Laikos

 

 

ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

Pjazza San Pietru

 

L-XXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 5 ta’ April 2009

 

Għeżież ħuti,

għeżież żgħażagħ!

 

Flimkien ma’ folla dejjem tikber ta’ pellegrini, Ġesù kien tela’ Ġerusalemm għall-Għid. Fl-aħħar tappa tal-mixja, qrib Ġeriko, hu kien fejjaq lill-agħma Bartimew li kien sejjaħlu Bin David, u talbu jħenn għalih. Issa – li seta’ jara – bi gratitudni kien issieħeb mal-grupp tal-pellegrini. Meta, fil-bibien ta’ Ġerusalemm, Ġesù jirkeb fuq ħmar, l-annimal simbolu tar-regalità ta’ David, fost il-pellegrini tfeġġ spontanjament iċ-ċertezza hienja: Dan hu Bin David! Għalhekk huma jsellmu lil Ġesù bl-akklamazzjoni messjanika: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej”, u jżidu: “Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!” (Mk 11:9s). Ma nafux preċiżament x’kienu jifhmu l-pellegrini entużjasti bis-Saltna ta’ David li ġejja. Imma aħna, fhimna tassew il-messaġġ ta’ Ġesù, Bin David? Fhimna x’inhi s-Saltna li dwarha hu tkellem fl-interrogatorju quddiem Pilatu? Nifhmu xi jfisser li din is-Saltna mhijiex ta’ din id-dinja? Jew forsi nixtiequ li kienet ta’ din id-dinja?

 

San Ġwann, fil-Vanġelu tiegħu, wara r-rakkont tad-daħla f’Ġerusalemm, iġib sensiela ta’ kelmiet ta’ Ġesù, li fihom hu jfisser l-essenzjal ta’ dan il-ġeneru ġdid ta’ Saltna. Mal-ewwel daqqa t’għajn f’dawn it-testi nistgħu nagħrfu sa tliet xbihat differenti tas-Saltna li fihom, dejjem b’mod differenti, jidher l-istess misteru. Ġwanni qabelxejn jirrakkonta li, fost il-pellegrini li fil-festa tal-Għid “riedu jqimu lil Alla”, kien hemm ukoll xi Griegi (ara 12:20). Noqogħdu attenti għall-fatt li l-għan veru ta’ dawn il-pellegrini kien li jqimu lil Alla. Dan jikkorrispondi perfettament ma’ dak li Ġesù jgħid fl-okkażjoni tal-purifikazzjoni tat-Tempju: “Id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha” (Mk 11:17). L-għan veru tal-pellegrinaġġ għandu jkun dak li niltaqgħu ma’ Alla; li nadurawh u hekk inpoġġu fl-ordni t-tajjeb ir-relazzjoni profonda tal-ħajja tagħna. Il-Griegi huma persuni li jfittxu lil Alla, bil-ħajja tagħhom huma mexjin lejn Alla. Issa, permezz ta’ żewġ Appostli ta’ lingwa Griega, Filippu u Indrì, iwasslu t-talba tagħhom lill-Mulej: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:21). Kelma kbira! Għeżież ħbieb, għalhekk inġbarna hawn: Nixtiequ naraw lil Ġesù. Għal dan il-għan, is-sena l-oħra, eluf ta’ żgħażagħ marru Sydney. Ma għandniex xi ngħidu, żgur li stennew iktar minn ħaġa waħda minn dan il-pellegrinaġġ. Imma l-għan essenzjali kien dan: Nixtiequ naraw lil Ġesù.

 

Dwar din it-talba, x’qal u x’għamel Ġesù f’dik is-siegħa? Mill-Vanġelu ma jirriżultax ċar jekk kienx hemm laqgħa bejn dawk il-Griegi u Ġesù. Il-ħarsa ta’ Ġesù tmur aktar lil hemm. Il-qalba tat-tweġiba tiegħu għat-talba ta’ dawk il-persuni hi: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Dan ifisser: bħalissa mhux importanti kollokju xi ftit jew wisq qasir ma’ xi ftit persuni, li mbagħad se jerġgħu lura d-dar. Bħal ħabba tal-qamħ li mietet u qamet jiena għad niġi, b’mod għalkollox ġdid u lil hemm mil-limitazzjonijiet ta’ issa, u niltaqa’ mad-dinja u mal-Griegi. Permezz tal-qawmien Ġesù jmur lil hemm mil-limiti tal-ispazju u taż-żmien. Bħala Rxoxt, hu jimxi lejn il-firxa wiesgħa tad-dinja u tal-istorja. Iva, bħala Rxoxt jiġi għand il-Griegi u jitkellem magħhom, u hekk jurihom li huma, l-imbiegħda, isiru qraba, u proprju fl-ilsien tagħhom, fil-kultura tagħhom, il-kelma tiegħu tasal f’dinja ġdida u tinftiehem b’mod ġdid – tiġi s-Saltna tiegħu. Hekk nistgħu nagħrfu żewġ karatteristiċi essenzjali ta’ din is-Saltna. L-ewwel waħda hi li din is-Saltna tgħaddi mis-salib. Ladarba Ġesù jingħata kollu kemm hu, jista’ bħala Rxoxt isir ta’ kulħadd u preżenti għal kulħadd. Fl-Ewkaristija mqaddsa nirċievu l-frott tal-ħabba tal-qamħ li tmut, it-tkattir tal-ħobż li jasal sat-trufijiet tal-art u ta’ kull żmien. It-tieni karatteristika hi: is-Saltna tiegħu hi universali. Isseħħ it-tama antika ta’ Iżrael: din ir-regalità ta’ David ma tafx iżjed bi fruntieri. Titwessa’ “minn baħar sa baħar” – kif jgħid il-profeta Żakkarija (9:10) – jiġifieri tħaddan id-dinja kollha. Imma dan hu possibbli biss għax din mhijiex regalità ta’ poter politiku, imma tissejjes biss fuq it-twaħħid ħieles tal-imħabba – imħabba li, min-naħa tagħha, twieġeb għall-imħabba ta’ Ġesù Kristu li ngħata għal kulħadd. Naħseb li jeħtieġ nitgħallmu dejjem mill-ġdid dawn iż-żewġ ħwejjeġ – qabelxejn l-universalità, il-kattoliċità. Din tfisser li ħadd ma jista’ jagħmel assolut lilu nnifsu, il-kultura tiegħu u d-dinja tiegħu. Dan jitlob li lkoll nilqgħu lil xulxin, u niċħdu għal xi ħaġa li hi tagħna. L-universalità tinkludi l-misteru tas-salib – li negħlbu lilna nfusna, l-ubbidjenza għall-kelma komuni ta’ Ġesù Kristu fil-Knisja komuni. L-universalità dejjem tfisser li nirbħu lilna nfusna, niċħdu għal xi ħaġa li hi personali. L-universalità u s-salib imorru id f’id. Hekk biss tinħoloq il-paċi.

 

Il-kelma dwar il-ħabba tal-qamħ li tmut, mill-ġdid tagħmel parti mit-tweġiba ta’ Ġesù lill-Griegi, hija t-tweġiba tiegħu. Imma hu mbagħad jifformula mill-ġdid il-liġi fundamentali tal-ħajja umana: “Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 12:25). Min irid li jżomm ħajtu għalih innifsu, jgħix biss għalih innifsu, iross kollox madwaru u jisfrutta kull possibbiltà tiegħu – proprju dan hu li jitlef ħajtu. Din issir ħaġa tad-dwejjaq u battala. Huwa biss fl-abbandun tagħna nfusna, hu biss fid-don diżinteressat tal-jien lill-int, huwa biss fl-“iva” lill-ħajja l-aktar kbira, li hi ta’ Alla, li anki l-ħajja tagħna titwessa’ u tikber. Hekk dan il-prinċipju fundamentali, li l-Mulej jistabbilixxi, fl-aħħar mill-aħħar hu sempliċiment identiku għall-prinċipju tal-imħabba. Fil-fatt, l-imħabba tfisser li nħallu lilu nfusna, ningħataw, ma nippruvawx nippossedu lilna nfusna, imma nsiru ħielsa minna nfusna: ma ningħalqux fina nfusna – x’ħa jiġri minni –, imma nħarsu ’l quddiem, lejn l-ieħor – lejn Alla u lejn il-bnedmin li hu jibgħatli. U dan il-prinċipju tal-imħabba, li jiddefinixxi l-mixja tal-bniedem, għal darb’oħra hu identiku għall-misteru tas-salib, għall-misteru tal-mewt u l-qawmien li miegħu niltaqgħu fi Kristu. Għeżież ħbieb, forsi hu relattivament faċli naċċettaw dan bħala viżjoni kbira fundamentali tal-ħajja. Imma fir-realtà konkreta, ma jfissirx li sempliċiment nirrikonoxxu prinċipju, imma li ngħixu l-verità tiegħu, il-verità tas-salib u tal-qawmien. U għalhekk, mill-ġdid, mhix biżżejjed deċiżjoni waħda kbira. Żgur li hu importanti li darba nissograw id-deċiżjoni kbira fundamentali, nissograw l-“iva” l-kbira, li l-Mulej jitlobna f’ċertu mument tal-ħajja tagħna. Imma l-“iva” l-kbira tal-mument deċiżiv fil-ħajja tagħna – l-“iva” għall-verità li l-Mulej ipoġġilna quddiemna – għandna mbagħad ngħixuha mill-ġdid ta’ kuljum, fis-sitwazzjonijiet ta’ kull ġurnata fejn, dejjem mill-ġdid, irridu nwarrbu l-jien tagħna, ninfetħu għall-oħrajn, meta minflok fil-fond ta’ qalbna nkunu rridu niggranfaw mal-jien tagħna. Ħajja tajba titlob ukoll is-sagrifiċċju, iċ-ċaħda. Min iwiegħed ħajja mingħajr din l-għotja dejjem ġdida tagħna nfusna, ikun iqarraq bin-nies. Ma teżistix ħajja li tirnexxi mingħajr sagrifiċċju. Jekk nagħti ħarsa lura lejn il-ħajja personali tiegħi, ikolli ngħid li proprju l-mumenti li fihom għidt “iva” għal ċaħda kienu l-mumenti kbar u importanti ta’ ħajti.

 

Fl-aħħar nett, San Ġwann, fil-mod kif niseġ il-kelmiet tal-Mulej għal “Ħadd il-Palm”, daħħal ukoll forma modifikata tat-talba ta’ Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Hemm qabelxejn l-istqarrija: “Qiegħed inħoss ruħi mħawda” (12:27). Hawn jidher il-biża’ ta’ Ġesù, li t-tliet evanġelisti l-oħra juruhulna b’mod wiesa’ – il-biża’ tiegħu quddiem is-setgħa tal-mewt, quddiem il-ħondoq kollu tal-ħażen li hu qed jara u li fih irid jinżel. Il-Mulej ibati t-tbatijiet tagħna flimkien  magħna, iseħibna fl-aħħar tbatija sad-dawl. Imbagħad fi Ġwanni nsibu ż-żewġ mistoqsijiet ta’ Ġesù. L-ewwel waħda, espressa biss kundizzjonalment: “U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa?” (12:27). Bħala bniedem, anki Ġesù jħossu li għandu jitlob li jiġi meħlus mit-terrur tal-passjoni. Aħna wkoll nistgħu nitolbu b’dan il-mod. Aħna wkoll nistgħu ngergru quddiem il-Mulej bħal Ġob, u nippreżentawlu l-mistoqsijiet kollha tagħna li jitfaċċaw fina quddiem l-inġustizzja tad-dinja u d-diffikultajiet tal-istess jien tagħna. Quddiemu ma għandniex għalfejn nistkennu fi frażijiet pjetużi, f’dinja fittizja. Nitolbu jfisser dejjem anki nitqabdu ma’ Alla, u bħal Ġakobb nistgħu ngħidulu: “Ma nħallikx jekk ma tberiknix!” (Ġen 32:27). Imma mbagħad tiġi t-tieni mistoqsija ta’ Ġesù: “Agħti glorja lil ismek!” (Ġw 12:28). Fis-Sinottiċi, din il-mistoqsija ddoqq hekk: “Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22:42). Fl-aħħar il-glorja ta’ Alla, il-ħakma tiegħu, ir-rieda tiegħu hi dejjem iżjed importanti u iżjed vera mill-ħsieb u r-rieda tiegħi. U dan hu l-essenzjali fit-talb u fil-ħajja tagħna: li nagħrfu dan l-ordni ġust tar-realtà, naċċettawh ġewwa fina; nafdaw f’Alla u nemmnu li hu qed jagħmel l-aħjar ħaġa; li r-rieda tiegħu hi l-verità u l-imħabba; li l-ħajja tiegħi ssir tajba jekk nitgħallem nimxi ma’ dan l-ordni. Ħajja, mewt, u qawmien ta’ Ġesù huma għalina l-garanzija li nistgħu tassew nafdaw f’Alla. Huwa b’dan il-mod li sseħħ is-Saltna tiegħu.

 

Għeżież ħbieb! Fi tmiem din il-Liturġija, iż-żgħażagħ tal-Awstralja se jgħaddu s-Salib tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ lil sħabhom ta’ Spanja. Is-Salib jimxi minn post tad-dinja għall-ieħor, minn baħar sa baħar. U aħna nimxu miegħu. Nimxu miegħu ’l quddiem fit-triq tiegħu u hekk insibu t-triq tagħna. Meta mmissu s-Salib, anzi, meta nġorruh, immissu l-misteru ta’ Alla, il-misteru ta’ Ġesù Kristu. Il-misteru li Alla tant ħabb lid-dinja – lilna – li ta lil Ibnu l-waħdieni għalina (ara Ġw 3:16). Immissu l-misteru tal-għaġeb tal-imħabba ta’ Alla, l-unika verità li tassew tifdina. Imma mmissu wkoll il-liġi fundamentali, in-norma kostituttiva tal-ħajja tagħna, jiġifieri l-fatt li mingħajr l-“iva” lis-Salib, mingħajr ma nimxu f’komunjoni ma’ Kristu jum wara jum, il-ħajja ma tistax tirnexxi. Iktar ma nistgħu nagħmlu anki xi ċaħda għall-imħabba tal-verità kbira u tal-imħabba kbira – għall-imħabba tal-verità u tal-imħabba ta’ Alla –, akbar u iktar għanja ssir il-ħajja. Min irid iżomm ħajtu għalih, jitlifha. Min jagħti ħajtu – ta’ kuljum fil-ġesti ċkejkna, li jagħmlu parti mid-deċiżjoni l-kbira – dan isibha. Din hija l-verità esiġenti, imma anki profondament sabiħa u ħelliesa, li fiha rridu pass pass nidħlu tul il-mixja tas-Salib minn kontinent għall-ieħor. Ħa jbierek il-Mulej din il-mixja. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard