ŻJARA PASTORALI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

F’LORETO

FL-OKKAŻJONI TAL-AGORÀ

TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TALJANI

 

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Wesgħa ta’ Montorso

Il-Ħadd 2 ta’ Settembru 2007

 

Għeżież ħuti,

għeżież ħbieb żgħażagħ!

 

Wara l-velja ta’ dan il-lejl, il-laqgħa Lawretana tagħna issa tagħlaq madwar l-altar bil-Konċelebrazzjoni Ewkaristika solenni. Għal darb’oħra nsellem lilkom ilkoll minn qalbi. Insellem b’mod speċjali lill-Isqfijiet u nirringrazzja lill-Arċisqof Angelo Bagnasco li fi kliemu interpreta s-sentimenti komuni tagħkom. Insellem lill-Arċisqof ta’ Loreto li laqagħna bi mħabba u għożża. Insellem lis-saċerdoti, ir-reliġjużi u lil dawk kollha li b’għożża ħejjew għal din il-wirja importanti ta’ fidi. Tislima rispettuża lill-Awtoritajiet ċivili u militari preżenti, u tislima partikulari lill-Viċi President tal-Kunsill tal-Ministri, l-Onor. Francesco Rutelli.

 

Dan hu tassew jum ta’ grazzja! Il-Qari li għadna kemm smajna ftit tal-ħin ilu jgħinna nifhmu x’opra tal-għaġeb wettaq il-Mulej meta laqqagħna, hawn Loreto, f’għadd hekk kbir u fi klima hienja ta’ talb u ta’ festa. Miġbura hawn quddiem is-Santwarju tal-Verġni qed naraw iseħħ, f’ċertu sens, kliem l-Ittra lil-Lhud: “Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj”. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għad-dell tad-Dar Imqaddsa, anki aħna qed nersqu “f’ġemgħa ferrieħa; lejn il-ġemgħa tal-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema”. Hekk nistgħu nduqu l-ferħ ta’ min jinġabar quddiem “Alla l-imħallef ta’ kulħadd; lejn l-erwieħ ta’ nies tajba u perfetti”. Flimkien ma’ Marija, Omm il-Feddej u Omm tagħna, nersqu fuq kollox biex niltaqgħu mal-“mejdatur ta’ patt ġdid”, Sidna Ġesù Kristu (ara Lhud 12:22-24). Missierna tas-Sema, li ħafna drabi u b’ħafna modi kellem lill-bnedmin (ara Lhud 1:1) u offrielhom il-Patt tiegħu u spiss kellu jħabbat wiċċu ma’ min waqaflu u ċaħdu, fil-milja taż-żminijiet ried iwaqqaf mal-bnedmin patt ġdid, għal dejjem u li ma jerġax lura minnu, u jissiġillah bid-demm ta’ Ibnu l-Waħdieni, li miet u rxoxta għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Ġesù Kristu, Alla magħmul bniedem, f’Marija ħa l-istess ġisem tagħna, daħal jagħmel parti mill-ħajja tagħna u ried jaqsam fl-istorja tagħna. Biex iwettaq il-Patt tiegħu, Alla fittex qalb żagħżugħa u sabha f’Marija, “xebba”.

 

Illum ukoll Alla jfittex qlub żgħażagħ, ifittex żgħażagħ ta’ qalb kbira, li kapaċi jagħmlulu wisa’ f’ħajjithom biex ikunu protagonisti tal-Patt il-Ġdid. Biex nistgħu nilqgħu proposta affaxxinanti bħal dik li qed jagħmlilna Ġesù, biex nidħlu f’Patt miegħu, jeħtieġ inkunu żgħażagħ fil-qalb tagħna, li kapaċi nħallu l-ġdid tiegħu jċaqlaqna, biex miegħu naqbdu toroq ġodda. Ġesù għandu għożża partikulari għaż-żgħażagħ, kif juri tant tajjeb dak id-djalogu maż-żagħżugħ għani (ara Mt 19:16-22; Mk 10:17-22); jirrispetta l-libertà tagħhom, imma ma jegħja qatt jipproponilhom destinazzjonijiet ogħla f’ħajjithom: il-ġdid tal-Vanġelu u l-ġmiel ta’ ħajja qaddisa. Fuq l-eżempju ta’ Sidha, il-Knisja tissokta turi din l-istess attenzjoni. Għalhekk, għeżież ħuti, hi tħares lejkom bi mħabba kbira, hi qrib tagħkom fil-mumenti tal-ferħ u ta’ festa, tal-prova u ta’ telfa; tweżinkom bid-doni tal-grazzja sagramentali u sseħibkom fid-dixxerniment tal-vokazzjoni tagħkom. Għeżież żgħażagħ, ħallu lil min idaħħalkom fil-ħajja ġdida li tgelgel mil-laqgħa ma’ Kristu u hekk tiksbu l-ħila li tkunu appostli tal-paċi tiegħu fil-familji tagħkom, fost sħabkom, fi ħdan il-komunitajiet ekkleżjali tagħkom u fid-diversi ambjenti li fihom tgħixu u taħdmu.

 

Imma x’jagħmilna tassew “żgħażagħ” fis-sens evanġeliku? Din il-laqgħa tagħna, li qed isseħħ għad-dell ta’ Santwarju Marjan, tistedinna nħarsu lejn il-Madonna. Mela nistaqsu: Kif għexet iż-żgħożija tagħha Marija? Kif inhi din li fiha l-impossibbli sar possibbli? Tgħidilna hi stess fil-kantiku tal-Magnificat: Alla “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48a). L-umiltà ta’ Marija hi dak li Alla japprezza iżjed minn kull ħaġa oħra fiha. U proprju fuq l-umiltà jkellmuna ż-żewġ siltiet l-oħra tal-Qari tal-liturġija tal-lum. Mhix forsi kumbinazzjoni sabiħa li dan il-messaġġ qed jitwasslilna proprju hawn f’Loreto? Hawn, il-ħsieb tagħna b’mod naturali jmur fuq id-Dar Imqaddsa ta’ Nazaret li hi s-santwarju tal-umiltà: l-umiltà ta’ Alla li sar bniedem, iċċekken, u l-umiltà ta’ Marija li laqgħetu fil-ġuf tagħha; l-umiltà tal-Ħallieq u l-umiltà tal-ħlejqa. Minn din il-laqgħa ta’ umiltà twieled Ġesù, Bin Alla u Bin il-bniedem. “Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej. Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli”, tgħidilna s-silta minn Bin Sirak (3:18); u Ġesù fil-Vanġelu, wara l-parabbola tal-mistednin għat-tieġ, jikkonkludi: “Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (Lq 14:11). Din il-perspettiva indikata mill-Iskrittura llum iżjed minn qatt qabel tidher provokatorja għall-kultura u s-sensibbiltà tal-bniedem ta’ żmienna. L-umli jidher bħala l-beżżiegħ, tellief, wieħed li m’għandu xejn x’jgħid lid-dinja. Imma din hi t-triq għalliema, u mhux biss għax l-umiltà hi virtù umana kbira, imma għax, qabelxejn, tirrappreżenta l-mod ta’ kif jaġixxi Alla nnifsu. Din hi l-għażla ta’ Kristu, il-Medjatur tal-Patt il-Ġdid, li, “deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8).

 

Għeżież żgħażagħ, jidhirli li f’din il-kelma ta’ Alla fuq l-umiltà qed nilmaħ messaġġ importanti u dejjem attwali għalikom, li tridu timxu wara Kristu u tagħmlu parti mill-Knisja tiegħu. Il-messaġġ hu dan: timxux fit-triq tal-kburija, imma f’dik tal-umiltà. Morru kontra l-kurrent: tisimgħux mill-ilħna persważivi li jippruvaw jiġbdukom lejn l-interessi tagħhom u li llum minn ħafna partijiet qed jirreklamaw mudelli ta’ ħajja mmarkati mill-arroganza u l-vjolenza, il-prepotenza u s-suċċess akkost ta’ kollox, il-mod kif wieħed jidher u xi jkollu, bi prezz għal dak li tassew hu. Intom destinatarji ta’ ħafna messaġġi li jaslulkom fuq kollox permezz tal-midja tal-massa. Għassu sewwa! Kunu kritiċi! Tmorrux tiġru wara l-mewġa prodotta minn din l-azzjoni qawwija ta’ persważjoni. Għeżież ħbieb tiegħi, tibżgħux tippreferu t-toroq “alternattivi” li turikom l-imħabba vera: stil ta’ ħajja sobrja u solidali; relazzjonijiet affettivi sinċieri u puri; impenn onest fl-istudju u fix-xogħol; l-interess profond fil-ġid komuni. Tibżgħux tidhru differenti u li tiġu kkritikati għal dak li jista’ jidher tellief jew mhux mal-moda: sħabkom tal-età tagħkom, imma anki l-adulti, u speċjalment dawk li jidhru l-iżjed imbiegħda mill-mentalità u mill-valuri tal-Vanġelu, għandhom bżonn kbir li jaraw xi ħadd li jindenja jgħix skont il-milja tal-umanità kif tidher f’Ġesù Kristu.

 

Għeżież ħbieb, dik tal-umiltà għalhekk mhix it-triq taċ-ċaħda imma tal-kuraġġ. Mhix il-frott ta’ telfa imma r-riżultat ta’ rebħa tal-imħabba fuq l-egoiżmu u tal-grazzja fuq id-dnub. Biex nimxu wara Kristu u nixbhu lil Marija, irid ikollna l-kuraġġ tal-umiltà; irridu umilment nafdaw ruħna f’idejn il-Mulej għax hekk biss nistgħu nsiru għodda doċli f’idejh, u nħalluh iwettaq fina ħwejjeġ kbar. Għeġubijiet kbar il-Mulej għamel f’Marija u fil-qaddisin! Jiġuni f’moħħi, ngħidu aħna, Franġisku ta’ Assisi u Katerina ta’ Siena, Patruni tal-Italja. Jiġuni f’moħħi wkoll żgħażagħ mill-aqwa bħal Santa Ġemma Galgani, San Gabrijel tal-Addolorata, San Alwiġi Gonzaga, San Duminku Savio, Santa Marija Goretti, li twieldet mhux bogħod wisq minn hawn, il-Beati Piergiorgio Frassati u Alberto Marvelli. U jiġuni f’moħħi mill-ġdid ħafna żgħażagħ li jagħmlu parti mill-ġemgħa ta’ qaddisin “anonimi”, imma li mhumiex anonimi għal Alla. Għalih kull persuna hi unika, b’isem u wiċċ. Ilkoll, u dan intom tafuh, aħna msejħin insiru qaddisin!

 

Kif tistgħu taraw, għeżież żgħażagħ, l-umiltà li l-Mulej għallimna u li l-qaddisin taw xhieda tagħha, kull wieħed u waħda skont l-oriġinalità tal-vokazzjoni tiegħu, mhi xejn affattu mod tellief ta’ ħajja. Inħarsu fuq kollox lejn Marija: fl-iskola tagħha, anki aħna bħalha nistgħu nagħmlu esperjenza ta’ dik l-iva ta’ Alla għall-umanità li minnha jnixxu l-ivijiet kollha ta’ ħajjitna. Huwa minnu, ħafna u kbar huma l-isfidi li jkollkom tħabbtu wiċċkom magħhom. Imma l-ewwel waħda tibqa’ dejjem dik li timxu wara Kristu sal-aħħar, bla riservi u kompromessi. U li timxi wara Kristu jfisser tħossok parti ħajja minn ġismu, li hi l-Knisja. Ma nistgħux nissejħu dixxipli ta’ Kristu jekk ma nħobbux u ma nimxux wara l-Knisja tiegħu. Il-Knisja hi l-familja tagħna, li fiha l-imħabba lejn il-Mulej u lejn l-aħwa, fuq kollox bis-sehem fl-Ewkaristija, iddewwaqna l-ferħ li nistgħu niggustaw minn issa l-ħajja futura li sa tkun imdawla għalkollox mill-Imħabba. L-impenn tagħna ta’ kuljum għandu jkun li ngħixu hawn isfel bħallikieku diġà konna hemm fuq. Li nħossuna Knisja għalhekk hi vokazzjoni għall-qdusija miftuħa għal kulħadd; hu impenn ta’ kuljum biex nibnu l-komunjoni u l-għaqda billi nirbħu kull reżistenza u negħlbu kull nuqqas ta’ ftehim. Fil-Knisja nitgħallmu nħobbu billi nedukaw ruħna ħalli nilqgħu lill-proxxmu bla ma nfittxu ebda ħlas, ħalli nkunu attenti għal min hu f’diffikultà, il-foqra u dawk tal-aħħar post. Il-motivazzjoni fundamentali li xxierek lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu, mhijiex is-suċċess imma t-tajjeb, tajjeb li jkun iżjed awtentiku skont kemm jinqasam mal-oħrajn, u li ma jikkonsistix qabelxejn f’kemm ikollna jew fil-poter, imma f’dak li aħna. Hekk tinbena l-belt ta’ Alla mal-bnedmin, belt li fl-istess ħin tikber mill-art u tinżel mis-Sema, għax tiżviluppa fil-laqgħa u fil-kollaborazzjoni bejn il-bnedmin u Alla (ara Apok 21:2-3).

 

Għeżież żgħażagħ, li nimxu wara Kristu jitlob fuq kollox l-isforz kostanti li nagħtu sehemna għall-bini ta’ soċjetà iżjed ġusta u solidali, fejn kulħadd jista’ jgawdi mill-ġid tal-art. Naf li ħafna minnkom jiddedikaw ruħhom b’qalb kbira biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom fid-diversi oqsma soċjali, jaħdmu fil-volontarjat, fil-promozzjoni tal-ġid komuni, tal-paċi u tal-ġustizzja f’kull komunità. Wieħed mill-oqsma, li fih jidher urġenti naħdmu, hu bla dubju dak tal-ħarsien tal-ħolqien. F’idejn il-ġenerazzjonijiet ġodda hu fdat il-futur tal-pjaneta, fejn huma ċari s-sinjali ta’ żvilupp li mhux dejjem kien kapaċi jħares il-bilanċi delikati tan-natura. Qabel ma jkun tard wisq, hemm bżonn nadottaw għażliet kuraġġjużi, li jistgħu joħolqu mill-ġdid dak il-patt b’saħħtu bejn il-bniedem u l-art. Hemm bżonn ta’ iva deċiża għall-ħarsien tal-ħolqien u impenn qawwi biex irreġġgħu lura dawn it-tendenzi li qed jirriskjaw li jwassluna għal sitwazzjonijiet ta’ qerda irriversibbli. Għalhekk apprezzajt l-inizjattiva tal-Knisja Taljana li tippromovi s-sensibbiltà fuq il-problematiċi tal-ħarsien tal-ħolqien, bil-ħolqien ta’ Jum nazzjonali fl-1 ta’ Settembru. Din is-sena, l-attenzjoni hi fuq kollox għall-ilma, ġid prezzjożissmu li, jekk ma jinqasamx b’mod ekwu u paċifiku, b’xorti ħażina jista’ jsir raġuni ta’ tensjonijiet ibsin u kunflitti koroh.

 

Għeżież ħbieb żgħażagħ, wara li smajt ir-riflessjonijiet tagħkom tal-bieraħ filgħaxija u tal-lejla, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, issa ridt nafdalkom dawn ir-riflessjonijiet tiegħi, li rridhom ikunu inkuraġġiment ta’ missier biex timxu wara Kristu ħalli ssiru xhieda tat-tama u l-imħabba tiegħu. Min-naħa tiegħi, se nkompli nkun qrib tagħkom bit-talb u bl-imħabba biex tistgħu tibqgħu mexjin bil-ħeġġa fil-mixja tal-Agorà, din il-mixja unika ta’ tliet snin fis-smigħ, id-djalogu u l-missjoni. Aħna u nagħlqu llum l-ewwel sena b’din il-laqgħa mill-isbaħ, ma nistax ma nistedinkomx tħarsu diġà lejn l-appuntament kbir tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sa jinżamm f’Lulju tas-sena d-dieħla f’Sydney. Nistedinkom tħejju ruħkom għal din il-manifestazzjoni kbira ta’ fidi żagħżugħa, timmeditaw il-Messaġġ li jinżel iktar fil-fond tat-tema tal-Ispirtu s-Santu, biex tgħixu flimkien rebbiegħa ġdida tal-Ispirtu. Mela nistenniekom numerużi fl-Awstralja, fl-għeluq tat-tieni sena tagħkom tal-Agorà. U fl-aħħar, ejjew għal darb’oħra nduru b’ħarsitna lejn Marija, mudell ta’ umiltà u ta’ kuraġġ. Għinna, o Verġni ta’ Nazaret, biex inkunu doċli għall-opra tal-Ispirtu s-Santu kif kont int; għinna nsiru dejjem iżjed qaddisin, dixxipli nnamrati ma’ Ibnek Ġesù; wieżen u sieħeb lil dawn iż-żgħażagħ biex ikunu hienja u missjunarji li jaħdmu bla heda għall-Vanġelu fost sħabhom, f’kull rokna tal-Italja. Amen!

 

* * *

 

Fi tmiem iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, qabel ma ta l-Barka Appostolika, il-Papa lissen dawn il-kelmiet:

 

Ħuti, għeżież ħbieb, wasalna biex inħallu dan il-post, fejn iċċelebrajna l-Misteri Mqaddsa, post għani bil-memorja tal-Inkarnazzjoni tal-Verb. Is-Santwarju Lawretan ifakkarna llum ukoll li biex nilqgħu b’mod sħiħ il-Kelma tal-ħajja, mhux biżżejjed inżommu għandna d-don li rċivejna: imma rridu mmorru, b’ħeġġa, f’toroq oħra u fi bliet oħra, biex inwassluh bil-ferħ u l-gratitudni, bħalma għamlet ix-xebba Marija ta’ Nazaret. Għeżież żgħażagħ, għożżu fil-qalb tagħkom it-tifkira ta’ dan il-post u, bħat-tnejn u sebgħin dixxiplu li għażel il-Mulej Ġesù, morru b’determinazzjoni u libertà tal-ispirtu: wasslu l-paċi, wieżnu lil min hu dgħajjef, ħejju l-qlub għall-ġdid ta’ Kristu. Ħabbru li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard