Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Ottubru 2009

 

San Bernard ta’ Clairvaux

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq San Bernard ta’ Clairvaux, magħruf bħala “l-aħħar wieħed mill-Missirijiet” tal-Knisja, għax fis-seklu 12, għal darb’oħra, ġedded u ppreżenta t-teoloġija kbira tal-Padri. Is-snin ta’ tfulitu ma nafuhomx fid-dettall; imma nafu li hu twieled fl-1090 f’Fontaines, fi Franza, f’familja kbira fil-għadd u pjuttost tat-tajjeb. Fil-fjur ta’ żgħożitu, spikka fl-istudju tal-hekk imsejħa arti liberali – speċjalment tal-grammatika, tar-rettorika u tad-djalettika – fl-iskola tal-Kanonċi tal-Knisja ta’ Saint-Vorles, f’Châtillon-sur-Seine, u ftit ftit immatura fid-deċiżjoni li jissieħeb fil-ħajja reliġjuża. Meta kellu xi għoxrin sena daħal f’Cîteaux, fondazzjoni monastika ġdida, iktar flessibbli meta tqabbilha mal-monasteri antiki u venerabbli u, fl-istess waqt, iżjed rigoruża fil-prattika tal-kunsilli evanġeliċi. Xi snin wara, fl-1115, Bernard ġie mistieden minn San Stiefnu Harding, it-tielet Abbati ta’ Cîteaux, biex iwaqqaf il-Monasteru ta’ Clairvaux. Hawn l-Abbati żagħżugħ – kellu biss 25 sena – seta’ jirfina l-kunċett tiegħu ta’ ħajja monastika, u jħabrek biex jittraduċiha fil-prattika. Meta ra d-dixxiplina ta’ monasteri oħra, Bernard sejjaħ b’determinazzjoni għall-ħtieġa ta’ ħajja sobrja u meqjusa, fil-mejda kif ukoll fl-ilbies u fil-binjiet monastiċi, u rrakkomanda l-għajnuna u l-kura tal-foqra. Intant il-komunità ta’ Clairvaux kienet qed tikber dejjem iżjed fl-għadd, u tkattar il-fundazzjonijiet tagħha.

 

F’dawk l-istess snin, qabel l-1130, Bernard fetaħ korrispondenza wiesgħa ma’ ħafna persuni, kemm importanti u kemm ta’ qagħdiet soċjali modesti. Mal-ħafna Ittri ta’ dan il-perjodu rridu nżidu għadd ta’ Sermones, kif ukoll Sentenzi u Trattati. Dejjem għal dan l-istess żmien tmur lura l-ħbiberija kbira ta’ Bernard ma’ Guliermu, Abbati ta’ Saint-Thierry, u ma’ Guliermu ta’ Champeaux, fost l-iżjed figuri importanti tas-seklu 12. Mill-1130 ’il quddiem, beda jieħu ħsieb ta’ diversi kwistjonijiet tas-Santa Sede u tal-Knisja. Għalhekk kellu dejjem iżjed ta’ spiss joħroġ mill-monasteru tiegħu, u xi drabi anki barra minn Franza. Waqqaf ukoll xi monasteri femminili, u kien protagonista ta’ epistolarju mlewwen ma’ Pietru l-Venerabbli, Abbati ta’ Cluny, li dwaru tkellimt l-Erbgħa li għadda. Fuq kollox għandna l-kitbiet polemiċi tiegħu kontra Abelardu, ħassieb kbir li beda mod ġdid ta’ teoloġija, billi introduċa fuq kollox il-metodu djalettiku-filosofiku fil-binja tal-ħsieb teoloġiku. Front ieħor li kontrih Bernard issielet kien dak tal-ereżija tal-Katari, li żebilħu l-materja u l-ġisem uman, u b’konsegwenza ta’ dan kienu qed jikkalpestaw lill-Ħallieq. Mill-banda l-oħra hu ħassu fid-dmir jiddefendi lil-Lhud, u jikkundanna l-espressjonijiet qawwija ta’ antisemitiżmu li dejjem kienu qed joktru. Għal dan l-aħħar aspett tal-azzjoni appostolika tiegħu, xi għexieren ta’ snin iktar tard, Efrajm, Rabbin ta’ Bonn, indirizza omaġġ qawwi f’ġieħ Bernard. F’dak l-istess perjodu l-Abbati qaddis kiteb l-opri l-iżjed famużi tiegħu, bħalma huma ċ-ċelebri Prietki fuq l-Għanja tal-Għanjiet [In Canticum Sermones]. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu – mewtu seħħet fl-1153 – Bernard kellu jillimita l-vjaġġi tiegħu, imma mingħajr ma waqqafhom għalkollox. Approfitta minn hekk biex jirrevedi waħda u sew il-ġabra sħiħa tal-Ittri, tas-Sermones u tat-Trattati. Jixraqlu li jissemma ktieb pjuttost partikulari, li hu temm proprju f’dan iż-żmien, fl-1145, meta wieħed alljiev tiegħu, Bernard Pignatelli, ġie elett Papa bl-isem ta’ Ewġenju III. F’din iċ-ċirkustanza, Bernard, bħala Missier spiritwali tiegħu, kiteb lil dan l-iben spiritwali t-test De Considerationeli fih tagħlim dwar kif tkun Papa tajjeb. F’dan il-ktieb, li jibqa’ qari siewi ħafna għall-Papiet ta’ kull żmien, Bernard mhux biss juri kif għandu jimxi Papa tajjeb, imma jesprimi wkoll viżjoni profonda tal-misteru tal-Knisja u tal-misteru ta’ Kristu, li fl-aħħar jagħlaq bil-kontemplazzjoni tal-misteru ta’ Alla tlieta u wieħed: “Għad irid ikompli iktar it-tiftix ta’ dan Alla, li għadu mhux imfittex biżżejjed”, jikteb l-Abbati qaddis, “imma forsi nistgħu nfittxuh aħjar u nsibuh aktar faċilment bit-talb milli bid-diskussjoni. Mela nagħlqu hawn il-ktieb, imma mhux it-tiftix tagħna” (XIV, 32: PL 182, 808), fil-mixja tagħna lejn Alla.

 

Issa nixtieq nieqaf biss fuq żewġ aspetti ċentrali tat-tagħlim għani ta’ Bernard: dawn huma dwar Ġesù Kristu u Ommu Marija Santissma. L-attenzjoni tiegħu għall-parteċipazzjoni intima u vitali tan-Nisrani fl-imħabba ta’ Alla f’Ġesù Kristu ma tagħtiniex orjentamenti ġodda fl-istatut xjentifiku tat-teoloġija. Imma, b’mod iktar deċiż minn qatt qabel, l-Abbati ta’ Clairvaux jgħaqqad flimkien it-teologu mal-kontemplattiv u mal-mistiku. Ġesù biss – jisħaq Bernard quddiem ir-raġunamenti djalettiċi kumplessi ta’ żmienu – Ġesù biss hu “għasel għal fuq ix-xufftejn, għanja għall-widna, hena tal-qalb (mel in ore, in aure melos, in corde iubilum)”. Proprju minn hawn ġej it-titlu, li t-tradizzjoni tattribwilu, ta’ Doctor mellifluus: fil-fatt, it-tifħir tiegħu lil Ġesù Kristu “jnixxi bħall-għasel”. Fil-battalji qawwija bejn in-nominalisti u r-realisti – żewġ kurrenti filosofiċi ta’ dak iż-żmien – l-Abbati ta’ Clairvaux ma heda qatt itenni li wieħed hu l-isem li jiswa, dak ta’Ġesù ta’ Nazaret. “Niexef hu kull ikel tar-ruħ”, jistqarr, “jekk mhux imsawwab b’dan iż-żejt; bla togħma, jekk mhux imraxxax b’dan il-melħ. Dak li tikteb m’għandux togħma għalija, jekk fih ma naqrax Ġesù”. U jagħlaq: “Meta tiddiskuti jew titkellem, xejn m’għandu togħma għalija, jekk ma nismax jidwi l-isem ta’ Ġesù” (Sermones in Cantica Canticorum XV, 6: PL 183,847). Għal Bernard, fil-fatt, l-għarfien veru ta’ Alla jikkonsisti fl-esperjenza personali, profonda ta’ Ġesù Kristu u ta’ mħabbtu. U dan, għeżież ħuti, jgħodd għal kull Nisrani: il-fidi hija qabelxejn laqgħa personali, intima ma’ Ġesù, tfisser li tagħmel esperjenza tal-qrubija tiegħu, tal-ħbiberija tiegħu, ta’ mħabbtu, u hekk biss nitgħallmu nsiru nafuh dejjem iżjed, inħobbuh u nimxu warajh dejjem iżjed. Jalla dan iseħħ għal kull wieħed u waħda minna!

 

Fi Prietka oħra ċelebri għall-Ħadd fl-Ottava tal-Assunzjoni, l-Abbati qaddis tagħna jfisser b’passjoni s-sehem intimu ta’ Marija fis-sagrifiċċju feddej tal-Iben. “O Omm imqaddsa”, jesklama, “tassew li sejf nifidlek ruħek!… Tant il-vjolenza tat-tbatija nifdet lil ruħek, li bir-raġun aħna nistgħu nsejħulek ogħla minn martri, għax fik is-sehem fil-passjoni tal-Iben għadda bil-kbir fil-qawwa tiegħu t-tbatijiet fiżiċi tal-martirju” (14: PL 183,437-438). Bernard m’għandux dubji: “per Mariam ad Iesum”, permezz ta’ Marija naslu għand Ġesù. Hu jitkellem b’mod ċar dwar is-subordinazzjoni ta’ Marija għal Ġesù, skont il-fundamenti tal-Marjoloġija tradizzjonali. Imma l-parti l-kbira tas-Sermone tiddokumenta wkoll il-post ipprivileġġjat tal-Verġni fl-ekonomija tas-salvazzjoni, minħabba s-sehem tassew partikulari tal-Omm (compassio) fis-sagrifiċċju ta’ Binha. Mhux ta’ b’xejn, seklu u nofs wara l-mewt ta’ Bernard, Dante Alighieri, fl-aħħar għanja tad-Divina Commedia, qiegħed fuq xofftejn id-“Duttur ħelu għasel” it-talba sublimi lil Marija: “Ja Omm Verġni, bint l-Iben tiegħek, / l-aktar ħlejqa umli u għolja, / blata soda ta’ għajnuna dejjiema, …” (Paradiso 33, vv. 1ss.).

 

Dawn ir-riflessjonijiet, karatteristiċi ta’ wieħed innamrat ma’ Ġesù u ma’ Marija bħalma kien San Bernard, jipprovokaw illum ukoll b’mod tajjeb mhux biss lit-teologi, imma lil dawk kollha li jemmnu. Xi drabi nippretendu li nistgħu nsolvu l-kwistjonijiet fundamentali dwar Alla, dwar il-bniedem u dwar id-dinja bil-qawwiet tar-raġuni waħidha. Imma San Bernard, waqt li wieqaf iserraħ sod fuq il-Bibbja u fuq il-Missirijiet tal-Knisja, ifakkarna li mingħajr fidi profonda f’Alla, imseddqa mit-talb u mill-kontemplazzjoni, minn relazzjoni intima mal-Mulej, ir-riflessjonijiet tagħna fuq il-misteri divini jirriskjaw li jsiru eżerċizzju vojt intellettwali, u jitilfu l-kredibbiltà tagħhom. It-teoloġija teħodna lura għax-“xjenza tal-qaddisin”, għall-intuwizzjoni tagħhom tal-misteri ta’ Alla l-ħaj, għall-għerf tagħhom, don tal-Ispirtu s-Santu, li jsiru punt ta’ riferiment għall-ħsieb teoloġiku. Flimkien ma’ Bernard ta’ Clairvaux, aħna wkoll irridu nagħrfu li l-bniedem jista’ jfittex aħjar u jsib aktar faċilment lil Alla “bit-talb milli bid-diskussjoni”. Fl-aħħar nett, il-figura l-iżjed vera tat-teologu u ta’ kull evanġelizzatur tibqa’ dik tal-Appostlu Ġwanni, li qiegħed rasu fuq il-qalb tal-Imgħallem.

 

Nixtieq nagħlaq dawn ir-riflessjonijiet dwar San Bernard bl-invokazzjonijiet lil Marija, li naqraw f’omelija sabiħa tiegħu. “Fil-perikli, fid-dwejjaq, fid-dubji”, jgħid, “aħseb f’Marija, sejjaħ lil Marija. Tħalliha qatt titlaq minn fuq xufftejk, tħalliha qatt titlaq minn ġo qalbek; u biex tasal li tikseb l-għajnuna tat-talb tagħha, tinsa qatt l-eżempju ta’ ħajjitha. Jekk timxi warajha, ma titlifx it-triq; jekk titlobha, ma taqta’ qatt qalbek; jekk taħseb fiha, ma tistax tiżbalja. Jekk twieżnek hi, ma taqax; jekk tħarsek hi, m’għandekx mniex tibża’; jekk tmexxik hi, ma tegħjiex; jekk turik tjubitha, tasal fid-destinazzjoni…” (Hom. II super Missus est, 17: PL 183, 70-71).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard