L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Ħsibijiet fuq il-mixja ta’ Ġesù mingħand Pilatu sal-Golgota - Kitba ta' Mons. Anton Borg

 

L-1 Stazzjon: Ġesù kkundannat għall-mewt bla ħtija

Il-verità tweġġa’. Int kont sinċier. Kont taf li ser tkun miċħud u kkundannat minn dawk li kienu l-għorrief, ix-xjuħ u l-mexxejja tal-poplu ta’ Alla. Inti ġejt f’darek, imma tad-dar tiegħek lilek ma laqgħukx. Kienu mexxejja ta’ poplu li bix-xufftejn biss jagħtu ġieħ lil Alla, imma qalbu hija ’l bogħod minnu. Kemm il-darba inti għidt lid-dixxipli tiegħek li l-ħajja tajba tagħhom trid tkun ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u tal-Fariżej, inkella ma jidħlux fis-Saltna tas-smewwiet. Il-kittieba qegħdin flok Mosè u jorbtu u jgħabbu qatet kbar u tqal fuq spallejn l-oħrajn, imma lanqas b’sebgħa wieħed ma jridu jħarrkuhom huma. Int kont tgħid lill-poplu biex ma jsejħu lil ħadd rabbi, għax l-imgħallem wieħed hu u lkoll huma aħwa; u ma jsejħu lil ħadd missierhom fuq din l-art, għax il-Missier tagħna wieħed hu: dak li hu fis-smewwiet; u ħadd mhu mexxej tagħhom ħlief il-Messija. Kemm-il darba inti għidtilhom: Smajtu xi ntqal, imma jien ngħid, u huma fehmuha li int kont qed tagħmel lilek innifsek daqs Alla. Din kienet il-kundanna tiegħek: li inti Alla.

    Għinni, Mulej, ma niġġudika u nikkundanna lil ħadd, u nemmen u nxandar ma’ kullimkien li int tassew l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem biex tmut għalina.

 

 

It-2 Stazzjon: Ġesù jaċċetta s-salib bil-ħlewwa

Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi… imma jien għalhekk ġejt, u x’diqa għandi li għadni ma bdejtx inbati. Issa waslet is-siegħa tiegħek, is-siegħa li talab minnek il-Missier. Il-pjan tal-fidwa ser jibda u għalhekk int aċċettajt bil-ħlewwa s-salib, turija tat-tbatija u tal-mewt. Int, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalina, ġejt biex tbati ħalli terġa’ tħabbibna mal-Missier. Fix-xmara Ġordan int tħallatt mal-folla midinba u nżilt fil-ħama tad-dnubiet, int sirt dnub għalina. Kemm-il darba kont tiekol u tagħmilha mal-midinbin, u issa ġie l-mument li tagħmilhom ħbieb m’Alla. Int il-Ħaruf ta’ Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja. Int ukoll għidtilna li biex inkunu dixxipli tiegħek irridu nerfgħu salibna kuljum u nimxu warajk.

    Għinna, Mulej, naċċettaw is-slaleb ta’ kuljum: nuqqas ta’ apprezzament, ta’ stima, ta’ mogħdrija, ta’ mħabba, ta’ tant ġudizzji ħżiena fuqna u tad-dgħufija tagħna, u noffru kollox għall-ġid ta’ ħutna ħalli nixbhu lilek.

 

 

It-3 Stazzjon: Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba wiċċu fl-art

Li titlef il-fiduċja fil-ħbieb hija daqqa ta’ ħarta kbira, imma meta titlef il-fiduċja fik nnifsek u ma tiflaħx iġġorr is-salib u taqa’ taħtu, id-daqqa hija aktar qawwija. Dak li qajjem lil Lazzru mill-mewt u tah il-ħajja, dak li kollox deher possibbli għalih, kif ma felaħx iġorr it-toqol tas-salib? Barra li l-għuda kienet tqila u Ġesù kien diġà mfarrak u mkisser bis-swat, kemm kien tqil dan is-salib? X’kien qiegħed itaqqal din l-għuda? Hu tgħabba bid-dnubiet tagħna lkoll, tal-bnedmin kollha, niedma u mhumiex. Is-salib kien jirrappreżenta l-għemil ħażin ta’ kulħadd, ir-rimors li jġib dan l-għemil ħażin, l-effetti ħżiena ta’ dan l-għemil kollu. Kien toqol kbir tassew.

    Għinna, Mulej, inġorru fina bħalek it-tbatija li jġibu d-dnubiet ta’ ħutna li żbaljaw u għadhom ma nidmux mill-għemil ħażin tagħhom.

 

 

Ir-4 Stazzjon: Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu Marija

Ġesù, ommok f’ħajtek dejjem segwietek fis-sabiħ u fl-iebes tal-ħajja. Meta ta’ tnax-il sena nlift għal tlitt ijiem, hija u Ġużeppi nkwetaw u int weġibthom li kont imħabbat bi ħwejjeġ Missierek. Int ġejt fid-dinja biex twettaq dak li ried minnek il-Missier. Ferħet xħin ratek tbiddel l-ilma fi nbid f’Kana u ferraħt l-għarajjes. Ferħet xħin kienet tisimgħek titkellem fuq Alla, li hu l-Missier ta’ kulħadd, u tara kulħadd madwarek jisimgħek u jara l-fejqan tal-morda, tal-agħma ta’ Ġeriko, tal-magħtub ta’ Kafarnahum, il-qawmien ta’ bint l-armla ta’ Najn, imma li s-sejf għad jinfdilek qalbek. Il-profezija ta’ Xmun fit-Tempju baqgħet stampata f’moħħha u f’qalbha. Kemm-il darba meta kont żgħir waqajt u ġiet tiġri terfgħek, imma issa ma setgħetx, imma xtaqet dak li kien li qed jitlob minnek il-Missier.

    Għinna, Mulej, qatt ma ninsew li ommok hija ommna lkoll.

 

 

Il-5 Stazzjon: Ġesù jiġi megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew jerfa’ s-salib

Ma ġiex jgħinek Pietru, dak li qal li lest imut għalik u int għidtlu li ma jkunx idden is-serduk li ma jkunx ċaħdek tlitt darbiet. Ħadd minn dawk li int fejjaqt ma deher, kulħadd beża’ u staħba u ħarab. Kellu jkun wieħed li ma kienx jimpurtah x’qed jiġri fil-belt, kien barrani minn Ċirinajka, illum il-Libja, medhi b’xogħlu, ġej mill-għalqa, ħabrieki għall-familja tiegħu, li kien ma’ wliedu, li għenek. Dan ġie magħżul biex jgħinek u int aċċettajt din l-għajnuna sfurzata. Kemm, Mulej, inti tibgħatli bnedmin biex jgħinuni fil-mixja ta’ ħajti u ma tajtx kashom u lanqas għidtilhom grazzi. Kemm, Mulej, ħuti talbuni ngħinhom u staħbejt, u fil-ħin tal-prova ma sabunix.

    Aħfirli, Mulej, li mhux dejjem kont disponibbli jew għint lil ħuti mill-qalb, imma aktarx għinthom għal wiċċ in-nies.

 

 

Is-6 Stazzjon: Il-Veronika tixxotta l-Wiċċ imqaddes ta’ Ġesù

Din il-mara kienet ilha timxi warajh, xtaqet tersaq lejh ħalli tara wiċċu. Tassew hu l-profeta żagħżugħ mimli mħabba, mogħdrija u ħniena? Tassew hu dak ir-rabbi li tema’ daqshekk eluf ta’ nies bi ftit ħobżiet u ftit ħut, u li fejjaq tant morda? Hu dak li ħsibna li hu l-maħbub ta’ Jaħweh, li kien ifisser il-Kelma, it-Torah b’tant setgħa u kulħadd kien konvint li Jaħweh hu dejjem miegħu? Riedet tersaq lejh, u xħin waqa’ għal tulu fl-art ġietha l-opportunità u b’ħeffa kbira qabdet il-maktur li kellha ma’ rasha u mesħitlu wiċċu mit-tajn, mill-għaraq u mid-demm. Għarfitu, hu kollu kemm hu, u ħalla l-marka ta’ wiċċu stampat fil-maktur, imma aktar mill-maktur ħalla wiċċu stampat f’moħħha u f’qalbha.

    Għinna, Mulej, ħalli l-ispirtu tiegħek jimla lil moħħna u lil qalbna bl-imħabba u l-mogħdrija ħalli nkunu ta’ għajnuna lil kull min itawwal idu għall-għajnuna.

 

 

Is-7 Stazzjon: Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib

Jekk trid tkun dixxiplu tiegħi, erfa salibek kuljum u imxi warajja. Dan salibi huwa jien bis-sabiħ u bid-diffetti li għandi; forsi għalija dan hu l-karattru tiegħi u jien ferħan bih, imma għal ħuti jista’ jkun salib u wġigħ. Dan salibi huwa l-impenji li għandi u li mhux dejjem nagħmilhom b’ġustizzja u ħniena, u b’hekk inweġġa lill-oħrajn. Dan salibi huwa l-iżbalji li nwettaq kuljum bid-dgħufija u forsi kultant bil-malizzja, u ma nkunx Kristjan veru, u nweġġa lil ħuti. Dan salibi huwa wkoll l-imħabba u l-karità li suppost urejt lil min hu bil-ġuħ jew bil-għatx għal ftit apprezzament, lil min hu għarwien għax m’għandux sigurtà u kuraġġ, lil min hu fil-ħabs għax magħluq fih innifsu, u ma tajtx kasu. Dan, Mulej, huwa salibi, imma int għidtilna li dawk li huma mtaqqlin bit-toqol tal-ħajja jiġu għandek u fik isibu s-serħan.

    Għinni, Mulej, nafda fik dejjem.

 

 

It-8 Stazzjon: Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm

Dawn in-nisa tħassruh, għax l-omm minnha nfisha tħoss għall-kefrija tat-tbatija tal-innoċenti. Dawn in-nisa kellhom tamiet kbar f’dan il-mexxej umli imma determinat, dan il-profeta żagħżugħ li jgħix dak li jipprietka, li jfejjaq fejn jara l-uġigħ, li ma jħallix in-nies imorru f’darhom sajmin wara li jkunu semgħu l-Kelma ta’ Alla, li ddefenda l-mara adultera u ħafer il-mara prostituta, li ħareġ ix-xjaten minn Mirjam ta’ Magdala. Kienu jafu li ebda profeta ma miet jekk mhux f’Ġerusalemm. Ħajtu kienet mixja kontinwa lejn Ġerusalemm. F’dak il-mument wissiehom biex jibku lilhom infushom u lil uliedhom, għax ma għarfux fih il-mibgħut, il-maħbub, il-qaddis, l-Iben ta’ Alla. Din tassew kienet il-vera ħasra.

    Għinna, Mulej, inkunu xandara tal-Kelma tiegħek u dixxipli tiegħek billi nxandru bla mistħija li Ġesù hu l-Feddej u l-ħabib ta’ kull wieħed u waħda minna.

 

 

Id-9 Stazzjon: Ġesù jaqa’ għat-tielet darba taħt is-salib

Erġajt waqajt, ma fadallekx aktar saħħa tqum. Imma rġajt qomt u bqajt miexi, għax il-mixja trid twassalha sat-tmiem, sal-għolja tal-Golgota. Fuq l-għolja tat-Tabor int urejtna s-sebħ, il-glorja tiegħek, imma l-glorja tinkiseb bil-passjoni u l-mewt tiegħek kif xehdu Mosè u Elija. Mulej, kemm-il darba naqa’ jien, u kultant il-waqgħat huma goffi u li ma jħallulix aktar kuraġġ u aptit li nqum u nerġa’ nibda mill-ġdid. Imma inti ma tarax biss il-waqgħat, imma li l-midneb jindem u jitolbok maħfra. Int faħħart l-iben il-ħali meta qal: Ħa nqum u mmur għand missieri, u xħin wasal missieru għannqu u biesu, libbsu l-isbaħ libsa u xeddlu s-sandli f’saqajh u ċ-ċurkett f’subgħajh u għamillu ikla.

    Dan hu li tagħmel int ma’ kull wieħed u waħda minna meta nidinbu u nindmu mill-ħażen tagħna, ħalli tagħtina l-maħfra tiegħek.

 

 

L-10 Stazzjon: Il-Lhud ineżżghu l-libsa lil Ġesù

Ġesù, int kont ilek li nżajt lilek innifsek. Int mhux il-libsa biss inżajt jew ħallejthom ineżżgħuk, imma lilek innifsek. Int, l-Iben ta’ Alla, tneżżajt biex tbati għalina, sirt bniedem bħalna u l-anġli stagħġbu kemm iċċekkint. Il-profeta meta tkellem fuqek qal: Ma kienx fih aktar x’tara. Ħallejt il-glorja tal-Missier biex taqdi lilna l-bnedmin. Ma ġejtx biex tkun moqdi imma biex taqdi lill-oħrajn. Int tajt lilek innifsek għall-glorja tal-Missier u għall-ġid tagħna l-bnedmin. Kemm hu diffiċli għalina biex ninżgħu dak li aħna! Allaħares xi ħadd ma jagħtiniex l-istima jew l-apprezzament ta’ dak li nagħmlu jew ngħidu! Allaħares xi ħadd jinterpretana ħażin jew joffendina b’xi kumment iebes! Imma nistgħu ninżgħu lilna nfusna meta nagħtu ħinna lill-oħrajn; meta nagħtu ħinna nkunu qed nagħtu ħajjitna. Ħajjitna hija ħin u meta nagħtu ftit ħin lill-oħrajn billi nisimgħuhom jew ngħinuhom, inkunu qed nagħtu biċċa minn ħajjitna. Meta tħobb u tħenn, tkun qed tinża’ lilek innifsek għax twarrab dak li jogħġbok biex tagħmel dak li jitlob minnek ħuk jew oħtok.

    Għinna, Mulej, nitgħallmu ninżgħu lilna nfusna meta nħobbu, ħalli nixbhu lilek.

 

 

Il-11-il Stazzjon: Ġesù jimtedd fuq is-salib u jsammruh bl-imsiemer

Kemm kien jiġik eżatt is-salib! Int kont dejjem imsammar mar-rieda tal-Missier, għax int u l-Missier ħaġa waħda. Kont dejjem imħabbat bi ħwejjeġ Missierek. Kemm il-lejl għaddejt titkellem mal-Missier, u kont tkun waħdek għax ħadd ma jagħraf lill-Missier daqsek u bħalek, fil-ħin intimu mal-Missier kont tkun waħdek. Darba keċċejt il-bejjiegħa mit-Tempju u għidtilhom li dar Missierek kellha tkun dar it-talb u mhux suq. Kont tgħid lil kulħadd biex ikunu perfetti bħalma hu perfett il-Missier tagħhom li hu fis-smewwiet, li jtella x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex. Kont tgħallem b’setgħa kbira għax il-Missier dejjem sab l-għaxqa tiegħu fik u ġagħalna nisimgħu lilek. Huma beżgħu minnek xħin kont turihom kemm kienu żbaljati u tbiegħdu mill-Kelma ta’ Missierek. Il-poplu mġiegħel mill-qassisin u mix-xjuħ għażel li jinħeles Barabba li kien qattiel, u mhux int, il-veru Bin Alla. Bit-tislib tiegħek bdiet il-fidwa tal-bniedem.

    Għinni, Mulej, biex bħalek ningħaqad kollni kemm jien mar-rieda tal-Missier.

 

 

It-12-il Stazzjon: Jgħolluh mislub u wara tliet sigħat ta’ agunija, imut

Aħna nemmnu f’Ġesù msallab, dagħwa għal-Lhud u bluha għall-pagani. Kemm talab minnek il-Missier! Permezz ta’ bniedem wieħed daħal id-dnub u miegħu l-mewt, u permezz ta’ bniedem ieħor daħlet il-ħajja ta’ dejjem. Fejn kotrot il-mewt, kotrot fuq li kotrot il-grazzja u l-imħabba ta’ Alla. Tant kienet kbira l-waqgħa tal-bniedem li Alla biss seta’ jerġa’ jħabbibna miegħu. Darba inti wegħedtna li meta tiġi merfugħ bejn is-sema u l-art, tiġbed il-bnedmin kollha lejk. Din il-wegħda seħħet tassew billi bil-mewt tiegħek mhux biss ġibtilna l-maħfra tad-dnub u ħabbibtna mal-Missier, imma wkoll għollejtna għal ulied il-Missier u aħwa u werrieta tas-saltna ta’ Alla. Bil-mewt tiegħek il-bnedmin kollha jirċievu din il-grazzja kbira li Alla hu l-Missier ta’ kull bniedem u ġo kull bniedem hemm l-ispirtu ta’ Ġesù, l-ispirtu tal-imħabba. Mislub, int turija tal-akbar att ta’ mħabba, għax m’hemmx imħabba ikbar milli wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.

    Għinna, Mulej, ħalli bħalek ningħataw fl-imħabba lil ħutna l-bnedmin.

 

 

It-13-il Stazzjon: Ġesù fi ħdan ommu Marija

O Marija, xħin Ġesù kien fi ħdanek u ħarist lejn wiċċu, żgur li ftakart f’Nazaret meta Gabrijel qallek li kont sibt grazzja quddiem Alla u li kien ser ikollok iben u ssemmih Ġesù. Ftakart f’Betlehem meta ma sibtux fejn iddabbru raskom u wlidt iben, fisqejtu u poġġejtu f’maxtura. Ftakart fid-dar ta’ Nazaret fejn int u Ġużeppi rabbejtu lil Ġesù u kienu jsibuh bin il-mastrudaxxa. Żgur ftakart f’Kana, meta għidtlu li m’għandhomx inbid u wieġbek li s-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx. Issa s-siegħa tiegħu waslet u l-għan li għalih twieled u miet intlaħaq: il-bniedem ġie mħabbeb mill-ġdid mal-Missier. Ġie biex jobdi lill-Missier, iwettaq li xtaq u kien ilu jwiegħed il-Missier. Jekk il-ħabba tal-qamħ ma tmutx, ma tagħmilx frott; hu ħa l-ġisem tagħna biex joffrih bħala vittma, offerta lill-Missier. Qed tarah mejjet quddiemha, iżda Marija kienet konvinta li mat-tielet jum jerġa’ jqum.

    Mulej, għinni nħoss dan id-dulur li ħasset ommok: kemm ma fehmukx il-bnedmin u kemm aktar ma apprezzawx dak li għamilt, imma l-fidwa tal-bnedmin seħħet u s-siegħa tal-imħabba sħiħa twettqet.

 

 

L-14-il Stazzjon: Ħaduh minn ħdan ommu u difnuh f’qabar ġdid

Kollox hu mitmum. Wettaqt ir-rieda tal-Missier u l-qassisin il-kbar, ix-xjuħ tal-poplu ġabuk fejn riedu, salvaw ir-reliġjon tagħhom għax kien meħtieġ li jmut wieħed għall-poplu kollu. Kont sinċier wisq, għajjarthom ġens ta’ lifgħat u oqbra mbajda. Minn dawk li kienu miegħek u ħabbewk, kien hemm min beża’ u ħarab, kien hemm min ċaħdek, kien hemm min inħeba, kien hemm min sfida u qagħad miegħek sal-aħħar. Int kont għidtilhom li ser tkun miċħud, imsawwat u maqtul, imma kienu ftit dawk li emmnu li int ser terġa tqum. Ħadd ma qam mill-mewt. Iżda l-mewt mhix l-aħħar mument tal-ħajja; hija l-ħajja r-rebbieħa, l-imħabba hija aqwa mill-mibegħda. Alla hu dejjem rebbieħ u int l-Iben ta’ Alla. Il-mixja li għamilna flimkien weġġgħetna, sewditilna qalbna, imma l-qawmien tiegħek hu l-pedament tal-fidi tagħna. Il-qawmien tiegħek jurina li int ħaj u li int is-Sid tal-mewt u tal-ħajja, int tassew il-Mulej. Qomt u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier u qiegħed magħna lkoll.

     Għinna, Mulej, nemmnu fil-qawmien tiegħek u fil-qawmien tagħna, u li ħajjitna ma tintemm qatt.