Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku
AMORIS LAETITIA,
Il-Ferħ tal-Imħabba
Kitba ta' Fr Reuben Deguara
1. ĦARSA
ĠENERALI
Wara l-Misericordiae Vultus, il-Papa
Franġisku, nhar it-8 ta’ April
2016, tana rigal ieħor: l-eżortazzjoni
appostolika Amoris Laetitia,
(Il-Ferħ tal-Imħabba). Inkitbet
kollha mill-Papa nnifsu wara t-temmija
taż-żewġ sessjonijiet tas-sinodu
dwar il-familja li sar fl-2015 u
tikkumplimenta Il-Misericordiae
Vultus fl-elementi qawwija ta’
ħniena u ta’ maħfra. F’Il-Ferħ
tal-Imħabba l-Papa juri li l-Knisja
hi omm, li tagħder, tifhem,
tissaporti u hi lesta, b’idejha
miftuħa, biex tħaddan fiha
lill-familji kollha, għax
il-ferħ u l-paċi huma possibbli.
L-eżortazzjoni tibda hekk:
“Il-ferħ tal-imħabba, li tingħax
fil-familja, hu wkoll il-ferħ
tal-Knisja.” Fiha l-Papa jifhem
is-sitwazzjoni attwali
tal-familja, u dan jagħmlu
b’saqajh mal-art, għaliex jaf
bid-diffikultajiet u l-isfidi li
tiffaċċja l-familja. Huwa jħares
b’ottimiżmu lejn dak li l-Knisja
tista’ toffri lill-familji. Jaf
li ħafna nies ma jilħqux
il-livell ideali u ħafna huma
dawk li mhumiex jgħixu kif
il-Knisja tistenna miż-żwieġ.
Għalhekk jgħidilna li l-attitudni
tal-Knisja trid tkun bħal ta’
“sptar fi gwerra, disinjata biex
iddewwi lill-feruti”. Il-Papa
jgħid li kuħadd għandu jħossu
parti mill-Knisja u għalhekk,
anke min ilu mbiegħed
mis-Sagramenti, għandu jiġi
nkuraġġit biex gradwalment jerġa’
jkun sehem fil-komunita’
nisranija.”
It-ton tal-Papa f’Il-Ferħ
tal-Imħabba hu wieħed ta’
tenerezzza, tant li din il-kelma
nsibuha tnejn u għoxrin darba
fl-eżortazzjoni. Il-Papa
jkellimna b’mod familjari, bħal
wieħed li jinsab viċin tan-nies
u jagħmel mistoqsijiet tipiċi
tal-ħlewwa tiegħu. Fl-istess
waqt jurina d-dmirijiet tagħna
lejna nfusna u fl-imħabba lejn
l-oħrajn.
Din l-eżortazzjoni hi ħafna
itwal mill-Misericordiae Vultus.
Fiha 325 paragrafu li fihom il-Papa
jidħol ħafna fil-fond dwar
suġġetti marbutin mal-familja,
mar-relazzjoni bejn il-koppja,
iż-żwieġ, is-sesswalità, it-trobbija
u l-edukazzjoni tat-tfal.
Iħeġġiġna ħalli nsibu ħin biex
naqraw l-eżortazzjoni Il-Ferħ
tal-Imħabba, u naqrawha skont
is-sitwazzjoni partikulari li
ninsabu fiha, ta’ koppji, ta’
persuni mhux miżżewġa jew ta’
nies fil-pastorali u jqiegħed
il-familja u l-imħabba
fiċ-ċentru tal-Knisja, li hi
“l-familja tal-familji”. Matul
l-eżortazzjoni, il-Papa jerġa’
jippreżentalna l-wiċċ ta’ Alla,
li ma jikkundannax imma li jrid
jiġi “fuq il-mejda magħna” biex
bi djalogu jagħmel eħfef
il-mixja tagħna lejh, kuljum u
dejjem aħjar.
2. INĦARSU
B’UMILTÀ LEJN IR-REALTÀ
TAL-FAMILJA
Fil-ħarġa tal-Flimkien ta’
Diċembru 2016 għamilna
introduzzjoni għall-Eżortazzjoni
Appostolika tal-Papa Franġisku
Amoris Laetitia, Il-Ferħ
tal-Imħabba. Fil-Flimkien
tas-sena li qegħdin fiha se
nagħtu titwila ħafifa lejn xi
aspetti ta’ din l-ittra sabiħa.
Il-Papa Franġisku, persuna
b’riġlejh mal-art, jurina li
jifhem is-sitwazzjoni attwali
tal-familja u għalhekk iħares
lejn l-isfidi serji li l-familja
tħabbat wiċċha magħhom u li l-kultura
ta’ żmienna qiegħda dejjem iżżid.
Jeżisti individwaliżmu esaġerat
li qed jagħmilha diffiċli li
persuna tagħti lilha nfisha
b’mod ġeneruż lil persuna oħra.
Filwaqt li nibżgħu mis-solitudni
u nfittxu l-protezzjoni u l-fedeltà,
ma nixtiqux ninqabdu
f’relazzjoni li ttellifna
mis-sodisfazzjon tax-xewqat
personali tagħna. Dan qed
ixejjen ir-rabtiet familjari u
jwassal biex il-membri
tal-familja jsiru gżira għalihom;
jibdew ifittxu l-gost personali,
ma jittollerawx lil xulxin,
isiru arroganti u sa jaslu
għall-vjolenza.
Realtà oħra fil-kultura ta’
żmienna hi l-ħeffa li biha xi
wħud jgħaddu minn relazzjoni
affettiva għal oħra. Għal ħafna
l-imħabba hi bħal social network
fejn tista’ tikkonnettja u
tiskonnettja skont il-pjaċir
tal-konsumatur. L-impenn fit-tul
iqanqal biża’, il-ħin liberu sar
ossessjoni u l-ħin kollu nagħmlu
l-kalkoli bejnietna. It-tifrik
fil-familja spiss iseħħ bejn
adulti li jfittxu l-awtonomija
minn xulxin u jiċħdu l-ideal
nobbli li jibqgħu flimkien
sal-aħħar ħalli jieħdu ħsieb
xulxin u jwieżnu lil xulxin.
Hi r-realtà ta’ żmienna li ż-żgħażagħ
jaqtgħu qalbhom milli jiffurmaw
familja tant li f’xi pajjiżi
ħafna żgħażagħ ikollhom
jissospendu ż-żwieġ minħabba l-qagħda
ekonomika tagħhom, l-istudju jew
in-nuqqas ta’ xogħol. L-eżempji
ta’ madwarhom u l-effett
tal-ideoloġiji li jxejnu l-familja
u l-esperjenza tal-falliment ta’
koppji oħra huma wkoll kawża ta’
skuraġġiment għaż-żgħażagħ li
qed jiġu mirbuħa mill-attrazzjoni
tal-konvivenza u qed iħarsu lejn
ir-relazzjoni biss bħala ħaġa
emottiva u romantika.
Il-Papa jelenka sfidi oħra
tal-familja. Huma ħafna t-tfal
li qed jitwieldu barra miż-żwieġ
u l-abbuż fuq it-tfal hu realtà
skandaluża. Isemmi l-immigrazzjoni
sfurzata tal-familji, frott
tal-gwerra, tal-persekuzzjoni u
tal-faqar. Il-faqar estrem
wassal lil xi familji biex
saħansitra jbigħu lil uliedhom
għall-prostituzzjoni jew it-traffikar
tal-organi.
Quddiem dan kollu l-ħidma
tal-Knisja mhix li tieħu post
il-kuxjenzi imma li tifformahom
biex il-persuni jagħmlu l-aħjar
għażliet. Tkun qed tagħmel bħal
Kristu li qatt ma naqas li
bil-ħniena tiegħu jkun qrib
tal-persuni dgħajfa,
bħas-Samaritana u l-mara
adultera.
3. IL-ĦARSA TA’
ĠESÙ FUQ IL-VOKAZZJONI
TAL-FAMILJA
Fl-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa
Franġisku, Amoris Laetitia (Il-Ferħ
tal-Imħabba), hemm miġbur
fil-qosor it-tagħlim tal-Knisja
dwar iż-żwieġ u l-familja. Il-Knisja
tgħallem li Alla ħalaq kollox
tajjeb, li ż-żwieġ hu “don”
mill-Mulej (1 Kor 7,7), li
għandu jingħata l-ġieħ li
jixraqlu (1 Kor 7, 5) u li hu
rabta li ma tinħallx.
Iż-żwieġ ġie inawgurat
fil-ħolqien u sab it-tifsira
tiegħu minn Ġesù Kristu, li
mbagħad ġiet imħabbra mill-Knisja
li hu waqqaf. L-eżempju ta’ Ġesù
hu mudell għall-Knisja. Hu beda
l-ħajja pubblika tiegħu
bis-sinjal ta’ Kana, imwettaq
f’festa ta’ tieġ. Qasam
il-ħbiberija tal-ħajja ta’
kuljum mal-familja ta’ Lazzru u
ta’ ħutu u mal-familja ta’
Pietru. Sema’ l-biki
tal-ġenituri għal uliedhom, bħal
fil-każ tal-armla ta’ Najm,
tal-familja ta’ Ġajru u tal-mara
Kananea.
Tiġi quddiem għajnejna l-familja
ta’ Nazaret; it-tħabbira
tal-anġlu, l-iva ta’ Marija u ta’
Ġużeppi, li ta l’isem lil Ġesù u
ħa ħsieb Marija; il-festa tar-ragħajja
meta waslu fl-għar ta’ Betlem,
il-ħarba lejn l-Eġittu,
il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju
u l-ġrajja ta’ meta Ġesù ntilef
fit-tempju. Hemm ukoll it-tletin
sena twal li Ġesù għadda
fis-satra tad-dar mal-familja
tiegħu, jaħdem bħal irġiel oħra
ta’ żmienu.
Fuq din il-kultura ta’ familja
skont il-qalb t’Alla, il-Knisja
tgħallimna li ż-żwieġ mhuwiex
ċerimonja soċjali li hi vojta
mill-impenn, mid-dedikazzjoni u
mis-sagrifiċċju. Hu sinjal tar-rabta
ta’ Kristu mal-Knisja. Hu
vokazzjoni, għax hu tweġiba
għas-sejħa tar-raġel u tal-mara
li jgħixu f’imħabba bħal dik
bejn Kristu u l-Knisja. Għalhekk
hemm bżonn ħafna preparazzjoni
meta l-għarajjes jaslu
għaż-żwieġ tagħhom.
Iż-żwieġ hu rigal lil xulxin.
Meta jilqgħu lil xulxin
bil-grazzja ta’ Kristu, l-għarajjes
li waslu għaż-żwieġ iwiegħdu li
se jingħataw għalkollox għal
xulxin, bil-fedeltà, u li dan l-impenn
se jeħduh bis-serjetà. Dan hu
possibbli bl-għajnuna
tal-grazzja tas-Sagrament.
Kristu jiġi jiltaqà mal-għarajjes
fis-Sagrament, jagħtihom
il-qawwa li jimxu warajh ukoll
meta l-ħajja tibda tkun iebsa,
jerfagħhom meta jaqgħu, jgħinhom
jaħfru lil xulxin u jagħtihom
il-kuraġġ biex jaslu li joqogħdu
għal xulxin.
Biż-żwieġ Nisrani, Alla jagħti
lill-għarajjes il-ferħ
tal-imħabba f’din id-dinja, li
hu t-tħabbira tal-ferħ tat-“tieġ
tal-Ħaruf”, jiġifieri l-ferħ ta’
meta Ġesù jilqa’ lilna lkoll
fil-ferħ tal-Ġenna.
4. PARIRI MILL-GĦANJA
TAL-IMĦABBA
Il-Papa Franġisku jieħu waħda
waħda l-kwalitajiet tal-imħabba
kif isemmihom San Pawl u
jagħtina pariri li jgħinu biex
ikollna l-għaqda, il-paċi u l-ferħ
fil-familji tagħna.
L-imħabba tieħu paċenzja. Dan ma
jfissirx li nħallu lil min
jagħmel bina li jrid,
bħallikieku aħna xi oġġett imma
lanqas li nistennew li dejjem
isir dak li rridu aħna. Tassew
li fir-relazzjonijiet tagħna
nsibu li mhux kollox kif konna
ħsibna; il-karattru tal-oħrajn
jista’ jdejjaqna, l-ideat
jistgħu ma jaqblux ma tagħna,
imma jrid jibqa’ fina s-sens ta’
mogħdrija. Kliemna għandu jkun
bil-kalma, ukoll meta nkunu se
nitilfu l-paċenzja.
L-imħabba ma tgħirx. Fil-familja
rridu napprezzaw sinċerament lil
xulxin u naċċettaw il-fatt li
kull wieħed u waħda għandhom
ħiliet u talenti differenti.
Noqogħdu attenti li, minħabba l-għira,
ma nixtiqux id-deni lill-oħrajn,
forsi anke dawk qrib tagħna.
Kulħadd għandu d-dritt li jkun
kuntent, u għalhekk għandna
nifirħu meta xi ħadd li nafu
jkun għaddej minn żmien tajjeb.
L-imħabba ma titkabbarx. Issib
min jagħtik l-impressjoni li jaf
kollox. Imma min iħobb, jibqa’
lura milli jitkellem fuqu nnifsu,
jaf fejn hu postu u ma
jippretendix li jkun dejjem
fiċ-ċentru. L-umiltà, min-naħa
l-oħra, hi virtù sabiħa
fil-familja, fejn ma tirbaħx
l-idea ta’ min hu l-aqwa u ma
ssirx kompetizzjoni ta’ min hu
l-aktar intelliġenti, għax dan
inaqqas l-imħabba.
L-imħabba ma tagħmilx dak li
mhux xieraq. Hawn tidħol l-imġiba
fil-ħajja ta’ kuljum. Meta niġu
biex nidħlu fil-ħajja ta’
persuna oħra, bħal fiż-żwieġ,
dan jitlob delikatezza li ġġib
fiduċja u rispett. Il-ġesti
tagħna jridu jkunu ħelwin,
b’manjieri tajba, bi kliem
xieraq u b’kortesija. Dawn huma
sinjali ta’ mħabba bi stil
Nisrani.
L-imħabba ma tfittixx l-interessi
tagħha. Li nħobbu lilna nfusna
hi ħaġa tajba. Imma l-vera
mħabba tfittex aktar li tħobb
milli tiġi maħbuba. Mhux dan hu
li jfittxu l-ġenituri fl-imġiba
ma’ wliedhom? Irid ikun hemm
ġenerożità li biha nkunu nistgħu
nagħtu b’xejn u sal-aħħar. Dan
jgħina biex, kif jgħid il-Papa,
qatt ma nagħlqu l-ġurnata bla ma
nagħmlu l-paċi fil-familja.
L-imħabba kollox taħfer. Meta xi
ħadd iweġġagħna, tkun ħaġa
sabiħa li naħfrulu jew naħfrulha,
imma din ħadd ma jgħid li hi
ħafifa. Bil-ħsieb li l-imħabba
ta’ Alla hi bla kundizzjoni,
inkunu nistgħu nħobbu lil hemm
minn kull ħaġa u, għalkemm bi
tbatija, jirnexxielna naħfru.
5. L-IMĦABBA
DDEWWAQNA L-FERĦ TAL-ĠENNA
F’din l-eżortazzjoni, il-Papa
Franġisku jfakkar fix-xena ħelwa
tal-film Il-Festa ta’ Babette.
Babette, mara żagħżugħa, kienet
ħarbet minn Franza minħabba r-Rivoluzzjoni
Franċiża u marret f’villaġġ
tas-sajjieda fid-Danimarka.
Laqgħuha żewġ aħwa nisa, ulied
qassis twajjeb li kien imexxi
komunità b’regoli stretti ħafna.
Darba minnhom, biex tferraħ
lin-nies, Babette għamlet ikla
kif kienet issajjar f’Pariġi
bħala koka f’ristorant ewlieni.
Il-Papa jsemmi kif Babette, wara
din l-ikla, irċeviet tgħanniqa
rikonoxxenti kif ukoll din l-espressjoni
sabiħa: “Kemm għad jifirħu bik
l-anġli.”
Meta naraw lill-oħrajn jifirħu u
jgawdu minħabba fina, inħossu
fina xi ftit mill-Ġenna. Għalina
li nemmnu, il-ferħ tal-miżżewġin
irid ikun mibni fuq l-imħabba li
tgħaqqadna ma’ Alla. Hu ferħ li
jibqa’, differenti minn dak
imqanqal mill-vanità ta’ min
jaħseb fih innifsu u jinsa
lill-oħrajn. Hu l-ferħ ta’ min
iħobb tassew u li jifraħ bil-ġid
tal-maħbub jew tal-maħbuba
tiegħu. Hu sabiħ meta, bħal
Babette fil-film, infittxu l-ġid
tal-persuni l-oħra, u dan jgħodd
ħafna bejn l-koppja miżżewġa.
Il-ferħ li jiġi mill-imħabba
vera f’din id-dinja jkompli
fil-Ġenna.
Iż-żwieġ għandu l-karatteristiki
kollha ta’ kif għandha tkun l-ikbar
ħbiberija. Waħda minnhom hi li
żewġ persuni jesprimu li se
jibqgħu jinħabbu għal ħajjithom
kollha. L-imħabba intima bejn
ir-raġel u l-mara hi ta’ valur
speċjali u qaddis. Iż-żwieġ fih
ukoll wegħda formali li tesprimi
xewqa għal stabbiltà li tgħin
biex żewġ persuni jkomplu jibnu
ħajjithom flimkien.
L-imħabba bejn koppja miżżewġa
tista’ tisfuma meta nċedu
għall-kultura moderna li l-affarijiet
huma proviżorji, idumu għal
żmien limitat u li nistgħu
nibdlu l-mod ta’ ħajja tagħna
skont kif jaqblilna. Din
il-kultura twassal biex mal-ewwel
diffikultà nwarrbu l-impenn li
dħalna għalih b’tant
preparazzjoni. Imma għal koppja
li trid issalva ż-żwieġ, id-diffikultajiet
li jinqalgħu jistgħu jsaħħu l-imħabba
li kien hemm qabel. Jiġri li
wara li l-koppja jkunu batew
biex jaffrontaw id-diffikultà
flimkien, jintebħu li dak li
għaddew minnu ma kienx għalxejn.
Ikunu kisbu xi ħaġa tajba,
tgħallmu xi ħaġa flimkien u issa
jistgħu japprezzaw iżjed dak li
sewa sforz kbir lit-tnejn li
huma. Irridu nkunu konvinti li
l-provi li jinqalgħu maż-żmien
jistgħu jintrebħu, imma jkun
hemm bżonn id-don tal-grazzja
t’Alla, li tgħin lill-koppja
jkunu xhieda tal-fedeltà lil
xulxin.
Il-grazzja ta’ Alla tgħaqqad
il-ħafna valuri tas-Sagrament
taż-Żwieġ u twassal
lill-miżżewġin biex ikunu għotja
libera lil xulxin, li tidher
fis-sentimenti, fil-kliem u
fil-ġesti li jaqsmu bejniethom
fil-ħajja ta’ kuljum.
6. KULL TARBIJA
HI RIGAL
Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni
tiegħu Il-Ferħ tal-Imħabba,
jgħid li l-imħabba ma tiqafx
mar-raġel u l-mara, imma tkompli
meta, bħala omm u missier,
jilqgħu r-rigal tat-twelid ta’
tarbija fil-familja.
L-omm, waqt ix-xhur tat-tqala,
tkun qed tikkollabora ma’ Alla
biex iseħħ il-proċess ta’ ħajja
ġdida u għandha s-sehem ta’
protagonista fil-miraklu
tal-ħolqien. Il-Papa jħajjar lil
kull mara li tinsab fit-tqala
biex tieħu ħsieb il-ferħ li hemm
ġo fiha ħalli ħadd ma jisirqilha
l-ferħ tal-maternità. Hu
jistieden lil dawk li se jwelldu
biex ma jħallu xejn itellfilhom
il-ferħ tagħhom; bħalma hu l-biża’,
it-tħassib, il-kummenti
tal-oħrajn jew xi problemi li
jistgħu jitfaċċaw fil-familja,
għax it-tarbija jixirqilha l-ferħ
tal-ġenituri. L-imħabba
tal-ġenituri hi sinjal
tal-imħabba t’Alla l-Missier li
jistenna bil-ħlewwa t-twelid ta’
kull tarbija, jaċċettaha bla
kundizzjonijiet u jilqagħha
b’idejh miftuħa beraħ.
Hu interessanti li l-Papa
jagħmel riferenza
għall-importanza tal-isem li
jingħata lit-tarbija. Tajjeb li,
bħala dawk li għandhom
il-privileġġ li jagħtu l-isem
lil uliedhom, il-ġenituri jifhmu
li l-isem li se jagħżlu se jkun
dak li t-tifel jew it-tifla se
jibqgħu jissejħu bih tul
ħajjithom kollha u għal dejjem.
Il-Papa jiddispjaċih li, mill-bidu,
ħafna tfal fid-dinja huma
rifjutati, abbandunati jew
misruqa mill-familja tagħhom.
Ikun hemm min saħansitra jgħid
li t-tarbija ġiet fid-dinja bi
żball. Ukoll jekk ġiet fid-dinja
f’ċirkustanzi mhux mixtieqa, it-tarbija
għandha tiġi mħaddna bħala rigal
minn Alla u li ta’ min jilqgħu
bil-ferħ.
Il-Papa jsemmi li xi ġenituri
jħossu li t-tarbija ma waslitx
fl-aħjar żmien. Dawn għandhom
jitolbu lill-Mulej biex
jagħtihom id-dawl ħalli jaġixxu
sewwa, għax jeħtieġ li t-tarbija
tħossha milqugħa bl-aħjar mod.
Il-lingwaġġ bejn l-omm u l-missier,
il-ħarsa lejn xulxin, it-tbissima
tagħhom u ġesti oħra, iħallu
effett fuq iċ-ċkejknin. Kull
tarbija għandha d-dritt li
tirċievi u tħoss l-imħabba
tal-omm u tal-missier, li t-tnejn
huma meħtieġa biex it-tarbija
tikber b’mod sħiħ u armonjuż.
L-omm, li tipproteġi lit-tarbija
bil-ħlewwa u l-mogħdrija,
trawwimha fil-fiduċja u tgħinha
tħoss li d-dinja hi post tajjeb
biex tilqagħha, tkun ixxettel
fiha stima tagħha nnifisha. Min-naħa
tiegħu, il-missier li jesprimi
ruħu fl-imġiba li biha jħobb u
jilqa’ lil martu, hu wisq
meħtieġ daqskemm hi meħtieġa l-għożża
tal-omm. Kemm hu sabiħ ukoll li
mill-ewwel ġranet tagħhom fid-dinja,
it-tfal jibdew jirċievu l-kwalitajiet
spiritwali tal-imħabba.
7. L-IMĦABBA
F’FAMILJA WIESGĦA
Fl-Eżortazzjoni tiegħu Amoris
Laetitia, (Il-Ferħ tal-Imħabba),
il-Papa Franġisku juri kif l-imħabba
tal-miżżewġin trid tinfirex mal-persuni
li huma l-familja wiesgħa
tagħhom, bħal ma huma n-nanniet,
iz-zijiet, il-qraba u kif ukoll
il-ġirien. Dan għax jista’ jkun
hemm min hu fil-bżonn
tal-għajnuna jew tal-anqas
tal-kumpanija u ta’ ġesti ta’
mħabba u ta’ faraġ. Meta koppja
tingħalaq fiha nfisha, tkun qed
titlef mill-ferħ li tista’
tagħti u tirċievi minn ħbiberija
li hi sinċiera u bil-qies. Hawn
tenħtieġ delikatezza għax,
filwaqt li persuni madwar
il-koppja m’għandhomx jitqiesu
bħala konkorrenti jew persuni
perikolużi li qed jinvadu l-familja,
irid ikun hemm bilanċ li mhux
faċli li jinżamm.
Ir-raġel u l-mara li ngħaqdu
fiż-żwieġ ma jridux jinsew l-ewwel
nett lill-ġenituri tagħhom, anzi
għandhom jibqgħu jirrispettawhom
bl-aħjar mod. Il-ġenituri
tal-koppja la għandhom jiġu
mwarrba u lanqas ittraskurati.
Min-naħa l-oħra hu importanti li
l-miżżewġin ġodda jżommu
distanza xierqa mill-ġenituri
tagħhom biex l-imħabba tagħhom
ma jkollhiex tfixkil minn indħil
li jista’ ma jagħmilx ġid. Mhux
sew li raġel u mara jaħbu ħafna
ħwejjeġ lil xulxin u jmorru
jgħiduhom lill-ġenituri
rispettivi tagħhom, hekk li
aktar tiswa l-fehma tal-ġenituri
milli s-sentimenti u l-fehma
tal-koppja, għax dan idgħajjef
il-fiduċja u d-djalogu ta’
bejniethom.
L-anzjani huma kategorija
vulnerabbli. Aktar ma persuna
tidħol fiż-żmien, aktar tibda
tibża’ li se tisfa’ minsija u
mwarrba; tkun tixtieq ħafna li
tingħata widen u attenzjoni.
Dawk li huma iżgħar iridu
jagħmlu ħilithom biex fl-imġiba
tagħhom lejn l-anzjani jegħlbu
n-nuqqas ta’ sabar, l-indifferenza
u forsi xi atteġġjment ta’
disprezz. Trid tirrenja l-mentalità
ta’ gratitudni, ta’ apprezzament
u ta’ ospitalità ġenwina lejn l-anzjani,
hekk li jibqgħu jħossuhom sehem
miċ-ċirku ta’ madwarhom.
Ħafna nanniet huma ta’
ispirazzjoni li tħalli l-frott
meta l-valuri għolja li
akkumpanjawhom tul ħajjithom
jgħadduhom liċ-ċkejknin ta’
wliedhom, tant li ’l quddiem
dawn jistgħu jixhdu li l-bidu
tal-ħajja Nisranija jafuh ukoll
lin-nanniet tagħhom. Il-kliem
tan-nanniet, iż-żegħil tagħhom u
s-sempliċi preżenza tagħhom
tgħin lit-tfal jagħrfu li l-istorja
tagħhom ma bdietx meta twieldu
huma, imma li huma werrieta ta’
mixja twila. Il-preżenza
fejjieda tan-nanniet tgħallimhom
jirrispettaw l-istorja li ġiet
qabilhom għax il-memorja storika
hi valur essenzjali fid-dinja
tal-lum.
8. TĦEJJIJA
XIERQA GĦAŻ-ŻWIEĠ
F’din l-Eżortazzjoni, il-Papa
Franġisku jitkellem fit-tul dwar
l-importanza li l-koppji
jkollhom tħejjija mill-aqwa
għaż-żwieġ. Il-Papa jħeġġeġ biex
il-korsijiet ta’ tħejjija
għaż-żwieġ ikunu ta’ kwalità kif
inhu xieraq, li jsiru b’mod
attraenti u kordjali, ħalli
jgħinu lill-koppji biex
jimpenjaw ruħhom flimkien,
bil-qalb u bil-ġenerożità.
Waqt li torganizza l-korsijiet
għaż-żwieġ, il-Knisja ma tistax
tkun maqtugħa mill-problemi
reali li toffri l-ħajja. Il-Knisja,
jgħid il-Papa, trid tifhem minn
xiex huma għaddejjin il-koppji
li se jidħlu għaż-żwieġ, biex
tkun tista’ turi l-aħjar toroq
li bihom l-għarajjes jagħrfu
jegħlbu d-diffikultajiet li se
jiltaqgħu magħhom fil-mixja
tal-ħajja.
Fiż-żmien tat-tħejjija
għaż-żwieġ, l-għarajjes iridu
jagħrfu x’hemm li ma jaqbilx
bejniethom u jħarsu lejn
ir-riskji li jistgħu jirriżultaw
minn dawn id-differenzi. Jekk l-għarajjes
jaħbu minn xulxin jew iħallu d-diffikultajiet
għal quddiem, ikunu jirriskjaw
li ż-żwieġ tagħhom ifalli. Iridu
jifhmu li, jekk l-aspetti komuni
bejn iż-żewġ persuni huma skarsi,
dawn ma jintrebħux bil-ġibda
fiżika bejniethom u ma jwasslux
għal żwieġ stabbli.
Hi ħasra li ħafna jaslu
għat-tieġ bla ma jkunu jafu sew
lil xulxin. Ikunu ddevertew
flimkien, qasmu l-esperjenzi ma’
xulxin, imma ma affrontawx l-isfida
li juru min huma lil xulxin.
Hekk ma jkunux tgħallmu min
verament huma l-ieħor jew l-oħra.
Li titgħallem tħobb lil xi ħadd
mhix xi ħaġa spontanja. Anzi,
min-natura tagħha, kull persuna
tibda titħejja għaż-żwieġ sa
minn twelidha. It-tajjeb kollu
li l-familja tagħha tkun tatha
matul is-snin jgħinha biex meta
tikber tkun lesta li tidhol għal
impenn sabiħ u dejjiemi bħal ma
hu ż-żwieġ.
L-għarajjes ma jridux iħarsu
lejn iż-żwieġ bħala t-tmiem ta’
mixja, imma bħala vokazzjoni li
tiftħilhom triq ’il quddiem,
bid-deċiżjoni soda li se jġarrbu
flimkien il-provi u l-mumenti
ibsin kollha. Għal dan, iktar
minn kliem ta’ duttrina u
eżortazzjonijiet spiritwali,
hemm bżonn pariri prattiċi,
mibnija fuq ir-realtà tal-ħajja,
imfassla fuq l-esperjenza u fid-dawl
ta’ ħiliet ta’ psikoloġija.
Madankollu m’għandniex ninsew
kura importanti f’din il-mixja,
li hi l-attitudni ta’
rikonċiljazzjoni li joffri s-Sagrament
tal-Qrar, fejn nistgħu nqiegħdu
d-dnubiet u l-iżbalji tal-ħajja
mgħoddija taħt is-setgħa
tal-maħfra ħanina ta’ Alla u
tal-fejqan qawwi li jaf jagħti.
9. L-EWWEL SNIN
TAŻ-ŻWIEĠ
Is-sens taż-żwieġ hu li raġel u
mara jagħżlu lil xulxin għax
jinħabbu. Meta l-imħabba tkun
biss affettiva, mibnija fuq
il-ġibda naturali, x’aktarx li
twassal għal kriżi. Spiss jiġri
li l-valur taż-żwieġ ma jiġix
apprezzat fl-ewwel snin
tal-ħajja miżżewġa, forsi għax
żmien l-għerusija ma jkunx
wassal għall-iskop tiegħu billi
jkunu għaġġlu d-deċiżjoni
tagħhom biex jiżżewġu, meta ma
kinux maturi biżżejjed.
Maż-żwieġ, ir-raġel u l-mara
jsiru l-protagonisti u s-sidien
tal-istorja tagħhom, fi proġett
li se jmexxu ’l quddiem flimkien.
Ħadd m’għandu jippretendi mill-parti
l-oħra li tkun perfetta, u
lanqas m’għandhom iħarsu lejn
xulxin bi kritika, imma jġibu
ruħhom bis-sabar, bil-ftehim u
bil-ġenerożità. Inkella jiġri li,
minflok l-imħabba, tidħol bil-mod
il-mod ħarsa suspettuża li
tikkontrolla l-merti u d-drittijiet
ta’ wieħed jew waħda minnhom.
Għalhekk jiswa ta’ ġid meta
joqogħdu bilqiegħda ħdejn xulxin
u jiddjalogaw biex jelaboraw
il-proġett tagħhom u jaraw
b’dettall dak li għandhom bżonn
biex iwettquh.
Waħda mill-kawżi ta’ tifrik
fiż-żwieġ hi li nistennew
affarijiet kbar wisq mill-ħajja
miżżewġa. Meta niskopru r-realtà,
li hemm limiti f’dak li jista’
jagħtina ż-żwieġ u li fih iżjed
problemi milli nkunu ħlomna, is-soluzzjoni
ma tkunx li naħsbu kif se
ninfirdu. Niftakru li ż-żwieġ hu
mixja lejn il-maturità, u l-vokazzjoni
tal-koppja hi li jkunu għodda
f’idejn Alla biex jikbru dejjem
aktar fl-imħabba ta’ xulxin.
Hija ħasra meta l-ħajja
tal-imħabba tistaġna prorprju
fl-ewwel snin. Biex dan ma jsirx,
għajnejn il-miżżewġin iridu
jibqgħu juru l-istagħġib u
t-tama għal dak li daħlu għalih.
Hija t-tama fil-ġejjieni li
tgħinna nħarsu lil hemm mill-kuntrarju,
mit-tilwim u mill-affarijiet
tal-mument li jinqalgħu. It-tama
tistedinna ngħixu l-preżent
fil-milja tiegħu u ningħataw
b’qalbna kollha għall-ħajja
fil-familja, għax l-aħjar mod
kif tħejji għall-futur hu li
tgħix tajjeb il-preżent.
L-ewwel snin taż-żwieġ iġibu
magħhom mumenti li jitolbuna
nuru ġenerożità lejn xulxin. Dak
li beda mill-ġibda tas-sensi,
jgħaddina biex nibdew inħossu
lill-persuna l-oħra bħala parti
minn ħajjitna. Dan ifisser
il-gost li nsibu f’li nkunu ta’
xulxin, meta nsibu l-ferħ tagħna
f’dak ta’ flimkien iktar mill-ħtiġijiet
personali tagħna u nifirħu naraw
iż-żwieġ tagħna bħala ġid
għas-soċjetà.
Irridu nitgħallmu wkoll
ninnegozjaw, mhux fis-sens ta’
logħba kummerċjali u
għall-gwadann tagħna personali,
imma fis-sens li ħajjitna tkun
nisġa ta’ ċaħdiet personali u
offerti lil xulxin. Fid-dar, id-deċiżjonijiet
ma jridux jittieħdu min-naħa
waħda, imma b’responsabbiltà
tat-tnejn. F’kull mument ġdid
tal-ħajja miżżewġa, irridu
nerġgħu npoġġu bilqiegħda u
ninnegozjaw mill-ġdid il-ftehim,
biex ma jkunx hemm rebbieħa u
telliefa, imma jirbaħ kulħadd.
10. “FEJN HUMA
L-ULIED?”
Fil-qalba tal-Eżortazzjoni
Appostolika Amoris Laetitia, il-Papa
Franġisku jagħti importanza
lill-edukazzjoni tal-ulied
fil-familja. Jistaqsi: “Fejn
huma l-ulied?” Mhux qed jifhem
fejn qegħdin it-tfal dal-ħin
fiżikament, imma fejn qegħdin
f’dak li jemmnu, fix-xewqat
tagħhom u fl-iskop ta’ ħajjithom.
Il-Papa jiftaħ din il-mistoqsija
bl-eżempji: “Qed infittxu li
nifhmu fejn uliedna waslu
tabilħaqq fil-mixja tagħhom
fil-ħajja? Nafu fejn qiegħda
tassew qalbhom? Min huma dawk li
qed joffrulhom divertiment u
rikreazzjoni, li qed jidħlu
fil-kamra tagħhom fuq l-iskrins
elettroniċi? Min huma dawk li
qed nafdaw f’idejhom biex imexxu
lil uliedna fil-ħin liberu
tagħhom?”
Għalkemm il-ġenituri jsibu
għajnuna għall-edukazzjoni ta’
wliedhom fl-iskola u f’ambjenti
oħra, qatt ma jistgħu jiddelegaw
lil ħaddieħor l-edukazzjoni ta’
wliedhom. Iridu jsibu l-ħin biex
jgħadduh ma’ wliedhom,
ikellmuhom b’sempliċità u
b’imħabba fuq il-ħwejjeġ
importanti u joħolqulhom
possibilitajiet tajbin biex
jimlew il-ħin tagħhom. B’hekk
jgħinu biex jevitawlhom l-invażjoni
ta’ madwarhom, li qed twassal
għal ħafna ħsara. Fil ħin li
jiddedikaw għal uliedhom,
ifittxu li jgħinuhom jaffrontaw
it-tħajjir għal dak li hu ħażin,
għall-vjolenza, għall-abbuż u
għall-vizzji bħal ma hi d-droga.
Il-ġenituri iridu jifhmu li ma
jistax ikollhom kontroll il-ħin
kollu fuq uliedhom, lanqas jekk
jagħmlu minn kollox biex jaslu
għal dan. Mhemmx għalfejn ikunu
ffissati li jkunu jafu fejn
qegħdin uliedhom u ma’ min
qegħdin. Bi protezzjoni żejda ma
jkunux qed jagħtuhom edukazzjoni
soda, għax mhux qed iħejjuhom
għall-isfidi li se jkollhom
jaffrontaw. Aħjar li, minflok
din il-protezzjoni, jiggwidawhom
ħalli jiddefendu ruħhom
b’intelliġenza u b’għaqal, l-aktar
għal meta se jsibu ruħhom
f’ċirkustanzi ibsin. Dak li
jeħtieġu l-ulied hi mħabba mill-ġenituri
u xhieda eżemplari, li tnissel
rispett li joħroġ mill-mħabba.
Jiġri li xi wlied ma jibqgħux
iħossuhom milqugħa fil-familja
kif kienu qabel u li m’għadhomx
il-għożża tal-ġenituri. Dan
joħolqilhom diffikultà f’età li
fiha tant jeħtieġu l-appoġġ
tal-ġenituri. Nuqqas ta’
attenzjoni jnissel fl-ulied
għafsa ta’ qalb iktar minn
korrezzjoni għall-ġid li l-ulied
jistgħu jirċievu minħabba xi
ħaġa ħażina li jkunu għamlu.
Hemm bżonn li l-ġenituri jxettlu
f’uliedhom id-drawwiet tajba li
trabbew fihom huma u jgħaddulhom
valuri pożittivi. Ngħidu aħna,
jekk għal ħafna żmien l-ulied ma
jidrawx jgħidu “jekk jogħġbok’,
“ippermettili”, “grazzi”, “skużani”,
aktar ’il quddiem l-imġiba
tagħhom mhix se tkun kif
nixtiequ. Importanti wkoll li t-tifel
jew tifla jifhmu l-konsegwenzi
ta’ dak li jkunu għamlu ħażin,
li jitolbu maħfra u jsewwu l-ħsara
li jkunu għamlu fuq ħaddieħor.
Fuq kollox, il-familja trid tkun
dak in-nukleju fejn tiġi
trasmessa l-fidi li l-ġenituri
diġà qed jgħixu.
11. SPTAR
FIL-KAMP TAL-BATTALJA
Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni
Appostolika Amoris Laetitia juri
t-tenerezza tiegħu lejn persuni
wlied il-Knisja li ta’ bnedmin
dgħajfa jinsabu f’nofs tempesta
qalila. Għal dawn il-persuni, il-Papa
jgħid li l-Knisja trid tkun bħal
‘sptar fil-kamp tal-battalja’.
Iż-żwieġ Nisrani hu għaqda bejn
raġel u mara li jingħataw lil
xulxin u li quddiem il-mistednin
għat-tieġ fil-knisja jwiegħdu
fedeltà dejjiema, riżoluti li
jegħlbu d-diffikultajiet li
jinqalgħu maż-żmien. Madankollu
hi verità li għadd ta’ rġiel u
nisa ma jagħżlux li jiżżewġu
‘bil-Knisja’ imma jingħaqdu bi
żwieġ ċivili jew ma jiżżewġux
filwaqt li jgħixu flimkien.
Mhumiex ftit il-miżżewġin li
jiddivorzjaw u jidħlu
f’relazzjoni ġdida.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn,
imsejħa ‘irregolari’, il-Knisja
trid turi mogħdrija bħala omm u
taħdem biex il-grazzja
tal-Ispirtu s-Santu taħdem ukoll
fil-ħajja ta’ koppji li jinsabu
f’din is-sitwazzjoni.
Ma nistgħux niġġudikaw u ngħidu
li dawk li qed jgħixu
f’sitwazzjoni ‘irregolari’ huma
fid-dnub u li mhumiex parti
mill-komunità Nisranija għax
hemm ħafna fatturi li jillimitaw
il-ħila tad-deċiżjoni li jagħmlu
l-persuni. Fost dawn hemm
persuni li għal xi raġunijiet ma
jistgħux jinfirdu minn xulxin,
meta din ir-rabta l-ġdida hi
msaħħa biż-żmien, b’fedeltà li
għaddiet mill-provi u l-għotja
tagħhom lil xulxin hi ġeneruża
b’impenn Nisrani mhux inqas minn
ta’ Nsara oħra u hu diffiċli li
jerġgħu lura għaż-żwieġ li jkunu
ħallew. Hemm każi fejn persuni
jkunu għamlu sforz kbir biex
isalvaw iż-żwieġ imma ma sabux
rieda tajba mis-sieħeb jew
sieħba ta’ qabel u jista’ jkun
li huma konvinti fil-kuxjenza
tagħhom li ż-żwieġ ta’ qabel, li
issa hu mfarrak għalkollox, ma
kienx validu. Wara proċess ta’
konsultazzjoni, b’akkumpanjament
minn Saċerdot, jistgħu jiġu
integrati u jagħmlu l-mixja lejn
is-sehem fis-sagrament
tal-Ewkaristija.
Dan hu differenti minn
sitwazzjoni ġejja minn żwieġ li
ilu ftit xhur jew ftit snin, li
l-persuni li sseparaw ma
kkonfondewx dwar il-konsegwenzi
li se jbatu t-tfal tagħhom jew
li ripetutament il-miżżewġin
ikunu naqsu mid-dmirijiet
tagħhom lejn il-familja. F’każi
li huma ġenwini, il-persuni
għandhom jiġu integrati iżjed
fil-komunità Nisranija u
jingħataw l-opportunità li
jkollhom sehem fid-diversi
servizzi tal-Knisja,
fil-liturġija, fil-pastorali u
fl-edukazzjoni Nisranija. Iridu
jħossuhom bħala membri
tal-Knisja, Omm li tilqagħhom
dejjem, li tieħu ħsiebhom
b’imħabba u tagħmlilhom il-qalb
għall-għożża u l-edukazzjoni ta’
wliedhom.
Il-Papa jsemmi tliet
espressjonijiet interessanti:
“Ir-Ragħaj (l-Isqof tal-post) ma
jistax ħossu sodisfatt li qed
japplika l-liġijiet morali ma’
dawk li qed jgħixu f’sitwazzjoni
‘irregolari’, bħallikieku kienu
ġebliet biex jitwaddbu kontra l-ħajjiet
tan-nies.” “L-imħabba tal-aħwa
hi l-ewwel liġi tal-Insara”.
“L-Ewkaristija mhix premju
għall-perfetti biss, imma hi
duwa b’saħħitha u ikel
għad-dgħajfin.
12. FAMILJA
FEJN ALLA HU PREŻENTI
Il-Papa jagħlaq l-ittra tiegħu
b’pariri spiritwali lill-familji,
billi jistedinhom ħalli fi
djarhom joħolqu ambjent fejn
Alla jinħass li hu preżenti.
Ifakkar li Alla jinsab b’mod
intens fil-qalb tal-persuni li
jgħixu fil-grazzja tiegħu. Alla
jinsab hemm, fil-ferħ, fit-tbatija,
fl-inkwiet u fit-tamiet kollha
tal-ħajja. Din il-ħajja m’Alla
hi minsuġa minn eluf ta’ ġesti
reali u mill-firxa ta’ doni li
jingħataw fejn hemm ir-rabta
tal-imħabba, bħalma hu fiż-żwieġ.
Il-bniedem, min-natura tiegħu hu
ħlejqa soċjali, b’xewqa li
jaqsam l-imħabba tiegħu ma’
persuni oħra, u dan hu wieħed
mill-għanijiet prinċipali
taż-żwieġ, il-post fejn nistgħu
dejjem aktar niftħu qalbna għal
xulxin. Dan hu possibbli meta
Alla jkun parti mil-laqgħat
tagħna flimkien. Ir-raġel u l-mara
jsiru għal xulxin sinjal u
għodda ta’ tama fil-ħajja
tal-koppja miżżewġa.
Hawn jidħol it-talb. Jekk
il-familja jirnexxilha tinġabar
fi Kristu, huwa jgħaqqad u
jdawwal il-ħajja kollha
tal-familja. It-tbatija u l-problemi
tkun tista’ tgħixhom f’għaqda
miegħu, u Alla jgħin lill-membri
tagħha jġarrbu saħansitra l-agħar
mumenti fis-sabar. Fl-għaqda ma’
Kristu, kemm il- waqtiet ta’
diffikultà u ta’ tbatija, kif
ukoll dawk ta’ ferħ u
ċelebrazzjoni, jinbidlu
f’offerti ta’ mħabba. Tajjeb li
nsibu ftit minuti kuljum biex
ninġabru quddiem il-Mulej,
ngħidulu x’inhu jħassibna,
nitolbuh għall-ħtiġijiet
tal-familja, nitolbu għal xi
ħadd li għaddej minn żmien ta’
taqtigħ il-qalb u nroddulu ħajr
għall-ħwejjeġ sbieħ li tana.
Kull filgħodu, meta nqumu,
għandna nġeddu d-deċiżjoni ta’
fedeltà. Meta niġu biex norqdu,
nistennew bil-ħerqa li nerġgħu
nqumu l-għada biex inkomplu din
l-avventura b’fiduċja,
bil-għajnuna tal-Mulej. Hu Alla
li ma jitlaqna qatt weħidna.
Sinjal ta’ dan hu li baqa’
magħna fl-Ewkaristija. Ġesù
jħabbat fuq il-bieb tal-familja
biex jaqsam magħha l-Ikla
Ewkaristika, il-Quddiesa.
Niftakru fl-aħħar kliem ta’ Ġesù:
“Jiena magħkom sal-aħħar
taż-żmien.” (Mt 28, 20)
Il-Papa jispiċċa b’talba sabiħa
għall-familji lill-Familja
Mqaddsa ta’ Nazaret, li tinkludi
dawn il-ħames versi:
“O Familja Mqaddsa ta’ Nazaret,
agħmel li anki l-familji tagħna
jkunu mkejjen ta’ komunjoni u
ċenaklu ta’ talb,
skejjel awtentiċi tal-Evanġelju
u Knejjes ċkejkna tad-dar”.
Bil-għajnuna t’Alla wasalna fit-tmiem
ta’ dawn it-tnax-il ħsieb dwar
l-imħabba fil-familja, mill-eżortazzjoni
tal-Papa Franġisku Amoris
Laetitia. Min minna qrahom
b’attenzjoni ra li l-Amoris
Laetitia hi l-frott ta’
esperjenza ta’ persuni bravi li
jafu sew x’inhi l-famlja u s-sabiħ
tal-ħajja ta’ raġel u mara li
jgħixu flimkien għal ħafna snin.
Kienet idea tajba li xi familji
mill-parroċċa tagħna ġabru
flimkien dawn il-folji f’folder
biex jirreferu għalihom kull
tant żmien, speċjalment
f’waqtiet ta’ diffikultà.