss billi nibda mil-laqgħa intima ma’ Alla, laqgħa li saret għaqda tar-rieda li waslet biex tmiss is-sentimenti tiegħi. Minħabba f’hekk nitgħallem inħares lejn din il-persuna l-oħra mhux biss b’għajnejja u bis-sentimenti tiegħi, iżda mill-mod kif jaraha Ġesù Kristu.”240 B’dan, fil-persuni li nersaq lejhom, jiena nagħraf aħwa rġiel u nisa li għalihom il-Mulej ta ħajtu billi ħabbhom “sa l-aħħar.” (Ġw 13, 1) B’riżultat ta’ dan, meta l-komunitajiet tagħna jiċċelebraw l-Ewkaristija, għandhom jagħrfu dejjem iżjed li s-sagrifiċċju ta’ Kristu hu għal kulħadd u għalhekk l-Ewkaristija tqanqal lil kull min jemmen fih biex ikun “ħobż maqsum” għall-oħrajn, u hekk għandu jimpenja ruħu għal dinja aktar ġusta u fraterna. Meta naħsbu fuq it-tkattir tal-ħobż u tal-ħut, jeħtieġ nagħrfu li Kristu llum ukoll ikompli jħeġġeġ id-dixxipli tiegħu biex jimpenjaw ruħhom personalment: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mt 14, 16). Tassew il-vokazzjoni ta’ kull wieħed minna hi li, flimkien ma’ Ġesù, ikun ħobż maqsum għall-ħajja tad-dinja.

 

L-implikazzjonijiet soċjali tal-Misteru Ewkaristiku

 

89.          L-għaqda ma’ Kristu li sseħħ fis-sagrament ġġib magħha tiġdid fir-relazzjonijiet soċjali: il-mistika tas-Sagrament għandha karattru soċjali. Fil-fatt “l-għaqda ma’ Kristu hi fl-istess ħin għaqda ma’ l-oħrajn kollha li lilhom hu jagħtihom lilu nnifsu. Jiena ma jistax ikolli ’l Kristu għalija waħdi biss; nista’ nkun tiegħu biss f’għaqda ma’ dawk kollha li saru jew għad isiru tiegħu.”241 Għal dan il-ħsieb huwa meħtieġ niċċaraw ir-relazzjoni bejn il-Misteru Ewkaristiku u l-impenn soċjali. L-Ewkaristija hija sagrament ta’ għaqda bejn l-aħwa rġiel u nisa li jaċċettaw li jerġgħu ikunu ħbieb ma’ Kristu, li mil-Lhud u l-pagani għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt tal-mibegħda li kienet tifridhom (ara Ef 2,14). Fil-fatt hija din il-ġibda kontinwa lejn ir-rikonċiljazzjoni li tħallina nitqarbnu denjament bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. (ara Mt 5,23-24)242 Permezz tat-tifkira tas-sagrifiċċju tiegħu, huwa jsaħħaħ l-għaqda bejn l-aħwa u, b’mod partikulari, iqanqal lil dawk miġġildin biex ifittxu r-rikonċiljazzjoni bejniethom, jinfetħu għal djalogu u għal impenn lejn il-ġustizzja. M’hemmx dubju li t-tiġdid tal-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra243 huma l-kundizzjonijiet biex tinbena mill-ġdid il-paċi vera. L-istqarrija ta’ dan il-fatt twassal għal rieda li wieħed ibiddel ukoll l-istrutturi inġusti biex jerġa’ jibni r-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla.  Hu permezz tal-proċess reali ta’ din ir-responsabbiltà li l-Ewkaristija ssir fil-ħajja dak li tfisser matul iċ-ċelebrazzjoni. Bħalma diġa’ kelli okkażjoni niddikjara, mhux inkarigu proprju tal-Knisja dak li tieħu f’idejha t-taqbida politika biex isseħħ soċjetà l-aktar ġusta kemm jista’ jkun; b’danakollu, hija ma tistax u ma għandhiex lanqas toqgħod fil-ġenb tat-taqbida għall-ġustizzja. Il-Knisja “għandha tindaħal fiha b’argumenti raġjonevoli, u jmissha tqajjem il-forzi spiritwali, li mingħajrhom il-ġustizzja, li sikwit titlob ukoll sagrifiċċji, ma tistax isseħħ u tgħaddi ’l quddiem.”244

 

Fil-kwadru tar-responsabbiltà soċjali ta’ l-insara kollha, il-Missirijiet Sinodali fakkru li s-sagrifiċċju ta’ Kristu huwa misteru ta’ ħelsien li jisfidana u jniggiżna bla waqfien. Għalhekk insejjaħ lill-fidili kollha biex tassew iġibu ’l quddiem il-paċi u l-ġustizzja: “Min jieħu sehem fl-Ewkaristija, fil-fatt għandu jimpenja ruħu biex jibni l-paċi fid-dinja tagħna, midruba minn ħafna vjolenza u gwerer, u llum b’mod partikulari, mit-terroriżmu, mill-korruzzjoni ekonomika, u mill-isfruttament sesswali.”245 Dawn huma kollha problemi, li minnhom infushom iwelldu fenomeni oħra degradanti u jqajmu inkwiet imqanqal. Aħna nafu li ċirkustanzi bħal dawn ma jistgħux ikunu mrażżna b’mod superfiċjali. Proprju bis-saħħa tal-Misteru li niċċelebraw, jeħtieġ nikkundannaw iċ-ċirkustanzi li ma jaqblux mad-dinjita’ tal-bniedem, li għalih Kristu xerred demmu, u hekk nistqarru l-valur kbir ta’ kull persuna.

 

Il-ħobż tal-verità u l-ħtieġa tal-bniedem

 

90.          Ma nistgħux nibqgħu ma nagħmlu xejn quddiem ċerti proċessi ta’ globalizzazzjoni li mhux darba fill joħolqu l-firda bejn l-għonja u l-foqra fuq livell dinji. Għandna nikkundannaw lil min iberbaq ġid id-dinja, u jqajjem differenzi li jgħajtu quddiem is-sema (ara Ġk 5, 4). Per eżempju, ma nistgħux nisktu quddiem ix-xeni ta’ tbatija fil-kampijiet kbar ta’ maħrubin u refuġjati f’ħafna naħat tad-dinja miġburin f’kundizzjonijiet li sabu neqsin minn kollox, biex jeħilsu minn xorti agħar. Dawn il-ħlejjaq umani mhumiex ħutna rġiel u nisa? It-tfal tagħhom ma ġewx fid-dinja bl-istess tamiet leġittimi ta’ hena bħall-oħrajn?246 Il-Mulej Ġesù, Ħobż tal-ħajja ta’ dejjem, iniggiżna u jiftħilna għajnejna għas-sitwazzjoni ta’ għaks li fiha għadha tgħix parti kbira mill-umanità; huma ċirkustanzi li l-kawża tagħhom spiss titlob mill-bnedmin responsabbilta’ ċara, responsabbiltà li ma tħallikx kwiet. Fil-fatt, “fuq il-bażi ta’ statistiċi li nsibu mxandra jista’ jingħad li inqas min-nofs il-flus destinati għall-armamenti jkunu aktar minn biżżejjed biex terfa’ b’mod stabbli mill-għaks l-eżerċtu bla qies ta’ foqra. Dan jisfida l- kuxjenza ta’ l-umanità. Lill-popli li jgħixu taħt il-livell tal-faqar, aktar minħabba ċirkustanzi li jiddependu minn relazzjonijiet internazzjonali politiċi, kummerċjali u kulturali u mhux minħabba sitwazzjonijiet lil hinn mill-kontroll tagħna, l-impenn komuni tagħna għall-verità jista’ u għandu jagħtihom tama ġdida.”247

 

L-ikel tal-verità jqanqalna biex nikkundannaw is-sitwazzjonijiet li ma jixirqux lill-bniedem fejn wieħed imut b’nuqqas ta’ ikel, minħabba inġustizzja u sfruttament, u jagħtina qawwa ġdida u kuraġġ biex naħdmu bla waqfien għall-bini taċ-ċiviltà ta’ l-imħabba. Sa mill-bidu l-insara inkwetaw biex iqassmu l-ġid tagħhom ma’ l-oħrajn (Atti 4, 32) u jgħinu lill-foqra (ara Rum 15, 26). Il-flus li jinġabru fil-laqgħat liturġiċi huma tifkira ħajja ta’ dan, u tibqa’ wkoll ħtieġa attwali ħafna. L-għaqdiet ekkleżjali ta’ benefiċenza, b’mod partikulari l-Caritas fil-livelli varji tagħha, iwettqu s-servizz prezzjuż li jgħinu l-persuni fil-bżonn, l-aktar lill-foqra. Dawn l-għaqdiet, ispirati mill-Ewkaristija, li hi s-sagrament tal-Karità, isiru l-prova reali tagħha; għalhekk jistħoqqilhom kull tifħir u inkuraġġiment għall-impenn solidali tagħhom fid-dinja.

 

It-Tagħlim soċjali tal-Knisja

 

91.          Il-misteru ta’ l-Ewkaristija jagħtina l-ħila u jqanqalna għal impenn kuraġġuż fl-istrutturi ta’ din id-dinja  biex iwasslilhom dak it-tiġdid ta’ relazzjonijiet li għandu l-għajn tiegħu li ma tinxef qatt fid-don ta’ Alla. It-talba li ntennu f’kull quddiesa: “Agħtina llum il-ħobżna ta’ kull jum”, tobbligana nagħmlu dak kollu li hu possibbli, b’koperazzjoni ma’ istituti internazzjonali, statali, privati, biex jintemm jew għallanqas jonqos fid-dinja l-iskandlu tal-ġuħ u tan-nuqqas ta’ ikel li qegħdin ibatu tant miljuni ta’ nies, l-aktar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-lajk nisrani, b’mod partikulari, iffurmat fl-iskola ta’ l-Ewkaristija, huwa msejjaħ biex jieħu direttament ir-responsabbiltà tiegħu politika u soċjali. Sabiex hu jista’ jwettaq kif jixraq dmirijietu jeħtieġ ikun imħejji permezz ta’ edukazzjoni reali fil-karità u fil-ġustizzja. Għalhekk bħalma ntalab mis-Sinodu, jeħtieġ li fid-Djoċesijiet u fil-komunitajiet insara għandu jkun magħruf u mxerred it-tagħlim soċjali tal-Knisja.248 F’dan il-patrimonju għani li ġej sa mill-eqdem tradizzjoni ekkleżjali, insibu l-elementi li b’għerf kbir jiddirieġu l-imġiba tal-insara quddiem il-kwistjonijiet soċjali li jaħarqu. Dan it-tagħlim, li żviluppa matul l-istorja kollha tal-Knisja, jingħaraf mir-realiżmu u l-moderazzjoni, billi jgħinna nevitaw kompromessi li joħorġuna mit-triq jew utopiji foloz.

 

It-tqaddis tad-dinja u l-ħarsien tal-ħolqien

 

92.          Fl-aħħar, biex niżviluppaw spiritwalità ewkaristika profonda kapaċi tidħol b’mod li jidher fin-nisġa soċjali, jeħtieġ li l-poplu nisrani, li jrodd ħajr permezz ta’ l-Ewkaristija, isir konxju li qed jagħmel dan f’isem il-ħolqien kollu, waqt li hekk jixxennaq għat-tqaddis tad-dinja u jaħdem bis-sħiħ għal dan il-għan.249 L-Ewkaristija stess titfa’ dawl qawwi fuq l-istorja umana u fuq il-ħolqien kollu. F’dan il-kwadru sagramentali jum wara l-ieħor, nitgħallmu li kull ġrajja ekkleżjali għandha x-xeħta ta’ sinjal, li bih Alla jurina lilu nnifsu u jisfidana. B’dan il-mod, il-forma ewkaristika tal-ħajja tista’ tassew tkabbar tibdil awtentiku ta’ mentalità li bih naqraw l-istorja u d-dinja. Il-liturġija stess tedukana għal dan meta, fil-preżentazzjoni tad-doni, is-saċerdot jagħmel talba lil Alla ta’ barka u ta’ petizzjoni fuq il-ħobż u l-inbid, “frott ta’ l-art”, “tad-dielja” u ta’ “xogħol il-bniedem.” B’dawn il-kelmiet, barra milli ndaħħlu fl-offerta lil Alla, il-ħidma kollha u t-taħbit tal-bniedem, ir-rit iġegħelna nqisu l-art bħala ħolqien ta’ Alla, li jipproduċi għalina dak li neħtieġu għall-manteniment tagħna. Id-dinja mhix realtà indifferenti, sempliċi materjal biex nużawh b’mod bla interess skond l-istint tal-bniedem. Aktar hija mqiegħda fil-qalba tal-pjan tajjeb ta’ Alla, li għalih aħna lkoll imsejħin biex inkunu wliedu fl-Iben waħdieni ta’ Alla, Ġesù Kristu (ara Ef 1, 4-12). L-inkwiet raġjonevoli dwar il-kundizzjonijiet ambjentali li fihom jinsab il-ħolqien f’ħafna partijiet tad-dinja jsibu faraġ fil-kwadru tat-tama nisranija, li timpenjana biex naħdmu b’mod responsabbli għall-ħarsien tal-ħolqien.250 Fir-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u l-univers, fil-fatt, insibu l-għaqda tal-pjan ta’ Alla, u nitwasslu biex nifhmu r-relazzjoni profonda bejn il-ħolqien u “il-ħolqien ġdid, mibdi fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, Adam ġdid. Aħna ġa’ għandna sehem fil-ħolqien ġdid minn issa fil-Magħmudija (ara Kor 2, 12ss) u hekk għall-ħajja tagħna nisranija, mitmugħa bl-Ewkaristija, tinfetaħ il-viżjoni ta’ dinja ġdida, ta’ sema ġdid u ta’ art ġdida, fejn Ġerusalemm il-Ġdida tinżel mis-sema, mingħand Alla, “mħejjija bħala għarusa mżejna għall-għarus tagħha” (Apok 21, 2).

 

Ħtieġa ta’ Kompendju Ewkaristiku

 

93.          Fi tmiem dawn il-ħsibijiet, li fihom xtaqt nittawwal fuq ix-xejriet li ħarġu fis-Sinodu, nixtieq nilqa’ wkoll it-talba li l-Missirijiet ressqu biex jgħinu l-poplu nisrani ħa jemmen, jiċċelebra u jgħix dejjem aħjar il-misteru ewkaristiku. Taħt il-kura tad-Dikasteri kompetenti tal-Kurja Rumana se jkun ippublikat Kompendju, li jiġbor fih siltiet mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, talbiet, tifsir tat-Talbiet Ewkaristiċi tal-Missal, u kulma jista’ jidher siewi biex nifhmu sewwa, niċċelebraw u naduraw is-Sagrament ta’ l-altar.251 Jiena nittama li dan il-mezz jista’ jkun ta’  kontribut biex it-tifkira ta’ l-Għid tal-Mulej issir kull jum għajn u quċċata tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja. Dan iqanqal lil kull nisrani biex jagħmel minn ħajtu qima vera u spiritwali.

 

GĦELUQ

 

94.          Ħuti, irġiel u nisa, l-Ewkaristija hija fejn tibda kull forma ta’ qdusija u kull wieħed minna huwa msejjaħ għal ħajja sħiħa fl-Ispirtu s-Santu. Kemm qaddisin għaddew ’il quddiem f’ħajja ta’ perfezzjoni, b’riżultat tad-devozzjoni tagħhom ewkaristika! Minn Sant Injazju ta’ Antjokja sa Santu Wistin, minn Sant’Anton Abbati sa San Benedittu, minn San Franġisk ta’ Assisi sa San Tumas ta’ Aquino, minn Santa Kjara ta’ Assisi sa Santa Katerina ta’ Siena, minn San Baskal Baylon sa San Pier Ġiljan Eymard, minn San Alfons M. de’ Liguori sal Beatu Charles de Foucauld, minn San Ġwann Marija Vianney sa Santa Teresa ta’ Lisieux, minn San Piju ta’ Pietralcina sal-Beata Teresa ta’ Kalkutta, mill-Beatu Piergiorgio Frassati sal-Beatu Ivan Mertz, biex insemmu biss xi ismijiet minn ħafna u ħafna li l-qdusija tagħhom dejjem sabet iċ-ċentru tagħha fis-Sagrament ta’ l-Ewkaristija.

 

Għalhekk huwa meħtieġ li fil-Knisja dan il-misteru l-aktar qaddis jitwemmen tassew, ikun ċelebrat bid-devozzjoni, u jingħex b’ħeġġa kbira. Id-don li Ġesù għamel tiegħu nnifsu fis-Sagrament b’tifkira tal-passjoni tiegħu jixhdilna li ħajjitna tirnexxi bis-sehem tagħna fil-ħajja trinitarja, li fih hija offruta lilna b’mod ċert u effikaċi. Iċ-ċelebrazzjoni u l-adorazzjoni ta’ l-Ewkaristija jħalluna nersqu lejn l-imħabba ta’ Alla u li ningħaqdu personalment sa ma nsiru ħaġa waħda mal-Mulej li aħna nħobbu. L-offerta tal-ħajja tagħna, l-għaqda mal-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu u s-solidarjetà ma’ kull bniedem huma aspetti li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom tal-logiké latreía, tal-qima spiritwali, qaddisa u li togħġob lil Alla (ara Rum 12, 1), li fiha l-ħajja kollha tagħna hi mibdula għall-glorja ta’ Alla. Għalhekk nistieden lir-ragħajja biex jagħmlu l-aqwa attenzjoni biex ixerrdu spiritwalità nisranija ewkaristika awtentika. Is-saċerdoti, id-djakni, u dawk kollha li jwettqu xi ministeru ewkaristiku jistgħu dejjem jieħdu minn dan l-istess servizz, magħmul b’kura u bi tħejjija bla waqfien, qawwa u tqanqila għall-mixja personali u komunitarja lejn il-qdusija. Inħeġġeġ lil-lajċi kollha, lill-familji b’mod partikulari, biex isibu kontinwament fis-Sagrament ta’ l-imħabba ta’ Kristu, l-enerġija biex ibiddlu ħajjithom f’sinjal awtentiku tal-preżenza tal-Mulej imqajjem mill-mewt. Nitlob lill-erwieħ kollha konsagrati biex juru bil-ħajja tagħhom ewkaristika d-dija u s-sbuħija li wieħed ikun tal-Mulej kollu kemm hu.

 

95.          Fil-bidu tas-seklu erbgħa, il-kult nisrani kien għadu pprojbit mill-awtorità imperjali. Xi nsara ta’ l-Afrika ta’ fuq, li ħassew ruħhom impenjati għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Mulej, sfidaw il-projbizzjoni. Tawhom il-martirju waqt li ddikjaraw li ma setgħux jgħixu mingħajr l-Ewkaristija, l-ikel tal-Mulej: sine dominico non possumus.252 Dawn il-martri ta’ Abitine magħqudin ma’ tant Qaddisin u Beati li għamlu mill-Ewkaristija ċ-ċentru ta’ ħajjithom, jalla  jidħlu għalina u jgħallmuna l-fedeltà għal-laqgħa tagħna ma’ Kristu Rxoxt. Aħna wkoll ma nistgħux ngħixu mingħajr ma nieħdu sehem fis-Sagrament tas-Salvazzjoni tagħna u nixtiequ nkunu iuxta dominicam viventes, (jiġifieri  nqiegħdu f’ħajjitna dak li niċċelebraw f’Jum il-Mulej). Tassew, dan il-jum huwa l-jum tal-ħelsien deċiżiv tagħna. Hemm għalfejn nistagħġbu jekk nixtiequ li kull jum ngħixu skond it-tiġdid tal-ħajja li Kristu daħħal bil-misteru ta’ l-Ewkaristija?

 

96.          Ħa timxi magħna f’din il-mixja biex niltaqgħu mal-Mulej li ġej Marija Santissima, Verġni bla tebgħa, arka tal-għaqda l-ġdida u ta’ dejjem. Fiha nsibu li seħħet l-essenza tal-Knisja f’mod l-aktar perfett. Il-Knisja tara f’Marija, “Mara Ewkaristika” – bħalma sejħilha l-Qaddej ta’ Alla Ġwanni Pawlu II253 – l-aqwa ikona (xbieha) tagħha, u taħseb fuqha bħala mudell singulari ta’ ħajja ewkaristika. Għalhekk fil-preżenza tal-“verum Corpus natum de Maria Virgine” (ħobż veru mwieled minn Marija Verġni) fuq l-altar, is-saċerdot, f’isem l-assemblea liturġika, jistqarr bil-kelmiet tal-kanoni: “Niftakru u nagħtu ġieħ l-ewwelnett lill-Glorjuża u dejjem Verġni Marija, Omm Alla u Sidna Ġesù Kristu”.254 L-isem qaddis tagħha huwa msejjaħ fit-talb u meqjum ukoll fil-kanoni tat-tradizzjonijiet insara tal-lvant. Il-fidili, min-naħa tagħhom “jirrikkmandaw lil Marija, Omm il-Knisja, ħajjithom u ħidmiethom. Waqt li jagħmlu ħilithom biex ikollhom l-istess sentimenti ta’ Marija, huma jgħinu lill-komunità kollha biex tgħix f’offerta ħajja, li togħġob ’l Alla l-Missier.”255 Marija hi t-“Tota pulchra” (Dik li hi kollha sabiħa), għaliex fiha tiddi d-dija tal-glorja ta’ Alla. Is-sbuħija tal-liturġija tas-sema li għandha tirrifletti wkoll fil-laqgħat tagħna, issib fiha mera l-aktar fidila. Minnha għandna nitgħallmu biex aħna stess insiru persuni ewkaristiċi u ekkleżjali biex aħna wkoll nistgħu, skond kelmet San Pawl, nippreżentaw ruħna “bla tebgħa” quddiem il-Mulej, bħalma riedna hu sa mill-bidu (ara Kol.1, 21; Ef 1, 4). 256

 

97.          Bl-interċessjoni tal-Beata Verġni Marija, l-Ispirtu s-Santu jkebbes fina l-istess ħeġġa li ħassew id-dixxipli ta’ Għemmaws (ara Lq 24, 13-35) u jġedded f’ħajjitna l-istagħġib ewkaristiku għad-dija u s-sbuħija li jiddu fir-rit liturġiku, sinjal qawwi ta’ l-istess sbuħija bla qies tal-misteru qaddis ta’ Alla. Dawk id-dixxipli qamu u reġgħu lura bil-għaġġla lejn Ġerusalemm biex jaqsmu l-ferħ tagħhom ma’ ħuthom, irġiel u nisa, fil-fidi. Tassew, l-hena vera hi li nagħrfu li l-Mulej għadu fostna, sieħeb fidil tal-mixja tagħna. L-Ewkaristija twassalna biex insibu li Kristu, mejjet u mqajjem mill-imwiet, jippreżenta ruħu preżenti llum fil-misteru tal-Knisja, l-Ġisem tiegħu. Aħna sirna xhud ta’ dan il-misteru ta’ mħabba. Ejjew inqawwu qalb xulxin li morru mimlijin hena u sens ta’ stagħġib għal-laqgħa tagħna ma’ l-Ewkaristija Qaddisa, biex inġarrbu u nxandru lill-oħrajn il-verita’ tal-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli qabel ħalliehom: “Jiena magħkom dejjem sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20).

Mogħtija f’Ruma f’San Pietru,

22 ta’ Frar 2007,

festa tal-Kattedra ta’ San Pietru Appostlu,

it-tieni sena tal-Pontifikat tiegħi

Papa Benedittu XVI

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jesmond Manicaro

 

Riferenzi

(1) Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae III, q. 73, a. 3.

(2) Santu Wistin, In Iohannis Evangelium Tractatus, 26,5: PL 35, 1609.

(3) Benedittu XVI, Indirizz lill-Parteċipanti  ta’ l-Assemblea Plenarja tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi (10 Frar 2006): AAS 98 (2006), 255.

(4) Benedittu XVI, Indirizz lill-membri tal-Kunsill Ordinarju tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet (1 Ġunju 2006): L'Osservatore Romano, 2 Ġunju 2006, p. 5.

(5) Ara Propositio 2.

(6) Hawnhekk qed nirreferi għall-bżonn ta’ ermenewtika ta’ kontinwità, anke fil-każ ta’ l-interpretazzjoni korretta fl-iżvilupp  liturġiku ta’ wara l-Konċilju Vatikan II: ara Benedittu XVI, Indirizz lill-Kurja Rumana (22 Diċembru 2005): AAS 98 (2006), 44-45.

(7) Ara AAS 97 (2005), 337-352.

(8) Is-Sena ta’ l-Ewkaristija: Suġġerimenti u Proposti (15 Ottubru 2004): L'Osservatore Romano, 15 October 2004, Supplement.

(9) Ara AAS 95 (2003), 433-475. Ukoll, l-Istruzzjoni tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti Redemptionis Sacramentum (25 Marzu 2004): AAS 96 (2004), 549-601, mixtieqa ħafna mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

(10) Biex insemmu biss dawn id-dokumenti importanti: Konċilju Ekumeniku tal-Konċilju ta’ Trentu, Doctrina et canones de ss. Missae sacrificio, DS 1738-1759; Ljun XIII, Ittra Enċiklika Mirae Caritatis (28 Mejju 1902): ASS (1903), 115-136; Piju XII, Ittra Enċiklika Mediator Dei (20 Novembru 1947): AAS 39 (1947), 521-595; Pawlu VI, Ittra Enċiklika Mysterium Fidei (3 Settembru 1965): AAS 57 (1965), 753-774; Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 April 2003): AAS 95 (2003), 433-475; Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni Eucharisticum Mysterium (25 Mejju 1967): AAS 59 (1967), 539-573; Istruzzjoni Liturgiam Authenticam (28 Marzu 2001): AAS 93 (2001), 685-726.

(11) Ara Propositio 1.

(12) Num. 14: AAS 98 (2006), 229.

(13) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1327.

(14) Propositio 16.

(15) Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa ta’ l-Installazzjoni fil-Katidral ta’ Ruma (7 Mejju 2005): AAS 97 (2005), 752.

(16) Ara Propositio 4.

(17) De Trinitate, VIII, 8, 12: CCL 50, 287.

(18) Ittra Enċiklika Deus Caritas Est (25 Diċembru 2005), 12: AAS 98 (2006), 228.

(19) Ara Propositio 3.

(20) Brevjar Ruman, Innu għall-Uffiċċju tal-Qari fis-Solennità ta’ Corpus Christi.

(21) Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est (25 Diċembru 2005), 13: AAS 98 (2006), 228.

(22) Benedittu XVI, Omelija f’Marienfeld Esplanade (21 Awissu 2005): AAS 97 (2005), 891-892.

(23) Ara Propositio 3.

(24) Ara Missal Ruman, Talba Ewkaristika IV.

(25) Cat. XXIII, 7: PG 33, 1114ff.

(26) Ara De Sacerdotio, VI, 4: PG 48, 681.

(27) L-istess, III, 4: PG 48, 642.

(28) Propositio 22.

(29) Ara Propositio 42: “Din il-laqgħa ewkaristika sseħħ fl-Ispirtu s-Santu, li jibdilna u jqaddisna. Hu jqajjem mill-ġdid fid-dixxiplu x-xewqa biex ixandar b’kuraġġ lill-oħrajn dak kollu li sema’ u li ġarrab, biex iwassalhom għall-istess laqgħa ma’ Kristu. Għalhekk id-dixxiplu, mibgħut mill-Knisja, jinfetaħ għall-missjoni mingħajr fruntieri.”

 (30) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni  Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 3; per eżempju, ara: San Ġwann Grisostmu, Catechesis 3, 13-19: SC 50, 174-177.

(31) Ġwanni Pawlu II, Ittra Ecclesia de Eucharistia (17 April 2003), 1: AAS 95 (2003), 433.

(32) L-istess, 21: AAS 95 (2003), 447.

(33) Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Redemptor Hominis (4 Marzu 1979), 20: AAS 71 (1979), 309-316; Ittra Appostolika Dominicae Cenae (24 Frar 1980), 4: AAS 72 (1980), 119-121.

(34) Ara Propositio 5.

(35) Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae, III, q. 80, a. 4.

(36) No. 38: AAS 95 (2003), 458.

(37) Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni  Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 23.

(38) Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra dwar xi aspetti tal-Knisja mifhuma bħala Komunjoni Communionis Notio (28 May 1992), 11: AAS 85 (1993), 844-845.

(39) Propositio 5: “Il-kelma “kattoliku” tesprimi dik l-universalità li ġejja mill-għaqda li l-Ewkaristija, iċċelebrata f’kull Knisja, toħloq u tibni. Għalhekk il-Knejjes partikulari fil-Knisja Universali, għandhom id-dmir li fl-Ewkaristija juru l-għaqda tagħhom fid-diversità. Din l-għaqda ta’ mħabba fraterna hi xbieha l-aktar ċara tal-għaqda trinitarja. Il-Konċilji u s-Sinodi jesprimu fl-istorja dan l-aspett fratern tal-Knisja.”

(40) Ara l-istess.

(41) Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri Presbyterorum Ordinis, 5.

(42) Ara Propositio 14.

(43) Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 1.

(44) De Orat. Dom., 23: PL 4, 553.

(45) Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 48; ara l-istess, 9.

(46) Ara Propositio 13.

(47) Ara Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 7.

(48) Ara l-istess, 11; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet dwar il-ħidma missjunarja tal-Knisja  Ad Gentes, 9, 13.

(49) Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra  Appostolika Dominicae Cenae (24 Frar 1980), 7: AAS 72 (1980), 124-127; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri Presbyterorum Ordinis, 5.

(50) Ara Kodiċi tal-Kanoni għall-Knejjes tal-Lvant, kan. 710.

(51) Ara Rit tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija ta’ l-Adulti, Introduzzjoni Ġenerali, 34-36.

(52) Ara Rit tal-Magħmudija tat-Tfal, Introduzzjoni, 18-19.

(53) Ara Propositio 15.

(54) Ara Propositio 7; Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 April 2003), 36: AAS 95 (2003), 457-458.

(55) Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni post-sinodali Reconciliatio et Paenitentia (2 Diċembru 1984), 18: AAS 77 (1985), 224-228.

(56) Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1385.

(57) Per eżempju, l-Confiteor, jew il-kliem li s-saċerdot u l-poplu jgħidu qabel it-tqarbin: “Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.” Mhux bla ħsieb li l-liturġija għandha talb sabiħ għas-saċerdot, li ġej minn żminijiet antiki, li jitkellem dwar il-bżonn tal-maħfra,  bħalma, hi per eżempju dik it-talba li tingħad minn taħt l-ilsien qabel ma s-saċerdot jistieden lill-fidili għat-tqarbin: “B’dan il-Ġisem u d-Demm qaddis tiegħek, eħlisni minn dnubieti kollha u minn kull ħażen. Żommni dejjem fidil lejn il-kmandamenti tiegħek u tħallini qatt ninfired minnek.”

(58) Ara San Ġwann Damaxxenu, Espożizzjoni dwar il-Fidi, IV, 9: PG 94, 1124C; San Girgor Nazjanzenu, Oratio 39, 17: PG 36, 356A; Konċilju Ekumeniku ta’ Trentu, Doctrina de sacramento paenitentiae, Kapitlu 2: DS 1672.

(59) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 11; Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni post-sinodali Reconciliatio et Paenitentia, 30: AAS 77 (1985), 256-257.

(60) Ara Propositio 7.

(61) Ara Ġwanni Pawlu II, Motu Proprio Misericordia Dei (7 April 2002): AAS 94 (2002), 452-459.

(62) Flimkien mal-Missirijiet Sinodali nixtieq infakkar li ċ-ċelebrazzjonijiet penitenzjali, mhux sagramentali, li nsibu fir-ritwal tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huma ta’ għajnuna biex ikabbru l-ispirtu ta’ konverżjoni u ta’ komunjoni fil-komunitajiet insara, u b’hekk jippreparaw il-qlub għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament. Ara Propositio 7.

(63) Ara Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 508.

(64) Pawlu VI, Kostituzzjoni Appostolika Indulgentiarum Doctrina (1 Jannar 1967), Normi, Num. 1: AAS 59 (1967), 21.

(65) L-istess, 9: AAS 59 (1967), 18-19.

(66) Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1499-1532.

(67) L-istess, 1524.

(68) Ara Propositio 44.

(69) Ara Sinodu ta’ l-Isqfijiet, It-Tieni Assemblea Ġenerali, Dokument dwar is-saċerdozju ministerjali Ultimis Temporibus (30 Novembru 1971): AAS 63 (1971), 898-942.

(70) Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Pastores Dabo Vobis (25 Marzu 1992), 42-69: AAS 84 (1992), 729-778.

(71) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 10; Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra dwar xi mistoqsijiet dwar il-Ministru ta’ l-Ewkaristija Sacerdotium Ministeriale (6 Awissu 1983): AAS 75 (1983), 1001-1009.

(72) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1548.

(73) L-istess, 1552.

(74) Ara In Iohannis Evangelium Tractatus, 123, 5: PL 35, 1967.

(75) Ara Propositio 11.

(76) Ara Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri Presbyterorum Ordinis, 16.

(77) Ara Ġwanni XXIII, Ittra Enċiklika Sacerdotii Nostri Primordia (1 Awissu 1959): AAS 51 (1959), 545-579; Pawlu VI, Ittra Enċiklika Sacerdotalis Coelibatus (24 Ġunju 1967): AAS 59 (1967), 657-697; Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Pastores Dabo Vobis (25 Marzu 1992), 29: AAS 84 (1992), 703-705; Benedittu XVI, Indirizz lill-Kurja Rumana (22 Diċembru 2006): L'Osservatore Romano, 23 Diċembru 2006, p. 6.

(78) Ara Propositio 11.

(79) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet dwar il-formazzjoni tas-saċerdoti Optatam Totius, 6; Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 241, § 1 u kan. 1029; Kodiċi tal-Kanoni għall-Knejjes tal-Lvant, kan. 342 § 1 u kan. 758; Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Pastores Dabo Vobis (25 Marzu 1992), 11, 34, 50: AAS 84 (1992), 673-675; 712-714; 746-748; Kongregazzjoni għall-Kleru, Direttorju dwar il-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti Dives Ecclesiae (31 Marzu 1994), 58; Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, Istruzzjoni dwar Kriterji għad-Dixxerniment Vokazzjonali għal persuni b’tendenzi Omosesswali fir-rigward tad-Dħul tagħhom fis-Seminarju jew l-Ammissjoni għall-Ordni Sagri (4 Novembru 2005): AAS 97 (2005), 1007-1013.

(80) Ara Propositio 12; Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Pastores Dabo Vobis (25 Marzu 1992), 41: AAS 84 (1992), 726-729.

(81) Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 29.

(82) Ara Propositio 38.

(83) Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Familiaris Consortio (22 Novembru 1981), 57: AAS 74 (1982), 149-150.

(84) Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Mulieris Dignitatem (15 Awissu 1988), 26: AAS 80 (1988), 1715-1716.

(85) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1617.

(86) Ara Propositio 8.

(87) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 11.

(88) Ara Propositio 8.

(89) Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Mulieris Dignitatem (15 Awissu 1988): AAS 80 (1988), 1653-1729; Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika dwar is-Sehem ta’ Irġiel u Nisa fil-Knisja u fid-Dinja (31 Mejju 2004): AAS 96 (2004), 671-687.

(90) Ara Propositio 9.

(91) Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1640.

(92) Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Familiaris Consortio (22 Novembru 1981), 84: AAS 74 (1982), 184-186; Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika dwar it-Tqarbin ta’ Nsara Divorzjati u li Reġgħu Żżewġu Annus Internationalis Familiae (14 Settembru 1994): AAS 86 (1994), 974-979.

(93) Ara Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġislattivi, Istruzzjoni dwar in-Normi li jridu jiġu Osservati fit-Tribunali Ekkleżjastiċi fil-Proċess Matrimonjali Dignitas Connubii (25 Jannar 2005), Belt tal-Vatikan, 2005.

(94) Ara Propositio 40.

(95) Benedittu XVI, Indirizz lit-Tribunal tar-Rota Rumana fil-Bidu tas-Sena Ġudizzjali (28 Jannar 2006): AAS 98 (2006), 138.

(96) Ara Propositio 40.

(97) Ara l-istess.

(98) Ara l-istess.

(99) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 48.

(100) Ara Propositio 3.

(101) Hawnhekk niftakar fil-kliem mimli tama u konsolazzjoni li nsibu fit-II Talba Ewkaristika: “Ftakar f’ħutna li raqdu bit-tama tal-qawmien. Ftakar fil-mejtin kollha. Daħħalhom quddiemek fid-dawl tas-sebħ tiegħek.”

(102) Ara Benedittu XVI, Omelija (8 Diċembru 2005): AAS 98 (2006), 15-16.

(103) Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 58.

(104) Propositio 4.

(105) Relatio post disceptationem, 4: L'Osservatore Romano, 14 Ottubru 2005, p. 5.

(106) Ara Serm. 1, 7; 11, 10; 22, 7; 29, 76: Sermones dominicales ad fidem codicum nunc denuo editi, Grottaferrata, 1977, pp. 135, 209ff., 292ff.; 337; Benedittu XVI, Messaġġ lill-Movimenti fi ħdan il-Knisja u lill-Komunitajiet ġodda (22 Mejju 2006): AAS 98 (2006), 463.

(107) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 22.

(108) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina Dei Verbum, 2, 4.

(109) Propositio 33.

(110) Sermo 227, 1: PL 38, 1099.

(111) In Iohannis Evangelium Tractatus, 21, 8: PL 35, 1568.

(112) L-istess, 28, 1: PL 35, 1622.

(113) Ara Propositio 30. Il-Quddies ta’ fost il-ġimgħa, li l-fidili huma mħeġġa li jieħdu sehem fih, isib it-tifsira sħiħa tiegħu f’Jum il-Mulej, il-Jum tal-qawmien ta’ Kristu; Propositio 43.

(114) Ara Propositio 2.

(115) Ara Propositio 25.

(116) Ara Propositio 19. Propositio 25 tgħid: “Azzjoni liturġika awtentika tesprimi l-qdusija tal-misteru ewkaristiku. Dan irid jidher mill-kliem u l-għemejjel tas-saċerdot li jiċċelebra, waqt li jinterċedi quddiem Alla l-Missier, kemm flimkien mal-fidili kif ukoll għan-nom tagħhom.”

(117) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 22; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 41; Ara Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum (25 Marzu 2004), 19-25: AAS 96 (2004), 555-557.

(118) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet dwar l-Uffiċċju Pastorali ta’ l-Isqfijiet Christus Dominus, 14; Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 41.

(119) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 22.

(120) Ara l-istess.

(121) Ara Propositio 25.

(122) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 112-130.

(123) Ara Propositio 27.

(124) Ara l-istess.

(125) F’dawn il-ħwejjeġ dak kollu mniżżel fl-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 319-351, irid jiġi osservat bir-reqqa.

(126) Ara Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 39-41; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 112-118.

(127) Sermo 34, 1: PL 38, 210.

(128) Ara Propositio 25: “Bħal kull espressjoni artistika, il-kant irid jiġi adattat sew għal-liturġija u jrid jgħin b’mod effettiv biex jintlaħaq l-għan tagħha; fi kliem ieħor, irid jesprimi l-fidi, it-talb, l-għoġba u l-imħabba lejn Ġesù preżenti fl-Ewkaristija.”

(129) Ara Propositio 29.

(130) Ara Propositio 36.

(131) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 116; Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 41.

(132) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 28; Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 56; Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, Istruzzjoni Eucharisticum Mysterium (25 Mejju 1967), 3: AAS 57 (1967), 540-543.

(133) Ara Propositio 18.

(134) L-istess.

(135) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 29.

(136) Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Fides et Ratio (14 Settembru 1998), 13: AAS 91 (1999), 15-16.

(137) San Ġlormu, Comm. in Is., Prol.: PL 24, 17; Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina Dei Verbum, 25.

(138) Ara Propositio 31.

(139) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 29; Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 7, 33, 52.

(140) Ara Propositio 19.

(141) Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 52.

(142) Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina Dei Verbum, 21.

(143) Għal dan il-għan is-Sinodu talab li jithejjew għajnuniet pastorali mibnija fuq iċ-ċiklu ta’ tliet snin tal-lezzjonarju. Dawn joħorġu r-rabta bejn il-proklamazzjoni tal-qari u d-duttrina tal-fidi; Ara Propositio 19.

(144) Ara Propositio 20.

(145) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 78.

(146) Ara l-istess, 78-79.

(147) Ara Propositio 22.

(148) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 79d.

(149) L-istess, 79c.

(150) Waqt li nżomm quddiemi d-drawwiet antiki u venerabbli tal-Knisja u x-xewqat tal- Missirijiet Sinodali, jien tlabt lill-Uffiċċji kompetenti tal-Kurja biex jistudjaw il-possibiltà li s-sinjal ta’ l-għoti tal-paċi jingħata f’mument ieħor tal-Quddiesa, bħal qabel il-preżentazzjoni ta’ l-offerti fuq l-altar. Jekk isir hekk, dan ifakkarna fil-kliem tal-Mulej li b’insistenza jgħidilna li qabel ma nersqu bl-offerti fuq l-altar irridu nkunu fil-paċi ma’ l-oħrajn (ara Mt 5,23); Ara Propositio 23.

 (151) Ara Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum (25 Marzu 2004), 80-96: AAS 96 (2004), 574-577.

(152) Ara Propositio 34.

(153) Ara Propositio 35.

(154) Ara Propositio 24.

(155) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 14-20; 30ff.; 48ff; Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum (25 Marzu 2004), 36-42: AAS 96 (2004), 561-564.

(156) Num. 48.

(157) L-istess.

(158) Ara Kongregazzjoni għall-Kleru, Istruzzjoni dwar il-Kollaborazzjoni tal-Fidili li ma rċevewx l-Ordni Sagri fil-Ministeru tas-Saċerdot Ecclesiae de Mysterio (15 Awissu 1997): AAS 89 (1997), 852-877.

(159) Ara Propositio 33.

(160) Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 92.

(161) Ara l-istess, 94.

(162) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet dwar l-Appostolat tal-Lajċi Apostolicam Actuositatem, 24; Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 95-111; Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum (25 Marzu 2004), 43-47: AAS 96 (2004), 564-566; Propositio 33: "Dawn il-ministeri għandhom jiġu introdotti b’mandat speċifiku u skond il-bżonnijiet reali tal-komunità li tiċċelebra. Dawk li jiġu afdati b’dawn il-ministeri liturġiċi għandhom jintgħażlu b’għaqal, jithejjew u jingħataw formazzjoni kontinwa. Il-mandat tagħhom irid ikun għal żmien limitat. Huma għandhom jiġu ppreżentati lill-komunità u din għandha tilqagħhom b’apprezzament.

(163) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 37-42.

(164) Ara Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 386-399.

(165) Ara Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni dwar il-Liturġija Rumana u l-Inkulturazzjoni Varietates Legitimae (25 Jannar 1994): AAS 87 (1995), 288-314.

(166) Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Ecclesia in Africa (14 Settembru 1995), 55-71: AAS 88 (1996), 34-47; Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Ecclesia in America (22 Jannar 1999), 16, 40, 64, 70-72: AAS 91 (1999), 752-753, 775-776, 799, 805-809; Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Ecclesia in Asia (6 Novembru 1999), 21ff.: AAS 92 (2000), 482-487; Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Ecclesia in Oceania (22 Novembru 2001), 16: AAS 94 (2002), 382-384; Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Ecclesia in Europa (28 Ġunju 2003), 58-60: AAS 95 (2003), 685-686.

(167) Ara Propositio 26.

(168) Ara Propositio 35; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 11.

(169) Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1388; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 55.

(170) Ara Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 April 2003), 34: AAS 95 (2003), 456.

(171) Ara, per eżempju, San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae, III, q. LXXX, a. 1, 2; Santa Tereża ta’ Ġesù, It-Triq tal-Perfezzjoni, Kapitlu 35. Din id-duttrina ġiet ikkonfermata mill-Konċilju ta’ Trentu, Sessjoni XIII, c. VIII.

(172) Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ut Unum Sint (25 Mejju 1995), 8: AAS 87 (1995), 925-926.

(173) Ara Propositio 41; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet dwar l-Ekumeniżmu Unitatis Redintegratio, 8, 15; Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ut Unum Sint (25 Mejju 1995), 46: AAS 87 (1995), 948; Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 April 2003), 45-46: AAS 95 (2003), 463-464; Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 844 §§ 3-4; Kodiċi tal-Kanoni għall-Knejjes tal-Lvant, kan. 671 §§ 3-4; Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda ta’ l-Insara, Directoire pour l'application des principes et des normes sur l'œcuménisme (25 Marzu 1993), 125, 129-131: AAS 85 (1993), 1087, 1088-1089.

(174) Ara Num. 1398-1401.

(175) Ara Num. 293.

(176) Ara Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, Istruzzjoni Pastorali dwar il-Komunikazzjoni Soċjali fl-Għoxrin Anniversarju ta’ "Communio et Progressio" Aetatis Novae (22 Frar 1992): AAS 84 (1992), 447-468.

(177) Ara Propositio 29.

(178) Ara Propositio 44.

(179) Ara Propositio 48.

(180) Kandidati għas-saċerdozju jistgħu jitħarrġu f’dawn it-tradizzjonijiet bħala parti mill-formazzjoni tagħhom fis-seminarju: Ara Propositio 45.

(181) Ara Propositio 37.

(182) Ara Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 36, 54.

(183) Propositio 36.

(184) Ara l-istess.

(185) Ara Propositio 32.

(186) Ara Propositio 14.

(187) Propositio 19.

(188) Ara Propositio 14.

(189) Ara Benedittu XVI, Omelija fl-Ewwel Għasar ta’ Għid il-Ħamsin (3 Ġunju 2006): AAS 98 (2006), 509.

(190) Ara Propositio 34.

(191) Enarrationes in Psalmos 98:9, CCL XXXIX, 1385; Ara Benedittu XVI, Indirizz lill-Kurja Rumana (22 Diċembru 2005): AAS 98 (2006), 44-45.

(192) Ara Propositio 6.

(193) Benedittu XVI, Indirizz lill-Kurja Rumana (22 Diċembru 2005): AAS 98 (2006), 45.

(194) Ara Propositio 6; Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Direttorju dwar id-Devozzjoni Popolari u l-Liturġija (17 Diċembru 2001), Num. 164-165, Belt tal-Vatikan, 2002; Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, Istruzzjoni Eucharisticum Mysterium (25 Mejju 1967): AAS 57 (1967), 539-573.

(195) Ara Relatio post disceptationem, 11: L'Osservatore Romano, 14 Ottubru 2005, p. 5.

(196) Ara Propositio 28.

(197) Ara Num. 314.

(198) VII, 10, 16: PL 32, 742.

(199) Benedittu XVI, Omelija f’Marienfeld Esplanade (21 Awissu 2005): AAS 97 (2005), 892; Ara Omelija tal-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin (3 Ġunju 2006): AAS 98 (2006), 505.

(200) Ara Relatio post disceptationem, 6, 47: L'Osservatore Romano, 14 Ottubru 2005, pp. 5-6; Propositio 43.

(201) De Civitate Dei, X, 6: PL 41, 284.

(202) Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1368.

(203) Ara San Irinew, Adv. Haer., IV, 20, 7: PG 7, 1037.

(204) Ad Magnes., 9, 1: PG 5, 670.

(205) Ara I Apologia, 67, 1-6; 66: PG 6, 430ff., 427, 430.

(206) Ara Propositio 30.

(207) Ara AAS 90 (1998), 713-766.

(208) Propositio 30.

(209) Omelija (19 Marzu 2006): AAS 98 (2006), 324.

(210) Il-Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 258, jgħid hekk dwar dan: “Għall-bniedem, li għandu bżonn jaħdem, dan il-mistrieħ iwassal għal idea aktar wiesgħa ta’ libertà sħiħa, dik tas-Sibt ta’ dejjem (Ara Lhud 4, 9-10).  Il-mistrieħ jagħti lill-irġiel u lin-nisa, il-possibiltà li jiftakru u jġarrbu mill-ġdid ix-xogħol ta’ Alla, mill-ħolqien sal-fidwa, biex jagħrfu lilhom infushom bħala x-xogħol ta’ idejh (Ara Efes 2, 10), u biex iroddulu ħajr għal ħajjithom u talli jmantnihom, hu li hu l-awtur tagħhom.”

(211) Ara Propositio 10.

(212) Ara l-istess.

(213) Ara Benedittu XVI, Indirizz lill-Isqfijiet tal-Canada – Quebec waqt iż-żjara ad Limina (11 Mejju 2006): Ara L'Osservatore Romano, 12 Mejju 2006, p. 5.

(214) Num. 10: AAS 71 (1979), 414-415.

(215) Benedittu XVI, Udjenza Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 2006: L'Osservatore Romano, 30 Marzu 2006, p. 4.

(216) Propositio 39.

(217) Ara Relatio post disceptationem, 30: L'Osservatore Romano, 14 Ottubru 2005, p. 6.

(218) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 39-42.

(219) Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Christifideles Laici (30 Diċembru 1988), 14, 16: AAS 81 (1989), 409-413; 416-418.

(220) Ara Propositio 39.

(221) Ara l-istess.

(222) Il-Pontifikal Ruman, Riti ta’ l-Ordinazzjoni ta’ Isqfijiet, Presbiteri u Djakni, L-Ordinazzjoni ta’ Presbiteru, Num. 163.

(223) Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Pastores Dabo Vobis (25 Marzu 1992), 19-33; 70-81: AAS 84 (1992), 686-712; 778-800.

(224) Propositio 38.

(225) Propositio 39. Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Vita Consecrata (25 Marzu 1996), 95: AAS 88 (1996), 470-471.

(226) Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 663 § 1.

(227) Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Vita Consecrata (25 Marzu 1996), 34: AAS 88 (1996), 407-408.

(228) Ittra Enċiklika Veritatis Splendor (6 Awissu 1993), 107: AAS 85 (1993), 1216-1217.

(229) Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est (25 Diċembru 2005), 14: AAS 98 (2006), 229.

(230) Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Evangelium Vitae (25 Marzu 1995): AAS 87 (1995), 401-522; Benedittu XVI, Indirizz lill-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja (27 Frar 2006): AAS 98 (2006), 264-265.

(231) Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Nota Dottrinali dwar il-Parteċipazzjoni tal-Kattoliċi fil-Ħajja Politika (24 Novembru 2002): AAS 96 (2004), 359-370.

(232) Ara Propositio 46.

(233) AAS 97 (2005), 711.

(234) Propositio 42.

(235) Ara Mart. Polycarp., XV, 1: PG 5, 1039, 1042.

(236) Sant’Injazju ta’ Antjokja, Ad. Rom., IV, 1: PG 5, 690.

(237) Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 42.

(238) Ara Propositio 42; Kongregazzjoni dwar id-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni dwar l-Uniċità u s-Salvazzjoni Universali ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja Dominus Iesus (6 Awissu 2000), 13-15: AAS 92 (2000), 754-755.

(239) Ara Propositio 42.

(240) Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est (25 Diċembru 2005), 18: AAS 98 (2006), 232.

(241) L-istess, 14.

(242) Waqt il-laqgħat tas-sinodu aħna smajna xhieda li tqanqal u sinifikattiva dwar kemm l-Ewkaristija hi strument tal-paċi. F’dan il-kuntest, Propositio 49 tgħid hekk: “Grazzi għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, ġnus miksurin bejniethom, inġabru madwar il-kelma ta’ Alla, semgħu l-messaġġ profetiku ta’ rikonċiljazzjoni li tiġi mill-maħfra, u rċevew il-grazzja tal-konverżjoni li tagħtihom il-grazzja li jieħdu sehem minn ħobża waħda u kalċi wieħed.”

(243) Ara Propositio 48.

(244) Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est (25 Diċembru 2005), 28: AAS 98 (2006), 239.

(245) Propositio 48.

(246) Benedittu XVI, Indirizz lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għas-Santa Sede (9 Jannar 2006): AAS 98 (2006), 127.

(247) L-istess.

(248) Ara Propositio 48. F’dan ir-rigward hu ta’ għajnuna l-Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja.

(249) Ara Propositio 43.

(250) Ara Propositio 47.

(251) Ara Propositio 17.

(252) Martyrium Saturnini, Dativi et aliorum plurimorum, 7, 9, 10: PL 8, 707, 709-710.

(253) Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 April 2003), 53: AAS 95 (2003), 469.

(254) L-Ewwel Talba Ewkaristika (Il-Kanone Ruman).

(255) Propositio 50.

(256) Ara Benedittu XVI, Omelija (8 Diċembru 2005): AAS 98 (2006), 15.