Laikos

 

 

ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Pjazza San Pietru

Il-XXV Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 28 ta’ Marzu 2010

 

Għeżież ħuti,

għeżież żgħażagħ!

 

Il-Vanġelu tat-tberik tal-palm, li għadna kemm smajna hawn miġbura fi Pjazza San Pietru, jiftaħ bil-frażi: “Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn” (Lq 19:28). Minnufih fil-ftuħ tal-liturġija ta’ dan il-jum, il-Knisja tantiċipa t-tweġiba tagħha għall-Vanġelu, u tgħid: “Nimxu wara l-Mulej”. B’dan, it-tema ta’ Ħadd il-Palm hi espressa b’mod ċar. Din hija l-mixja tad-dixxipulat. Li nkunu Nsara jfisser li nqisu t-triq ta’ Ġesù Kristu bħala t-triq it-tajba biex inkunu bnedmin – bħal dik it-triq li twassal għad-destinazzjoni, għal umanità għalkollox realizzata u awtentika. B’mod partikulari, irrid intenni liż-żgħażagħ kollha, f’dan il-XXV Jum Dinji taż-Żgħażagħ, illi li tkun Nisrani hi mixja, jew aħjar: pellegrinaġġ, nimxu flimkien ma’ Ġesù Kristu. Nimxu f’dik id-direzzjoni li hu wriena u jurina.

 

Imma x’direzzjoni hi din? Kif insibuha? Il-frażi tal-Vanġelu tagħna toffri żewġ indikazzjonijiet dwar hekk. L-ewwel nett tgħid li din hi telgħa. Dan għandu qabelxejn tifsira konkreta ħafna. Ġeriko, fejn bdiet l-ewwel parti tal-pellegrinaġġ ta’ Ġesù, tinsab 250 metru taħt il-livell tal-baħar, waqt li Ġerusalemm – id-destinazzjoni tal-mixja – tinsab bejn 740 u 780 metru fuq il-livell tal-baħar: telgħa ta’ kważi elf metru. Imma din it-triq esterjuri hi fuq kollox xbieha tal-moviment interjuri tal-ħajja, li jseħħ fil-mixja wara Kristu: hija telgħa lejn il-veru għoli tal-ħajja umana. Il-bniedem jista’ jagħżel triq komda u jiskansa kull taħbit. Jista’ wkoll jinżel fil-baxx, il-vulgari. Jista’ jogħdos fil-ħama tal-gidba u tad-diżonestà. Ġesu jimxi quddiemna, u jimxi lejn l-għoli. Hu jwassalna għal dak li hu kbir, pur, iwassalna fl-arja tajba tal-għoli: għall-ħajja skont il-verità; għall-kuraġġ li ma jħallix ibeżżgħu t-tpaċpiċ fieragħ tal-opinjonijiet dominanti; għas-sabar li jissaporti u jwieżen lill-ieħor. Hu jwassalna għad-disponibbiltà lejn min qed ibati, lejn l-abbandunati; għall-fedeltà li tinsab fuq in-naħa tal-ieħor imqar meta s-sitwazzjoni ssir diffiċli. Iwassalna għad-disponibbiltà biex nagħtu l-għajnuna; għat-tjieba li lanqas l-ingratitudni ma tħalli żżarmaha. U jwassalna għall-imħabba – li twassalna għal għand Alla.

 

“Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn”. Jekk naqraw din il-kelma tal-Vanġelu fil-kuntest tat-triq kollha ta’ Ġesù – triq li, appuntu, tasal sal-aħħar taż-żminijiet – nistgħu niskopru diversi livelli fl-indikazzjoni tad-destinazzjoni “Ġerusalemm”. Naturalment qabelxejn għandna nifhmuha sempliċiment bħala l-post “Ġerusalemm”: hija l-belt li fiha kien jinsab it-Tempju ta’ Alla, li l-uniċità tiegħu kellha talludi għall-uniċità ta’ Alla nnifsu. Dan il-post allura jħabbar qabelxejn żewġ ħwejjeġ: minn banda jgħid li Alla hu wieħed waħdu fid-dinja kollha, jissupera immensament il-postijiet u ż-żminijiet kollha tagħna; hu dak Alla li tiegħu hu l-ħolqien kollu. Huwa Alla li lilu l-bnedmin kollha fil-fond nett ta’ qalbhom qed ifittxu u li tiegħu b’xi mod kulħadd għandu wkoll għarfien. Imma dan Alla għażel isem. Għarrafna lilu nnifsu, beda jikteb storja mal-bnedmin; għażel bniedem – Abram – bħala punt tat-tluq ta’ din l-istorja. Alla infinit hu fl-istess waqt Alla viċin. Hu, li ma jista’ jiġi magħluq f’ebda binja, irid mandankollu jgħammar f’nofsna, ikun għalkollox magħna.

 

Jekk Ġesù flimkien ma’ Iżrael pellegrinanti jitla’ lejn Ġerusalemm, hu jmur hemm biex jiċċelebra l-Għid ma’ Iżrael: it-tifkira tal-ħelsien ta’ Iżrael – tifkira li, fl-istess waqt, hi dejjem tama tal-libertà defenittiva, li jagħti Alla. U Ġesù jmur għal din il-festa bl-għarfien li hu stess hu l-Ħaruf li fih se jitwettaq dak li l-Ktieb tal-Eżodu jgħid dwar dan: ħaruf bla difett, raġel, li ma’ nżul ix-xemx, taħt għajnejn ulied Iżrael, jiġi maqtul “bħala rit għal dejjem” (ara Eż 12:5-6,14). U fl-aħħar mill-aħħar Ġesù jaf li t-triq tiegħu se tmur lil hemm: mhux sa jkollha tmiemha fis-salib. Jaf li t-triq tiegħu se ċċarrat il-velu bejn din id-dinja u d-dinja ta’ Alla; li hu se jitla’ sat-tron ta’ Alla u jerġa’ jħabbeb lil Alla u l-bniedem fil-ġisem tiegħu. Jaf li l-ġisem tiegħu mqajjem sa jkun is-sagrifiċċju l-ġdid u t-Tempju l-ġdid; li madwaru, mill-ġemgħa tal-Anġli u tal-Qaddisin, se tissawwar Ġerusalemm il-ġdida li hi fis-sema u li madankollu hi wkoll diġà fuq l-art, għax fil-passjoni tiegħu hu fetaħ il-pont bejn sema u art. It-triq tiegħu tieħu lil hemm mill-quċċata tal-għolja tat-Tempju sal-muntanja ta’ Alla nnifsu: din hi t-telgħa l-kbira li lejha hu jistieden lilna lkoll. Hu jibqa’ dejjem qrib tagħna fuq l-art u hu dejjem diġà jinsab ħdejn Alla, hu jmexxina fuq l-art u lil hemm mill-art.

 

Hekk, tul it-telgħa ta’ Ġesù jsiru viżibbli d-dimensjonijiet tal-mixja tagħna warajh – id-destinazzjoni li lejha hu jrid imexxina: sal-għoli ta’ Alla, sal-komunjoni ma’ Alla, sa li nkunu ma’ Alla. Din hi d-destinazzjoni vera, u l-komunjoni miegħu hija t-triq. Il-komunjoni miegħu tfisser li nkunu f’mixja, tlugħ permanenti lejn il-veru għoli tas-sejħa tagħna. Li nimxu flimkien ma’ Ġesù hu fl-istess waqt dejjem mixja fl-“aħna” ta’ dawk li jridu jimxu warajh. Iddaħħalna f’din il-komunità. Ladarba l-mixja sal-ħajja vera, sa ma nsiru bnedmin konformi mal-mudell tal-Iben ta’ Alla Ġesù Kristu, tissupera l-forzi tagħna, din il-mixja tfisser ukoll dejjem li niġu merfugħa. Ninsabu, biex ngħidu hekk, marbuta b’ħabel ma’ Ġesù Kristu – flimkien miegħu fit-telgħa lejn l-għoli ta’ Alla. Hu jiġbidna u jweżinna. Jagħmel parti mill-mixja wara Kristu li nidħlu nagħmlu parti minn dan il-ħabel; li naċċettaw li waħidna ma nistgħux naslu. Jagħmel parti minnha dan l-att ta’ umiltà, li nidħlu fl-“aħna” tal-Knisja; li naqbdu mal-ħabel, ir-responsabbiltà tal-komunjoni – li ma nqattgħux il-ħabel bl-ebusija tar-ras u l-preżunzjoni tagħna. L-umiltà li nemmnu flimkien mal-Knisja, bħal qisna meħjuta fil-ħabel tat-telgħa lejn Alla, hi kundizzjoni essenzjali tal-mixja warajh. Parti minn dan il-fatt li aħna flimkien parti mill-ħabel hi li ma nġibux ruħna qisna s-sidien tal-Kelma ta’ Alla, li ma niġrux wara idea żblajta ta’ emanċipazzjoni. L-umiltà li “nkunu ma’” hi essenzjali għat-telgħa. Jagħmel parti minha wkoll li fis-Sagramenti nħallu dejjem mill-ġdid lill-Mulej jaħfrilna; li nħalluh isaffina u jagħtina ħajja ġdida; li naċċettaw id-dixxiplina tat-telgħa, imqar jekk aħna għajjenin.

 

Fl-aħħar nett, irridu ngħidu mill-ġdid: mit-telgħa lejn l-għoli ta’ Ġesù Kristu, mit-telgħa għall-għoli ta’ Alla nnifsu jagħmel parti s-Salib. Bħalma fil-ġrajjiet ta’ din id-dinja ma nistgħux nilħqu riżultati kbar mingħajr ċaħda u taħriġ iebes, bħalma l-ferħ għal kixfa kbira ta’ għerf jew għal ħila vera f’xi xogħol hu marbut mad-dixxiplina, anzi, mat-taħbit tat-tagħlim, hekk it-triq lejn il-ħajja nfisha, lejn ir-realizzazzjoni tal-umanità tagħna hi marbuta mal-komunjoni ma’ Dak li tela’ fl-għoli ta’ Alla permezz tas-Salib. Fl-aħħar mill-aħħar, is-Salib hu espressjoni ta’ dak li tfisser l-imħabba: min jitlef ħajtu, isibha.

 

Niġbru fi ftit kliem dak li għidna: il-mixja wara Kristu titlob bħala l-ewwel pass li nerġgħu nixegħlu fina n-nostalġija għall-umanità awtentika u hekk nerġgħu nixxennqu għal Alla. Titlob imbagħad li nidħlu fil-ħabel ta’ dawk li telgħin, fil-komunjoni tal-Knisja. Fl-“aħna” tal-Knisja nidħlu f’komunjoni mal-“Int” ta’ Ġesù Kristu u hekk nilħqu t-triq lejn Alla. Barra minn hekk hu mitlub minna li nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù Kristu u ngħixuha: fil-fidi, it-tama u l-imħabba. Hekk aħna mexjin lejn Ġerusalemm ta’ dejjem u diġà sa minn issa, b’xi mod, qegħdin hemm, fil-komunjoni tal-Qaddisin kollha ta’ Alla.

 

Il-pellegrinaġġ tagħna wara Kristu mhux miexi lejn belt ta’ din l-art, imma lejn il-Belt ġdida ta’ Alla li tikber f’nofs din id-dinja. Il-pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm tal-art, madankollu, jista’ jkun ukoll għalina l-Insara element siewi f’dan il-vjaġġ ikbar. Jiena stess irbatt tliet tifsiriet mal-pellegrinaġġ tiegħi tas-sena l-oħra fl-Art Imqaddsa. Qabelxejn kont irriflettejt li lilna f’okkażjoni bħal din jista’ jiġrilna dak li San Ġwann jgħid fil-bidu tal-Ewwel Ittra tiegħu: dak li smajna, nistgħu, b’ċertu mod, narawh u mmissuh b’idejna (ara 1 Ġw 1:1). Il-fidi f’Ġesù Kristu mhijiex invenzjoni leġġendarja. Hi tibni fuq storja li tassew seħħet. Din l-istorja aħna nistgħu, biex ngħidu hekk, nikkontemplawha u mmissuha. Hu kommoventi li tmur Nazaret fil-post fejn l-Anġlu deher lil Marija u għaddielha l-missjoni li ssir Omm il-Feddej. Hu kommoventi tkun Betlehem fil-post fejn il-Verb, li sar laħam, ġie jgħammar fostna; tpoġġi riġlejk fuq l-art qaddisa li fuqha Alla ried isir bniedem u tarbija. Hu kommoventi titla’ t-taraġ lejn il-Kalvarju sal-post li fih Ġesù miet għalina fuq is-Salib. U fl-aħħar nett toqgħod quddiem il-qabar vojt; titlob hemm fejn il-ġisem mejjet imqaddes tiegħu straħ u fejn fit-tielet jum seħħ il-qawmien. Li nimxu t-toroq esterjuri ta’ Ġesù għandu jgħinna nimxu iżjed bil-ferħ u b’ċertezza ġdida t-triq interjuri li hu wriena u li hi Huwa stess.

 

Meta mmorru l-Art Imqaddsa bħala pellegrini, imma hemm ukoll – u dan hu t-tieni aspett – bħala messaġġiera tal-paċi, bit-talba għall-paċi; bl-istedina qawwija lil kulħadd biex f’dak il-post, li jġorr f’ismu l-kelma “sliem”, jagħmel kulma hu possibbli biex dan isir tassew post ta’ paċi. Hekk dan il-pellegrinaġġ hu fl-istess waqt – bħala t-tielet aspett – inkuraġġiment għall-Insara biex jibqgħu fil-Pajjiż tal-oriġni tagħhom u biex fih iħabirku iktar bil-qawwa għall-paċi.

 

Nerġgħu lura għal darb’oħra għal-liturġija ta’ Ħadd il-Palm. Fit-talba li biha jiġu mbierka l-friegħi tal-palm aħna nitolbu biex f’għaqda ma’ Kristu nistgħu nagħmlu l-frott ta’ opri tajba. Minn interpretazzjoni żbaljata ta’ San Pawl, żviluppat ripetutement, matul l-istorja u anki llum, il-fehma li l-opri tajba ma humiex parti mill-identità Nisranija tagħna, u allura huma insinifikanti għas-salvazzjoni tal-bniedem. Imma jekk Pawlu jgħid li l-opri ma jistgħux jiġġustifikaw lill-bniedem, b’dan mhux jeħodha kontra l-importanza tal-għemil it-tajjeb u, jekk hu jitkellem fuq it-tmiem tal-Liġi, mhux jiddikjara ssuperati u irrilevanti l-Għaxar Kmandamenti. Ma hemmx bżonn li noqogħdu nirriflettu issa fuq il-firxa wiesgħa kollha tal-kwistjoni li kienet tinteressa lill-Appostlu. L-importanti hu li ngħidu li bit-terminu “Liġi” hu mhux jifhem l-Għaxar Kmandamenti, imma l-istil kumpless ta’ ħajja li permezz tagħha Iżrael ried iħares ruħu mit-tentazzjonijiet tal-paganiżmu. Imma issa, Kristu lill-pagani wasslilhom lil Alla. Fuqhom mhix imposta din l-għamla ta’ distinzjoni. Lilhom hu mogħti bħala Liġi Kristu waħdu. Imma dan hu li tfisser l-imħabba għal Alla u għall-proxxmu u dak kollu li jagħmel parti minnha. Jagħmlu parti minn din l-imħabba l-Kmandamenti moqrija b’mod ġdid u iżjed profond fid-dawl ta’ Kristu, dawk il-Kmandamenti li mhumiex għajr ir-regoli fundamentali tal-imħabba vera: qabelxejn u bħala prinċipju fundamentali l-qima lil Alla, il-primat ta’ Alla, li l-ewwel tliet Kmandamenti jesprimu. Dawn jgħidulna: mingħajr Alla xejn ma hu tajjeb. Min hu dan Alla u kif inhu, nafuh qabelxejn mill-persuna ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad jiġu l-qdusija tal-familja (ir-raba’ Kmandament), il-qdusija tal-ħajja (il-ħames Kmandament), l-ordinament taż-żwieġ (is-sitt Kmandament), l-ordinament soċjali (is-seba’ Kmandament) u fl-aħħar nett l-invjolabbiltà tal-verità (it-tmien Kmandament). Dan kollu llum hu ta’ attwalità mill-akbar u proprju anki fis-sens li jfittex San Pawl – jekk naqraw l-Ittri tiegħu kollha. “B’idejna mimlija frott ta’ għemejjel tajba”: fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa nitolbu lill-Mulej jagħti lilna lkoll dejjem iżjed dan il-frott.

 

Fl-aħħar tal-Vanġelu għat-tberik tal-palm nisimgħu l-akklamazzjoni li biha l-pellegrini jsellmu lil Ġesù fil-bibien ta’ Ġerusalemm. Hija l-kelma tas-Salm 118(117), li oriġinarjament is-saċerdoti kienu jipproklamaw mill-Belt Imqaddsa lill-pellegrini, imma li, sadattant, kienet saret espressjoni tat-tama messjanika: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej” (Salm 118(117):26; Lq 19:38). Il-pellegrini f’Ġesù jaraw il-Mistenni, li ġej f’isem il-Mulej, anzi, skont il-Vanġelu ta’ San Luqa, idaħħlu kelma oħra: “Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej”. U jkomplu b’akklamazzjoni li tfakkarna fil-messaġġ tal-Anġli fil-Milied, imma jibdluh b’mod li jġagħalna nirriflettu. L-Anġli kienu tkellmu dwar il-glorja ta’ Alla fl-ogħla tas-smewwiet u dwar is-sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lil Alla. Il-pellegrini waqt id-dħul fil-Belt Imqaddsa jgħidu: “Sliem fis-sema u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”. Jafu wisq tajjeb li fuq l-art ma hawnx paċi. U jafu li l-post tal-paċi hu s-sema – jafu li jagħmel parti mill-essenza tas-sema li jkun post tal-paċi. Hekk din l-akklamazzjoni hi espressjoni ta’ niket kbir u, fl-istess waqt, hi talba ta’ tama: Dak li ġej f’isem il-Mulej ħa jġib fuq l-art dak li hu fis-smewwiet. Ir-regalità tiegħu ħa ssir ir-regalità ta’ Alla, preżenza tas-sema fuq l-art. Il-Knisja, qabel il-konsagrazzjoni Ewkaristika, tgħanni l-kelma tas-Salm li biha sellmu lil Ġesù qabel daħal fil-Belt Imqaddsa: hi ssellem lil Ġesù bħala s-Sultan li ġej mingħand Alla u f’isem Alla jidħol f’nofsna. Illum ukoll din it-tislma hienja hi dejjem supplika u tama. Nitolbu lill-Mulej biex iġibilna s-sema: il-glorja ta’ Alla u l-paċi tal-bnedmin. Din it-tislima nixtequha fl-ispirtu tat-talba tal-Missierna: “Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art!”. Nafu li s-sema hu sema, post il-glorja u l-paċi, għax hemm issaltan f’kollox ir-rieda ta’ Alla. U nafu li l-art mhix is-sema sakemm fuqha ma sseħħx ir-rieda ta’ Alla. Allura ħa nsellmu lil Ġesù li ġej mis-sema u nitolbuh jgħinna nagħrfu u nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Jalla r-regalità ta’ Alla tidħol fid-dinja u hekk din timtela bil-ġmiel tal-paċi. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard