ŻJARA PASTORALI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

F’LORETO

FL-OKKAŻJONI TAL-AGORÀ

TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TALJANI

 

ŻJARA LIS-SANTWARJU LAWRETAN

U MUMENT TA’ TALB FID-DAR IMQADDSA

 

1 ta' Settembru 2007

 

TALBA TAL-PAPA BENEDITTU XVI

 

Marija, Omm tal-iva, int smajt lil Ġesù

u taf il-kisra ta’ leħnu u t-taħbita ta’ qalbu.

Kewkba ta’ filgħodu, kellimna dwaru

u rrakkuntalna l-mixja tiegħek warajh fit-triq tal-fidi.

 

Marija, li f’Nazaret għext ma’ Ġesù,

stampa f’ħajjitna s-sentimenti tiegħek,

il-ħlewwa tiegħek, is-skiet tiegħek li kapaċi jisma’,

u agħmel li l-Kelma twarrad f’ħajjitna b’għażliet ta’ libertà vera.

 

Marija, kellimna fuq Ġesù, biex il-freskezza tal-fidi tagħna

tilma f’għajnejna u ssaħħan il-qalb ta’ min jiltaqa’ magħna,

kif int għamilt meta żort lil Eliżabetta

li fi xjuħitha thenniet miegħek għad-don tal-ħajja.

 

Marija, Verġni tal-Magnificat,

għinna nxerrdu l-ferħ fid-dinja u, bħal f’Kana,

ħeġġeġ lil kull żagħżugħ u żagħżugħa, impenjati fil-qadi ta’ ħuthom,

biex jagħmlu biss dak li jgħidilhom Ġesù.

 

Marija, ixħet ħarstek fuq l-Agorà taż-żgħażagħ,

biex tkun l-art għammiela tal-Knisja Taljana.

Itlob għalina biex Ġesù, li miet u rxoxta, jerġa’ jitwieled fina

u jibdilna f’lejl kollu dawl, mimli bih.

 

Marija, Madonna ta’ Loreto, bieb tas-sema,

għinna nerfgħu ħarsitna ’l fuq.

Irridu naraw lil Ġesù. Nitkellmu miegħu.

Inxandru lil kulħadd l-imħabba tiegħu.

 

BENEDICTUS PP. XVI

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard