L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

L-Ewwel Omelija ta' Benedittu XVI wara l-ħatra tiegħu bħala Papa

 

 

 

 

 

L-EWWEL OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

L-PAPA BENEDITTU XVI

 

Venerati Ħuti Kardinali,

Ħuti għeżież, Irġiel u Nisa fi Kristu,

Intom ilkoll, irġiel u nisa ta’ rieda tajba.

 

Grazzja u Sliem bil-kotra lilkom ilkoll (cfr.Pt.1,2)! F’qalbi qed inħoss f’dawn is-sigħat żewġ sentimenti kontra xulxin.  Min-naħa l-waħda, sens ta’ nuqqas ta’ kapaċità u ta’ taħwid bħala bniedem għar-responsabbilità li l-bieraħ ġiet fdata lili bħala suċċessur ta’ l-Appostlu Pietru f’din is-Sede ta’ Ruma f’konfront tal-Knisja universali.  Min-naħa l-oħra nħoss ħajja fiha gratitudni profonda lil Alla li – kif inkantaw fil-Liturġija – ma jabbandunax il-merħla tiegħu, imma li jmexxiha ma’ tul iż-żminijiet taħt il-gwida ta’ dawk li Huwa nnifsu għażel vigarji ta’ Ibnu u li hu għażilhom bħala rgħajja (cfr. Prefazju ta’ l-Appostli).

L-aktar għeżież. Din ir-rikonoxxenza intima għal dan id-don tal-ħniena divina, madankollu timla ‘l qalbi. U jien nikkunsidra dan il-fatt bħala grazzja speċjali li jien irċevejt mill-Predeċessur meqjum tiegħi Ġwanni Pawlu II.  Nistħajjel li qed inħoss idu soda li tagħfas lil tiegħi, nistħajjel li qed nara għajnejh jilmaw u li qed nisma’ kliemu, indirizzat lili f’dan il-mument partikulari: “La tibżax!”

Il-mewt tal-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II u l-jiem ta’ wara kienu għall-Knisja u għad-dinja kollha, żmien straordinarju ta’ grazzja. Id-dulur kbir għall-mewt tiegħu u s-sens ta’ vojt li ħalla warajh f’kulħadd, kienu mtaffija mill-imħabba ta’ Kristu Rxoxt, li intweriet ma’ tul jiem twal b’mewġa sħiħa ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ solidarjetà spiritwali li laħqet il-quċċata tagħha fil-funeral solenni.

Nistgħu ngħidu li l-funeral ta’ Ġwanni Pawlu II kien esperjenza tassew straordinarja li fih b’xi mod inħasset il-qawwa li tgħaqqad tal-Verità u ta’ l-imħabba. (cfr. Lumen Gentium). Fis-siegħa tal-mewt rassenjat għall-Imgħallem tiegħu u Mulej, Ġwanni Pawlu II inkuruna l-Pontifikat tiegħu twil u li ħalla l-frott, waqt li kkonferma fil-fidi l-poplu nisrani li nġabar madwaru u li għamel li jħoss aktar magħquda l-familja umana kollha. Kif jista’ wieħed ma jindunax bl-inkuraġġiment li jiġi minn din il-ġrajja tal-grazzja?

B’sorpriża għal kull previżjoni tiegħi, il-Providenza divina, permezz tal-voti tal-Venerati Padri Kardinali, sejħitli biex nissuċċedi dan il-Papa kbir. Nerġa’ naħseb f’dawn is-sigħat għal dak li ġara fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, madwar elfejn sena ilu.  Nistħajjel li nisma’ l-kliem ta’ Pietru: “Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”, u l-affermazzjoni soleni tal-Mulej. “Inti Pietru u fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi. Lilek nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet”.

Inti l-Kristu! Inti Pietru! Jien nistħajjel li ngħix mill-ġdid l-istess xena evanġelika, jiena Suċċesur ta’ Pietru nirrepeti bi tregħid il-kliem li jġagħlek titriegħed tas-sajjied tal-Galilija u nerġa’ nisma b’emozzjoni intima l-wegħda rassiguranti ta’ l-Imgħallem divin.  Jekk hu enormi l-piż tar-responsabbiltà li jdur fuq l-ispallejn fqajra tiegħi, hi ċertament bla qies il-qawwa divina li fuqha nista’ nafda.  “Inti Pietru u fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi” (Mt.16,18). Waqt li l-Mulej għażilni bħala Isqof ta’ Ruma, il-Mulej ried li nkun il-vigarju tiegħu, huwa xtaq li jiena nkun il-blata li fuqha kulħadd jista’ jistrieħ b’fiduċja.  Jiena nitolbu li jgħinni fin-nuqqas ta’ saħħa tiegħi, li nkun kurġġuż u ragħaj fidil tal-merħla Tiegħu dejjem doċli għall-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu Tiegħu.

“Jiena naċċetta dan il-ministeru speċjali, il-ministeru Petrin għas-servizz tal-Knisja Universali b’abbandun umli f’idejn il-Providenza ta’ Alla.  Huwa fl-ewwel post għal Kristu li jien inġedded l-adeżjoni tiegħi sħiħa u tal-fiduċja. 'Fik, Mulej, jien nistkenn; ma jkolli qatt għax ninfixel!'

“Lilkom Sinjuri Kardinali, minn qalbi nirringrazzjakom għall-fiduċja li wrejtuni, nitlob li tgħinuni bit-talb u b’kolloborazzjoni kostanti, attiva u għarfa. Jiena nitlob ukoll lil ħuti fl-episkopat li tkunu qrib tiegħi fit-talb u fil-pariri biex nista’ nkun tassew is- 'Servus servorum Dei' (Serv tas-servi ta’ Alla). Bħalma Pietru u l-appostli l-oħra kienu, bir-rieda tal-Mulej kulleġġ wieħed apostoliku, bl-istess mod is-Suċċessur ta’ Pietru u l-Isqfijiet, suċċessuri ta’ l-Appostli – il-Konċilju b’qawwa tenna dan – għandhom ikunu magħqudin mill-qrib bejniethom.  Din il-komunjoni kolleġġjali, ukoll fid-diversità ta’ rwol u funzjonijiet tal-Papa u ta’ l-Isqfijiet, hija għas-servizz tal-Knisja u ta’ l-unità tal-fidi, li minnha tiddependi l-miżura notevoli ta’ l-effettività ta’ l-azzjoni tax-xandir ta’ l-Evanġelju fid-dinja tal-lum.  Għalhekk din it-triq li mxew fiha l-predeċessuri venerati tiegħi, jiena wkoll fi ħsiebi nimxi fiha, preokkupat biss li nxandar lid-dinja kollha l-preżenza ħajja ta’ Kristu.

“Tidher quddiemi, partikularment, ix-xhieda tal-Papa Ġwanni Pawlu II.

Huwa ħalla Knisja aktar qalbiena, aktar ħielsa, aktar żagħżugħa.

Knisja li skond it-tagħlim tiegħu u l-eżempju, tħares b’serenità lejn l-imgħoddi u ma tibżax mill-ġejjieni. Bil-Ġublew il-Kbir, hija daħlet fil-millennju l-ġdid iġġorr f’idejha l-Evanġelju, applikat għad-dinja attwali permezz tal-qari mill-ġdid, awtorevoli tal-Konċilju Vatikan II. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ġustament indika l-Konċilju bħala 'boxxla' li biha jorjenta lilu nnifsu fl-oċean vast tat-tielet millennju (cfr. Ittra Ap. Novo Millennio inuente, 57-58). Ukoll fit-Testment spiritwali tiegħu huwa innota: “jiena konvint li għal żmien twil ħafna, il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jingħatawlhom li jilħqu r-rikkezzi li dan il-Konċilju tas-seklu XX wasslilna” (17-III-2000).

Jiena wkoll kif qed nibda fis-servizz li hu propju tas-Suċċessur ta’ Pietru, nixtieq nafferma bil-qawwa kollha r-rieda deċiża tiegħi li nsegwi fl-impenn li nħaddem il-Konċilju Vatikan II, fuq l-eżempju tal-predeċessuri tiegħi u fil-kontinwità fidila mat-tradizzjoni ta’ elfejn sena tal-Knisja.  Propju din is-sena jaħbat l-40 anniversarju ta’ l-għeluq tal-konklużjoni tal-Konċilju (8 ta’ Diċembru 1965).  Mal-mogħdija taż-żmien, id-dokumenti tal-konċilju ma tilfux l-attwalità tagħhom, it-tagħlim tagħhom wera li huma speċjalment pertinenti għall-eżiġenzi ġodda tal-Knisja u għas-soċjetà preżenti globalizzata.

“B’mod l-aktar sinjifikanti, il-Pontifikat tiegħi ser jibda waqt li l-Knisja qed tgħix is-sena speċjali dedikata lill-Ewkaristija. Kif jien ma narax f’din il-koinċidenza providenzjali element li għandu jimmarka l-ministeru li għalih jien ġejt imsejjaħ? L-Ewkaristija, il-qalb tal-ħajja Nisranija u l-għajn tal-Missjoni tax-xandir ta’ l-Evanġelju mill-Knisja, ma tistax ma tkunx iċ-ċentru permanenti u l-għajn tas-servizz petrin fdat lili.

“L-Ewkaristija tagħmel dejjem preżenti Kristu Rxoxt, li lilna jkompli jagħtina waqt li jsejħilna biex nipparteċipaw fil-mejda tal-Ġisem u tad-Demm tiegħu.  Bil-għaqda sħiħa miegħu joħroġ kull element ieħor tal-ħajja tal-Knisja, speċjalment tal-komunjoni bejn il-fidili kollha, l-impenn tax-xandir u tax-xiehda ta’ l-Evanġelju, il-ħeġġa ta’ l-imħabba bejn kulħadd, speċjalment bejn il-foqra u bejn iż-żgħar.

“F’din is-sena, għalhekk is-Solennità ta’ Corpus Christi għandha tkun iċċelebrata b’mod speċjali.  L-Ewkaristija ser tkun fiċ-ċentru, f’Awwissu, fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Cologne u f’Ottubru, fl-Assemblea ordinarja tas-sinodu ta’ l-Isqfijiet li ser issir fuq it-tema: “L-Ewkaristija, l-Għajn u l-Quċċata tal-Ħajja u tal-Missjoni tal-Knisja.” Jiena nitlob lil kulħadd biex jintensifika f’dawn ix-xhur li ġejjin l-imħabba u d-devozzjoni lejn Ġesù Ewkaristija u li jesprimi b’mod kuraġġuż u ċar il-fidi fil-preżenza reali tal-Mulej, fuq kollox permezz tas-solennità u tal-korrettezza taċ-ċelebrazzjoni. Jiena nitlob dan b’mod speċjali lis-Saċerdoti li fihom naħseb f’dan il-mument bi mħabba kbira. Is-saċerdozju ministerjali twieled fiċ-Ċenaklu, flimkien ma’ l-Ewkaristija bħalma bosta drabi l-predeċessur venerat tiegħi Ġwanni Pawlu II semma bosta drabi. 'Il-ħajja saċerdotali għandha jkollha b’mod speċjali forma Ewkaristika', huwa kiteb fl-aħħar ittra tiegħu għal Ħamis ix-Xirka. Iċ-ċelebrazzjoni devota ta’ kull jum tal-Quddiesa, iċ-ċentru tal-ħajja u tal-missjoni ta’ kull saċerdot, tikkontribwixxi għal dan il-għan.

“Imsaħħin u sostnuti mill-Ewkaristija, il-Kattoliċi ma jistgħux ma jkunux megħjuna li jersqu lejn dik l-unità sħiħa li Kristu ttama fiċ-Ċenaklu.  Is-Suċċessur ta’ Pietru jaf li hu għandu jieħu l-inkariku b’mod għal kollox partikulari.  Lilu infatti ġie afdat id-dmir li jwettaq lil ħutu (cfr. Lq 22,32).

“Hekk f’konoxxenza sħiħa u fil-bidu tal-ministeru tiegħu fil-Knisja ta’ Ruma, li Pietru ħasel b’demmu, is-Suċċessur attwali tiegħu jassumi bħala impenn primarju tiegħu li jaħdem bla mistrieħ għall-bini mill-ġdid ta’ l-unità sħiħa u viżibbli tas-segwaċi kollha ta’ Kristu. Din hi l-ambizzjoni tiegħu, dan hu d-dmir urġenti tiegħu. Huwa jagħraf li biex jagħmel dan, espressjonijiet ta’ sentimenti tajba mhumiex biżżejjed.  Azzjonijiet konkreti jeħtieġu li jinfdu l-qlub u jċaqalqu kuxjenzi, jinkuraġġixxu lil kulħadd għal dik il-konvenzjoni interna li hija l-bażi għal kull progress fit-triq ta’ l-ekumeniżmu.

“Djalogu teoloġiku huwa meħtieġ.  Eżami profond tar-raġunijiet storiċi wara għażliet ta’ l-imgħoddi huwa wkoll indispensabbli. Iżda wkoll aktar urġenti hija dik “it-tisfija tal-memorja” li ta’ spiss kienet imqanqla minn Ġwanni Pawlu II u li hi biss tista’ tiddisponi l-erwieħ biex jilqgħu l-verità sħiħa ta’ Kristu.  U quddiemu, l-imħallef suprem ta’ dak kollu li hu ħaj, li kull wieħed minna għandu jieqaf, fil-konoxxenza li jum wieħed għandna nagħtu kont lilu għal dak li għamilna u dak li ma għamilniex, għall-ġid kbir li hi l-unità sħiħa u viżibbli tad-dixxipli tiegħu kollha.

“Is-suċċessur attwali ta’ Pietru jħoss lilu nnifsu implikat personalment f’din il-kwistjoni u huwa dispost li jagħmel dak kollu fis-setgħa tiegħu biex iġib ‘il quddiem il-kawża fundamentali ta’ l-ekumeniżmu. Fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħu, huwa determinat bis-sħiħ li jikkultiva kull inizjattiva li tidher approprijata li tippromwovi kuntatt u ftehim ma’ rappreżentanti mid-diversi Knejjes u komunitajiet ekkleżjali.  Tassew li f’din l-okkażjoni wkoll, hu jibagħtilhom ix-xewqat l-aktar kordjali tiegħu fi Kristu, il-Mulej waħdieni ta’ kulħadd.

“F’dan il-mument, jiena ndur lura fil-memorja tiegħi lejn l-esperjenza, li qatt ma tintesa, li aħna lkoll ħassejna bil-mewt u l-funeral tal-mibki Ġwanni Pawlu II.  Madwar il-fdalijiet mortali tiegħu mqiegħda fl-art kienu nġabru l-Kapijiet tan-Nazzjonijiet, persuni ta’ kull klassi soċjali, u speċjalment żgħażagħ f’għaqda li ma tintesiex ta’ ħbiberija u ammirazzjoni.  Id-dinja kollha ħarset lejh b’fiduċja. Għal ħafna deher li dik il-parteċipazzjoni intensa imwassla sat-trufijiet tad-dinja permezz tal-media ta’ komunikazzjoni soċjali, kienet bħal talba korali għall-għajnuna indirizzata lill-Papa mill-umanità moderna li, mħabbta mill-biża’ u inċertezza, tistaqsi dwar il-futur tagħha.

“Il-Knisja tal-lum teħtieġ li tqajjem fiha nfisha l-għarfien tal-ħidma li tippreżenta d-dinja mill-ġdid bil-vuċi tal-Waħdieni li qal: “Jiena d-dawl tad-dinja, min jimxi warajja, ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja”. Waqt li ħa fuqu l-ministeru tiegħu, il-Papa l-ġdid jaf li l-ħidma tiegħu hija li jwassal id-dawl ta’ Kristu biex jiddi quddiem l-irġiel u n-nisa tal-lum; mhux id-dawl tiegħu imma d-dawl ta’ Kristu.

“B’dan l-għarfien, jiena nindirizza ruħi lil kulħadd, ukoll lil dawk li jsegwu reliġjonijiet oħra jew sempliċement ifittxu tweġiba għad-domandi fundamentali ta’ l-eżistenza u li għadhom ma sabuhiex.  Jiena ndur lejn kulħadd b’sempliċità u affezzjoni biex nassigurahom li l-Knisja trid tkompli tibni djalogu miftuħ u sinċier fit-tfittix għall-ġid veru tal-bnedmin u tas-soċjetà.

“Nitlob lil Alla l-unità u l-paċi għall-familja umana u niddikjara r-rieda tal-Kattoliċi kollha biex jikkoperaw għall-iżvilupp soċjali veru, wieħed li jirrispetta d-dinjità tal-bnedmin kollha.

“Jiena nagħmel kull sforz u niddedika ruħi li nsegwi d-djalogu mwiegħed li l-predeċessri tiegħi bdew ma’ ċiviltajiet differenti, għaliex huwa l-għarfien reċiproku li jwassal għall-kundizzjonijiet ta’ ġejjieni aħjar għal kulħadd.

“Jiena naħseb partikularment fiż-żgħażagħ. Lilhom, li kemm ‘il darba ħadu sehem fi djalogu mal-Papa Ġwanni Pawlu II, tasal it-tgħanniqa tiegħi ta’ mħabba, bit-tama li, jekk Alla jrid, niltaqa’ flimkien magħhom f’Cologne fl-okkażjoni tal-jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss.  Magħkom għeżież żgħażagħ, il-futur u t-tama tal-Knisja u ta’ l-umanità, jiena nkompli niddjaloga, waqt li nisma’ dak li tixtiequ, nagħmel minn kollox biex ngħinkom.

Mane nobiscum, Domine ! Ibqa’ magħna, Mulej ! Din l-invokazzjoni li tifforma t-tema prinċipali ta’ l-Ittra Apostolika ta’ Ġwanni Pawlu II għas-sena ta’ l-Ewkaristija, hija talba li toħroġ spontanja minn qalbi waqt li nħejji biex nibda l-ministeru li għalih Kristu sejjaħli. Bħal Pietru jiena wkoll inġedded lilu l-wegħda ta’ fedeltà mingħajr kundizzjoni.  Lilu biss bil-ħsieb li naqdi kif niddedika lili nnifsi totalment fis-servizz tal-Knisja tiegħu.

Biex insaħħaħ din il-wegħda, jiena nsejjaħ l-interċessjoni materna ta’ Marija l-aktar qaddisa li f’idejha nqiegħed il-preżent u l-futur tal-persuna tiegħi u tal-Knisja. Jalla l-Appostli Pietru u Pawlu u l-qaddisin kollha jinterċedu għalija.

B’dawn is-sentimenti jiena nagħti lilkom venerati ħuti Kardinali, lil dawk li pparteċipaw f’din iċ-ċerimonja u lil dawk kollha li segwew bit-televiżjoni u bir-radju barka speċjali u ta’ mħabba.

 

Papa Benedittu XVI

20 ta’ April 2005

 

Ħajr lil Joe Micallef għat-typing

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta