Laikos

 

 

ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Pjazza San Pietru

Is-XXVI Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 17 ta’ April 2011

 

Għeżież ħuti,

għeżież żgħażagħ!

 

Ta’ kull sena jqanqalna mill-ġdid, nhar Ħadd il-Palm, li nitilgħu flimkien ma’ Ġesù l-muntanja lejn is-santwarju, nakkumpanjawh tul it-triq lejn l-għoli. F’dan il-jum, fuq il-wiċċ kollu tal-art u matul is-sekli kollha, żgħażagħ u nies ta’ kull età jsellmulu b’leħen għoli: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!”.

 

Imma xi nkunu nagħmlu tassew meta nissieħbu f’din il-purċissjoni – mal-folla ta’ dawk li flimkien ma’ Ġesù telgħu Ġerusalemm u sellmulu bħala sultan ta’ Iżrael? Hi xi ħaġa iktar minn ċerimonja, minn drawwa sabiħa? Forsi għandha x’taqsam mar-realtà vera ta’ ħajjitna, tad-dinja tagħna? Biex insibu t-tweġiba, irridu qabelxejn niċċaraw Ġesù nnifsu x’ried tassew u x’għamel tassew. Wara l-istqarrija tal-fidi, li Pietru kien għamel f’Ċesarija ta’ Filippu, fit-tarf tat-tramuntana tal-Art Imqaddsa, Ġesù kien mexa bħala pellegrin lejn Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Jinsab f’mixja lejn it-Tempju fil-Belt Imqaddsa, lejn dak il-post li għal Iżrael kien jiggarantixxi b’mod partikulari l-qrubija ta’ Alla lejn il-poplu tiegħu. Jinsab f’mixja lejn il-festa komuni tal-Għid, tifkira tal-ħelsien mill-Eġittu u sinjal tat-tama fil-ħelsien defenittiv. Hu jaf li hemm jistennieh Għid ġdid u li hu stess kellu jieħu l-post tal-ħrief maqtula, billi joffri lilu nnifsu fuq is-Salib. Jaf li, fid-doni misterjużi tal-ħobż u tal-inbid, se jingħata għal dejjem għal dawk li huma tiegħu, jiftħilhom il-bieb lejn triq ġdida ta’ ħelsien, lejn il-komunjoni ma’ Alla l-ħaj. Jinsab f’mixja lejn l-għolja tas-Salib, lejn il-mument tal-imħabba li tingħata. L-aħħar punt tal-pellegrinaġġ tiegħu hu l-għoli ta’ Alla nnifsu, li lejh hu jrid jerfa’ lill-bniedem.

 

Il-purċissjoni tagħna tal-lum allura trid issir ix-xbieha ta’ xi ħaġa iżjed profonda, xbieha tal-fatt li, flimkien ma’ Ġesù, nimxu tul il-pellegrinaġġ: fit-triq għolja lejn Alla l-ħaj. Din hi t-telgħa li qed nitkellmu fuqha. Hija l-mixja li għaliha Ġesù jistedinna. Imma kif nistgħu nżommu l-pass f’din it-telgħa? Forsi mhix wisq għal dak li nifilħu għalih aħna? Iva, hi ’l fuq mill-possibbiltajiet tagħna. Sa minn dejjem il-bnedmin kienu mimlija – u llum iżjed minn qatt qabel – bix-xewqa li “jkunu bħal Alla”, li jilħqu huma stess l-għoli ta’ Alla. Fl-invenzjonijiet kollha tal-ispirtu uman aħna l-bnedmin, fl-aħħar mill-aħħar, infittxu kif ħa niksbu l-ġwienaħ, biex nistgħu nintrefgħu lejn l-għoli tal-Essri, biex insiru indipendenti, ħielsa għalkollox, kif hu Alla. Tant ħwejjeġ irnexxielha tikseb l-umanità: kapaċi ntiru. Nistgħu naraw lil xulxin, nisimgħu lil xulxin u nitkellmu ma’ xulxin minn tarf għall-ieħor tad-dinja. U madankollu, il-froza tal-gravità li tiġbidna ’l isfel hi b’saħħitha. Flimkien mal-ħiliet tagħna ma kibirx biss it-tajjeb. Anki l-possibbiltajiet tal-ħażen żdiedu u qishom bħal tempesti li jheddu l-istorja. Anki l-limiti tagħna baqgħu hemm: biżżejjed naħsbu fil-katastrofijiet li f’dawn ix-xhur fnew u jkomplu jifnu l-umanità.

 

Il-Padri qalu li l-bniedem jinsab fil-punt fejn jiltaqgħu flimkien żewġ punti ta’ gravitazzjoni. Hemm qabelxejn il-qawwa tal-gravità li tiġbed ’l isfel – lejn l-egoiżmu, lejn il-gidba u lejn il-ħażen; il-punt ta’ gravità li jbaxxina u jbegħidna mill-għoli ta’ Alla. Min-naħa l-oħra hemm il-qawwa ta’ gravità tal-imħabba ta’ Alla: il-fatt li aħna maħbuba minn Alla u t-tweġiba tal-imħabba tagħna jiġbduna lejn l-għoli. Il-bniedem jinsab f’nofs din il-forza doppja ta’ gravità, u kollox jiddependi minn kemm naħarbu mill-kamp ta’ gravitazzjoni tal-ħażen u nsiru ħielsa biex inħallu tiġbidna għalkollox il-qawwa tal-gravità ta’ Alla, li jagħmilna veri, jerfagħna, jagħtina l-libertà vera.

 

Wara l-liturġija tal-Kelma, fil-bidu tat-Talba Ewkaristika li tulha l-Mulej jidħol f’nofsna, il-Knisja tistedinna: “Sursum corda – nerfgħu qlubna ’l fuq!”. Skont l-għarfien bibliku u fil-viżjoni tal-Padri, il-qalb hi dak iċ-ċentru tal-bniedem li fih jingħaqdu l-intellett, ir-rieda u s-sentiment, il-ġisem u r-ruħ. Dan iċ-ċentru, li fih l-ispirtu jsir ġisem u l-ġisem isir spirtu; li fih rieda, sentiment u intellett jingħaqdu flimkien fl-għarfien ta’ Alla u fl-imħabba għalih. Din il-“qalb” għandha tiġi merfugħa ’l fuq. Imma għal darb’oħra: aħna waħidna dgħajfin wisq biex nerfgħu qlubna sal-għoli ta’ Alla. M’aħniex kapaċi. Proprju s-suppervja li nistgħu nagħmluh waħidna tiġbidna fil-baxx u tbegħidna minn Alla. Alla nnifsu jrid jerfagħna ’l fuq, u dan hu li Kristu beda fuq is-Salib. Hu niżel sal-iktar post baxx tal-eżistenza umana, biex jerfagħna fl-għoli lejh, lejn Alla l-ħaj. Hu sar umli, jgħid illum it-Tieni Qari. Hekk biss is-suppervja tagħna setgħet tiġi megħluba: l-umiltà ta’ Alla hija l-forma estrema tal-imħabba tiegħu, u din l-imħabba umli tiġbed lejn l-għoli.

 

Is-Salm proċessjonali 24, li l-Knisja tipproponilna bħala “kant tat-telgħa” għal-liturġija tal-lum, jindika xi elementi konkreti, li jagħmlu parti mit-tlugħ tagħna u li mingħajrhom ma nistgħux ninterfgħu ’l fuq: l-idejn indaf, il-qalb safja, iċ-ċaħda tal-gideb, it-tiftix tal-wiċċ ta’ Alla. Il-kisbiet kbar tat-teknoloġija jagħmluna ħielsa u huma elementi tal-progress tal-umanità biss jekk ikunu magħquda ma’ dawn l-atteġġjamenti – jekk idejna jsiru ndaf u qalbna ssir safja, jekk qed infittxu l-verità, infittxu lil Alla nnifsu, u nħallu mħabbtu tmissna u tisfidana. Dawn l-elementi kollha tat-telgħa jkunu effikaċi biss jekk bl-umiltà nagħrfu li jeħtieġ ninġibdu lejn l-għoli; jekk inwarrbu s-suppervja li rridu nsiru aħna stess Alla. Għandna bżonn tiegħu: hu jiġbidna lejn l-għoli, biex inkunu mwieżna fis-sod minn idejh – jiġifieri fil-fidi – u dan jagħtina l-orjentament it-tajjeb u l-qawwa interjuri li terfagħna fl-għoli. Għandna bżonn tal-umiltà tal-fidi li tfittex il-wiċċ ta’ Alla u tintelaq f’idejn il-verità ta’ mħabbtu.

 

Il-kwisjtoni ta’ kif il-bniedem jista’ jasal fl-għoli, isir għalkollox hu nnifsu u tassew jixbah lil Alla, sa minn dejjem ħabbtet lill-umanità. Ġiet diskussa b’passjoni mill-filosfi Platoniċi tat-tielet u r-raba’ seklu. Il-mistoqsija ċentrali tagħhom kienet kif sa jsibu mezzi ta’ tisfija, li permezz tagħhom il-bniedem jista’ jinħeles mit-toqol kbir li jiġbdu ’l isfel u jitla’ sal-għoli ta’ dak li tassew hu, sal-għoli tad-divinità. Santu Wistin, fit-tiftixa tiegħu tat-triq it-tajba, għal xi żmien fittex l-għajnuna f’dawn il-filosofiji. Imma fl-aħħar wasal biex jagħraf li t-tweġiba tagħhom ma kinitx biżżejjed, li bil-metodi tagħhom hu ma kienx se jasal tassew għand Alla. Lir-rappreżentanti tagħhom qalilhom: Agħrfu, mela, li l-qawwa tal-bniedem u tat-tisfijiet kollha tiegħu mhix biżżejjed biex twasslu tassew għall-għoli tad-divin, għall-għoli li jixraqlu. U qal li kien jaqta’ qalbu minnu nnifsu u mill-eżistenza umana, kieku ma sabx lil Dak li jagħmel dak li aħna stess m’aħniex kapaċi nagħmlu; Dak li jerfagħna għall-għoli ta’ Alla, minkejja l-miżerja tagħna: Ġesù Kristu li, minn Alla, niżel lejna u, fl-imħabba misluba tiegħu, jaqbdilna jdejna u jmexxina lejn l-għoli.

 

Aħna sejrin f’pellegrinaġġ mal-Mulej lejn l-għoli. Qed infittxu l-qalb safja u l-idejn indaf, qed infittxu l-verità, qed infittxu l-wiċċ ta’ Alla. Ejjew nuruh lill-Mulej ix-xewqa tagħna li nsiru ġusti u nitolbuh: Iġbidna int fl-għoli! Saffina! Agħmel li tkun tgħodd għalina l-kelma li nkantaw fis-Salm proċessjonali; jiġifieri li nistgħu nagħmlu parti min-nisel li jfittex lil Alla, “li jfittex lil wiċċek, Alla ta’ Ġakobb” (Salm 24:6). Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard