Laikos

 

 

ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Pjazza San Pietru

Is-XXVII Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 1 ta’ April 2012

 

Għeżież ħuti,

 

Ħadd il-Palm hu l-bieb il-kbir li jdaħħalna fil-Ġimgħa Mqaddsa, il-ġimgħa li fiha Sidna Ġesù jimxi lejn il-qofol tal-ħajja tiegħu fuq din l-art. Hu jitla’ Ġerusalemm biex iġib fil-milja l-Iskrittura u biex jiġi mdendel fuq l-għuda tas-salib, it-tron li minnu għad isaltan għal dejjem, jiġbed lejh il-bnedmin ta’ kull żmien u joffri lil kulħadd id-don tal-fidwa. Mill-Vanġeli nafu li Ġesù kien mexa lejn Ġerusalemm flimkien mat-Tnax, u li ftit ftit kienet ingħaqdet magħhom folla dejjem tikber ta’ pellegrini. San Mark jirrakkontalna li diġà sa minn xħin telqu minn Ġeriko kien hemm “folla kbira” miexja wara Ġesù (ara 10:46).

 

F’din l-aħħar biċċa tal-mixja sseħħ ġrajja partikulari, li tkabbar l-istennija għal dak li se jseħħ u l-attenzjoni ddawwarha iżjed fuq Ġesù. Matul it-triq, huwa u ħiereġ minn Ġeriko, naraw bilqiegħda jittallab wieħed agħma, jismu Bartimew. Malli dan jisma’ li wasal Ġesù ta’ Nazaret, jibda jgħajjat: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” (Mk 10:47). Jippruvaw isikktuh, imma għalxejn; sa ma fl-aħħar Ġesù jsejjaħlu u jistiednu jersaq lejh. “Xi tridni nagħmillek?”, jistaqsih. U dak: “Li nerġa’ nara, Rabbuni!” (v. 51). Ġesù jwieġbu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. Bartimew reġa’ kiseb id-dawl u beda miexi wara Ġesù tul it-triq (ara v. 52). U hekk, wara dak is-sinjal tal-għaġeb, imsieħeb minn dik l-invokazzjoni “Bin David”, il-folla tħoss f’ġisimha tferfira ta’ tama messjanika u ħafna jibdew jistaqsu: dak Ġesù, li kien miexi quddiemhom lejn Ġerusalemm, forsi kien hu l-Messija, David il-ġdid? U bid-daħla issa imminenti tiegħu fil-Belt il-Qaddisa, forsi kien wasal il-waqt li fih Alla fl-aħħar kien se jirrestawra s-saltna Davidika tiegħu?

 

Anki l-preparazzjoni għad-daħla, li Ġesu jagħmel flimkien mad-dixxipli tiegħu, tikkontribwixxi biex tkabbar din it-tama. Kif smajna fil-Vanġelu tal-lum (ara Mk 11:1-10), Ġesù jasal Ġerusalemm minn Betfaġe u mill-Għolja taż-Żebbuġ, jiġifieri mit-triq li minnha kellu jiġi l-Messija. Minn hemm, hu jibgħat quddiemu żewġ dixxipli, u jikkmandahom jeħdulu felu ta’ ħmar, li kellhom isibu fit-triq. Huma fil-fatt isibu l-ħmar, iħolluh u jeħduh lil Ġesù. Sa issa, kemm id-dixxipli u kemm il-pellegrini l-oħra kienu mtlew bl-entużjażmu: jieħdu l-imnatar tagħhom u jpoġġuhom fuq dahar il-ħmar; oħrajn jifirxuhom fit-triq quddiem Ġesù, li jimxi riekeb il-ħmar. Imbagħad jaqtgħu friegħi mis-siġar u jibda jgħajtu kliem mis-Salm 118, kliem antik ta’ barka tal-pellegrini li, f’dak il-kuntest, isir proklamazzjoni messjanika: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!” (vv. 9-10). Din l-akklamazzjoni ta’ festa, li jagħtuhielna l-Evanġelisti jagħtuhielna l-erbgħa li huma, hija għajta ta’ barka, innu ta’ eżultanza: tesprimi l-konvinzjoni unanimi li, f’Ġesù, Alla żar il-poplu tiegħu u li l-Messija mixtieq sa fl-aħħar wasal. U lkoll jinsabu hemm, bl-istennija dejjem tikber għall-opra li Kristu se jwettaq ladarba jkun daħal fil-belt tiegħu.

 

Imma x’inhu l-kontenut, ir-riżonanza l-aktar profonda ta’ dan l-għajta ta’ hena? It-tweġiba tasal għandna mill-Iskrittura kollha, li tfakkarna li l-Messija jġib fil-milja l-wegħda tal-barka ta’ Alla, il-wegħda oriġinali li Alla kien għamel lil Abram, missier dawk kollha li jemmnu: “Nagħmlek ġens kbir, inbierkek… u jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art” (Ġen 12:2,4). Hija l-wegħda li Iżrael kien żamm dejjem ħajja fit-talb tiegħu, b’mod partikulari fit-talb tas-Salmi. Għalhekk, Dak li hu msejjaħ mill-folla bħala l-imbierek, fl-istess waqt hu Dak li fih sa tkun imbierka l-umanità kollha. Hekk, fid-dawl ta’ Kristu, l-umanità tagħraf li hi profondament magħquda u bħal imgeżwra mill-mant tal-barka divina, barka li tinfed kullimkien, twieżen kollox, tifdi kollox, tqaddes kollox.

 

Hawn nistgħu niskopru l-ewwel messaġġ kbir li jasal għandna mill-festa tal-lum: l-istedina biex ikollna l-ħarsa t-tajba fuq l-umanità kollha, fuq il-popli li jiffurmaw id-dinja, fuq id-diversi kulturi u ċiviltajiet. Il-ħarsa li min jemmen jirċievi mingħand Kristu hi l-ħarsa tal-barka: barka kollha għerf u mħabba, kapaċi tagħraf il-ġmiel tad-dinja u tikkumpatixxi d-dgħufija tagħha. Minn din il-ħarsa tgħaddi l-istess ħarsa ta’ Alla fuq il-bnedmin li hu jħobb u fuq il-ħolqien, opra ta’ jdejh. Naqraw fil-Ktieb tal-Għerf: “Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox; int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin biex huma jindmu. Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha, u xejn ma tistmell minn kulma għamilt… Imma int, o Sid li tħobb kulma jgħix, lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek” (Għerf 11:23-24,26).

 

Nerġgħu lura għall-paġna tal-Vanġelu tal-lum u nistaqsu: x’hemm tassew fil-qalb ta’ dawk li jsellmu lil Kristu bħala Sultan ta’ Iżrael? Ċertament kellhom l-idea tagħhom ta’ Messija, idea ta’ kif kellu jaġixxi s-Sultan imwiegħed mill-profeti u li tant kien ilu mistenni. Mhux b’kumbinazzjoni li, ftit tal-jiem wara, il-folla ta’ Ġerusalemm, flok laqgħet lil Ġesù, għajtet quddiem Pilatu: “Sallbu”! U l-istess dixxipli, kif ukoll l-oħrajn li kienu rawh u semgħuh, jibqgħu bla kliem u mifxula. Fil-fatt, il-parti l-kbira baqgħu delużi mill-mod li bih Ġesù kien iddeċieda li jippreżenta ruħu bħala Messija u Sultan ta’ Iżrael. Proprju hawn hi l-qalba tal-festa tal-lum, anki għalina. Min hu għalina Ġesù ta’ Nazaret? X’idea għandna tal-Messija, x’idea għandna ta’ Alla? Hi mistoqsija kruċjali, din, li ma nistgħux naħarbuha, iktar u iktar meta f’din il-ġimgħa aħna msejħin nimxu wara s-Sultan tagħna li jagħżel is-salib bħala tron; aħna msejħin nimxu wara Messija li ma jiżguralniex ferħ faċli fuq din l-art, imma l-ferħ tas-sema, l-hena ta’ Alla. Allura rridu nistaqsu lilna nfusna: liema huma l-istennijiet veri tagħna? Liema huma x-xewqat l-aktar profondi, li bihom ġejna hawn illum niċċelebraw Ħadd il-Palm u nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa?

 

Għeżież żgħażagħ, li nġbartu hawnhekk! Dan hu b’mod partikulari l-Jum tagħkom, kull fejn fid-dinja hi preżenti l-Knisja. Għalhekk insellmilkom b’għożża kbira! Ħa jkun għalikom Ħadd il-Palm il-jum tad-deċiżjoni, id-deċiżjoni li tilqgħu lill-Mulej u li timxu warajh sal-aħħar, id-deċiżjoni li tagħmlu mill-Għid tiegħu tal-mewt u l-qawmien l-istess tifsira tal-ħajja tagħkom ta’ Nsara. Hija d-deċiżjoni li twassal għall-veru ferħ, kif ridt infakkarkom fil-Messaġġ liż-Żgħażagħ għal din il-Ġurnata – “Ifirħu dejjem fil-Mulej” (Fil 4:4) – u kif ġralha Santa Kjara ta’ Assisi, li, tmien mitt sena ilu, imkaxkra mill-eżempju ta’ San Franġisk u tal-ewwel sħab tiegħu, proprju nhar Ħadd il-Palm, ħalliet id-dar ta’ missierha biex tikkonsagra ruħha kollha kemm hi lill-Mulej: kellha tmintax-il sena u sabet il-kuraġġ tal-fidi u tal-imħabba, biex tiddeċiedi li timxi wara Kristu, u ssib fih il-ferħ u l-paċi.

 

Għeżież ħuti, b’mod partikulari huma tnejn is-sentimenti ta’ dawn il-jiem: it-tifħir, kif għamlu dawk li laqgħu lil Ġesù Ġerusalemm bl-“Hosanna” tagħhom; u r-radd il-ħajr, għax f’din il-Ġimgħa Mqaddsa l-Mulej Ġesù se jġedded l-akbar don li nistgħu nimmaġinaw: se jagħtina ħajtu, ġismu u demmu, imħabbtu. Imma għal don hekk għoli rridu nwieġbu b’mod xieraq, jew aħjar, bid-don tagħna nfusna, tal-ħin tagħna, tat-talb tagħna, tal-komunjoni profonda ma’ Kristu li jbati, imut u jqum għalina. Il-Missirijiet tal-qedem tal-Knisja raw simbolu ta’ dan kollu fil-ġest tan-nies li mxiet wara Ġesù fid-daħla tiegħu Ġerusalemm, il-ġest li jifirxu l-imnatar quddiem il-Mulej. Quddiem Kristu – kienu jgħidu l-Padri – irridu nifirxu ħajjitna, il-persuna tagħna, f’atteġġjament ta’ gratitudni u ta’ adorazzjoni. Fl-aħħar nett, nerġgħu nisimgħu leħen wieħed minn dawn il-Missirijiet tal-qedem, dak ta’ Sant’Andrija, Isqof ta’ Kreta: “Aħna nxtħetna quddiem Kristu; ma frixniex quddiemu lbiesi u friegħi, ħwejjeġ li anqas nifs ma fihom, anqas ħxejjex li jħennu l-għajnejn għal ftit sigħat u mbagħad jitilfu l-ħdura tagħhom u jinxfu; imma nxtħetna quddiemu libsin il-grazzja tiegħu, jiġifieri lilu nnifsu… Aħna stess ninxteħtu f’riġlejh, qisna lbiesi mifruxa quddiemu… nieħdu f’idejna mhux friegħi tal-palm imma l-istendardi tar-rebħa ħa nxejruhom lil dak li ħareġ rebbieħ fuq il-mewt. Ejjew insemmgħu kuljum aħna wkoll dik l-għajta qaddisa tat-tfal, inxejru l-friegħi spiritwali ta’ ruħna u ngħidu: ‘Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej, is-Sultan ta’ Iżrael’” (PG 97, 994). Amen!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard