Laikos

 

 

ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

Pjazza San Pietru

 

Il-XXI Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 9 ta’ April 2006

 

Benedittu XVI introduċa ċ-Ċelebrazzjoni b’dawn il-kelmiet:

 

Maħbubin ħuti, żgħażagħ hawn preżenti u żgħażagħ tad-dinja kollha, b’din l-assemblea liturġika qed nidħlu fil-Ġimgħa Mqaddsa biex ngħixu l-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kif id-dixxipli lil Ġesù sejħulu Messija, dak li ġej f’Isem il-Mulej, aħna wkoll illum ngħannulu bil-ferħ, u nistqarru l-fidi tagħna: huwa l-Kelma waħdanija u defenittiva ta’ Alla l-Missier, huwa l-Kelma li saret laħam, huwa dak li rrakkontalna lil Alla li ma jidhirx. Maħbubin żgħażagħ, huwa biss jekk tfittxu ta’ spiss il-Kelma ta’ Alla illi titgħallmu tħobbu lil Ġesù Kristu, fih biss tagħrfu l-verità u l-libertà, huwa biss jekk tieħdu sehem fl-Għid tiegħu li tistgħu tagħtu sens u tama lill-ħajja tagħkom. Ħuti, ejjew nimxu wara Ġesù: il-friegħi taż-żebbuġ, sinjal tal-paċi messjanika, u l-friegħi tal-palm, sinjal tal-martirju, don tal-ħajja mogħtija għal Alla u għall-aħwa, li bihom issa nsellmu u nilqgħu lil Ġesù l-Messija, huma xhieda ta’ kemm tassew irridu ningħaqdu ħaġa waħda mal-Misteru tal-Għid li qed niċċelebraw.

 

***

 

Għeżież ħuti,

 

Sa minn għoxrin sena ilu, grazzi għall-Papa Ġwanni Pawlu II, Ħadd il-Palm sar b’mod partikulari l-jum taż-żgħażagħ – il-jum li fih iż-żgħażagħ mad-dinja kollha joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu u jixtiequ li jimxu miegħu fil-bliet tagħhom u fil-pajjiżi tagħhom, biex hu jkun f’nofsna u jista’ jġib fid-dinja l-paċi tiegħu. Jekk aħna rridu niltaqgħu ma’ Ġesù u mbagħad nimxu flimkien miegħu fit-triq tiegħu, jeħtieġ imma nistaqsu: Liema hi dik it-triq li minnha hu jrid jgħaddina? X’għandna nistennew minnu? X’jistenna minna hu?

 

Biex nifhmu dak li seħħ f’Ħadd il-Palm u nsiru nafu, minbarra għal dik is-siegħa, dan xi jfisser għal kull żmien, hemm dettall importanti, li anki għad-dixxipli tiegħu sar il-muftieħ għall-għarfien tal-ġrajja meta, wara l-Għid, ħarsu lura b’għajnejn ġodda lejn dawk il-ġranet imqallba. Ġesù jidħol fil-Belt il-Qaddisa riekeb fuq ħmar, jiġifieri l-bhima tan-nies sempliċi u komuni tal-kampanja, u iktar minn hekk ħmar li ma kienx tiegħu, imma li hu, għal din l-okkażjoni, talab li jissellef. Ma jasalx f’xi karozza rjali lussuża, lanqas fuq iż-żiemel bħall-kbarat tad-dinja, imma fuq ħmar misluf. Ġwanni jirrakkontalna li għall-ewwel id-dixxipli dan ma fehmuhx. Kien biss wara l-Għid li ntebħu li Ġesù, meta aġixxa hekk, kien qed iwettaq it-tħabbir tal-profeti, fehmu li l-aġir tiegħu kien ġej mill-Kelma ta’ Alla u wassalha għall-milja tagħha. Ftakru, jgħid Ġwanni, li fil-profeta Żakkarija naqraw: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek, riekeb fuq felu ta’ ħmara” (Ġw 12:15; ara Żak 9:9). Biex nifhmu t-tifsira tal-profezija u allura tal-istess imġiba ta’ Ġesù, jeħtieġ nisimgħu t-test kollu ta’ Żakkarija, li jissokta hekk: “Hu jeqred il-karru minn Efrajm u ż-żiemel minn Ġerusalemm; jinqered il-qaws tal-gwerra. Hu jxandar il-paċi lill-ġnus, il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar, u mix-xmara tal-Ewfrat sat-trufijiet” (9:10). B’dan il-profeta jafferma tliet ħwejjeġ fuq is-sultan li kellu jiġi.

 

L-ewwel nett qed jgħid li hu għad ikun sultan tal-foqra, fqir fost il-foqra u għall-iżjed foqra. Hawnhekk il-faqar qed nifhmuh fis-sens tal-anawim ta’ Iżrael, ta’ dawk in-nies ta’ fidi u umli li narawhom madwar Ġesù – fil-perspettiva tal-ewwel Beatitudni tad-Diskors tal-Muntanja. Wieħed jista’ jkun fqir materjalment, imma jkollu qalbu mimlija kilba għall-ġid materjali u għall-poter li jiġi mill-għana. Proprju l-fatt li hu jgħix fl-għira u fix-xeħħa u r-regħba juri li fil-qalb tiegħu hu jagħmel mal-għonja. Jixtieq jaqleb ta’ taħt fuq it-tqassim tal-ġid, imma biex jasal ħalli jkun hu stess fis-sitwazzjoni tal-għonja ta’ qabel. Il-faqar kif jifhmu Ġesù – kif jifhmuh il-profeti – jippresupponi fuq kollox il-libertà interjuri mill-kilba għall-pussess u mill-manija tal-poter. Hija realtà ikbar minn sempliċi tqassim differenti tal-ġid, li xorta jibqa’ fil-kamp materjali, u li anzi iktar iwebbes il-qlub. Hija qabelxejn it-tisfija tal-qalb, li grazzi għaliha l-pussess narawh bħala responsabbiltà, bħala ħidma għall-oħrajn, u noqogħdu taħt il-ħarsa ta’ Alla u nħallu jmexxina lil Kristu li, għad li kien għani, ftaqar minħabba fina (ara 2 Kor 8:9). Il-libertà interjuri hi l-presuppost biex nistgħu negħlbu l-korruzzjoni u r-regħba li llum qed iħarbtu d-dinja; din il-libertà nistgħu nsibuha biss jekk Alla jsir il-ġid tagħna; nistgħu nsibuha biss fis-sabar taċ-ċaħdiet ta’ kuljum, li fihom hi tiżviluppa bħala libertà vera. Lis-sultan li jurina t-triq lejn din id-destinazzjoni – Ġesù – lilu nilqgħu f’Ħadd il-Palm; lilu nitolbu jeħodna miegħu fit-triq tiegħu.

 

It-tieni ħaġa, il-profeta jurina li dan is-sultan se jkun sultan tal-paċi: hu se jeqred il-karrijiet tal-gwerra u ż-żwiemel tal-battalja, ikisser il-qawsijiet u jħabbar is-sliem. Fil-figura ta’ Ġesù dan jikkonkretizza ruħu permezz tas-sinjal tas-Salib. Dan hu l-qaws imkisser, f’ċertu sens il-qawsalla ġdida u vera ta’ Alla, li tgħaqqad is-sema u l-art u tiftaħ pont fuq l-abbissi u bejn il-kontinenti. L-arma l-ġdida, li Ġesù jagħtina f’idejna, hija s-Salib – sinjal ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ maħfra, sinjal tal-imħabba li hi aktar b’saħħitha mill-mewt. Kull darba li nagħmlu s-sinjal tas-Salib irridu niftakru li ma għandniex neħduha kontra l-inġustizzja b’inġustizzja oħra, kontra l-vjolenza bi vjolenza oħra; niftakru li nistgħu nirbħu l-ħażen biss bit-tajjeb u qatt billi npattu ħażen b’ħażen.

 

It-tielet affermazzjoni tal-profeta hija t-tħabbira minn qabel tal-universalità. Żakkarija jgħid li s-saltna tas-sultan tal-paċi tinfirex “minn baħar sa baħar… sat-trufijiet tal-art”. Il-wegħda l-qadima tal-Art, magħmula lil Abraham u lill-Patrijarki, hawn teħdilha postha viżjoni ġdida: l-ispazju tas-sultan messjaniku ma għadux iżjed pajjiż partikulari li mbagħad neċessarjament jinfired mill-oħrajn u allura inevitabbilment jieħu anki pożizzjoni kontra pajjiżi oħra. Il-pajjiż tiegħu hu l-art, id-dinja kollha. Hu jissupera kull delimitazzjoni, u fil-kotra tal-kulturi, joħloq l-għaqda. Jekk bil-ħarsa tagħna ninfdu s-sħab tal-istorja li kien jifred il-profeta minn Ġesù, f’din il-profezija nilmħu tfeġġ mill-bogħod ix-xibka tal-komunitajiet Ewkaristiċi li tħaddan l-art, id-dinja kollha – xibka ta’ komunitajiet li jsawru s-“Saltna tal-paċi” ta’ Ġesù minn baħar sa baħar u sat-trufijiet tal-art. Fil-kulturi kollha u fil-partijiet kollha tad-dinja, kullimkien fl-għerejjex u fil-kampanji foqra, kif ukoll fil-ġmiel tal-katidrali, huwa jiġi. Kullimkien huwa l-istess, il-Waħdieni, u hekk dawk kollha li jinġabru flimkien fit-talb, f’komunjoni miegħu, huma wkoll magħqudin bejniethom flimkien f’ġisem wieħed. Kristu jaħkem billi jsir hu stess il-ħobż tagħna u jingħata għalina. Huwa b’dan il-mod li hu jibni s-Saltna tiegħu.

 

Din ir-rabta ssir ċara għalkollox fil-kelma l-oħra mit-Testment il-Qadim li tikkaratterizza u tfisser il-liturġija ta’ Ħadd il-Palm u l-klima partikulari tagħha. Il-folla lil Ġesù tilqgħu hekk: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej” (Mk 11:9; Salm 117(118):25s). Din il-kelma tagħmel parti mir-rit tal-Festa tal-Għerejjex, li fiha l-fidili jduru dawramejt mal-altar huma u jġorru f’idejhom friegħi magħmula minn palm, riħan u żafżaf. Issa n-nies tgħolli leħinha mal-palm f’idejha quddiem Ġesù, li fih tilmaħ lil Dak li ġej f’isem il-Mulej: fil-fatt din l-espressjoni “Min ġej f’isem il-Mulej” kienet ilha li saret it-tifsira ta’ min hu l-Messija. F’Ġesù jagħrfu lil Dak li tassew ġej f’isem il-Mulej u jġib il-preżenza ta’ Alla f’nofshom. Din l-għajta ta’ tama ta’ Iżrael, din l-akklamazzjoni lil Ġesù fid-dħul tiegħu Ġerusalemm, bir-raġun saret fil-Knisja l-akklamazzjoni lil Dak li, fl-Ewkaristija, jiġi jiltaqa’ magħna b’mod ġdid. Insellmu bl-għajta ta’ “Hosanna!” lil Dak li, bid-demm u l-laħam, ġab il-glorja ta’ Alla fuq l-art. Insellmu lil Dak li ġie u safrattant jibqa’ dejjem Dak li għad irid jiġi. Insellmu lil Dak li fl-Ewkaristija dejjem mill-ġdid jiġi għandna f’isem il-Mulej u hekk fil-paċi ta’ Alla jgħaqqad flimkien it-trufijiet tal-art. Din l-esperjenza tal-universalità tagħmel parti essenzjali mill-Ewkaristija. Ladarba l-Mulej jiġi, aħna noħorġu mid-djuq esklussiv tagħna u nidħlu fil-komunità kbira ta’ dawk kollha li jiċċelebraw dan is-sagrament imqaddes. Nidħlu fis-saltna tiegħu tal-paċi u f’ċertu sens fih insellmu wkoll lil ħutna kollha, li għalihom huwa jiġi, biex insiru tassew saltna ta’ paċi qalb din id-dinja mfarrka.

 

It-tliet karatteristiċi kollha mħabbra mill-profea – faqar, paċi, universalità – huma miġbura fis-sinjal tas-Salib. Għalhekk, bir-raġun, is-Salib sar iċ-ċentru tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Kien hemm perjodu – u għadu ma għaddiex għalkollox – fejn il-Kristjaneżmu kien irrifjutat proprju minħabba s-Salib. Is-Salib ikellimna dwar sagrifiċċju, jgħidu, is-Salib hu sinjal ta’ ċaħda tal-ħajja. U aħna rridu l-ħajja sħiħa bla restrizzjonijiet u bla ċaħdiet. Irridu ngħixu, xejn ħlief ngħixu. Ma nħallux jillimitawna preċetti jew projbizzjonijiet; aħna rridu għana u sħuħija – hekk kien u għadu jingħad. Dan kollu jinstema’ konvinċenti u seduċenti; huwa l-lingwaġġ tas-serp li jgħidilna: “Toqogħdux titbeżżgħu! Kulu bla nkwiet mis-siġar kollha tal-ġnien!”. Imma Ħadd il-Palm jgħidilna li l-vera “Iva” kbira hi proprju s-Salib, li sewwasew is-Salib huwa l-vera siġra tal-ħajja. Il-ħajja ma nsibuhiex billi naħkmu fuqha, imma billi nagħtuha. L-imħabba hi għotja tagħna nfusna, u għalhekk hija t-triq tal-ħajja vera ssimbolizzata mis-Salib. Illum is-Salib, li dan l-aħħar kien fiċ-ċentru tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Cologne, qed jingħata lil delegazzjoni li ġiet apposta biex jibda l-mixja lejn Sydney, fejn fl-2008 iż-żgħażagħ tad-dinja sejrin jinġabru mill-ġdid madwar Kristu biex jibnu flimkien miegħu s-saltna tal-paċi. Minn Cologne għal Sydney – mixja li taqsam kontinenti u kulturi, mixja f’dinja mifnija u tturmentata mill-vjolenza! Simbolikament hija l-mixja li wera l-profeta, il-mixja minn baħar sa baħar, mix-xmara sa truf l-art. Hija l-mixja ta’ Dak li, fis-sinjal tas-Salib, jagħtina l-paċi u jagħmilna ħabbara tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi tiegħu. Irrodd ħajr liż-żgħażagħ li issa se jġorru fit-toroq tad-dinja dan is-Salib, li fih nistgħu kważi mmissu l-misteru ta’ Ġesù. Nitolbuh biex, fl-istess ħin, hu jmiss lilna u jiftaħ il-qlub tagħna, biex aħna u nimxu wara s-Salib tiegħu nsiru messaġġiera tal-imħabba u l-paċi tiegħu. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard