Laikos

 

 

ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

Pjazza San Pietru

 

It-XXIII Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 16 ta’ Marzu 2008

 

Għeżież ħuti,

 

Sena wara sena t-test tal-Vanġelu ta’ Ħadd il-Palm jirrakkontalna d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm. Flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ folla dejjem tikber ta’ pellegrini, hu kien tela’ mill-pjanura tal-Galilija għall-Belt Imqaddsa. Bħala tarġiet ta’ din it-telgħa, l-evanġelisti tawna tliet tħabbiriet ta’ Ġesù dwar il-Passjoni tiegħu, u b’dan fl-istess waqt huma jaċċennaw għat-telgħa interjuri li kienet qed issir f’dan il-pellegrinaġġ. Ġesù jinsab miexi lejn it-Tempju – lejn il-post fejn Alla, kif jgħid id-Dewteronomju, kien “qiegħed it-tron” tal-isem tiegħu (ara 12:11; 14:23). Alla li ħalaq is-sema u l-art għażel isem, biex nistgħu nsejħulu, anzi, kważi għamel mod li l-bnedmin jistgħu jmissuh. Ebda post ma jista’ jesgħu u madankollu, jew proprju għalhekk, hu stess jagħti post u isem, biex hu personalment, Alla l-veru, jista’ jiġi meqjum hemm bħala Alla f’nofsna. Mir-rakkont dwar Ġesù ta’ tnax-il sena nafu li hu ħabb it-Tempju bħala d-dar ta’ Missieru, bħala d-dar paterna tiegħu. Issa jiġi mill-ġdid f’dan it-Tempju, imma l-mixja tiegħu tmur iktar lil hemm: l-aħħar destinazzjoni tat-telgħa tiegħu hi s-Salib. Hija t-telgħa li l-Ittra lil-Lhud tfissirha bħala t-telgħa lejn l-għarix li mhux magħmul b’idejn il-bniedem, sa quddiem Alla. It-telgħa sa quddiem Alla tgħaddi mis-Salib. Hija t-telgħa lejn “l-imħabba għall-aħħar” (ara Ġw 13:1), li hi l-vera muntanja ta’ Alla, il-post defenittiv tal-kuntatt bejn Alla u l-bniedem.

 

Waqt id-daħla f’Ġerusalemm, in-nies bdiet tfaħħar lil Ġesù u ssejjaħlu bin David bil-kelmiet tas-Salm 118(117) tal-pellegrini: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!” (Mt 21:9). Imbagħad hu jasal fit-Tempju. Imma hemm fejn kellu jkun l-ispazju tal-laqgħa bejn Alla u l-bniedem, hu jsib il-bejjiegħa tal-bhejjem u s-sarrafa li bin-negozju tagħhom kienu qed jokkupaw il-post tat-talb. Ċertament, il-bhejjem li kienu qed jinbiegħu hemm kienu maħsuba għas-sagrifiċċji tat-Tempju. U billi fit-Tempju ma setgħux jużaw il-muniti li fuqhom kienu jidhru l-imperaturi Rumani li kienu f’kuntrast ma’ Alla l-veru, kien hemm bżonn jibdluhom f’muniti li ma jġorrux fuqhom xbihat ta’ idoli. Imma dan kollu seta’ jsir band’oħra: l-ispazju fejn issa kien qed iseħħ dan kellu jkun, skont id-destinazzjoni tiegħu, il-bitħa tal-pagani. Fil-fatt, Alla ta’ Iżrael kien appuntu l-uniku Alla tal-ġnus kollha. U mqar jekk il-pagani ma kinux jidħlu, biex ngħidu hekk, fuq ġewwa tar-Rivelazzjoni, setgħu xorta waħda, fil-bitħa tal-fidi, jissieħbu fit-talb lil Alla l-waħdieni. Alla ta’ Iżrael, Alla tal-bnedmin kollha, kien dejjem qed jistenna wkoll it-talb tagħhom, it-tiftix tagħhom, l-invokazzjoni tagħhom. Issa, imma, kien qed jaħkem in-negozju – negozju legalizzat mill-awtorità kompetenti li, min-naħa tagħha, kellha sehem mill-gwadann tal-bejjiegħa. Il-bejjiegħa kienu qed jaġixxu b’mod korrett skont l-ordinament li kien fis-seħħ, imma l-ordinament innifsu kien korrott. “Ir-rebgħa hi idolatrija”, tgħid l-Ittra lill-Kolossin (ara 3:5). Din hi l-idolatrija li jħabbat wiċċu magħha Ġesù u li quddiemha jikkwota lil Iżaija: “Dari dar it-talb tissejjaħ” (Mt 21:13; ara Iż 56:7) u Ġeremija: “Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin” (Mt 21:13; ara Ġer 7:11). Kontra l-ordni interpretata ħażin, Ġesù, bil-ġest profetiku tiegħu, jiddefendi l-ordni vera li tinsab fil-Liġi u fil-Profeti.

 

Dan kollu llum għandu jġagħal lilna wkoll naħsbu bħala Nsara: il-fidi tagħna hi safja u pura biżżejjed, hekk li permezz tagħha anki l-“pagani”, il-persuni li llum qed ifittxu u għandhom il-mistoqsijiet tagħhom, jista’ jkollhom ħjiel ta’ Alla l-waħdieni, jissieħbu fil-btieħi tal-fidi mat-talb tagħna u bil-mistoqsijiet tagħhom forsi jsiru adoraturi huma wkoll? L-għarfien li r-regħba hi idolatrija qed jilħaq ukoll il-qalb tagħna u l-mod ta’ kif ngħixu? Forsi m’aħniex inħallu b’diversi modi jidħlu l-idoli anki fid-dinja tal-fidi tagħna? Aħna lesti nħallu dejjem mill-ġdid lill-Mulej isaffina, u nippermettulu jkeċċi minna u mill-Knisja dak kollu li hu kuntrarju għalih?

 

Imma fil-purifikazzjoni tat-Tempju hemm iżjed minn ġlieda kontra l-abbużi. Hija mħabbra siegħa ġdida tal-istorja. Issa qed jibda dak li Ġesù kien ħabbar lis-Samaritana dwar il-mistoqsija tagħha fuq il-qima vera: “Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh” (Ġw 4:23). Spiċċa ż-żmien li fih kienu jiġu ssagrifikati lil Alla l-bhejjem. Diġà sa minn dejjem is-sagrifiċċji tal-bhejjem kienu sostituzzjoni fqajra, ġest ta’ nostalġija tal-veru mod kif naduraw lil Alla. L-Ittra lil-Lhud, dwar il-ħajja u l-ħidma ta’ Ġesù poġġiet bħala motto frażi mis-Salm 40(39): “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija” (Lhud 10:5). Flok is-sagrifiċċji tad-demm u l-offerti tal-ikel jidħol issa l-ġisem ta’ Kristu, jeħdilhom posthom Hu stess. “L-imħabba għall-aħħar” biss, l-imħabba li għall-bnedmin tingħata kollha kemm hi lil Alla, din hija l-kult veru, is-sagrifiċċju veru. Naduraw fl-ispirtu u l-verità jfisser naduraw f’komunjoni ma’ Dak li hu l-verità; naduraw f’komunjoni mal-Ġisem tiegħu, li fih l-Ispirtu s-Santu jgħaqqadna.

 

L-evanġelisti jirrakkontawlna li, fil-proċess kontra Ġesù, resqu xhieda foloz u stqarru li Ġesù kien qal: “Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi tlitt ijiem” (Mt 26:61). Quddiem Kristu mdendel mas-salib xi wħud minn dawk li kienu qed iżebilħuh jirriferu għal din l-istess kelma, u jgħajtu: “Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilek innifsek!” (Mt 27:40). Il-verżjoni t-tajba tal-kelma, kif ħarġet minn fomm Ġesu nnifsu, tahielna Ġwanni fir-rakkont tiegħu tal-purifikazzjoni tat-Tempju. Quddiem it-talba għal sinjal li bih Ġesù kellu jilleġittimizza ruħu għal azzjoni bħal dik, il-Mulej wieġeb: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2:18). Ġwanni jżid li, meta wara l-Qawmien ftakru f’dik il-ġrajja, id-dixxipli fehmu li Ġesù kien tkellem fuq it-Tempju tal-Ġisem tiegħu (ara 2:21s). Mhuwiex Ġesù li jeqred it-Tempju; dan jiġi mitluq għall-qerda bl-atteġġjament ta’ dawk li, minn post ta’ laqgħa tal-popli kollha ma’ Alla, bidluh f’“għar tal-ħallelin”, f’post għan-negozju tagħhom. Imma, kif ilu jiġri dejjem sa mill-waqgħa ta’ Adam, il-falliment tal-bnedmin isir l-okkażjoni għal impenn ikbar tal-imħabba ta’ Alla għalina. Is-siegħa tat-tempju tal-ġebel, is-siegħa tas-sagrifiċċji tal-annimali kienet għaddiet: il-fatt li issa l-Mulej ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa mhux biss ma jħallix li jiġri xi abbuż, imma juri l-aġir il-ġdid ta’ Alla x’inhu. Jissawwar it-Tempju l-ġdid: Ġesù Kristu nnifsu, li fih l-imħabba ta’ Alla titbaxxa lejn il-bnedmin. Hu, fil-ħajja tiegħu, huwa t-Tempju ġdid u ħaj. Hu, li għadda mis-Salib u rxoxta, huwa l-ispazju ħaj tal-ispirtu u l-ħajja, li fih issir il-qima vera. Hekk il-purifikazzjoni tat-Tempju, bħala qofol tad-daħla solenni ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, hija fl-istess waqt is-sinjal tat-tifrik fil-qrib tal-binja u tal-wegħda tat-Tempju l-ġdid; wegħda tas-saltna tar-rikonċiljazzjoni u tal-imħabba li, fil-komunjoni ma’ Kristu, tiġi mwaqqfa lil hemm minn kull fruntiera.

 

San Mattew, li l-Vanġelu tiegħu qed nisimgħu din is-sena, lejn tmiem ir-rakkont ta’ Ħadd il-Palm, wara l-purifikazzjoni tat-Tempju, isemmi żewġ ġrajjiet żgħar oħra li, mill-ġdid, għandhom karattru profetiku u għal darb’oħra juruna biċ-ċar ir-rieda vera ta’ Ġesù. Dritt wara l-kelma ta’ Ġesù dwar id-dar tat-talb għall-ġnus kollha, l-evanġelista jkompli hekk: “Resqu lejh xi għomja u zopop fit-tempju, u hu fejjaqhom”. Barra minn hekk, Mattew jgħidina li xi tfal bdew itennu fit-Tempju l-akklamazzjoni li l-pellegrini kienu għamlu fid-daħla tiegħu fil-belt: “Hosanna lil Bin David” (Mt 21:14s). F’kuntrast mal-bejgħ tal-bhejjem u l-kummerċ tal-flus, Ġesù jqiegħed it-tjieba tiegħu li tfejjaq. Din hi t-tisfija vera tat-Tempju. Hu ma jiġix biex jeqred; ma jiġix bix-xabla tar-rivoluzzjonarju. Jiġi bid-don tal-fejqan. Jiddedika ruħu għal dawk li minħabba l-mard tagħhom jinsabu fit-tarf nett ta’ ħajjithom u fit-truf tas-soċjetà. Ġesù juri lil Alla bħala Dak li jħobb, u l-qawwa tiegħu bħala l-qawwa tal-imħabba. U hekk jgħid lilna x’inhu dak li għal dejjem jibqa’ jagħmel parti mill-qima t-tajba lil Alla: il-fejqan, il-qadi, it-tjieba li tfejjaq.

 

Imbagħad hemm it-tfal li jagħtu ġieħ lil Ġesù bħala bin David u jakklamaw l-Hosanna. Ġesù kien qal lid-dixxipli tiegħu li, biex jidħlu fis-Saltna ta’ Alla, riedu jerġgħu jsiru bħat-tfal iż-żgħar. Hu stess, li jħaddan id-dinja kollha, sar ċkejken biex jiġi jiltaqa’ magħna, biex iressaqna lejn Alla. Biex nagħrfu lil Alla rridu nwarrbu s-suppervja li tagħmina, li trid tbegħidna minn Alla, bħallikieku Alla kien il-konkorrent tagħna. Biex niltaqgħu ma’ Alla hemm bżonn insiru kapaċi naraw bil-qalb. Irridu nitgħallmu naraw b’qalb żagħżugħa, li mhix imxekkla mill-preġudizzji u mhix mogħmija mill-interessi. Hekk, fiċ-ċkejknin li b’qalb ħielsa u miftuħa bħal din jagħrfu lilu, il-Knisja lemħet ix-xbieha tal-bnedmin ta’ fidi f’kull żmien, ix-xbieha tagħha stess.

 

Għeżież ħbieb, f’din is-siegħa ejjew nissieħbu fil-purċissjoni taż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien – purċissjoni li timxi tul l-istorja kollha. Flimkien maż-żgħażagħ tad-dinja kollha ejjew immorru niltaqgħu ma’ Ġesù. Inħalluh imexxina lejn Alla, biex nitgħallmu minn Alla nnifsu l-mod it-tajjeb kif ngħixu ta’ bnedmin. Miegħu rroddu ħajr lil Alla, għax ma’ Ġesù, Bin David, tana spazju ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni li jħaddan id-dinja. Nitolbuh, biex insiru aħna wkoll miegħu u ibda minnu messaġġiera tal-paċi tiegħu, biex fina u madwarna tikber is-Saltna tiegħu. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard