Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI
LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KONVENJU INTERNAZZJONALI
LI SAR FL-OKKAŻJONI TAL-40 ANNIVERSARJU

TAD-DIGRIET “AD GENTES”

TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Sala tal-Benedizzjonijiet
Is-Sibt, 11 ta’ Marzu, 2006

 

Sinjuri Kardinali,
meqjumin ħuti fl-Episkopat u l-Presbiterat,
għeżież ħuti!

 

Insellmilkom ilkoll b’għożża, intom li ħadtu sehem fil-Konvenju internazzjonali organizzat mill-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli u mill-Università Pontifiċja Urbaniana, fl-okkażjoni tal-40 anniversarju tad-Digriet konċiljari Ad Gentes.  Insellem l-ewwelnett lill-Kardinal Crescenzio Sepe, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, u rrodlu ħajr għall-kliem li indirizzali f’isimkom.  Insellem lill-Isqfijiet u s-Saċerdoti preżenti u lil kulmin ħa sehem f’din l-inizjattiva tant flokha għax hi tweġiba għall-ħtieġa li nkomplu, u nidħlu aktar fil-fond, tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, biex noħorġu għad-dawl il-qawwa li tixpruna, u li nibtet minn dil-laqgħa konċiljari, lill-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

Fil-fatt, bl-approvazzjoni, nhar is-7 ta’ Diċembru, 1965, tad-Digriet Ad Gentes, il-missjoni tal-Knisja rċeviet imbuttatura ġdida.  Ġew iċċarati aħjar il-fundamenti teoloġiċi tal-impenn missjunarju; il-valur u l-attwalità tiegħu quddiem it-tibdil tad-dinja u l-isfidi li l-modernità tagħmel lill-predikazzjoni tal-Evanġelju (cfr n. 1). Il-Knisja kisbet għarfien aktar ċar tal-missjoni missjunarja naturali tagħha, li fiha tagħraf element kostituttiv tal-istess natura tagħha.  Ubbidjenti għall-kmand ta’ Kristu, li bagħat lid-dixxipli jħabbru l-Evanġelju lill-ġnus (cfr Mt 28, 18-20), il-komunità nisranija, fl-epoka tagħna wkoll, tħossha mibgħuta għand l-irġiel u n-nisa tat-tielet millennju, biex tgħarrafhom il-verità tal-messaġġ evanġeliku u b’hekk tiftħilhom it-triq tas-salvazzjoni.  U din, kif kont qed ngħid, mhix ħaġa ta’ għażla, imma l-vokazzjoni propja tal-Poplu t’Alla, dmir li jġorr miegħu r-responsabbiltà b’mandat mill-istess Mulej Ġesù Kristu (cfr Evangelii nuntiandi, 5).  Anzi, t-tħabbir u x-xhieda tal-Evanġelju hu l-ewwel servizz li jistgħu jagħtu l-insara lil kull persuna fi ħdan il-ġeneru uman, minħabba s-sejħa li għandhom  biex iwasslu lil kulħadd l-imħabba t’ Alla, li wriet il-milja tagħha fl-uniku Redentur tad-dinja, Ġesù Kristu.

Il-pubblikazzjoni tad-Digriet konċiljari Ad Gentes, li intom bix-xieraq irriflettejtu fuqu, kien ta’ siwi biex joħroġ aktar għad-dawl l-għerq oriġinali tal-missjoni tal-Knisja, jiġifieri l-ħajja trinitarja ta’ Alla, li minnu jibda kull ċaqliq ta’ mħabba li mill-Persuni Divini jissawwab fuq l-umanità.  Kollox igelgel mill-qalb tal-Missier ċelesti, li tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni, sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem (cfr Ġw 3, 16).  Bil-misteru tal-Inkarnazzjoni, l-Iben Waħdieni sar il-medjatur awtetiku u suprem bejn il-Missier u l-bnedmin.  Fih, mejjet u mqajjem, it-tenerezza providenti tal-Missier tasal għand kull bniedem fil-forma u permezz tat-toroq li Hu biss jafhom.  Id-dmir tal-Knisja hu li qatt ma theda twassal din l-imħabba divina, bil-qawwa tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja.  Infatti, hu l-Ispirtu li jittrasforma l-ħajja ta’ min jemmen, jeħilsu mill-jasar tad-dnub u l-mewt, u jtih il-ħila li jkun xhud tal-imħabba mimlija ħniena ta’Alla, li f’Ibnu, jrid jgħaqqad l-umnità kollha f’familja waħda (cfr Deus caritas est, 19).

Sa mill-oriġini, il-Poplu nisrani ħass ċar l-importanza li jkun sehem mill-għana ta’ din l-imħabba lejn dawk li s’issa għadhom ma jafux lil Kristu, permezz ta’ azzjoni missjunarja ma taqta’ xejn.  Aktar u aktar, dawn l-aħħar snin, inħasset il-ħtieġa li dan l-impenn jiġġedded, għax fl-epoka moderna, kif kien osserva l-maħbub predeċessur tiegħi Ġwanni Pawlu II, il-missio ad gentes donna għaddejja minn fażi ta’ hedla minħabba d-diffikultajiet ħtija tal-bdil fix-xenarju antropoloġiku, kulturali, soċjali u reliġjuz tal-umanità.  Il-Knisja llum hi msejħa biex tħabbat wiċċha ma’ sfidi ġodda u biex tkun lesta tiddjaloga ma’ kulturi u reliġjonijiet differenti, biex flimkien ma’ kull persuna ta’ rieda tajba tfittex li tibni konvivenza paċifika fost il-popli.  L-għalqa tal-missio ad gentes tidher tant bla qies u bla limiti fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet ġjografiċi u ġuridiċi; infatti, mhumiex biss il-popli li mhumiex insara u li jgħixu f’artijiet imbegħda, iżda wkoll l-ambjenti soċjo-kulturali u, fuq kollox, il-qlub, id-destinatarji veri tal-attività missjunarja tal-Poplu t’Alla.  Dan hu mandat li biex iseħħ bil-fedeltà jitlob paċenzja u ħars fit-tul, kuraġġ u umiltà, smigħ ta’ Alla u dixxerniment bir-reqqa “tas-sinjali taż-żminijiet”.  Id-Digriet Ad Gentes, juri kif il-Knisja tkun taf li, sabiex “dak li darba sar għas-salvazzjoni komuni, jseħħ fil-milja tiegħu f’kulħadd fil-mixja tas-sekli” (nu. 3), hemm bżonn itterraq l-istess triq ta’ Kristu, mixja li twassal għall-mewt tas-salib.  Infatti, l-azzjoni evanġelizzatriċi “ trid timxi għal għonq l-istess triq li mexa fiha Kristu, jiġifieri t-triq tal-faqar, tal-ubbidjenza, tas-servizz u tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, sal-mewt, li fuqha Hu ħareġ rebbieh” (ibid. 5).  Iva, il-Knisja hi msejħa biex isservi l-umanità ta’ żmienna bil-fiduċja fi Kristu biss, u tħalli Kelmtu ddwwalha, timitah fl-għotja ġeneruża lill-aħwa.  Hi strument f’idejh u għalhekk tagħmel li tista’, safejn hu possibbli għaliha, bl-għarfien li dak li jmexxi kollox dejjem hu l-Mulej.

Għeżież ħuti, grazzi għar-riflessjoni li sawwartu tul dal-jiem, billi dħaltu fil-fond tal-kontenut u l-metodi tal-attività missjunarja tal-epoka tagħna, billi b’mod partikolari ġibtu aktar għad-dawl il-kompitu tat-teoloġija, li hi wkoll espożizzjoni sistematika tal-aspetti varji tal-missjoni tal-Knisja.  Bil-kontribut tal-insara kollha, it-tħabbir tal-Evanġeljun jibda jinftiehem aħjar u jsir aktar effikaċi.  Marija, Kewkba tal-Evanġlizzazzjoni, tgħin u twieżen lil dawk kollha li f’tant reġjuni tad-dinja jaħdmu fuq il-fruntieri ta’ quddiemnett tal-missjoni.  Dwar dan, kif nistgħu ma niftakrux f’min anki fi żmien qrib, ta ħajtu għall-Evanġelju?  Jalla s-sagrifiċċu tagħhom iġib rebbiegħa mġedda, għanja bi frott appostoliku għall-evanġelizzazzjoni.  Għaldaqstant, nitolbu u nafdaw f’idejn il-Mulej lil dawk kollha li b’kull mod, jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej.  B’dawn is-sentimenti, nagħti likom hawn preżenti l-Barka Appostolika, u minn qalbi nestendiha lill-għeżież tagħkom u lill-komunitajiet ekkleżjali li tiffurmaw parti minnhom.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber