L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Papa Benedittu XVI f'Ħamis ix-Xirka 2011

 

 

QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTO XVI

Bażilika Vatikana
Ħamis ix-Xirka, 21 t’April 2011

 

Għeżież ħuti irġiel u nisa!

Fiċ-ċentru tal-liturġija ta’ dalgħodu nsibu l-benedizzjoni taż-żjut sagri – taż-żejt għad-dlik tal-katekumeni, ta’ dak għad-dlik tal-morda u tal-griżma għas-Sagramenti l-kbar li jagħtu l-Ispirtu Santu: il-Griżma tal-Isqof, l-Ordinazzjoni saċerdotali u l-Ordinazzjoni episkopali. Fis-Sagramenti l-Mulej imissna permezz tal-elementi tal-ħolqien. L-għaqda bejn il-ħolqien u l-fidwa tirrendi ruħha viżibbli. Is-Sagramenti huma espressjoni tal-fiżiċità tal-fidi tagħna li tħaddan ġisem u ruħ, il-bniedem kollu kemm hu. Ħobż u mbid huma frott tal-art u tax-xogħol tal-bniedem. Il-Mulej għażilhom bħala portaturi tal-preżenza tiegħu. Iż-żejt huwa simbolu tal-Ispirtu Santu u, fl-istess ħin, jerġà jibgħatna lura għand Kristu: il-kelma “Kristu” (Messija) tfisser “il-midluk”. L-umanità ta’ Ġesù, permezz tal-għaqda tal-Iben mal-Missier, hija mdaħħla fl-għaqda mal-Ispirtu Santu u hekk hija “midluka” b’mod uniku,  hija ppenetrata mill-Ispirtu Santu. Dak li fis-slaten u fis-saċerdoti tal-Patt il-Qadim kien seħħ b’mod simboliku fid-dlik biż-żejt, li permezz tiegħu kienu jiġu maħtura fil-ministeru tagħhom, iseħħ f’Ġesù fir-realtà kollha tiegħu: l-umanità tiegħu hija ppenetrata mill-qawwa tal-Ispirtu Santu. Huwa jiftaħ l-umanità tagħna għad-don tal-Ispirtu Santu. Iktar ma nkunu magħquda ma’ Kristu, iktar niġu mfawra mill-Ispirtu tiegħu, mill-Ispirtu Santu. Aħna nissejħu “nsara”: “midlukin” – persuni li jappartienu lil Kristu u minħabba dan jieħdu sehem fid-dlik tiegħu, aħna mimsusin mill-Ispirtu tiegħu. Ma rridx biss nissejjaħ nisrani, imma rrid ukoll inkun nisrani, qal Sant Injazju ta’ Antijokja. Inħallu propju lil dawn iż-żjut sagri li jiġu kkonsagrati f’din is-siegħa, ifakkruna tali dmir intrinsiku tal-kelma “nisrani” u nitolbu lill-Mulej, sabiex dejjem iktar mhux biss nissejħu nsara, imma wkoll inkunu nsara.

Fil-liturġija ta’ dan il-jum ikunu mbierka, kif diġa għidtilkom, tlett iżjut. Fit-tali terzett jiġu espressi tliet dimensjonijiet essenzjali tal-eżistenza nisranija, li dwarhom jeħtieġ li nirriflettu. Insibu l-ewwelnett iż-żejt tal-katekumini. Dan iż-żejt jindika l-ewwel mod li bih inkunu mimsusa minn Kristu u mill-Ispirtu tiegħu – mess intern li bih il-Mulej jiġbed qribu l-persuni. Permezz ta’ dan l-ewwel dlik, li jseħħ saħansitra qabel il-Magħmudija, il-ħarsa tagħna tkun indirizzata mela lill-persuni li jqabbduna l-mixja lejn Kristu – lill-persuni li qegħdin ifittxu l-fidi, li qegħdin ifittxu lil Alla. Iż-żejt tal-katekumini jgħidilna: mhumiex biss il-bnedmin li jfittxu lil Alla, Alla nnifsu qiegħed ifittixna. Il-fatt li Huwa stess sar bniedem u niżel fl-abbissi tal-eżistenza umana, sa fil-lejl tal-mewt, jurina kemm Alla jħobb lill-bniedem, ħolqien tiegħu. Imbuttat mill-imħabba, Alla mexxa lilu nnifsu lejna. “Waqt li fittixtni int qgħadt bilqiegħda għajjien … biex sforz hekk qawwi ma jkunx għalxejn!”, nitolbu fid- Dies Irae. Alla qiegħed ifittixni. Irrid jien insir nafu? Irrid inkun magħruf minnu, minnu nkun misjub? Alla jħobb lill-bnedmin. Huwa jiffaċċja l-inkwiet ta’ qalbna, l-inkwiet tal-mistoqsdijiet u t-tiftix tagħna, bl-inkwiet tal-istess qalbu, li twasslu biex iwettaq l-att estrem għalina. L-ansjetà fil-konfront ta’ Alla, li nkunu fil-mixja lejh, biex nagħrfuh aħjar, qatt m’għandha tintefa fina. F’dan is-sens għandna dejjem nibqgħu katekumini. “Fittxu dejjem wiċċu”, jgħid wieħed mis-Salmi (105,4). Wistin, f’dan ir-rigward, ikkummenta: Alla huwa hekk kbir li dejjem jissupera b’mod infinit l-għarfien kollu tagħna u l-esseri tagħna kollu. L-għarfien ta’ Alla ma jintemm qatt. Għall-eternità kollha, b’ferħ li kull ma jmur jiżdied, nistgħu dejjem inkomplu nfittxuh, biex nagħrfuh dejjem iktar u nħobbuh dejjem iktar. “Bla kwiet tkun qalbna, sakemm ma tistrieħx fik”, qal Wistin fil-bidu tal-Confessioni tiegħu. Iva, il-bniedem huwa anzjuż, għaliex dak kollu li huwa temporali huwa ftit wisq. Imma aħna tassew anzjużi fir-rigward tiegħu? M’aħniex jewwilla rassenjati għan-nuqqas tiegħu u nfittxu li nkunu biżżejjed għalina nfusna? Ejjew ma nippermettux adattazzjonijiet simili tal-esseri uman tagħna! Ejjew nibqgħu kontinwament fi triqtna lejh, fin-nostalġija tiegħu, fil-merħba dejjem ġdida ta’ għarfien u ta’ mħabba!

Hemm imbagħad iż-żejt għad-Dlik tal-morda. Għandna quddiemna l-firxa tal-persuni batuti: l-imġewħa u l-għatxana, il-vittmi tal-vjolenza fil-Kontinenti kollha, il-morda bin-niket kollu tagħhom, it-tamiet u d-disperazzjonijiet tagħhom, l-ippersegwitati u l-maħqurin, il-persuni b’qalbhom maqsuma. Dwar l-ewwel darba li Kristu bagħat lid-dixxipli tiegħu, San Luqa jirrakkonta: “Bgħatthom iħabbru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda” (9,2). Il-fejqan huwa inkarigu primordjali afdat minn Kristu lill-Knisja, skont l-eżempju mogħti minnu nnifsu li waqt li jfejjaq għadda mit-toroq ta’ Pajjiżu. Bla dubju ta’ xejn, id-dmir ewlieni tal-Knisja huwa x-xandir tas-Saltna ta’ Alla. Imma propju dan l-istess xandir għandu jkun proċess ta’ fejqan: “...tinfaxxa l-ġrieħi tal-qlub maqsuma”, jingħad illum fl-ewwel qari tal-profeta Iżaija (61,1). Ix-xandir tas-saltna ta’ Alla, tat-tjieba bla tarf ta’ Alla, għandu jqanqal dan: fejqan tal-qalb feruta tal-bnedmin. Il-bniedem minħabba l-istess essenza huwa esseri f’relazzjoni. Jekk, iżda, hija mħarbta r-relazzjoni fundamentali, ir-relazzjoni ma’ Alla allura il-bqija kollu jkun imħarbat. Jekk ir-rapport tagħna ma’ Alla jkun imħarbat, jekk l-orjentament fundamentali tal-esseri tagħna huwa żbaljat, ma nistgħu linqas infiequ tassew fil-ġisem u fir-ruħ. Minħabba dan, il-fejqan ewlieni u fundamentali jseħħ fil-laqgħa ma’ Kristu li jirrikonċiljana ma’ Alla u jfejjaq lil qalbna maqsuma. Imma barra minn dan id-dmir ċentrali jagħmel parti mill-missjoni essenzjali tal-Knisja wkoll il-fejqan konkret tal-mard u tat-tbatija. Iż-żejt tad-Dlik tal-morda huwa espressjoni sagramentali viżibbli ta’ din il-missjoni. Sa mill-bidunett immaturat fil-Knisja s-sejħa għall-fejqan, immaturat l-imħabba attenta lejn il-persuni nkwetati fil-ġisem u fir-ruħ. Din hija wkoll l-okkażjoni biex kultant niżżu ħajr lill-aħwa rġiel u nisa li fid-dinja kollha jwasslu l-imħabba fejjieqa lill-bnedmin, mingħajr ma jqisu l-pożizzjoni jew it-twemmin reliġjuż tagħhom. Minn Eliżabetta di Turingia, Vinċenz de’ Paoli, Louise de Marillac, Camillo de Lellis sa Madre Teresa – biex insemmu biss ftit ismijiet – taqsam id-dinja faxxa mdawla ta’ persuni, li toriġina fl-imħabba ta’ Ġesù għall-batuti u l-morda. Għal dan f’dan il-waqt niżżu ħajr lill-Mulej. Għal dan niżżu ħajr lil dawk kollha li, bis-saħħa tal-fidi u tal-imħabba, jintasbu maġemb il-batuti, waqt li b’dan, fl-aħħar minn l-aħħar, jagħtu xhieda tat-tjieba propja ta’ Alla. Iż-żejt għad-Dlik tal-morda huwa sinjal ta’ dan iż-żejt tat-tjieba tal-qalb, li dawn il-persuni – flimkien mal-ħila professjonali tagħhom – iwasslu lill-batuti. Huma jesprimuh mingħajr ma jitkellmu dwar Kristu.

Fit-tielet post hemm fl-aħħarnett l-iktar nobbli fost iż-żjut ekkleżjali, il-griżma, taħlita ta’ żejt taż-żebbuġa u fwejjaħ veġetali. Dan huwa ż-żejt tad-dlik saċerdotali u ta’ dak regali, dlik li jintrabat mat-tradizzjonijiet il-kbar tad-dlik tal-Patt il-Qadim. Fil-Knisja dan iż-żejt iservi qabel kollox għad-dlik tal-Griżma tal-Isqof u tal-Ordinazzjonijiet sagri. Il-liturġija tal-lum tgħaqqad ma’ dan iż-żejt il-kliem tal-wegħda tal-profeta Iżaija: “Intom tissejħu ‘saċerdoti tal-Mulej’, ministri tal-Alla tagħna’, tissejħu” (61,6).Permezz ta’ dan il-profeta jerġà jaqbad il-kelma l-kbira tal-inkarigu u tal-wegħda, li Alla ndirizza lill-Iżrael maġemb is-Sinaj: “Intom tkunu għalija saltna ta’ saċerdoti u nazzjon qaddis” (Es 19,6).Fid-dinja wiesgħà u għad-dinja wiesgħà, li fil-parti kbira tagħha ma kinitx tagħraf lil Alla, Iżrael kellu jkun bħal santwarju ta’ Alla għal kulħadd, kellu jeżerċita funzjoni saċerdotali għad-dinja. Kellu jwassal id-dinja lejn Alla, jiftaħha għalih. San Pietru fil-katekeżi kbira tiegħu tal-magħmudija, applika tali privileġġ u tali inkarigu ta’ Iżrael għall-komunità tal-imgħammdin kollha, billi ddikkjara: “Intom (minflok) intom nisel magħżul, sacerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih sabiex ixandar l-opri tal-għaġeb tiegħu, li sejħilkom mid-dlamijiet għad-dawl tal-għaġeb tiegħu. Darba intom ma kontux poplu, issa, iżda intom il-poplu ta’ Alla” (1Pt 2,9s). Il-Magħmudija u l-Griżma tal-Isqof jikkostitwixxu d-dħul f’dan il-poplu ta’ Alla, li jħaddan id-dinja kollha; id-dlik fil-Magħmudija u fil-Griżma tal-Isqof huwa dlik li jintroduċi f’dan il-ministeru saċerdotali għall-umanità. L-insara huma poplu saċerdotali għad-dinja. L-insara għandhom jirrendu viżibbli għad-dinja l-Alla l-ħaj, jixhduh u jmexxu lejh. Meta nitkellmu dwar dan l-inkarigu komuni tagħna, minħabba li aħna mgħammdin, din mhix raġuni ta’ ftaħir. Din hija domanda li, fl-istess ħin, tagħtina gost u tinkwetana: aħna tassew is-santwarju ta’ Alla fid-dinja u għad-dinja? Niftħu għall-bnedmin l-aċċess għal Alla jew pjuttost naħbuh? M’aħniex jewwilla aħna – poplu ta’ Alla - li sirna fil-parti l-kbira poplu tal-inkredulità u tat-tbigħed minn Alla? Mhuwiex forsi minnu li l-Punent, il-Pajjiżi ċentrali tal-kristjaneżmu huma mxebba bil-fidi tagħhom u, mdejqa  bl-istorja u l-kultura tagħhom, ma jridux iktar jagħrfu l-fidi ta’ Ġesù Kristu? Għandna għalfejn ngħajtu f’dan il-ħin lil Alla: “La tħallix li nsiru poplu li mhux poplu! Agħmel li nagħrfuk mill-ġdid! Infatti, inti dliktna b’imħabbtek, qgħedt l-Ispirtu Santu fuqna. Agħmel li l-qawwa tal-Ispirtu tiegħek issir mill-ġdid effettiva fina, sabiex bil-ferħ nixhdu l-messaġġ tiegħek!

Minkejja l-mistħija kollha minħabba l-iżbalji tagħna, m’għandniex, iżda, ninsew li wkoll illum jeżistu eżempji mdawla ta’ fidi; li wkoll illum hawn persuni li, permezz tal-fidi u l-imħabba tagħhom, jagħtu tama lid-dinja. Meta fl-ewwel ta’ Mejju li ġej jiġi bbejatifikat il-Papa Ġwanni Pawlu II, ejjew naħsbu fih mimlijin gratitudni bħala xhud kbir ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu fi żmienna, bħala bniedem imfawwar bl-Ispirtu Santu. Flimkien miegħu ejjew naħsbu dwar in-numru kbir ta’ dawk li huwa bbejatifika u kkanonizza u li jagħtuna ċ-ċertezza li l-wegħda ta’ Alla u l-inkarigu tiegħu wkoll illum ma jaqgħux fil-vojt.

Indur fl-aħħarnett lejkom, għeżież ħuti fil-ministeru saċerdotali. Ħamis ix-Xirka huwa b’mod partikolari l-jum tagħna. Fis-siegħa tal-Aħħar Ċena l-Mulej waqqaf is-saċerdozju neotestamentarju. “Ikkonsagrahom fil-verità” (Ġw 17,17), talab lill-Missier – għall-Appostli u għas-saċerdoti taż-żminijiet kollha. Bi gratitudni kbira għall-vokazzjoni u b’umiltà għall-insuffiċjenzi tagħna ejjew inġeddu f’din is-siegħa l-“iva” tagħna għas-sejħa tal-Mulej: Iva, irrid ningħaqad b’mod intimu mal-Mulej Ġesù – waqt li niċċaħħad minni nnifsi … imbuttat mill-imħabba ta’ Kristu. Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta