Laikos

 

 

ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

Pjazza San Pietru

 

It-XXII Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 1 ta’ April 2007

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm ningħaqdu mal-folla tad-dixxipli li, f’ferħ ta’ festa, sieħbu lill-Mulej fid-daħla tiegħu Ġerusalemm. Bħalhom b’leħen għoli nfaħħru lill-Mulej għall-għeġubijiet kollha li rajna. Iva, aħna wkoll rajna u naraw sal-lum l-għeġubijiet ta’ Kristu: kif hu jwassal lil bnedmin biex jiċċaħħdu mill-kumditajiet ta’ ħajjithom u jingħataw għalkollox għall-qadi ta’ min qed ibati; kif hu jagħti l-kuraġġ lil bnedmin biex jeħduha kontra l-vjolenza u l-gidba, biex jagħmlu wisa’ fid-dinja għall-verità; kif hu, fis-satra, iwassal bnedmin biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, biex iqanqlu r-rikonċiljazzjoni fejn kien hemm il-mibegħda, biex joħolqu l-paċi fejn kien isaltan it-tilwim.

 

Il-purċissjoni hi qabelxejn xhieda ferrieħa li nagħtu ta’ Ġesù Kristu, li fih deher għalina l-Wiċċ ta’ Alla u grazzi għalih il-qalb ta’ Alla nfetħet għalina lkoll. Fil-Vanġelu ta’ Luqa parti mir-rakkont tal-bidu tal-korteo fl-inħawi ta’ Ġerusalemm hu msejjes fuq il-mudell tar-rit tal-inkurunazzjoni li bih, skont l-Ewwel Ktieb tas-Slaten, Salamun ġie mlibbes bħala werriet tar-regalità ta’ David (ara 1 Slat 1:33-35). Hekk il-purċissjoni tal-Palm hi wkoll purċissjoni ta’ Kristu Re: aħna nistqarru r-regalità ta’ Ġesù Kristu, nagħrfu f’Ġesù lil Bin David, il-veru Salamun – is-Sultan tal-paċi u tal-ġustizzja. Li nagħrfuh bħala Re jfisser: naċċettawh bħala Dak li jurina t-triq, li fih nafdaw u li warajh nimxu. Ifisser naċċettaw jum wara jum il-kelma tiegħu bħala kriterju validu għall-ħajja tagħna. Ifisser naraw fih l-awtorità li għaliha noqogħdu. Noqogħdu għalih, għax l-awtorità tiegħu hi l-awtorità tal-verità.

 

Il-purċissjoni tal-Palm hi – kif kienet dakinhar għad-dixxipli – qabelxejn espressjoni ta’ ferħ, għax nistgħu nagħrfu lil Ġesù, għax hu jagħtina li nkunu ħbieb tiegħu u għax tana l-muftieħ tal-ħajja. Imma dan il-ferħ, li qiegħed fil-bidu, huwa wkoll espressjoni tal-“iva” tagħna lil Ġesù u tad-disponibbiltà tagħna biex immorru miegħu kull fejn jeħodna. Għalhekk l-eżortazzjoni li kellna llum fil-bidu tal-liturġija tagħna ġustament tinterpreta l-purċissjoni anki bħala rappreżentazzjoni simbolika ta’ dik li aħna nsejħulha “s-sequela wara Kristu”: “Nimxu wara l-Mulej, biex, għall-grazzja ta’ Alla, nissieħbu ma’ Kristu”, għidna. L-espressjoni “sequela Christi” tfisser il-ħajja Nisranija kollha tagħna b’mod ġenerali. Fiex tikkonsisti? Xi jfisser fil-konkret “nimxu wara Kristu”?

 

Għall-bidu, mal-ewwel dixxipli, is-sens kien sempliċi u immedjat ħafna: kien ifisser li dawn il-persuni kienu qatgħuha li jħallu l-professjoni tagħhom, ix-xogħol tagħhom, ħajjithom kollha biex imorru ma’ Ġesù. Kien ifisser li jaqbdu professjoni ġdida: dik tad-dixxiplu. Il-kontenut fundamentali ta’ din il-professjoni kien li jmorru mal-imgħallem, jafdaw ruħhom għalkollox f’idejn it-treġija tiegħu. Hekk din il-mixja kienet ħaġa esterjuri u, fl-istess waqt, interjuri ħafna. L-aspett esterjuri kien li jimxu wara Ġesù huwa u jiġri mal-Palestina kollha; dak interjuri kien l-orjentament ġdid tal-ħajja, li l-punti ta’ riferiment tagħha ma kinux għadhom fix-xogħol, fil-mestier li bih kienu jaqilgħu l-għajxien, fir-rieda personali, imma li kienet tintelaq għalkollox għar-rieda ta’ Ieħor. Issa, li tkun għad-dispożizzjoni tiegħu kienet saret ir-raġuni tal-ħajja. X’ċaħda dan kien iġib miegħu minn dak li wieħed kien ikollu, xi qtugħ minnu nnifsu kien ifisser, nistgħu narawh b’mod pjuttost ċar f’xi xeni tal-Vanġelu.

 

Imma b’dan naraw ukoll xi tfisser għalina s-sequela u liema hi l-essenza vera tagħha għalina: hija bidla interjuri sħiħa fil-ħajja. Titlob li jien ma nibqax magħluq iżjed fil-jien tiegħi u nfittex fl-awtorealizzazzjoni tiegħi r-raġuni prinċipali tal-ħajja tiegħi. Titlob li jiena ningħata liberament lil Ieħor – għall-verità, għall-imħabba, għal Alla li, f’Ġesù Kristu, jimxi qabli u jurini t-triq. Din hija d-deċiżjoni fundamentali li ma nqisx iżjed l-utilità u l-gwadann, il-karriera u s-suċċess bħala skop aħħari tal-ħajja tiegħi, imma li nagħraf bħala kriterji awtentiċi l-verità u l-imħabba. Hija l-għażla bejn li ngħix biss għalija nnifsi u li ningħata – għall-ikbar ħaġa. U ejjew nifhmu sewwa li l-verità u l-imħabba mhumiex valuri astratti; f’Ġesù Kristu huma saru persuna. Meta nimxi warajh, jiena nidħol fis-servizz tal-verità u tal-imħabba. Nitlef lili nnifsi biex insib lili nnifsi.

 

Lura għal-liturġija u għall-purċissjoni tal-Palm. Fiha l-liturġija tipprevedi bħala kant is-Salm 24(23), li kien ukoll f’Iżrael kant proċessjonali użat fit-telgħa lejn l-għolja tat-Tempju. Is-Salm jinterpreta t-telgħa interjuri li tagħha t-telgħa esterjuri hi xbieha u għalhekk ifissrilna għal darb’oħra xi jfisser titla’ ma’ Kristu. “Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej?”, jistaqsi s-Salm, u juri żewġ kundizzjonijiet essenzjali. Dawk li jitilgħu u jridu tabilħaqq jaslu fl-għoli, jaslu sal-għolja vera, għandhom ikunu persuni li jistaqsu dwar Alla. Persuni li jistħarrġu madwarhom biex ifittxu lil Alla, biex ifittxu l-Wiċċ tiegħu. Għeżież ħbieb żgħażagħ – kemm hu importanti proprju dan illum: ma nħallux li sempliċiment ninġarru ’l hemm u ’l hawn fil-ħajja; ma nikkuntentawx ruħna b’dak li kulħadd jaħseb u jgħid u jagħmel. Nistħarrġu lil Alla u nfittxu lil Alla. Ma nħallux li l-mistoqsija dwar Alla tintilef fir-ruħ tagħna. Ix-xewqa għal dak li hu l-ikbar. Ix-xewqa li nagħrfuh – il-Wiċċ tiegħu…

 

Il-kundizzjoni l-oħra konkreta ħafna għat-telgħa hi din: jista’ joqgħod fil-post imqaddes “min għandu jdejh indaf u qalbu safja”. Idejn indaf – huma jdejn li ma jintużawx għal għemejjel ta’ vjolenza. Huma jdejn li mhumiex maħmuġin bil-korruzzjoni, bil-qerq. Qalb safja – meta hi safja l-qalb? Hi safja qalb li ma tqarraqx u ma titħammiġx bil-gideb u l-ipokrezija. Qalb li tibqa’ ċara bħall-ilma li joħroġ mill-għajn, għax ma tafx b’wiċċ b’ieħor. Hija safja qalb li ma tħallix jaħkimha s-sokor tal-pjaċir; qalb li l-imħabba tagħha hi vera u mhix biss passjoni ta’ mument. Idejn indaf u qalb safja: jekk aħna nimxu ma’ Ġesù, nitilgħu u nsibu t-tisfijiet li jwassluna tassew għal dak l-għoli li għalih hu ddestinat il-bniedem: il-ħbiberija ma’ Alla nnifsu.

 

Is-Salm 24(23) li jitkellem fuq it-telgħa, jagħlaq b’liturġija tad-dħul quddiem il-bieb tat-Tempju: “Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja”. Fil-liturġija l-antika ta’ Ħadd il-Palm is-saċerdot, meta jasal quddiem il-knisja, kien iħabbat bis-saħħa bil-lasta tas-salib proċessjonali fuq il-bieb li kien ikun għadu magħluq, li mbagħad ma’ dan it-taħbit kien jinfetaħ. Kienet xbieha sabiħa tal-misteru tal-istess Ġesù Kristu li, bl-għuda tas-salib tiegħu, bil-qawwa tal-imħabba tiegħu li tingħata, ħabbat min-naħa tad-dinja fuq il-bieb ta’ Alla; min-naħa ta’ dinja li ma kienx qed jirnexxilha ssib aċċess għal għand Alla. Bis-salib Ġesù fetaħ beraħ il-bieb ta’ Alla, il-bieb bejn Alla u l-bnedmin. Issa dan hu miftuħ. Imma anki min-naħa l-oħra l-Mulej iħabbat bis-salib tiegħu: iħabbat fuq il-bibien tad-dinja, fuq il-bibien tal-qlub tagħna, li tant drabi u f’għadd hekk kbir huma magħluqa għal Alla. U xi ftit jew wisq jgħidilna hekk: jekk il-provi li fil-ħolqien Alla jagħtik tal-eżistenza tiegħu ma jirnexxilhomx jiftħulek qalbek għalih; jekk il-kelma tal-Iskrittura u l-messaġġ tal-Knisja jħalluk indifferenti – allura ħares lejja, lejn Alla li għalik bata, li jbati personalment miegħek – ara li jiena qed inbati għall-imħabba tiegħek u iftaħ qalbek għalija, Mulej tiegħek u Alla tiegħek.

 

Din hija s-sejħa li f’din is-siegħa nħallu tinfed il-qalb tagħna. Il-Mulej jgħinna niftħu l-bieb tal-qalb, il-bieb tad-dinja, biex hu, Alla l-ħaj, f’Ibnu jista’ jasal f’dan iż-żmien tagħna, jilħaq il-ħajja tagħna. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard