L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

San Alwiġi Maria De Monfort - Trattat dwar id-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka

PDF
 

San Alwiġi de Montfort

 

San Alwiġi Maria De Monfort

Trattat dwar id-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka

 

 

Werrej

 

Introduzzjoni

Ifhem (Para.1-13)

 

KAPITLU I

Il-Ħtieġa tad-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka

1. Prinċipji

            1. Is-sehem ta’ Marija fl-Inkarnazzjoni (Para. 14-21)

2.     Is-sehem ta’ Marija fil-Qdusija tal-Erwieħ (Para. 22-36)

 

2. Konsegwenzi

1.     Marija s-Sultana tal-Qlub Kollha (Para. 37-38)

2.     Marija hi meħtieġa għall-bnedmin (Para. 39)

1.     Id-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi meħtieġa għal bnedmin kollha jekk iridu jsalvaw (Para. 40-42)

2.     Id-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi aktar meħtieġa f’dawk li huma msejħin għall-Perfezzjoni speċjali (Para. 43-48)

3.     Id-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka tkun meħtieġa b’mod speċjali fl-aħħar żminijiet

1.     Is-sehem ta’ Marija fl-aħħar żminjiet (Para. 49-54)

2.     L-Appostli tal-aħħar żminijiet (Para. 55-59)

 

KAPITLU II

Veritajiet fundamentali tad-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka (Para 60)

1. Ġesu’ Kristu hu l-aħħar tmiem tad-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka (Para. 61- 67)

2. Aħna ta’ Ġesu’ u ta’ Marija bħala lsiera (Para. 68-77)

3. Irridu ninżgħu minn dak kollu li hu ħażin fina (Para. 78-82)

4. Għandna bżonn ta’ medjatriċi ma’ Ġesu’ Kristu (Para. 83-86)

5. Il-periklu li nitilfu t-teżori spiritwali tagħna (Para. 87-89)

 

 

KAPITLU III

L-Għażla tad-Devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka (Para. 90-91)

 

1. Il-Karatteristiċi tad-devozzjoni falza u tad-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka

1. Devozzjonijiet foloz (Para.92)

1. Dawk li jqimuha bil-kritika (Para. 93)

2. Dawk li jqimuha bil-biża’ (Para.94-95)

3. Dawk li jqimuha minn barra (Para. 96)

4. Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni (Para. 97-100)

5. Dawk li m’humiex kostanti fil-qima tagħhom (Para.101)

6. Dawk li jippretendu li jqimuha (Para.102)

7. Dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom (Para.103-104)

 

2. Il-Karatteristiċi tad-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Mbierka (Para. 105)

1. Id-devozzjoni vera hi interjuri (Para. 106)

            2. Id-devozzjoni vera hi delikata (Para.107)

3. Id-devozzjoni vera hi qaddisa (Para.108)

4. Id-devozzjoni vera hi kostanti (Para.109)

5. Id-devozzjoni vera hi diżinteressata (Para.110-114)

2. Il-Prattiki tad-Devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka (Para. 115)

1. Il-prattiki interjuri w esterjuri (Para. 115-117)

2. L-għażla tal-prattika perfetta (Para. 118-119)

 

KAPITLU IV

In-natura tad-devozzjoni perfetta lejn il-Verġni Mbierka jew il-Konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu (Para. 120)

 

1. Konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lill-Verġni Mbierka (Para. 121-125)

2. Tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija (Para. 126-130)

3. Tweġibiet għal xi oġġezzjonijiet (Para. 131-134)

 

KAPITLU V

Il-mottivi li jħajruna nipprattikaw din id-devozzjoni

 

1. Din id-devozzjoni tpoġġina kollha kemm aħna għas-servizz ta’ Alla (Para. 135-138)

2. Din id-devozzjoni ġġegħilna nimitaw l-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu u ta’ Alla stess u nipprattikaw l-umilta’ (Para. 139-143)

3. Din id-devozzjoni taqlgħalna l-għajnuna ta’ Marija

1. Marija tagħti lilha nnfisha lill-ilsir tagħha ta’ mħabba (Para 144-145)

2. Marija ssaffi l-opri tajba tagħna, issebbaħhom u tagħmilhom aċċettabbli għal Binha (Para. 146-150)

4. Din id-devozzjoni hija mezz eċċellenti biex nagħtu l-ikbar glorja lil Alla (Para. 151)

5. Din id-devozzjoni tmexxina malajr għall-Għaqda m’Alla

1. Din id-devozzjoni hija triq ħafifa (Para. 152-154)

2. Din id-devozzjoni hija triq qasira (Para. 155-156)

3. Din id-devozzjoni hija triq perfetta (Para.157-158)

4. Din id-devozzjoni hija triq żgura (Para. 159-168)

 

6. Din id-devozzjoni tagħti liberta’ kbira nterjuri (Para. 169-170)

7. Din id-devozzjoni ġġib benefiċċji kbar lill-proxxmu (Para. 171-172)

8. Din id-devozzjoni hi mezz eċċellenti għall-perseveranza (Para. 173-182)

 

KAPITLU VI

Figura Biblika ta’ din id-Devozzjoni vera: Rebekka u Ġakobb (Para. 183)

1. L-istorja ta’ Ġakobb (Para. 184)

Interpretazzjoni tal-istorja ta’ Ġakobb

1. Eżaw figura tal-ħżiena (Para. 185-190)

2. Ġakobb figura tal-magħżulin (Para. 191-200)

2. Il-Verġni Mbierka u l-ilsiera tagħha

1. Hija tħobbhom (Para. 201-207)

2. Hija tipprovdilhom kollox (Para. 208)

3. Hija tmexxihom u tiggwidahom (Para. 209)

4. Hija tiddefendihom u tħarishom (Para. 210)

            5. Hija tinterċedi għalihom (Para. 211-212)

 

 

KAPITLU VII

L-effetti tal-għaġeb li din id-devozzjoni ġġib fir-ruħ fidila lejha

1. Tagħraf lilha nnfisha (Para. 213)

2. Parteċipazzjoni fil-fidi ta’ Marija (Para. 214)

3. Il-grazzja tal-imħabba safja (Para. 215)

4. Kunfidenza kbira f’Alla u f’Marija (Para. 216)

5. Komunikazzjoni tar-ruħ u tal-Ispirtu ta’ Marija (Para. 217)

6. Marija tnissel lil Ġesu’ Kristu fl-erwieħ (Para. 218-221)

7. Għall-akbar glorja ta’ Alla (Para. 222-225)

 

KAPITLU VIII

Prattiki Partikulari ta’ din id-devozzjoni

1. Prattiki esterjuri (Para. 226)

1. Konsagrazzjoni u t-thejjija (Para. 227-233)

2. Ir-Reċita tal-Kuruna ż-żgħira tal-Verġni Mbierka (Para. 234-235)

3. L-Użu ta’ ktajjen (Para. 236-242)

4. Devozzjoni speċjali lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni (Para. 243-248)

5. Devozzjoni kbira lejn l-Ave Marija u r-Rużarju (Para. 249-254)

6. Ir-Reċita tal-Magnificat (Para. 255)

7. Tmaqdir tad-dinja (Para. 256)

 

2. Prattika partikulari u interjuri għal dawk li qed ifittxu l-perfezzjoni (Para. 257)

1. Permezz ta’ Marija (Para. 258-259)

2. Ma’ Marija (Para. 260)

3. F’Marija (Para. 261- 264)

4. Għal Marija (Para. 265)

 

SUPPLIMENT

Kif tiġi pprattikata din id-devozzjoni fit-Tqarbin Imqaddes

1. Qabel it-Tqarbin (Para. 266)

2. Fit-Tqarbin (Para. 267-269)

3. Wara t-Tqarbin (Para. 270-273)

 

APPENDIĊI

Att tal-Konsagrazzjoni lil Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat minn idejn Marija.

 

 

Introduzzjoni

 

Fit-22 ta’ April 1842, Patri Rautureau, li kien jieħu ħsieb il-Librerija tal-Kunvent f’Saint-Laurent-sur-Sevre, sab manuskritt li ġibidlu l-attenzjoni. Dan il-manuskritt għalkemm kien kollu sfuljat, kien fi stat tajjeb u bil-paġni waħda wara l-oħra. Malli dan il-patri għaraf li kienet il-kitba tal-fundatur tagħhom, Lwiġi Marija Grignon de Montfort, mar minnufih iħaffef għand is-Superjur Ġenerali Patri Dalin, għarrfu b’dak li sab u tah dan il-manuskritt prezzjuż.

 

Patri Dalin kien għadu kif ġabar ix-xogħol kollu tal-fundatur De Montfort u kien ħadhom il-Kurja Episkopali ta’ Lucon biex jiġu eżaminati għall-Beatifikazzjoni tiegħu. Kif ra l-manuskritt, hu minnufih għaraf il-kaligrafija li kienet perfettament taqbel mad-dokumenti l-oħra kollha.

 

Għaldaqstant l-ewwel ħaġa li għamel, sejjaħ il-komunita’ kollha biex iħabbrilhom dak li kien instab. “Sibna teżor kbir” huwa stqarr u beda jaqralhom is-silta kollha tal-ktieb fejn De Montfort stess ħabbar dak li kellu jiġri minn dan il-Ktieb Ċkejken! “Jiena qed nara ċar minn issa li għad jiġu annimali feroċi... biex iqattgħu dan il-ktejjeb... jew għall-inqas biex jidfnuh fid-dlam u s-sikta ta’ xi senduq”.

 

Dak li ħabbar San Lwiġi, twettaq, għax dan il-ktieb aktarx li nkiteb fil-ħarifa tas-sena 1712, jiġifieri erba’ snin qabel il-mewt tiegħu u ġie misjub fis-sena 1842 – 130 sena wara.

 

X’kien ġara?

Fir-rivoluzzjoni Franċiża id-dar tal-Montforjani ġewwa Saint Laurent-sur-Sevre kienet ta’ spiss tiġi mfittxa u r-rivoluzzjonarji kienu jagħmlu ħerba minn dak kollu li kien jiġi taħt idejhom. Għalhekk il-Kitba ta’ San Lwiġi u xi affarijiet oħra prezzjużi ġew miġbura u mpoġġija ġewwa senduq. Dawn ġew mogħtija lil xi bdiewa ta’ dawk l-inħawi biex jeħdulhom ħsiebhom. Għaldaqstant dawn il-bdiewa meta raw il-periklu jikber u jersaq aktar lejhom ħbewhom taħt l-art, fl-għelieqi tagħhom, b’hekk dan il-ktieb ċkejken mal-affarijiet l-oħra, sabu ruħhom moħbija f’senduq u midfuna taħt l-art fl-1793.

 

X’fih dan il-ktieb?

Fil-paragrafu 110 San Lwiġi stqarr “Jiena qed nikteb dak li għallimt fil-beraħ u fil-privat matul il-ħafna snin tal-missjoni tiegħi.”

X’għallem San Lwiġi?

L-Evanġelju ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, li jurina li l-għan ewlieni tal-ħajja tagħna hu Alla u Alla biss. Għaldaqstant it-triq waħdanija biex naslu għand Alla hu Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat, li Hu t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja.

 

Iżda biex naslu għand Kristu, biex inkunu fi Kristu u Kristu jkun fina, jeħtieġ li aħna nagħrfuh u nħobbuh. It-triq l-aktar faċli, qasira, perfetta u żgura li twassalna għal din il-Għaqda hija Marija. Dan, De Montfort jurihulna b’mod l-aktar ċar fil-ktieb tiegħu “L-Imħabba ta’ Għerf Etern” li kiteb għall-ħabta tas-snin 1703 u 1704. Fih insibu l-qofol tat-tgħallim kollu tiegħu u li nistgħu niġbruh f’sentenza waħda meħuda mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, Kap 17, vers 3: “Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek u veru, lil Ġesu’ Kristu, li inti bgħatt”.

 

Għaldaqstant biex nilħqu dan il-għan, ikollna dan l-Għerf divin, De Montfort, fl-aħħar tliet kapitli ta’ dan il-ktieb jagħtina erba’ mezzi:

1. Xewqa mħeġġa

2. Talb bla heda

3. Mortifikazzjoni

4. Devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka. B’dan l-aħħar mezz jagħlaq il-ktieb tiegħu billi fih jurina: l-ewwel ħtieġa tad-devozzjoni vera u mbagħad fiex tikkonsisti. Frott ta’ dan it-tgħallim, fis-snin ta’ wara, kiteb aktar fit-tul fuq d-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka. Iżda sfortunatament f’dan il-manuskritt insibu xi faċċati neqsin. Fil-fatt l-isem tal-Ktieb “Trattat tad-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Mbierka” ġie mogħti meta stampawh għall-ewwel darba fis-sena 1843, jiġifieri 127 sena wara l-mewt tiegħu. Għalkemm ħassew il-ħtieġa li jagħtuh dan l-isem, jaħsbu li tixraq aktar dak li De Montfort kiteb fil-paragrafu Nru 227: “Tħejjija għas-Saltna ta’ Ġesu’ Kristu”, tant hu hekk illi fl-edizzjoni tal-opri tiegħu li ħarġu fis-sena 1966, poġġewh bħala sub-titlu.

 

Rigward it-tqassim tat-test, l-uniċi titli li nsibu fl-oriġinali huma dawk fil-paragrafi Nru 120; 231; 226; 257 u 266. It-taqsim li nsibu f’din l-edizzjoni hija meħuda mill-edizzjoni li ħarġet fl-1943 għall-okkażjoni taċ-ċenitnarju ta’ meta nstab il-manuskritt.

 

Il-formula tal-Konsagrazzjoni hija meħuda mill-ktieb li għadna kif semmejna: “L-Imħabba tal-Għerf Etern”.

 

X’kien fihom il-paġna mitlufa tal-manuskritt?

 

In-Nru 227; 228 u 256 jitkellmu mill-ewwel taqsima imma jagħtuna biss xi ħjiel hekk:

 

Fin-Nru 227: Tnax-il ġurnata biex ninżgħu mill-ispirtu tad-dinja li hu kontra dak ta’ Kristu;

Fin-Nru 228: Litanija tal-Ispirtu s-Santu;

Fin-Nru 256: Xi prattiċi għat-tmaqdir tad-dinja.

 

Il-kwotazzjonijiet tal-Kotba Mqaddsa huma meħuda mit-traduzzjoni tal-Għaqda Bibblika Maltija - il-Bibbja li ġiet stampata fl-1984.

 

Fl-aħħarnett San Lwiġi jagħmel enfasi l-aktar kbira li d-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna mhix l-għan tal-ħajja tagħna, iżda biss il-mezz l-aktar ħafif, it-triq l-aktar qasira, perfetta u żgura għall-għaqda tagħna ma’ Alla u jgħidlna ċar u tond, bla tlaqliq, illi jekk id-devozzjoni tagħna lejn il-Verġni Mbierka tbegħidna minn Ġesu’ jkollna nwarrbuha bħal nassa tax-xitan.

 

Dun Karm Farrugia

 

 

 

Ifhem

 

1. Hu permezz tal-Imqaddsa Verġni Marija li Ġesu' Kristu ġie fid-dinja u hu wkoll xieraq illi permezz tagħha Hu jsaltan fuq id-dinja.

 

2. Marija għaddiet ħajja moħbija ħafna u għalhekk hi msejħa mill-Ispirtus-Santu u mill-Knisja "Alma Mater", Omm moħbija u mhix magħrufa. L-umilta' tagħha kienet hekk kbira, illi l-ikbar u l-iktar xewqa soda li kellha f'ħajjitha kienet li tibqa' moħbija għaliha nfisha u għan-nies biex hekk tkun magħrufa biss minn Alla waħdu.

 

3. It-talba tagħha ‘l Alla, kienet li Hu jogħġbu jżommha umli u fqira. It-tweġiba t’Alla kienet dik li qiegħed velu fuq ħajjitha biex jaħbi mill-għajnejn tal-bnedmin kollha t-tnissil bla tebgħa tagħha, it-twelid tagħha, ħajjitha, il-qawmien tagħha mill-mewt, it-tlugħ tagħha fis-sema u l-misterji tagħha. Anki l-ġenituri tagħha ma kienu jafu xejn bil-kobor tagħha u l-Anġli ta’ spiss kienu jistaqsu wieħed lill-ieħor Quae est ista?... Min hi din? Dan għaliex l-iktar Għoli kien qed iżommha bħala sigiret minnhom, jew inkella jekk ħallihom jilmħu xi ħaġa f’dak is-sigriet, ħallihom f’għaġeb ikbar fuq dak li ma lemħux.

 

4. Hekk għoġob lil Alla l-Missier illi Marija ma tagħmel ebda miraklu matul ħajjitha, għall-inqas l-ebda miraklu pubbliku għalkemm Hu kien taha s-setgħa li tagħmel dan. Alla l-Iben ried li hi titkellem darba fil-bogħod għalkemm hu kien taha l-għerf tiegħu. Minkejja l-fatt li Marija kienet l-għarusa fidila tal-Ispirtu s-Santu, Alla ppermetta li l-Appostli u l-Evanġelisti jitkellmu ftit ħafna fuqha, u dak il-ftit li kien meħtieġ biex isir magħruf Ġesu’ Kristu.

 

5. Marija hi l-kapulavur eċċellenti tal-iktar Għoli. Dan żammu għalih l-għarfien u l-pussess ta’ dak il-kapulavur. Marija hija l-Omm tal-għaġeb tal-Iben u hekk għoġob lill-Iben jqiegħed velu ta’ ħabi fuqha matul ħajjitha bħala tweġiba għall-umilta’ tagħha. Ġesu’ sejħilha “mara” bħallikieku kienet barranija filwaqt li f’qalbu kien iħobbha u jweġġagħha fuq l-Anġli u l-bnedmin kollha. Marija hija l-għajn issiġillata u l-għarusa fidila tal-Ispirtu s-Santu riservata għalih biss. Marija hija s-Santwarju u l-post ta’ mistrieħ tat-Trinita’ Qaddisa. Alla jinsab f’Marija iktar preżenti bid-divinita’ u l-kobor tiegħu milli fil-post fejn isaltan fuq il-Kerubini u s-Serafini u f’kull post ieħor fid-dinja. Hu privileġġ tassew kbir jekk xi ħlejqa safja kemm hi safja, ikollha l-permess tidħol f’dak is-Santwarju.

 

6. Mal-Qaddisin ngħid lil Marija hi l-Ġenna tal-Art ta’ Adam il-Ġdid fejn ħa l-ġisem, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, biex hemm jagħmel l-għeġubijiet li ħadd ma jista’ jifhimhom. Marija, hija d-dinja kbira u divina t’Alla mogħnija bl-ikbar sbuħija u glorja spiritwali. Hi l-kobor ta’ ġmiel tal-Iktar Għoli, fejn Alla ħeba, bħallikieku fi ħdanu, l-Iben waħdieni tiegħu, u flimkien ma’ dak l-Iben, dak kollu li hu l-aktar eċċellenti u prezzjuż. X’għeġubijiet kbar u moħbija għamel Alla s-Setgħani f’din il-ħlejqa tal-għaġeb! Minkejja l-umilta’ kbira tagħha Marija ħasset li għandha tgħid: “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.” Id-Dinja ma taf xejn b’dawn l-għeġubijiet għax mhix kapaċi tifhimhom u ma jixirqilhiex tirċevihom.

 

7. Il-Qaddisin qalu ħafna ħwejjeġ tal-għaġeb fuq din il-Belt Qaddisa t’Alla u huma stess stqarru li qatt ma ħassewhom iktar elokwenti u kuntenti milli meta kienu jitkellmu fuqha. Iżda minkejja din l-elokwenza, huma jsostnu illi l-quċċata tal-merti tagħha, mgħollijin minnha sat-tron tad-Divinita’, ħadd ma jista’ jilħaqha, u li l-wisa’ tal-imħabba tagħha, li hi akbar milli tista’ toffri d-dinja, ma jistax ikun li titqies; u l-kobor tas-setgħa li hi għandha wkoll fuq Alla, ma nistgħux nifhmuh; u fl-aħħarnett illi l-umilta’ tagħha, il-virtujiet u l-grazzji tagħha huma abbiss li ħadd ma jista’ jkejjel. Għoli bla tarf! Wisa’ bla tmiem! Kobor bla qies! Abbiss bla qiegħ!

 

8. Il-jiem kollha, minn tarf sa ieħor, fl-art, fl-għoli tas-smewwiet, u fil-qiegħ tal-abbissi, il-ħwejjeġ kollha jħabbru lil Marija bħala l-Kreatura tal-għaġeb. Id-disa’ kori tal-Anġli, l-bnedmin kollha, tajbin u ħżiena, ta’ kull eta’, kundizzjoni u twemmin, u l-istess demonji, kulħadd hu mġiegħel, irid jew ma jridx, bil-qawwa tal-verita’ biex isejħu lil Marija mbierka, bħalma San Bonaventura jgħid: “L-Anġli fis-sema mingħajr ma jaqtgħu jgħajtulha “Qaddisa, Qaddisa, Qaddisa Marija, Omm Alla u Verġni.” Kuljum huma jlissnulha bla heda t-tislima tal-Anġlu: “Sliem għalik Marija,” u filwaqt li jinxteħtu quddiemha jitolbuha biex tindenja ruħha tonorahom b’xi kmand minn tagħha Santu Wistin jgħid lil San Mikiel Arkanġlu, għalkemm hu l-prinċep tal-kori kollha tas-Sema, hu l-aktar żelanti biex jagħtiha kull unur, u dejjem lest, biex mal-kelma tagħha jmur jgħin lil xi wieħed mill-qaddejja tagħha.

 

9. Id-dinja kollha hi mimlija bil-glorja tagħha speċjalment fil-pajjiżi Nsara, fejn hi magħżula bħala l-patruna u l-prottetriċi ta’ ħafna saltniet, provinċji, djoċesijiet u bliet. Ħafna katidrali huma kkonsagrati lil Alla f’isimha. Ma hemmx knisja mingħajr l-altar ta’ Marija; u ma hemmx art, jew provinċja li mhix mbierka, b’waħda mix-xbihat mirakolużi tagħha; fejn kull xorta ta’ tiġrib hu mfejjaq u kull grazzja maqlugħa. Kemm insibu konfraternitajiet u Unjoni Piji f’ġieħha! X’numru kbir ta’ Ordinijiet Reliġjużi u kongregazzjonijiet li jaħdmu taħt isimha u l-ħarsien tagħha!

 

U kemm jitkanta bil-ħerqa it-tifħir tagħha! U kemm hi mxandra bil-qalb il-ħniena tagħha mill-membri ta’ dawn l-għaqdiet kollha! It-tfal ċkejknin kollha jfaħħruha malli jlissnu s-Sliem għalik Marija, u m’hemmx midneb, li mgħaddas kemm hu mgħaddas fid-dnub, li ma jkollux f’qalbu xi xrara ta’ tama fiha, anzi iżjed minn hekk, m’hemmx dimonju fid-dalma tal-infern li ma jirrispettahiex u jitwerwer minnha, filwaqt li jibża’ mis-setgħa tagħha.

 

10. Meta nafu dan kollu għandna ngħidu mal-qaddisin: “Fuq Marija qatt ma ngħidu biżżejjed.”

Għandna ma faħħarniex, ma għollejniex, ma ħabbejniex, ma servejniex lil Marija b’mod li jixraq lill-kobor tagħha. Hi mmeritat iżjed u iżjed tifħir, rispett, imħabba u qadi.

 

11. Għandna ngħidu mal-Ispirtu s-Santu; “Fiha tinsab il-Glorja kollha ta’ Bint is-Sultan”: Bħallikieku l-glorja esterna li tagħmel is-Sema u l-art itennu l-għeġubijiet tagħha, qishom m’huma xejn meta nqabbluhom mal-glorja moħbija interna li hi tirċievi mill-Ħallieq. Din hi l-glorja li l-ħlejjaq iż-żgħar ma jistgħu jkunu jafu xejn fuqha għaliex ma jistgħux ikunu jafu s-sigriet tas-sigrieti tas-Sultan.

 

12. Fl-aħħar għandna ngħidu għaliha u b’tifħir tagħha l-kliem ta’ San Pawl: “Dak li l-għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma daħal f’qalb il-bniedem.” (1 Kor 2,9) M’għarfux is-sbuħija, il-ġmiel u l-kobor ta’ Marija, il-miraklu tal-mirakli fl-ordni tal-grazzja, tan-natura u tal-glorja. Wieħed qaddis jgħid, jekk trid tagħraf l-Omm, tgħallem ħa tkun taf lil Binha, għaliex hi Omm li tixraq lil Alla. U hawn ħalli jiskot kull ilsien.

 

13. Qalbi iddettatli dak kollu li ktibt hawn, u li ktibt b’ferħ kbir. L-għan tiegħi hu, li nuri li Marija ftit li xejn kienet magħrufa s’issa u din hi waħda mir-raġunijiet għaliex Ġesu’ Kristu mhux magħruf kif jixraqlu. Mela, meta tibda s-Saltna ta’ Ġesu’ Kristu fid-dinja, din tkun konsegwenza meħtieġa tal-għarfien tas-saltna tal-Imqaddsa Verġni. Kien permezz tagħha li Hu ġie l-ewwel darba fid-dinja, u jkun permezz tagħha li jiddi bil-ġmiel kollu tiegħu fit-tieni miġja tiegħu.

 

 

 

 

 

 

KAPITLU 1

Il-Ħtieġa tad-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka

 

1.     Prinċipji

1.     Is-Sehem ta’ Marija fl-Inkarnazzjoni

 

14. Jien naqbel mal-Knisja kollha illi, meta nipparagunawha mal-Maesta’ infinita’ tal-Kbir Alla, Marija mhijiex ħlief ħlejqa magħmula minn idejh, u nkomplu b’dan il-paragun, hi inqas minn atomu – u iżjed hi mhi xejn, la darba Alla, li Hu, għandu l-eżistenza minnu nnifsu. Mela, dan il-Mulej Kbir minn dejjem, indipendenti u ma jonqsu xejn fih Innifsu, ma kellu ebda bżonn – u lanqas issa m’għandu bżonn – tal-Verġni Mqaddsa Marija biex iwettaq il-pjani Tiegħu u biex juri l-glorja Tiegħu. Hu jixtieq biss u kollox isir.

 

15. Imma filwaqt li nifhmu dan kollu, jiena nsostni li Alla malli ħalaqha għoġbu jibda jipperfezzjona l-pjani rendentiċi tiegħu permezz tal-Verġni Mqaddsa. Hu ma jbiddilx il-proċedura tiegħu minn seklu għall-ieħor. Għaliex huwa Alla, Hu ma jbiddilx il-mod kif jaħseb u jaġixxi.

 

16. Kien permezz ta’ Marija waħedha li Alla l-Missier, ta lid-dinja l-Iben Tiegħu, il-Waħdieni. Mal-medda ta’ erbat elef sena l-Patrijarki kienu tassew jixtiequ r-Rigal t’Alla, il-Profeti u l-Qaddisin tal-Liġi l-Qadima kienu jitolbu bl-akbar ħerqa għal dan il-għan. Imma kienet biss Marija li sabet grazzja quddiem Alla bil-qawwa tat-talb tagħha, u l-fwieħa tal-virtu’ tagħha. “Id-dinja ma kinitx denja”, jgħid Santu Wistin, “li tirċievi l-Iben ta’ Alla direttament minn idejn il-Missier. Hu ta l-Iben tiegħu lil Marija biex id-dinja tirċevih minn għandha.”

 

L-Iben t’Alla sar bniedem, biex isalvana, imma f’Marija u permezz ta’ Marija. Alla l-Ispirtu s-Santu sawwar li Ġesu’ Kristu f’Marija, wara li kien ħa l-kunsens tagħha, permezz ta’ wieħed mill-ogħla Anġli tal-Qorti tas-Sema.

 

17. Il-Missier Alla kkomunika l-fekondita’ tiegħu lil Marija fil-ogħla grad li ħlejqa tista’ tirċievi, sabiex Hi tkun tista’ tnissel ‘l Ibnu, u l-membri kollha tal-Ġisem Mistiku.

 

18. Alla l-Iben niżel fil-ġuf Verġni tagħha, bħal Adam il-Ġdid fil-ġenna tal-art, biex nieħu pjaċir fiha u jagħmel bil-moħbi l-għeġubijiet tal-grazzja tiegħu. Alla magħmul bniedem sab il-ħelsien tiegħu billi ngħalaq fil-ġuf tagħha; wera s-setgħa tiegħu billi ssottometta ruħu li ġġibu din it-tfajla mqaddsa; fittex il-glorja tiegħu u ta’ Missieru billi ħeba l-kobor tiegħu mill-ħlejjaq kollha, biex jurihom biss lil Marija; hu sebbaħ l-indipendenza u l-maesta’ tiegħu billi sar dipendenti minn din il-Verġni umli fil-konċepiment tiegħu, fi twelidu, fil-preżentazzjoni fit-tempju u fil-ħajja moħbija tiegħu ta’ tletin sena, u anke sa mewtu, fejn ried li hi tkun preżenti. L-Iben Divin tagħha, ried li tieħu sehem miegħu fis-Sagrifiċċju u li bir-rieda tagħha Hu jiġi offrut lil Missier Etern bħalma kien offrut qabel Iżakk bil-kunsens ta’ Abraham, bir-rieda ta’ Alla. Kienet Marija li reddgħitu, rabbietu, ħarsitu, kabbritu u issagrifikatu għalina. X’dipendenza tal-għaġeb t’Alla! Għalkemm l-Ispirtu s-Santu hu sieket fuq kważi l-ħwejjeġ kollha tal-għaġeb li l-Għerf Inkarnat għamel fil-Ħajja tiegħu moħbija, hu ma setax jaħbi, fir-rakkont tal-Vanġelju dan il-fatt hekk kbir, imma għoġbu jiġbdilna l-attenzjoni fuq dan l-għaġeb. Bis-sottomissjoni ta’ Kristu lejn Ommu għal tletin sena, Hu ta iżjed glorja lil Missieru milli kien jagħtih jekk jikkonverti d-dinja kollha jew jagħmel mirakli l-aktar kbar. Mela, aħna kemm nigglorifikaw ‘l Alla, meta aħna nkunu sottomessi lejn Marija, fuq l-eżempju ta’ Kristu, l-uniku mudell tagħha.

 

19. Jekk aħna nikkunsidraw bir-reqqa l-bqija tal-ħajja ta’ Ġesu’ aħna naraw li hu għoġbu jibda l-mirakli permezz ta’ Marija. Bil-kliem ta’ Marija, hu qaddes lil San Ġwann il-Battista f’ġuf ommu Santa Eliżabetta; għaliex ġara li malli Eliżabetta semgħet it-tislima ta’ Marija, Ġwanni tqaddes. Dan kien l-ewwel u l-ikbar miraklu tal-grazzja ta’ Kristu. Għat-talba umli ta’ Marija, hu biddel l-ilma f’inbid fil-festa tat-tieġ ta’ Kana: dan kien l-ewwel miraklu tiegħu tan-natura. Kristu beda u ssokta l-mirakli tiegħu permezz ta’ Marija; u permezz tagħha Hu għad ikomplihom sat-tmiem taż-żminijiet.

 

20. Alla l-Ispirtu s-Santu, billi huwa sterili f’Alla, fis-sens li ma jipproduċix Persuna Divina oħra imma hu kellu l-frott permezz ta’ Marija, li hu tgħarras, Hu magħha, fiha minnha li hu pproduċa l-kapulavur tiegħu – Alla magħmul Bniedem. U bl-istess mod hu jkompli  jipproduċi u hekk għad ikompli jagħmel sal-aħħar taż-żminijiet il-membri tal-Ġisem Mistiku, ta’ din ir-Ras adorabbli. U għalhekk iktar mal-Ispirtu s-Santu jsib lil Marija l-għarusa maħbuba tiegħu u li ma tinħall qatt minn miegħu fir-ruħ, iktar hu jaħdem bis-saħħa biex iġib lil Kristu f’dik ir-ruħ, u dik ir-ruħ fi Kristu.

 

21. Dan m’għandux jiftiehem li l-Imqaddsa Verġni, tagħti l-fekondita’ lill-Ispirtu s-Santu , li hu m’għandux. Bħal Alla, hu għandu l-istess fekondita’ jew setgħa li jipproduċi, bħal dik tal-Missier u tal-Iben; imma Hu ma jużahiex, la darba ma jnissilx Persuna Divina oħra. Dak li rridu ngħidu hu, li l-Ispirtu s-Santu, Persuna Divina oħra. Dak li rridu ngħidu hu, li l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Verġni Mqaddsa, li hu jrid juża, għalkemm m’għandu ebda ħtieġa assoluta biex jagħmel hekk, iwettaq il-fekondita’ tiegħu billi jnissel fiha u permezz tagħha, lil Ġesu’ Kristu u l-membri tiegħu.  Dan hu l-misteru tal-grazzja li anke dawk l-insara l-iktar mgħallmin u spiritwali ma jistgħux jifhmu.

 

2.     Is-Sehem ta’ Marija fil-Qdusija tal-Erwieħ

 

22. Il-pjan li wżaw it-Tliet Persuni tat-Trinita’ Qaddisa fl-Inkarnazzjoni u fl-ewwel miġja ta’ Kristu, għadhom ikompluha fil-Knisja Mqaddsa b’mod li ma jidhirx u hekk għad titkompla, sal-aħħar taż-żminijiet, sal-aħħar tal-miġja ta’ Ġesu’ Kristu.

 

23. Alla l-Missier għamel ġemgħa tal-ilma kollu u sejħilha baħar. Hu għamel ġemgħa tal-grazzji kollha u sejħilha Marija. Dan Alla setgħani għandu teżor jew maħżen ta’ rikkezzi li tgħaġġeb u fih dak kollu li jgħaxxaq bis-sbuħija, bil-ġmiel, bil-kobor u anke jinkludi l-Ibnu stess; u dan it-teżor immens m’hu ħadd ħlief Marija li l-Qaddisin isejħulha t-Teżor tal-Mulej, li mill-milja tiegħu jistagħnew il-bnedmin.

 

24. Alla l-Iben ikkomunika lil Ommu dak kollu li rebaħ b’ħajtu u b’mewtu, il-merti infiniti tiegħu, u l-virtujiet tal-għaġeb, u għamilha d-dispensatriċi ta’ dak kollu li tah Missieru bħala wirt. Hu permezz tagħha li hu japplika l-merti tiegħu lill-membri, jikkomunikalhom il-virtujiet tiegħu, u jqassmilhom il-grazzji tiegħu. Hija l-kanal misterjuż, l-akwedott li minnu jgħaddu l-grazzji tiegħu bil-ħlewwa u bl-abbundanza għal fuqna.

 

25. Alla l-Ispirtu s-Santu ikkomunika lill-Għarusa fidila tiegħu r-rigali prezzjużi tiegħu. Hu għażilha biex tkun id-dispensatriċi ta’ dak kollu li għandu. Ħatarha biex tqassam ir-rigali u l-grazzji tiegħu lil min trid, kemm trid, kif trid, u x’ħin trid, u Hu stess ma jagħti l-ebda rigal tas-sema lill-bnedmin jekk mhux permezz tal-idejn verġinali tagħha. Dan hu skont ir-rieda t’Alla li xtaq li aħna nirċievu kollox permezz ta’ Marija. Dik li kellha umilta’ profonda matul ħajjitha kollha u li riedet iċċekken lilha nfisha biex tkun moħbija u mistura, saret għanja, u ġiet mgħollija u mweġġħa mill-Iktar Għoli. Dawn huma s-sentimenti tal-Knisja u tas-Santi Padri.

26. Li kieku kont qed nitkellem mal- “Freethinkers” u l-imħuħ kritiċi ta’ dan iż-żmien, kont nipprova dak kollu li qed ngħid sempliċiment billi nikkowta aktar fit-tul passaġġi bil-Latin li għandhom x’jaqsmu ma’ dan, mill-Iskrittura Mqaddsa, u mis-Santi Padri u billi nżid dawk ir-raġunijiet sodi li wieħed jista’ jsibhom fil-ktieb tal-Patri Poire “Triple Couronne de La Sainte Vierge”. Imma jien qed nitkellem b’mod partikulari, mal-fqar u s-sempliċi, li huma nies ta’ rieda tajba u li l-fidi tagħhom hija ikbar minn dik tal-għorrief, u għalhekk iġġegħilhom jemmnu iktar bis-sempliċita’ u bil-mertu. Għalhekk jien sejjer nistqarrilhom sempliċiment il-verita’, mingħajr ma nintilef nikkwota passaġġi bil-Latin li huma ma jifhmux. Madankollu jien sejjer inġib xi siltiet ‘l hawn u ‘l hinn mingħajr ma noqgħod infittex iżżejjed. Inkomplu.

 

27. La darba l-grazzja tipperfezzjona n-natura, u l-glorja tipperfezzjona l-grazzja, nistgħu nibqgħu ċerti, li fis-sema s-Sinjur tagħna jibqa’ wkoll Iben ta’ Marija daqs kemm kien meta kien fid-dinja. Hu għalhekk kompla bl-istess sottomissjoni, b’mod l-aktar perfett tal-ulied kollha lejn l-aħjar Omm fost l-ommijiet imma wieħed  irid joqgħod attent li ma jaħsibx li din id-dipendenza timplika li hu tbaxxa jew hemm xi imperfezzjoni f’Ġesu’ Kristu. Marija li hi infinament iżgħar minn Binha, li hu Alla, ma tikkmandahx bħalma omm tad-dinja tikkmanda lil binha li hu iċken minnha. Marija la tixtieq u lanqas tagħmel xejn kontra r-rieda sħiħa u eterna t’Alla, il-għaliex b’dik il-grazzja u l-glorja li tbiddel il-qaddisin kollha f’Alla, Marija hi diġa’ mibdula fih. Għalhekk meta naqraw fil-kitba ta’ San Bernard, San Bernardinu u San Bonaventura u oħrajn, li dak kollu li hemm fl-art u fis-sema, inkluż Alla nnifsu, hu suġġett għall-Verġni Mqaddsa, għandna nifhmu ċar xi jfisser. Jiġifieri li Alla għoġbu jagħtiha awtorita’ hekk kbira illi tidher li donnu għandha l-istess setgħa ta’ Alla, u li t-talb u x-xewqat tagħha għandhom saħħa hekk kbira quddiem Alla, li dejjem jitbiddlu f’xi kmandi għalih. Hekk hu ma jistax jiċħad it-talb tal-għażiża ommu, għaliex hi dejjem umli u taqbel mar-rieda tiegħu.  

 

Jekk Mose’, bis-saħħa tat-talba tiegħu, żamm il-korla ta’ Alla, li kienet tixgħel għall-Israeliti, għax it-talba tiegħu kienet hekk ħerqana li Alla, għani fil-ħniena, ma setax jirreżisti, nidem mill-ħsara li qal li se jagħmel lill-poplu tiegħu, kemm għandna x’naħsbu għat-talba tal-umli Marija, l-Omm glorjuża ta’ Alla, talba li hi aktar qawwija fl-għajnejn tal-Maesta’ Divina mit-talb u l-interċessjonijiet tal-Anġli u tal-Qaddisin kollha tas-sema u tal-art?

 

28. Fis-sema Marija ssaltan fuq l-Anġli u l-Qaddisin. Bħala premju tal-umilta’ profonda tagħha, Alla taha s-setgħa u x-xogħol li timla’ fil-Qaddisin it-tronijiet vojta li ħallew l-Anġli l-ħżiena bil-waqgħa supperva tagħhom. Hi r-rieda ta’ Alla, li jgħolli l-umli, li jrid is-Sema, l-Art u l-Infern ibaxxu rashom bil-ħlewwa, jew bilfors, għall-kmand tal-umli Marija, li Hu għamel Sultana tas-Sema u l-art, il-Mexxejja tal-armati tiegħu, it-teżoriera tar-rikkezzi tiegħu, id-dispensatriċi tal-grazzji tiegħu, dik li wettqet l-għeġubijiet tiegħu, dik li tpatti għall-umanita’, il-medjatriċi tal-bnedmin, dik li teqred l-għedewwa t’Alla, u s-sieħba fidila tal-isplendur u t-trijonfi tiegħu.

 

29. Hi x-xewqa tal-Missier tas-Sema, illi permezz ta’ Marija, hu jkollu wlied sal-aħħar tad-dinja: “Tella’ l-għarix tiegħek f’Ġakobb.” (Sir 24,8). Fi kliem ieħor, hu jgħidilha: “Qiegħed l-għamara tiegħek f’uliedi l-magħżulin li x-xbieha tagħhom hu Ġakobb, u mhux fl-ulied ħżiena tax-xitan iffigurati minn Eżaw.”

 

30. Bħalma fil-ġenerazzjoni naturali u korporali hemm missier u hemm omm, hekk ukoll fil-ġenerazzjoni sopranaturali u spiritwali hemm il-missier li hu Alla u hemm l-omm li hi Marija. L-ulied veri u predestinati t’Alla għandhom ‘l Alla bħala missierhom, u ‘l Marija bħala ommhom; dak li m’għandux lil Marija bħala ommu lanqas ma għandu ‘l Alla bħala missieru. Għalhekk il-ħżiena, l-eretiċi, ix-xiżmatiċi, u oħrajn bħalhom, li jobgħodu lill-Imqaddsa Marija, jew inkella jħarsu lejha b’suspett u indifferenza, m’għandhomx ‘l Alla bħala missierhom, għalkemm jiftaħru li għandhom għaliex huma m’għandhomx lil Marija bħala ommhom. Kieku lil Marija kienu jqisuha bħala ommhom, kieku kienu jħobbuha u jqimuha bħalma iben tassew u twajjeb naturalment iħobb u jqim ‘l ommu li tatu l-ħajja. Dan jagħtina l-iktar sinjal, infallibli u żgur, li bih tagħraf bejn l-eretiku, il-bniedem ta’ duttirna falza, u l-ħażin minn naħa waħda u dak li hu predestinat minn naħa l-oħra. L-eretiku u l-bniedem ħażin għandhom l-attitudni ta’ mibgħeda u indifferenza lejn il-Verġni Mqaddsa. Huma jippruvaw inaqsu d-devozzjoni u l-imħabba tagħha minn qalb il-bnedmin, bil-kliem u bl-eżempju, fil-moħbi u fil-beraħ, u xi drabi b’wirja falza ta’ raġunar qarrieqi. Tassew Alla l-Missier ma sejjaħx lil Marija biex tgħammar fihom għax huma Eżaw oħra.

 

 

 

 

31. Alla l-Iben jixtieq li jkun iffurmat, bħallikieku nkarnat kuljum, fil-membri tiegħu permezz ta’ Marija. Hu jgħidilna: “ U iret sehmek f’Israel.” (Sir 24,8).

 

Bħallikieku qal: “Alla Missieri tani l-ġnus kollha tal-art b’wirt, il-bnedmin kollha tajbin u ħżiena dawk ippredestinati u dawk mgħaddsin fid-dnub. Jiena mmexxi tal-ewwel b’xettru tad-deheb u lill-oħrajn b’xettru tal-ħadid. Jiena nkun għal tal-ewwel Missier u Avukat, il-Vendikatur ġust għal tat-tieni, u Mħallef għal kulħadd. Iżda inti, għażiża Ommi, inti jkollok b’wirt u bħala tiegħek l-ippredestinati biss għax-xbieha tagħhom huwa Israel. Bħala l-Omm twajba tagħhom, inti tnissilhom, tedukahom u tieħu ħsiebhom; bħala s-Sultana tagħhom inti tmexxihom, tiggvernahom u tiddefendihom.”

 

32. L-Ispirtu s-Santu jgħid: “Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!” (S 86,5). Skont is-Santi Padri, l-ewwel bniedem li twieled minn Marija, hu Alla magħmul bniedem, Ġesu’ Kristu ; u t-tieni hu l-bniedem kreatura, l-Iben adottiv ta’ Alla u ta’ Marija. La darba Ġesu’ Kristu; ir-Ras tal-bnedmin, twieled minn Marija bilfors jiġi li l-predestinati, li huma l-membri tar-Ras, għandhom ukoll jitwieldu fiha. Omm ma twellidx ir-ras mingħajr il-membri jew il-membri mingħajr ir-ras, għaliex dan ikun mostru, skerz tan-natura. Hekk ukoll fl-ordni tal-grazzja, ir-Ras u l-membri jitwieldu mill-istess Omm. Li kieku membru tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, jiġifieri wieħed ippredestinat, jitwieled xort’oħra u mhux minn Marija li welldet ir-Ras, żgur li ma kienx ikun bniedem ippredestinat jew membru ta’ Kristu, imma biss skerz fl-ordni tal-grazzja.

 

33. Terġa’, Ġesu’ Kristu, hu issa bħalma kien qabel, il-frott ta’ Marija. Is-sema u l-art dan ifakkruh elf darba kuljum: “U mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu’.” Għalhekk, hu żgur li Ġesu’ huwa individwalment għal kull bniedem li jippossedih, tassew il-frott u l-opra ta’ Marija daqs kemm hu għad-dinja kollha b’mod ġenerali: b’tali mod  li n-nisrani, li f’qalbu hemm ffurmat Ġesu’ Kristu jista’ jazzarda jgħid: “Inroddu ħajr lil Marija! Dak li jien nippossiedi, hu l-effett u l-frott tagħha, u mingħajrha ma kontx inkun nista’ nippossedih.” Nistgħu napplikaw għaliha, b’verita’ ikbar minn dak li fil-kuntest applika San Pawl b’dawn il-kelmiet: “Għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom.” (Gal 4,19).  Snatu Wistin, f’silta li fiha l-entużjażmu tiegħu jisboq dak kollu li għidna s’issa, jgħid li l-magħżulin, sakemm huma fid-dinja huma moħbija fil-ġuf tal-Verġni Mqaddsa, biex isiru jixbħu lilu fis-sura tal-Iben t’Alla. Hemm huma jkunu mħarsin, mitmugħin, miżmumin u żviluppati minn din l-Omm twajba sa ma twassalhom fil-glorja wara mewthom, li propjament hu l-jum tat-twelid tagħhom, kif il-Knisja ssejjaħ il-mewt tal-ġusti. X’misterju tal-grazzja li fuqu dawk li huma l-ħżiena ma jafu xejn, u li anke l-magħżulin nfushom, ma tantx jafu fuqu!

 

34. F’Marija u permezz ta’ Marija, Alla l-Ispirtu s-Santu jogħġbu jifforma l-magħżulin tiegħu u għalhekk jgħidilha: “U xenxilt l-għeruq tiegħi f’poplu ta’ ġieħ.” (Sir 24,12). Fi kliem ieħor: “Ħawwel Għażiża tiegħi, u Għarusa tiegħi, l-għeruq tal-virtujiet tiegħek kollha, fil-magħżulin tiegħi, ħalli jkunu jistgħu jikbru minn virtu’ għall-oħra u minn grazzja għall-oħra. Kont hekk nitgħaxxaq bik meta fuq l-art int kont għaddej ħajtek tħaddem il-virtujiet l-aktar kbar li jiena għadni nixtieq insibek fid-dinja mingħajr ma tieqaf li tkun preżenti fis-sema. Ġedded lilek innifsek mela, fil-magħżulin tiegħi: “Ħallini nithenna  nara fihom l-għeruq ta’ fidi li ma tintrebaħx, tal-umilta’ tiegħek profonda, tat-tgħakkis f’kollox tiegħek, tat-talb ħerqan tiegħek, tal-imħabba mħeġġa tiegħek, ta’ tama sħiħa u tal-virtujiet kollha tiegħek. Inti għadek l-għarusa tiegħi, dejjem fidila, safja u tagħti l-frott. Ħalli l-fidi tiegħek, tagħtini nies ta’ twemmin, ħalli s-safa tiegħek inissel nies verġni għalija, u ħalli s-setgħa li għandek li tagħti l-frott, tagħtini l-magħżulin tiegħi, it-tempji tiegħi.

 

35. Meta Marija xxenxel l-għeruq tagħha f’ruħ, hi tnissel dawk l-għeġubijiet ta’ grazzja, li hi biss għandha l-ħila tnissel għaliex hi biss il-Verġni, li tagħti l-frott u li qatt kellha u lanqas qatt ma jkollna min hu bħala fis-safa u fil-fekondita’. Bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu Marija saret l-akbar ħidma li qatt ġrat, jew li għad tista’ sseħħ: it-twelid tal-Bniedem Alla. Għalhekk trid tkun hi li tagħmel qaddisin kbar li jidhru sat-tmiem taż-żmien. Għaliex il-formazzjoni u l-edukazzjoni tal-qaddisin il-kbar li jkunu hawn sal-aħħar tad-dinja huma fdati f’idejha. Din il-Verġni singulari u mirakuluża biss tista’ flimkien mal-Ispirtu s-Santu twettaq ġrajjiet kbar u straordinarji.

 

36. Meta l-Ispirtu s-Santu jsib l-Għarusa tiegħu f’ruħ, Hu jtir lejn dik ir-ruħ, jidħol fiha fil-milja tiegħu u jimliha bil-preżenza tiegħu fi proporzjon daqs kemm isib il-preżenza tal-Għarusa tiegħu. Waħda mir-raġunijiet għaliex l-Ispirtu s-Santu ma jagħmilx għeġubijiet tal-grazzja li jgħaġġbu fir-ruħ tagħna hi għaliex Hu ma jsibx fina għaqda qawwija biżżejjed mal-Għarusa fidila tiegħu li ma tinfired qatt minnha. Ngħid li ma tinfired qatt, għaliex minn mindu l-imħabba sostanzjali tal-Missier u l-Iben tgħarrset ma’ Marija biex tnissel lil Ġesu’ Kristu, ir-Ras tal-Magħżulin, u Ġesu’ Kristu fil-magħżulin, hu qatt ma twarrab minnha. Hi kienet dejjem fidila u tat frott.

2. Konsegwenzi

1. Marija s-Sultana tal-Qlub Kollha

 

37. Minn dan li għadni kif għidt jidher ċar, l-ewwel li Marija rċeviet minn għand Alla ħakma kbira fuq ir-ruħ tal-magħżulin. Hi ma tistax tgħammar fihom bħalma Alla l-Missier ordnalha tagħmel; ma tistax bħala ommhom tiffurmahom, tieħu ħsiebhom u tnissilhom għall-ħajja ta’ dejjem; ma tistax teħodhom bħala l-wirt u s-sehem tagħha, ma tistax tiffurmahom f’Ġesu’ Kristu u tagħmel lil Ġesu’ Kristu fihom, ma tistax tħawwel l-għeruq tal-virtujiet tagħha fihom u tkun sieħba li ma tinfired qatt tal-Ispirtu s-Santu fix-xogħol tal-grazzja tiegħu, anzi ngħid li ma kienet tista’ tagħmel xejn minn dawn il-ħwejjeġ li kieku ma kellix id-dritt u l-ħakma fuq dawn l-erwieħ bi grazzja singulari tal-Iktar Għoli. Meta taha s-setgħa fuq Ibnu naturali u waħdieni Alla taha wkoll setgħa fuq uliedu adottivi, mhux biss fuq ġisimhom, li jkollha ftit importanza, imma fuq ruħhom ukoll.

 

38. Marija hija s-Sultana tas-Sema u tal-art permezz tal-grazzja, kif Ġesu’ hu s-Sultan tagħhom, permezz tan-natura u tar-rebħa. Is-Saltna ta’ Ġesu’ Kristu hi prinċipalment fil-qlub jew fil-ħajja interjuri tal-bnedmin skont il-kliem: “Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.” (Lq 17,21). Hekk ukoll is-saltna tal-Verġni Mqaddsa hi ġol-bniedem, jiġifieri fir-ruħ tiegħu. Għaliex hu prinċipalment fl-erwieħ li flimkien ma’ Binha, hija aktar igglorifikata milli fil-kreaturi kollha viżibbli. Għalhekk nistgħu ningħaqdu mal-Qaddisin u nsejħulha s-Sultana ta’ qlubna.

 

2. Marija hi meħtieġa għall-bnedmin

 

39. Imbagħad, għandna nikkonkludu, li bħalma Marija kienet meħtieġa għal Alla, hi ħtieġa hekk imsejħa, ipotetika, għaliex hija konsegwenza tar-rieda tiegħu, hi aktar meħtieġa għall-bnedmin biex jilħqu l-iskop tal-ħajja tagħhom. Għalhekk m’għandniex nqabblu d-devozzjoni lejn il-Madonna ma’ dik id-devozzjoni tal-qaddisin l-oħra, bħallikieku d-devozzjoni lejn Marija ma kinitx iżjed meħtieġa jew bħallikieku kienet xi ħaġa li nistgħu ma nagħżluhiex, għall-ħajja tagħna spiritwali.

 

 

 

 

 

1. Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi meħtieġa għall-bnedmin kollha   jekk iridu jsalvaw.

 

40. L-għaref u qaddis Ġiżwita Suarez u l-għaref devot Juste-Lipse, duttur ta’ Louvain, u ħafna oħrajn, urew illi d-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hija meħtieġa għas-salvazzjoni, u biex jagħtu prova ta’ dan, dawn in-nies għorrief ġabru x-xhieda tas-santi padri – fost l-oħrajn ta’ Santu Wistin, Sant Efrem, Djaknu minn Odessa, San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, San Ġermanu ta’ Kostantinopli, San Ġwann Damaxxenu, San Anselmu, San Bernard u San Bernardinu, San Tumas u San Bonaventura, u iżjed urew li n-nuqqas mill-qima u l-imħabba lejha huwa sinjali infallibli ta’ telfien kif Ecolumpadius u ħafna eretiċi oħrajn stqarrew huma stess; waqt li tkun tassew devot ta’ Marija u tqimha huwa sinjal ċar ta’ predestinazzjoni.

 

41. Ix-xbihat u l-kliem tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-Ġdida jippruvaw din il-verita’, is-sentimenti u l-eżempji tal-qaddisin iwettquha, ir-raġuni u l-esperjenza juruha u jsostnuha; anke x-xjaten u l-ħbieb tagħhom, marsusin mill-qawwa tal-verita’, spiss kienu mġagħlin jammettuha, minkejja r-rieda tagħhom. Jiena ġbart ġabra kbira ta’ siltiet mis-santi padri u d-dutturi tal-Knisja biex nipprova din il-verita’, iżda biex ma ntawwalx sejjer ngħid waħda biss. “Li nkun devot tiegħek, O Verġni Mqaddsa,” jgħid San Ġwann Dammaxenu, “hija arma ta’ salvazzjoni li Alla jagħti lil dawk li jrid isalva.”

 

42. Hawnhekk nista’ nirrakonta ħafna ġrajjiet li jippruvaw l-istess ħaġa, fost l-oħrajn: (1) Dik li naqraw fil-ħajja ta’ San Franġisk, illi waqt waħda mill-estasi tiegħu, huwa lemaħ sellum kbir li jasal sas-sema, li fit-tarf kien hemm il-Verġni Mbierka u ġie muri lilu li kien meħtieġ li wieħed jitilgħu biex jasal fis-Sema: (2) dik li naqraw, fil-ġrajjiet ta’ San Duminku, kif dal-qaddis, meta kien ħdejn Carcassonne jippriedka r-Rużarju, iltaqa’ ma’ wieħed eretiku żvinturat, li ruħu kienet maħkuma minn ħmistax-il elf xitan. Bi kmand li tathom il-Madonna, dawn ix-xjaten kienu obbligati, b’konfużjoni kbira tagħhom li jistqarru, xi veritajiet kbar u ta’ faraġ fuq d-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Huma għamlu dan b’tant konvinzjoni u ċarezza illi ċkejkna kemm hi ċkejkna d-devozzjoni lejn Marija, ma tistax ma xxerridx dmugħ ta’ ferħ meta taqra din il-ġrajja awtentika u l-eloġju fuq din id-devozzjoni li x-xitan kien imġiegħel jagħmel.

 

 

 

2. Id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka f’dawk li huma msejħin għall-perfezzjoni speċjali.

 

43. La darba d-devozzjoni lejn il-Madonna hi meħtieġa għall-bnedmin kollha jekk iridu jsalvaw, hi aktar meħtieġa f’dawk li huma msejħin għall-perfezzjoni speċjali. Jien ma naħsibx li xi ħadd jista’ jikseb għaqda sħiħa mas-Sinjur tagħna, u fedelta’ perfetta lejn l-Ispirtu s-Santu, mingħajr għaqda profonda mal-Verġni Mbierka u dipendenza kbira fuq l-għajnuna tagħha.

 

44. Marija biss sabet grazzja quddiem Alla, mingħajr l-għajnuna ta’ kreatura oħra. L-oħrajn kollha li sabu grazzja quddiem Alla, għamlu dan permezz tagħha u dan jibqa’ veru minn dawk li f’xi żmien jogħġbu lil Alla. Hi kienet mimlija bil-grazzja meta sellmilha l-Arkanġlu Gabriel, u ġiet mogħtija grazzja suprabbondanti meta niżel fuqha l-Ispirtu s-Santu bil-preżenza bla tarf tiegħu. Dawn iż-żewġ miljiet ta’ grazzja, hi hekk kabbret minn ġurnata għall-oħra, u minn mument għall-ieħor, li laħqet grad hekk għoli tal-għaġeb ta’ grazzja, illi Alla għamilha t-teżoriera waħdanija tar-rikkezzi tiegħu, u d-dispensatriċi waħdanija tal-grazzji tiegħu biex hi tkun tista’ tagħmel nobbli, tgħolli u tagħmel sinjur lil min trid hi; hekk li tkun tista’ tmexxi lil min tagħżel hi mit-triq id-dejqa li twassal fis-sema. Hi tkun tista’ tħares il-passi tagħhom, f’nofs il-perikli, fil-bieb id-dejjaq. Hi tkun tista’ tagħti, lill-magħżulin tagħha, it-tron, ix-xettru u l-kuruna tas-Sultan tas-Sema. Dejjem u kullimkien Ġesu’ hu l-frott u l-Iben ta’ Marija, u Marija hi verament kullimkien is-siġra li tagħti l-frott tal-ħajja, u l-vera omm li tipproduċih.

 

45. Alla ta l-imfietaħ tal-ħażna tal-Imħabba Divina lil Marija biss, kif  ukoll is-setgħa li tidħol fl-iktar sigriet sublimi tat-triqat tal-perfezzjoni, u biex tmexxi lill-oħrajn f’dawn it-triqat. Permezz ta’ Marija biss, l-ulied imsejkna ta’ Eva infidila, jiġu mogħtija d-dritt biex jidħlu fil-ġenna tal-art, fejn inkunu jistgħu jimxi fil-paċi ma’ Alla; u fejn ikunu jistgħu jsibu kenn bla biża’, kontra l-għedewwa tagħhom, biex hemm, bla biża’ mill-mewt, ikunu jistgħu jieklu mill-frott bnin tas-siġra tal-ħajja, u tas-siġra tal-għerf, tat-tajjeb u tal-ħażin. Hemm ikunu jistgħu jgawdu xarbiet kbar mill-ilma tas-sema, ta’ dik l-għajn abbundanti. Jew aħjar, Hi stess din il-Ġenna tal-Art, dan il-ġnien verġni u mbierek, li minnu ġew imkeċċija l-midinbin Adam u Eva; tiftaħ il-bieb ta’ dan il-ġnien, li hu Hi stess, lil dawk biss li jogħġbuha, biex tgħinhom isiru qaddisin.

 

46. Jekk nista’ nuża l-espressjoni tal-Ispirtu s-Santu, kif ifissirha San Bernard, l-għonja kollha jżejnuk minn nisel għall-ieħor u speċjalment fl-aħħar jiem tad-dinja. Fi kliem ieħor, l-ikbar qaddisin, l-erwieħ l-iktar għonja bil-grazzji u bil-virtujiet issibhom l-iktar perseveranti fit-talb lill-Madonna, u jżommuha dejjem quddiem għajnejhom, bħala l-mudell perfett li għandhom jimitaw u bħala l-aqwa għajnuna biex tħarishom u tgħinhom.

 

47. Jiena għidt li dawn l-affarijiet kollha jiġbru, b’mod speċjali, fl-aħħar tad-dinja. Permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa Alla se jagħti lid-dinja, qaddisin kbar li jisbqu fil-qdusija, lill-parti l-kbira tal-qaddisin l-oħra fil-qdusija daqs kemm iċ-ċedri tal-Libanu jegħlbu fil-kobor u l-maesta’ tagħhom lill-issopu tal-widien. Dan kien irrevelat lil ruħ qaddisa li ħajjitha ġiet miktuba minn Mr de Rentry. *

 

48. Dawn il-ġganti ta’ qdusija, mimlija bil-grazzja u żelu jkunu magħżulin biex jieqfu lill-għedewwa t’Alla li qed jiġġerrew ma’ kull naħa. Huma jkollhom devozzjoni singulari lejn il-Madonna, imdawlin mid-dawl tagħha, imsaħħin bil-ħalib tagħha, immexxija mill-ispirtu tagħha, imsaħħin bil-qawwa tagħha u mħarsa bil-kenn tagħha. B’id waħda huma jiġġieldu u bl-oħra jibnu. Huma jissieltu, jegħilbu, jeqridu u jisħqu l-eretiċi bl-ereżji tagħhom, ix-xiżmatiċi bix-xiżmi tagħhom, l-idolatri bl-allat foloz tagħhom u l-midinbin bid-dnubiet tagħhom. Huma jibnu t-tempju tal-veru Salamun u l-belt mistika t’Alla. Jiġifieri l-Imqaddsa Verġni Marija, imsejħa mis-Santi Padri: “It-tempju ta’ Salamun u l-belt t’Alla.” Bi kliemhom u bl-eżempju tagħhom jiġbdu ħafna nies għal din il-vera devozzjoni, ġrajja li ġġibilhom ħafna għedewwa, imma ġġibilhom ukoll teżor ta’ rebħiet u glorja għal Alla waħdu. Dan hu li Alla nebbaħ lil San Vinċenz Ferreri, l-appostlu l-kbir ta’ żmienu, kif wera ċar hu stess f’waħda mill-kitbiet tiegħu. L-Ispirtu s-Santu donnu ħabbar din il-verita’ fis-Salm 58, 14-16, fejn naqraw: “biex kulħadd jagħraf li Alla jaħkem fuq Ġakobb sat-trufijiet tal-art. Jersqu filgħaxija, jinbħu bħall-klieb, jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hemm mal-belt. Jiġġerrew u jimirħu biex isibu x’jieklu.” Din hi l-belt li l-bnedmin għad iridu jduru magħha fl-aħħar tad-dinja biex jikkonvertu u jaqtgħu l-ġuħ tagħhom għall-ġustizzja, hija l-Imqaddsa Verġni li ġiet imsejħa mill-Ispirtu s-Santu l-Belt t’Alla.

 

* (Nota: Din ir-ruħ qaddisa kienet Marie des Valles, li d-Direttur Spiritwali tagħha kien San Ġwann Eudes.)

 

3. Id-Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka tkun meħtieġa b’mod speċjali fl-aħħar taż-żminijiet.

1. Is-Sehem ta’ Marija fl-aħħar taż-żminijiet

 

49. Permezz ta’ Marija bdiet il-fidwa tad-dinja, u hu permezz tagħha li tkun mitmuma. Fl-ewwel miġja ta’ Kristu, Marija ma tantx kellha prominenza. Dan ġara, biex il-bnedmin li ma tantx kien għadhom mgħallma u mdawla fuq il-Persuna  tal-Iben, ma jitbegħdux iżjed minnu, bix-xewqa u l-ġibda umana tagħhom lejn Marija, kif aktarx kien jiġri kieku kienu tassew jafuha, għas-sbuħija li Alla xeħet fuqha anke minn barra. Dan hu hekk veru, li San Dijonisju l-Areopaġita kiteb illi meta hu ra lill-Madonna kien jaħsibha xi Alla minħabba l-ġmiel tas-sbuħija risplendenti tagħha li kieku s-saħħa tal-fidi ma kinitx għallmitu xort’oħra. Madankollu, fit-tieni miġja ta’ Ġesu’ Kristu, Marija se tkun imħabbra u murija mill-Ispirtu s-Santu biex permezz tagħha, Ġesu’ Kristu jista’ jkun magħruf, maħbub u moqdi. Ir-raġunijiet li ġegħlu lill-Ispirtu s-Santu jaħbi l-Għarusa tiegħu, meta kienet fid-dinja u li jħalliha tidher wisq ftit meta l-Vanġelu xxandar għall-ewwel darba m’għandhomx jeżistu.

 

50. Mela, hi r-rieda t’Alla li jgħarraf u jipproklama lil Marija, il-kapulavur ta’ jdejh, f’dawn l-aħħar żminijiet:

 

1. għaliex bl-umilta’ profonda tagħha li nħbiet f’din id-dinja u tant tbaxxiet aktar mit-trab, qalgħet mingħand Alla, mill-Appostli u mill-Evanġelisti tiegħu li ma tiġix mgħarrfa lid-dinja;

 

2. għaliex billi Marija hi l-kapulavur ta’ Alla hekk kemm fl-art bil-grazzja, kif is-sema bil-glorja, Alla jrid li hi tkun igglorifikata u mfaħħra fuq l-art mill-bnedmin;

 

3. u ladarba hi ż-żerniq ta’ filgħodu li jiġi qabel u jħabbar ix-Xemx tal-Ġustizzja, Ġesu’ Kristu, jixraq li hi tkun magħrufa u jarawha biex permezz tagħha l-bnedmin jistgħu jagħrfu lil Kristu;

 

4. ladarba hija t-triq li minnha ġie fostna Ġesu’ Kristu l-ewwel darba, hekk għad tkun dik it-triq, meta Hu jiġi t-tieni darba għalkemm il-mod ikun xort’oħra;

 

5. ladarba Hi l-mezz żgur u t-triq dritta u bla tebgħa, li minnha aħna nimxu lejn Kristu u nsibuh perfettament, hu permezz ta’ Marija li dawk l-erwieħ iddestinati għall-qdusija tal-għaġeb, f’dawk l-aħħar jiem, isibu lil Kristu. Min isib lil Marija jsib il-ħajja, jiġifieri jsib lil Ġesu’ Kristu, li Hu t-Triq, l-Verita’ u l-Ħajja. Imma min ma jfittixhiex ma jistax isibha lil Marija. Lanqas ma jfittixha min ma jafhiex, għax ħadd ma jfittex jew jixtieq ħaġa li ma jafx biha. Għalhekk Marija għandha tkun magħrufa aktar minn qabel, għall-glorja u għall-għarfien akbar tat-Trinita’ Qaddisa;

 

6. F’dak l-aħħar żmien Marija għad tiddi bi ġmiel li qatt ma deher bħalu, fil-ħniena, fis-setgħa u fil-grazzja. Fil-ħniena, biex tiġbor flimkien u tilqa’ fl-imħabba lill-imsejkna midinbin u l-erwieħ mitluba li għad jikkonvertu u jirritornaw lejn il-Knisja Kattolika. Fis-setgħa kontra l-għedewwa ta’ Alla, il-pagani, ix-xiżmatiċi, Mawmettani, Lhud, u dawk li webbsu qalbhom fid-dnub li għad iqumu u jkunu ta’ periklu billi jqarrqu u jbiegħdu mill-Knisja b’wegħdiet u theddid lil dawk kollha li ma jkunux magħhom. Fil-grazzja biex tagħti l-kuraġġ u s-saħħa lis-suldati qalbiena u l-qaddejja fidili ta’ Kristu li jiġġieldu għalih;

 

7. Fl-aħħar Marija għad tkun terribbli bħall-eżerċtu lest għat-taqbida, speċjalment f’dawk l-aħħar żminijiet kontra d-demonju u l-ħbieb tiegħu. Billi d-demonju jaf li ż-żmien qed joqrob, Satana kuljum jirdoppja l-isforzi tiegħu u l-istrateġiji tiegħu, biex jindanna l-erwieħ tal-bnedmin kontra l-qaddejja fidili u l-ulied veri ta’ Marija. Billi r-rebħa tagħhom hi aktar diffiċli minn tal-bnedmin l-oħra, hu jqajjem persekuzzjonijiet ġodda u jpoġġilhom nases tal-biża’ quddiemhom.

 

51. Hija b’referenza speċjali għal dawk il-persekuzzjonijiet kiefra tal-aħħar, u li jiżdiedu kuljum sas-saltna tal-Antikrist li aħna għandna nifhmu l-ewwel profezija u saħta famużi tAlla, ippronunzjati fil-Ġenna tal-Art, kontra s-serpent. Għall-glorja tal-Verġni Mqaddsa, għas-salvazzjoni ta’ wliedha u għall-konfużjoni ta’ Satana, jixraq li hawn nikkummentaw fuqha. “Jiena nqajjem mibgħeda bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha, Hu jistħaqlek rasek u inti tisħaqlu għarqubu.” (Ġen 3,15).

 

52. Alla gwerra waħda ħalaq, imma hi gwerra li ma tiqafx, u li tiżdied fis-saħħa u l-ħruxija sal-aħħar tad-dinja. Din hi t-taqbida bejn Marija, l-Omm setgħana tiegħu u x-xitan, bejn uliedu l-qaddejja ta’ Marija u l-ulied u l-istrumenti ta’ Satana. L-għadu l-aktar tal-biża’ mela, li Alla qajjem kontra x-xitan hi Marija, Ommu Imqaddsa. Anke fi żmien it-tkeċċija mill-Ġenna tal-Art, meta Marija kienet għadha biss ħsieb fil-moħħ t’Alla, Alla ta lil Marija tant mibgħeda għall-għadu misħut t’Alla u tant enerġija biex tikxef il-malizzja ta’ dan is-serp qadim, tant saħħa biex tirbaħ, tirfes u tisħaq dan l-esseri supperv u ħażin, illi Satana iżjed jibża’ minnha milli mill-Anġli u mill-bnedmin kollha, u saħansitra f’ċertu sens, anke minn Alla stess. Il-korla, il-mibgħeda u s-setgħa t’Alla huma żgur aktar minn dawk tal-Verġni Mqaddsa ladarba s-setgħat ta’ Marija huma limitati. Biss hu minnu li:

 

a) billi Satana huwa spirtu supperv isofri aktar meta jkun mirbuħ u kkastigat minn qaddejja umli u ċkejkna t’Alla, illi l-umilta’ tagħha ċċekknu aktar b’mistħija milli jiċċekken bis-setgħa t’Alla;

 

b) u billi Alla ta’ lil Marija setgħa hekk kbira fuq ix-xjaten li jibżgħu iżjed minn tnehida tal-Madonna għall-ruħ milli jibżgħu mit-talb tal-qaddisin kollha u jitwerwru u jitilqu aktar bil-biża’ minn theddida waħda li hi tagħmel kontrihom milli jibżgħu mit-torturi l-oħra kollha, kif bosta drabi kienu mġegħla jammettu kontra qalbhom permezz ta’ xi wieħed ppossessat.

 

53. Dak li Luċifru tilef bis-suppervja,    Marija rebħet bl-umilta’. Dak li Eva qerdet bid-diżubbidjenza, Marija salvat bl-ubbidjenza. Billi obdiet is-serpent, Eva ntlifet hi, u magħha wliedha li hi tagħtu; u billi Marija kienet perfettament fidila lejn Alla, Marija salvat l-uliedha kollha u l-qaddejja li hi ġabret magħha, u ddedikathom lill-Maesta’ Divina.

 

54. Alla ma qiegħedtx mibgħeda biss bejn Marija u x-xitan, imma wkoll bejn in-nisel tiegħu tagħha u n-nisel tiegħu. Fi kliem ieħor, Alla nissel mibgħeda, antipatija u għira moħbija bejn l-ulied veri u qaddejja ta’ Marija u l-ilsiera ta’ Satana.  M’hemmx imħabba bejn dawn iż-żewġ razez, ladarba m’hemm l-ebda kuntatt interjuri bejniethom. Ulied Belial, l-ilsiera ta’ Satana, il-ħbieb tad-dinja (għax hi l-istess ħaġa), dejjem ippersegwitaw u jkomplu jagħmlu hekk, bi vjolenza akbar, lil dawk kollha li huma tal-Verġni Mqaddsa, sewwa sew kif fl-antik, Kajjin ippersegwita lil ħuh, Abel, u Eżaw lil ħuh Ġakobb, dawn kienu xbihat tal-ħżiena u l-ippredestinati. Imma l-Madonna dejjem tirbaħlu lil dan is-serpent supperv, ir-rebħa hekk kbira li tisħaqlu rasu fejn tinbet dis-suppervja. Hi dejjem issiblu l-ħażen tiegħu u turi l-pjanijiet infernali tiegħu. Hi tfarrak il-pariri djaboliċi tiegħu u tħares lill-qaddejja fidili tagħha mill-kefrija ta’ difrejh sal-aħħar taż-żminijiet.

 

Iżda din is-setgħa ta’ Marija fuq ix-xjaten għad tiddi bi glorja speċjali fl-aħħar żminijiet meta Satana  jdur għal għarqubha jiġifieri għall-qaddejja umli tagħha u għall-uliedha msejkna li hi tqajjem biex jiġġieldu ma’ ġenbha. Huma jkunu żgħar u tal-ebda mportanza f’għajnejn id-dinja, li jistgħu jiġu mxebbha mal-għarqub li pparagunat mal-membri l-oħra tal-ġisem, hu dejjem mgħaffeġ u mirfus taħt. Iżda, bi tpattija, huma jkunu mżejna bil-grazzji t’Alla li l-Madonna tagħtihom bl-abbundanza. Il-qdusija tagħhom tagħmilhom kbar, u mgħollija f’għajnejn Alla. Iż-żelu mħeġġeġ tagħhom jgħollihom fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha. Tant ikunu msaħħin  bl-għajnuna t’Alla, illi bl-umilta’ ta’ għarqubhom, maqgħudin ma’ Marija, huma jisħqu ras is-serpent infernali, u jġibu rebħa għal Ġesu’ Kristu.

 

2. L-Appostli tal-aħħar żminijiet

 

55. Fl-aħħarnett, Alla jixtieq li issa iktar minn qabel, Ommu l-Imqaddsa għandha tkun aktar magħrufa, u aktar maħbuba u mweġġħa bil-ħeġġa. Dan żgur li jiġri jekk l-ippredestinati jaddottaw bil-grazzja u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu l-prattika interjuri u perfetta tad-devozzjoni lejn Marija li jien se niddeskrivi f’dan il-ktieb. Huma jħarsu lejn din il-Kewkba tal-Baħar, jarawha hekk ċara daqs kemm tħallihom il-Fidi, u bid-dawl werrej tagħha huma jaslu fil-port imqaddes tal-mistrieħ etern minkejja t-tempesti u l-perikli tal-baħar. Huma jitgħallmu jagħrfu l-kobor ta’ din is-Sultana u jikkonsagraw ruħhom kollha għas-servizz tagħha bħas-sudditi u l-ilsiera tal-imħabba tagħha. Huma jduqu l-ħlewwa u t-tjubija tagħha ta’ omm, u jħobbuha ħafna bħal uliedha l-għeżież. Billi jagħrfu l-bżonn kbir tal-għajnuna tagħha, huma jduru lejha f’kull ħaġa, bħal avukata u medjatriċi għażiża ma’ Kristu, u mbagħad żgur li jaraw kemm hi kbira l-ħniena tagħha. Jitgħallmu li hi t-triq l-aktar żgura, ħafifa, dritta u perfetta li twassal għand Ġesu’ Kristu, u b’din il-konvinzzjoni huma jagħtu lilhom infushom b’ruħhom u ġisimhom lilha, biex b’hekk u bl-istess mod ikunu ta’ Ġesu’ Kristu.

 

56. Iżda x’sinjal ikollhom dawn il-qaddejja, l-ilsiera u l-ulied ta’ Marija? Ikunu nar jaqbad, ministri tal-Mulej, li jixgħelu n-nar tal-imħabba t’Alla fid-dinja. Ikunu qishom vleġeġ qawwija fl-id setgħana tal-Madonna biex jindfu l-għedewwa tagħha.

 

Ikunu ulied ta’ Levi, imsoffijin tajjeb bin-nar ta’ tribulazzjonijiet kbar u maqgħudin intimitament mAlla. Ikollhom id-deheb tal-imħabba f’qalbhom, l-inċens tat-talb f’moħħhom, u l-mirra tal-mortifikazzjoni f’ġisimhom. Għall-fqar u l-umli huma jkunu l-fwieħa ta’ Ġesu’ Kristu, filwaqt li għas-setgħana, għas-sinjuri u għas-suppervi huma jkunu l-intiena tal-mewt.

 

57. Huma jkunu bħal sħab tar-ragħad, u bħal sħab jiġri mas-sema mċaqlaq ma’ kull nifs tal-Ispirtu s-Santu. Maħlulin minn kull ħaġa tad-dinja filwaqt li l-ebda ħaġa tad-dinja ma togħġobhom, u ma jagħtu kas ta’ xejn tad-dinja, huma jxerrdu bħax-xita l-Kelma t’Alla u tal-Ħajja ta’ dejjem. Huma jikkumbattu d-dnub, jilmentaw mid-dinja u s-sajjetti tagħhom jolqtu x-xitan u l-ħbieb tiegħu. Bix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma ta’ Alla, huma jinfdu fil-fond, lil dawk kollha li għalihom kienu mibgħutin f’isem Alla u l-ferita tkun jew għall-ħajja nkella għall-mewt.

 

58. Huma jkunu l-veri Appostli f’dak l-aħħar żmien li lilhom Alla tal-Virtujiet jagħti l-kelma u s-setgħa biex jagħmlu l-mirakli li jisirqu lill-għedewwa tagħhom bil-glorja. Billi ma jkollhom l-ebda xewqa għad-deheb u l-fidda, huma jorqdu f’nofs il-qassisin u l-ekklesjastiċi (S 67, 14). Madankollu huma jkollhom ġwienaħ bħal tal-ħamiem imberflin bil-fidda, biex jistgħu jtiru kull fejn l-Ispirtu s-Santu jsejħilhom imqanqlin mill-intensita’ safja biex ikabbru l-glorja t’Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Fil-postijiet fejn jippridkaw, huma ma jħallux warajhom ħlief id-deheb tal-karita’ li hi l-milja tal-Liġi.

 

59. Fl-aħħarnett aħna nafu li jkunu veri appostli ta’ Kristu. Jimxu fuq l-eżempju tiegħu ta’ faqar, umilta’, karita’ u l-istmerrija tad-dinja, huma jgħallmu t-triq id-dejqa ta’ Alla bil-verita’ skont il-Vanġelu Mqaddes, u mhux skont il-massimi tad-dinja. Huma ma jagħtu kas tal-ebda bniedem u ma jarawx l-uċuħ tal-persuni, u ma jaħfruhiex u ma jibżgħu minn ebda bniedem, qawwi kemm hu qawwi. Fuq fommhom ikollhom ix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-Kelma t’Alla. Fuq spallejhom huma jġorru l-istandard imċappas bid-demm tas-Salib, li huma jżommu b’idhom il-leminija waqt li fix-xellugija jżommu l-kuruna tar-Rużarju. L-ismijiet qaddisa ta’ Ġesu’ u Marija jkunu minquxa f’qalbhom, il-modestja u l-mortifikazzjoni ta’ Kristu fl-imġiba tagħhom kollha.

 

Hekk mela jkunu n-nies kbar li għad jiġu. Imma l-Madonna tkun magħhom bi kmand t’Alla biex tifrex is-Saltna tiegħu fuq il-ħżiena, l-idolatri u l-Mawmettani. Meta jkun dan u kif sejjer jitwettaq? Alla biss jaf. Sadattant is-sehem tagħna hu li nixtiequ fis-skiet nitolbu, nitniegħdu u nistennew. (S 39,1).

 

 

 

 

KAPITLU II

Veritajiet Fundamentali

 

60. S’issa għedt xi ħaġa fuq il-ħtieġa tad-devozzjoni tal-Madonna għalina. Issa rrid nuri fiex tikkonsisti din id-devozzjoni. Qabel ser nitkellem fuq ċerti veritajiet fundamentali li jagħtuna xi ħjiel fuq din id-devozzjoni soda u kbira li jien qed nipprova nfisser f’dan il-Ktieb.

 

1. Ġesu’ Kristu hu l-aħħar tmiem tagħna

 

61. L-Ewwel Verita’- Ġesu’ Kristu, is-Salvatur tagħna, veru Alla u veru bniedem, għandu jkun it-tmiem ta’ kull devozzjoni oħra tagħna. Jekk ma jkunx hekk, kemm tkun falza u qarrieqa d-devozzjoni! Ġesu’ Kristu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Aħna qed nitħabtu, kif jgħid San Pawl, biex nagħmlu kull bniedem perfett fi Kristu, għaliex fi Kristu biss hemm il-Milja tad-Divinita’ u l-miljiet l-oħra kollha tal-grazzja, tal-virtu’ u tal-perfezzjoni, għaliex fiH biss aħna konna mberkin b’kull barka spiritwali. Huwa hu l-Imgħallem waħdieni tagħna li minnu għandna niddependu; Hu r-Ras waħdanija tagħna li tagħha biss għandna nkunu membri; Hu l-mudell waħdieni tagħna li lilu għandna nimitaw; Hu t-tabib waħdieni tagħna li għandu jfejjaqna; Hu r-ragħaj waħdieni tagħna li għandu jitmana; Hu t-triq waħdanija tagħna li għandha tmexxina; Hu l-verita’ waħdanija lil lilha għandna nemmnu. Hu l-Ħajja waħdanija tagħna li għandha tkun il-ħajja tagħna u l-Milja ta’ kollox tagħna f’kull ħaġa biex Fih ikollna kollox. Minn barra l-isem ta’ Ġesu’ m’hemm l-ebda isem ieħor taħt is-Sema li bih nistgħu insalvaw. Minn barra  Ġesu’ Kristu, Alla l-Missier ma tana l-ebda pedament għas-salvazzjoni u għall-perfezzjoni, u għall-glorja tagħna. “Għaliex il-bniedem ma  jistax jagħmel pedament ieħor barra dak li hu magħmul li hu Ġesu’ Kristu” (1 Kor 3,11). U kull dar li mhix mibnija fuq din il-blata soda, hi mibnija fuq ir-ramel li jiżloq u żgur li taqa’, f’ħin jew ieħor. Kull ruħ li mhix maqgħuda ma’ Kristu, bħal fergħa maz-zokk tad-dielja, taqa’, tinxef u tkun biss tajba għan-nar. Jekk aħna fi Kristu u Kristu hu fina m’għandniex nibżgħu mit-telfien; għaliex la l-anġli tas-sema, la bnedmin tal-art, la x-xjaten tal-infern u l-ebda ħlejqa oħra ma tista’ tagħmlilna ħsara għax ma jistgħux jifirduna mill-imħabba ta’ Alla, li hi f’Ġesu’ Kristu. Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu aħna nistgħu nagħmlu kollox. Aħna nistgħu naslu għall-perfezzjoni u nistgħu nkunu l-fwieħa tal-ħajja eterna għal għajrna.

 

62. L-iskop tagħna li nwaqqfu devozzjoni soda lejn l-Imqaddsa Verġni, mhix ħaġa oħra ħlief li nsaħħu aktar perfettament il-qima lejn Ġesu’ Kristu, u nsibu triq eħfef u iktar żgura li biha nistgħu nsibu lil Ġesu’ Kristu. Li kieku d-devozzjoni lejn il-Madonna kellha l-effett li tbegħidna minn Ġesu’ kien ikollha tiġi mwarrba bħala nassa tad-demonju. Imma din mhix hekk. Bil-maqlub, kif diġa’ wrejna u kif se nuru aktar fid-dettal, din id-devozzjoni hi biss meħtieġa għalina biex insibu ‘l Kristu perfettament, inkunu nistgħu nħobbuh aktar u naqduh fedelment.

 

63. Hawnhekk se ndur għall-mument lejk, O Ġesu’ tiegħi li jistħoqqlok kull imħabba, biex nagħmel dan l-ilment ħelu tiegħi lill-Maesta’ Divina tiegħek li l-parti l-kbira tal-insara, anke l-aktar mgħallma, ftit jafu bil-għaqda meħtieġa li hemm bejneK u l-Imqaddsa Ommok. Inti dejjem ma’ Marija u Marija  dejjem miegħek, u mingħajrek ma tibqax dak li hi; Marija hi hekk mibdula fik bil-grazzja li hi ma tgħixx weħida. Inti waħdek, O Ġesu’ li tgħix u ssaltan fiha, iktar perfettament milli fl-anġli kollha u l-bqija tal-Qaddisin. Li kieku kien magħruf xi glorja u mħabba inti tirċievi f’dil-ħlejqa tal-għaġeb, kemm kienu jkunu xort’oħra s-sentimenti tal-bnedmin Lejk u Lejha. Marija hi maqgħuda hekk intimament miegħek li iktar kien ikun ħafif li tifred id-dawl mix-xemx jew is-sħana min-nar, milli tifred lil Marija minn Ġesu’. U iktar, jien ngħid, li aktar ħafif li tifred l-anġli u l-qaddisin kollha minnek, milli tifred lill-Verġni Mqaddsa. Għax hi tħobbok aktar bil-ħerqa u tagħtik aktar glorja perfetta minn dawk il-ħlejjaq l-oħra kollha flimkien.

 

64. Meta nafu dan kollu, Mgħallem maħbub tiegħi, mhix ħasra kbira tara din l-injoranza u dalma tal-bnedmin kollha tal-art lejn Ommok l-għażiża? Minix naħseb tant fuq l-idolatri u l-pagani, li billi ma jafux lilek, ma jħabblux rashom li jkunu jafu lilHa. Lanqas ma jiena naħseb partikolarment fuq l-eretiċi, u x-xiżmatiċi li billi huma mifrudin minnek u mill-Knisja ma jagħtux kas id-devozzjoni lejn Ommok Marija. Jiena qed nitkellem mill-Insara Kattoliċi, anki mit-teoloġi Kattoliċi li filwaqt li jistqarru li jgħallmu l-verita’ lill-oħrajn, huma stess ma jafukx u lanqas jafu ‘l Ommok Imqaddsa, ħlief  b’mod spekulattiv, xott, bla frott u indifferenti. Dawn l-għorrief wisq rari jitkellmu fuq Ommok l-għażiża u fuq id-devozzjoni li għandu jkollna lejHa, għaliex isostnu li jista’ jkun hemm abbużi dwarha – illi tista’ ssirlek ħsara permezz ta’ devozzjoni lejn din l-Ommok Marija. Bniedem devot jitkellem bil-ħlewwa, bil-qalb u bil-perswazzjoni meta jqis id-devozzjoni lejn din l-Omm twajba bħala mezz żgur u ħafif, bħala mogħdija dritta u ċerta u bħala sigriet tal-għaġeb li bih inti żgur tista’ tiġi misjub u perfettament maħbub. Huma dritt imorru kontrih u jġibu raġuni qarrieqa bil-ħsieb li juruk li huma qed jagħmlu żżejjed lejn il-Verġni Mqaddsa,  u li hemm eseġerazzjoni żejda f’din id-devozzjoni, u li huma għandhom jagħmlu ħilithom biex ineħħu din l-eseġerazzjoni. Illi, f’kelma waħda, huma għandhom jitkellmu fuqek minflok ma jmexxu lill-oħrajn għad-devozzjoni lejn il-Madonna li huma diġa’ jħobbu biżżejjed.

 

Nies bħal dawn xi drabi jitkellmu fuq id-devozzjoni lejn Ommok l-Għażiża mhux biex jissodaw u jkabbru din il-prattika imma biex jeqirdu l-abbużi li jgħidu li hemm fiha, filwaqt li huma stess m’għandhomx qima u lanqas devozzjoni ħelwa lejk. Dan għaliex huma mingħajr ħlewwa u devozzjoni lejn Marija.

 

Huma jqisu r-Rużarju, il-labtu u l-kuruna tar-Rużarju bħala devozzjonijiet għan-nies sempliċi u injoranti u li mhumiex meħtieġa għas-salvazzjoni tar-ruħ. Jekk jiltaqgħu ma’ xi ħadd li hu devot tal-Madonna, u li jgħid ir-Rużarju jew li għandu xi devozzjoni oħra lejHa għażiża għalih, dawn l-ewwel jippruvaw ibegħduh minnhom. Minflok ir-Rużarju huma jagħtuh il-parir igħid is-Salmi Penitenzjali. U minflok id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka jħeġġuh għad-devozzjoni lejn Ġesu’ Kristu.

 

X’inhu l-ħsieb tiegħek f’dawn in-nies, O Ġesu’ maħbub tiegħi? L-imġiba tagħhom fuq dil-ħaġa togħġbok? Aħna nogħġbuk meta ma nagħmlux ħilitna  biex nogħġbu ‘l Ommok minħabba l-biża’ li nonqsuk? Id-devozzjoni lejn Ommok hi tassew ta’ tfixkil għad-devozzjoni Lejk? Marija tapplikaha għaliha l-qima li tingħata lilha? Għandha xi grupp esklussiv għaliha ta’ devoti? Hi daqshekk barranija li ma’għandha x’taqsam xejn miegħek? Aħna noffenduk billi nfittxu li nogħġbuha? U billi nagħtu lilna nfusna lilha u nħobbuha, aħna ninfirdu, jew nitbiegħdu minnek?

 

65. U b’dan kollu, Mgħallem Divin tiegħi, ukoll jekk it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet kollha kienet ‘iva’, il-biċċa l-kbira tal-għorrief  ma kinux jistgħu jkunu aktar ‘l bogħod u indifferenti mid-devozzjoni lejn il-Madonna milli huma bħalissa. Ħarisni Mulej mis-sentimenti u d-drawwiet tagħhom u agħtini sehem mis-sentimenti ta’ gratitudni, ta’ qima, rispett u mħabba li Inti għandek lejn Ommok Marija, biex inkun nista’ nimitak u nimxi warajk fedelment u b’hekk inkun nista’ nħobbok u nigglorifikak aktar perfettament.

 

 

 

66. Billi s’issa għadni għidt ftit wisq fuq il-ġieħ ta’ Ommok l-għażiża, agħtini grazzja biex infaħħarha kif jixraq lil Ommok, u dan minkejja l-għedewwa tagħha kollha li huma wkoll l-għedewwa tiegħek. Mal-Qaddisin ħallini ngħidilhom bil-kuraġġ: “Ħalli ħadd ma jiftaħar li rċieva l-ħniena t’Alla, jekk hu joffendi ‘l Ommu l-għażiża.”

 

67. Agħmel li jiena nħobbok ħafna, ħalli nkun nista’ naqla’ minn għandek il-grazzja tal-vera devozzjoni lejn Ommok Imqaddsa u li jien innissel dik id-devozzjoni fil-bnedmin kollha; u sal-aħħar nitolbok tilqa’ din it-talba ħerqana li jien ngħid flimkien ma’ Santu Wistin u mal-ħbieb veri tiegħek; “Inti Kristu, Missier Qaddis, Alla għażiż tiegħi; is-Sultan kbir tiegħi, ir-Ragħaj tajjeb tiegħi, u Mgħallem waħdieni tiegħi, l-aħjar Għajnuna tiegħi, l-iktar Sabiħ u Maħbub tiegħi, il-ħobż tiegħi tal-Ħajja u Saċerdot tiegħi għal dejjem, il-Mexxej tiegħi għal pajjiżi, il-vera Dawl tiegħi, il-Ħlewwa qaddisa tiegħi, it-Triq dritta tiegħi, l-Għerf bla tarf tiegħi, is-Sempliċita’ safja tiegħi, l-Armonija tal-paċi tiegħi, il-Protezzjoni sħiħa tiegħi, is-Sehem tajjeb tiegħi, u s-Salvazzjoni tiegħi eterna, Ġesu’ Kristu u għażiż Mulej tiegħi, għaliex jien qatt ħabbejt jew xtaqt ħaġ’oħra barra minnek bħala Ġesu’ Alla tiegħi f’ħajti kollha?

 

Fejn kont jien, meta ma kontx fl-Ispirtu miegħek? Minn issa ‘l quddiem, agħmel li x-xewqat tiegħi kollha jitħeġġu għall-Mulej Ġesu’... Iġru... għax wasaltu tard hemm. Għaġġlu għalfejn sejrin. Fittxu lil min qedgħin tfittxu. Ġesu’, agħmel li min iħobbok ma jkunx misħut u li min iħobbok ma jimtiliex bil-mibgħeda.

 

O Ġesu’ ħelu, jalla kull sentiment li huwa xieraq għat-tifħir tiegħek, iħobbok, jitgħaxxaq bik u jadurak! Alla ta’ qalbi, u sehem tiegħi, Kristu Ġesu’. Jalla qalbi tintemm Fik spiritwalment u jalla Inti tkun fil-ħajja fija. Jalla l-ġamar ħaj tal-imħabba tiegħek jaqbad f’qalbi u jasal biex isir nar perfett; jalla dan il-ġamar jaqbad bla waqfien fuq l-artal ta’ qalbi; jalla jiddi fil-parti l-aktar interjuri tiegħi u jalla jħeġġeġ l-imkejjen moħbija ta’ ruħi; u hekk fl-aħħar jiem ta’ ħajti nidher quddiemek ikkunsmat Fik. Ammen.

 

2. Aħna ta’ Ġesu’ u Marija

 

68. It-Tieni Verita’ - Min dak li Ġesu’ hu għalina, aħna għandna nikkonkludu li aħna m’aħniex iżjed tagħna nnfusna, imma kollha kemm aħna ta’ Kristu, bħalma jgħid San Pawl: aħna l-membri u l-qaddejja tiegħu, li hu xtara bi prezz għoli - il-prezz infinit ta’ Demmu l-għażiż. Qabel il-magħmudija aħna konna tax-xitan bħala ilsiera tiegħu; permezz tal-magħmudija aħna sirna l-veri ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu li dmirhom hu li jgħixu, jaħdmu u jmutu bl-iskop ewlieni li jagħmlu l-frott għal dan il-Bniedem-Alla, li jigglorifikawh f’ġisimhom u jħalluh isaltan f’ruħhom, għaliex aħna ir-rebħa u l-wirt tiegħu u l-poplu tiegħu mixtri bi prezz għoli.  Dan kien li ġiegħel lill-Ispirtu s-Santu jxebbaħna

 

(1) Ma’ siġar imħawla ħdejn l-ilma tal-grazzja, fl-għalqa tal-Knisja li għandhom jagħtu l-frott fl-istaġun tagħhom;

 

(2) Mal-friegħi tad-dielja, li z-zokk tagħha hu Ġesu’ Kristu, u li għadhom jagħtu għeneb tajjeb;

 

(3) Ma’ merħla, li r-Ragħaj tagħha hu Ġesu’ Kristu, u li trid tikber, titkattar u tagħti ħafna ħalib;

 

(4) Ma’ art għammiela li fiha l-Bidwi Divin jitfa’ ż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla biex tinbet, tikber u tagħti frott għal tletin, sittin u mitt darba. Ġesu’ Kristu seħet is-siġra tat-tin li ma tatx frott, u kkundanna lill-qaddej għażżien li ma għarafx juża bi qligħ it-talent tiegħu. Minn dan naraw li Ġesu’ Kristu jrid li jirċievi minn għandna l-frott tal-għemejjel tajba tagħna għax dawn l-għemejjel tajba huma biss tiegħu: “Maħluqin fi Kristu biex nagħmlu l-opri tajba.” (Efes 2,10). Dal-kliem juri li Ġesu’ Kristu hu l-prinċipju waħdieni u għandu jkun l-iskop waħdieni tal-opri tajba tagħna, u li aħna naqduh mhux biss bħala qaddejja mikrijin imma bħala qaddejja tal-imħabba tiegħu.

 

69. Hawn fl-art id-dependenza mill-awtorita’ ta’ ħaddieħor tista’ tkun ta’ żewġ xorta: qadi sempliċi u jasar - u skont għal-liema xorta tkun il-persuna taħt l-awtorita’ tissejjaħ qaddej jew ilsir. Fil-mod ordinarju tal-qadi qalb l-Insara, wieħed jindaħal biex jagħmel biċċa xogħol għall-ieħor, f’ċertu ħin u paga bħala ħlas ta’ dan. Iżda f’jasar, wieħed ikun totalment dipendenti fuq ieħor, għal ħajtu kollha; irid jaqdi lil sidu mingħajr ħsieb ta’ paga jew ħlas, għaliex dak is-sid għandu is-setgħa tal-ħajja u l-mewt fuqu, bħall-annimal tal-għalqa.

 

70. Hemm tliet xorta ta’ jasar : il-jasar naturali; il-jasar ta’ bilfors u l-jasar volontarju.  Il-ħlejjaq kollha huma l-ilsiera t’Alla skont l-ewwel wieħed. “Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha.” (S 24 (23), 1). Ix-xjaten u l-indannati huma lsiera bil-għażla u r-rieda tagħhom. Il-Glorja t’Alla, l-aħjar li tikber bil-jasar volontarju, għax Alla hu dak li jara l-qalb, u li għandu dritt għall-qalb u li jsejjaħ lilu nnifsu Alla tal-qlub u tar-rieda li tħobb. B’din il-kwalita’ ta’ jasar ir-ruħ tagħti ‘l Alla u s-servizz tiegħu fuq kull ħaġa, anke f’affarijiet li ma jidhrux fil-jasar naturali.

 

71. Hemm baħar ta’ differenza bejn qaddej u lsir:

 

(1) Qaddej ma jagħtix kull ma hu, kull ma għandu u kull ma jista’ jaqla’ minn għand ħaddieħor jew b’xogħol; filwaqt li l-ilsir jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu mingħajr riserva ta’ xejn dak kollu li għandu u dak li jista’ jakkwista.

 

(2) Il-Qaddej jitlob il-ħlas tax-xogħol li jagħmel lil sidu; filwaqt li l-ilsir ma jista’ jitlob xejn, jaħdem kemm jaħdem bis-serjeta’, bil-għaqal u bis-saħħa.

 

(3) Il-Qaddej jista’ jitlaq lill-imgħallem meta jixtieq, jew għall-inqas meta ż-żmien tax-xogħol jispiċċa. Imma l-ilsir qatt ma jista’ jħalli lil sidu.

 

(4) L-Imgħallem tal-qaddej m’għandux dritt tal-ħajja u l-mewt fuqu, bir-riżultat li jekk joqtlu bħal ma joqtol xi bhima minn tiegħu, ikun ħati ta’ delitt; imma sid l-ilsir għandu dritt legali tal-ħajja u l-mewt fuqu, u għalhekk jista’ jbiegħu jew joqtlu kif jidhirlu, mingħajr ma jagħmel l-ebda għażla bejn l-ilsir u ż-żiemel tiegħu.

 

(5) Fl-aħħarnett il-qaddej ikun għal xi żmien fil-qadi ta’ sidu filwaqt li l-ilsir hu għal dejjem.

 

72. Fost il-bnedmin, il-jasar hu l-mod sħiħ li bih wieħed jista’ jkun ta’ ieħor, u fost l-Insara l-mod l-aktar assolut li wieħed jista’ jkun ta’ Ġesu’ Kristu u Marija, hu permezz tal-jasar volontarju skont l-eżempju ta’ Ġesu’ stess, li għalina u għas-salvazzjoni tagħna sar ilsir: “Ħa n-natura ta’ lsir.” (Fil 2,7). U anke fuq l-eżempju tal-Verġni Mqaddsa, li sejħet lilha nnfisha bħala l-qaddejja u l-ilsiera tal-Mulej. L-Appostlu San Pawl jigglorifika ruħu bit-titlu “Qaddej ta’ Kristu” (Gal 1,10). Ħafna drabi fl-Iskrittura it-titlu Qaddej ta’ Kristu jingħata lill-Insara. Kif jgħid wieħed għaref, din il-kelma għall-ewwel kienet tfisser biss ilsir ladarba ma kienx hemm sefturi jew qaddejja, kif nifhmu l-kelma llum, is-sidien kienu moqdija biss mill-ilsiera jew nies mifdija. Id-duttrina tal-Konċilju ta’ Trentu ma tħalli l-ebda dubju li aħna l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu għaliex billi ssejħilna ilsiera ta’ Kristu hi tuża kliem li ma jħalli l-ebda dell ta’ ambigwita’.

 

73. Għalhekk jien ngħid bla biża’, li aħna ta’ Ġesu’ Kristu u li għandna naqduh mhux biss bħala qaddejja mikrijin imma bħala lsiera bil-jasar tal-imħabba. Jien ngħid li l-kobor tal-imħabba mħeġġa tagħna għandha twassalna biex nagħtu lilna nfusna lilu u naċċettaw il-madmad tas-servizz tiegħu bħala ilsiera tiegħu u biss il-ġieh li aħna lkoll tiegħu. Qabel, il-Magħmudija konna ilsiera tax-xitan u bis-saħħa tal-Magħmudija sirna l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu. In-Nisrani għażla waħda għandu; jew ikun l-ilsir tax-xitan jew l-ilsir ta’ Ġesu’ Kristu.

 

74. Dak li ngħid b’mod assolut għal Ġesu’ Kristu, napplikah relattivament għall-Verġni Mqaddsa. Kristu għamel lil Marija bħala s-sieħba li ma tinfired qatt, ta’ ħajtu, ta’ mewtu, tal-glorja tiegħu u tas-setgħa tiegħu fis-sema u fl-art. Għalhekk permezz tal-grazzja u b’manjiera subordinata u relattiva mal-Maesta’ Divina Tiegħu, Huwa taha l-istess drittijiet u privileġġi li Hu nnifsu għandu min-natura. Dak kollu li jixraq lil Alla min-natura, jixraq lil Marija minħabba l-grazzja. Hekk jgħidu l-qaddisin filwaqt li jġibu r-raġuni li ladarba Ġesu’ u Marija huma maqgħudin fir-rieda u s-setgħa huma għandhom l-istess sudditi, qaddejja u ilsiera.

 

75. Megħjunin mill-opinjonijiet tal-Qaddisin u ta’ nies magħrufa, aħna nistgħu mela niddikjaraw ruħna u nsiru ilsiera ta’ Marija. Hekk insiru iktar perfettament l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu. Il-Verġni Mqaddsa hi l-mezz li Kristu uża biex jiġi għandna. Hi wkoll il-mezz li aħna għandna nużaw biex immorru għandu. Ir-rabta  ma’ kreaturi oħra tista’ iktar tbegħedna minn Alla milli tgħinna biex nersqu lejh imma mhix hekk ir-rabta ma’ Marija. L-iskop ewlieni tagħha hu li tgħaqqadna ma’ Ġesu’ Kristu, l-Iben tagħha u hi l-aktar xewqa deċiża ta’ Ġesu’, li aħna niġu għandu permezz ta’ Ommu l-Imbierka. B’hekk inkunu qedgħin nagħtuh ġieh u nogħġbuh sewwa sew bħal meta sudditu jogħġob jonora lis-Sultan tiegħu meta jsir ilsir tas-Sultana ukoll. Għalhekk is-Santi Padri tal-Knisja u San Bonaventura wkoll jgħidu li l-Imqaddsa Verġni hija t-triq li minnha mmorru għand is-Sinjur Tagħna: “Via veniendi ad Christum est appropinquare ad illam.”

 

76. Iktar, ladarba kif  ġa għidt, il-Madonna hi s-Sultana u l-aqwa Sinjura tas-sema u tal-art, m’għandiex hi daqstant sudditi u ilsiera daqs kemm hemm ħlejjaq? “Kollox hu sottomess għas-setgħa ta’ Alla, anke l-Verġni Mbierka; kollox hu sottomess għas-setgħa tal-Verġni Mbierka anke Alla”; jgħidu Sant’ Anselmu, San Bernard, San Bernardinu u San Bonaventura. Imma mhix ħaġa sewwa li tistenna li fost tant ilsiera furzati, ikun hemm x’uħud li jagħżlu minn jeddhom, li jkunu l-ilsiera ta’ Marija u li jipproklamaw ruħhom li huma hekk? X’inhu dak, li sewwa l-bnedmin kemm lix-xjaten ikollhom ilsiera voluntieri u Marija ma jkollha xejn! Is-Sultan jintefaħ, meta jaf lis-Sultana, martu, għandha l-ilsiera li fuqhom għandha d-dritt tal-ħajja u l-mewt, għaliex l-unur li jagħtuha u s-setgħa li turi, huma unur lilu u s-setgħa tiegħu; u tista’ qatt tobsor li l-Mulej Tagħna li hu l-aħjar fost l-ulied kollha u li qasam m’Ommu s-Setgħa tiegħu kollha - jieħu għalih jekk hi jkollha l-ilsiera? Hu Kristu għandu inqas rispett lejn Ommu milli kellu Assweru lejn Ester jew Salamun lejn Bethsabea? Min għandu l-kuraġġ jgħid le jew inkella jaħseb dan?

 

77. Imma fejn qed teħodni l-pinna? Għaliex qed naħli ż-żmien biex nipprova ħaġa li hi daqshekk ċara? Jekk xi wħud ma jridux jipproklamaw lilhom infushom bħala l-ilsiera ta’ Marija, x’jimporta? Ħalli kull min irid jiddikjara lilu nnifsu u jkun l-ilsir ta’ Ġesu’. Dan ikun l-ilsir tal-Imqaddsa Verġni, ladarba Ġesu’ hu l-frott u l-glorja ta’ Marija. Dan hu li jagħmel perfettament bid-devozzjoni li dalwaqt nitkellem fuqha.

 

3. Irridu ninżgħu minn dak kollu li hu ħażin fina

 

78. It-Tielet Verita’. L-aħjar għemejjel tagħna huma ġeneralment imċappsin u mtebbgħin bil-ġibdiet ħżiena ta’ qlubna; jew biex inbiddel it-tixbiha, ilma ċar u frisk imqiegħed ġo reċipjent maħmuġ jew inbid tajjeb maħżun f’dammiġġjani qodma ta’ inbid qadim, dan malajr jeħżien u jagħmel riħa tinten. Ruħna hija bħal dak ir-reċipjent mhux maħsul jew dammiġġjana maħmuġa għaliex huma mtebbgħin bid-dnub tan-nisel u attwali u għalhekk meta Alla jsawwab f’ruħna l-ilma pur tal-grazzja tiegħu, jew l-inbid bnin u ħelu tal-imħabba Tiegħu, dawn ir-rigali Divini huma ġeneralment imħassra u mħammġa bit-trab u l-ħama lid-dnub ikun ħalla fina, tant li l-għemejjel tagħna kollha - anke dawk imqanqlin mill-ogħla virtujiet - ikunu mċekkna.

 

Għalhekk hu tal-akbar ħtieġa, li ninżgħu dak kollu li hu ħażin, jekk irridu naqilgħu l-perfezzjoni li nistgħu niksbu biss bl-għaqda tagħna ma’ Ġesu’ Kristu. Jekk ma nagħmlux hekk il-Mulej tagħna, li hu infinitament pur, u li għalih l-iċken impurita’ fir-ruħ iddejqu, ikeċċina mill-preżenza tiegħu u ma jingħaqadx magħna.

 

79. Biex niċħdu lilna nfusna rridu l-ewwelnett bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu nagħrfu n-natura ħażina tagħna, u l-inkapaċita’ tagħna li nagħmlu xi ħaġa għas-salvazzjoni tagħna, id-dgħjufija tagħna f’kollox u l-inkonsistenza tagħna dejjem, u li m’aħniex denji li nirċievu l-grazzja u li aħna nidinbu f’kollox. Bħalma l-ħmira tiqras, ittella’ u tħassar l-għaġina li fiha titqiegħed, hekk ukoll id-dnub tal-ewwel ġenituri tagħna ħalla s-sinjali tiegħu fina lkoll, qarrsilna lil ruħna u mliena bis-suppervja. Id-dnubiet attwali li għamilna kienu kemm kienu perfettament maħfurin, kabbru l-konkupixxenza, id-dgħjufija, l-inkonsistenza u t-taħsir tagħna, u ħallew f’ruħna t-tbajja suwed tal-mogħdija tagħhom.

 

L-iġsma tagħna huma hekk imħassrin li l-Ispirtu s-Santu jsejħilhom iġisma tad-dnub, imnisslin fid-dnub, imkabbrin fid-dnub u kapaċi jagħmlu d-dnubiet kollha - iġsma suġġetti għall-mard bla għadd, jitħassru minn ġurnata għall-oħra, u jġibu biss mard, dud u taħsir.

 

Maqgħuda ma’ ġisimna, ruħna saret hekk karnali, illi tissejjaħ laħam: “Kull ħlejqa ħajja, kienet għawġet triqitha fuq l-art.” (Ġen 6,12) Dak li nistgħu nqisu li hu tagħna, hu biss suppervja, l-għama tar-ruħ, l-ebusija tal-qalb, id-dgħjufija u l-inkonsistenza tar-ruħ, il-konkupixxenza, il-passjonijiet bla rażan u l-mard tal-ġisem. Minn natura, aħna aktar suppervi mill-paguni, iktar imwaħħlin mal-art miż-żrinġijiet, iktar nintnu mill-mogħoż, iktar għajjurin mis-sriep, aktar żaqqiqin mill-ħnieżer, aktar feroċi mit-tigri, aktar għażżenin mill-fkieren, aktar dghajfa mill-qasab, u nduru aktar mill-pinnuri. Ix-xejn u d-dnub huma dak kollu li hu tagħna u dak li jistħoqqilna huma biss il-korla t’Alla u l-infern għal dejjem, li Alla ma jagħtiniex ir-rigal b’xejn tiegħu tal-grazzja ta’ fuq in-natura.

 

80. B’dankollu, hu xi ħaġa tal-għaġeb, li Sidna Ġesu’ qal li hu assolutament meħtieġ għal dawk li jridu jmorru warajh għandhom jiċħdu lilhom infushom u jobogħdu lill-istess ħajjithom. “Min iħobb lil ħajtu jitilfha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja, jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 12,25). Dan l-għerf infinit li qatt ma jikkmanda mingħajr raġuni, jikkmandana biex nobogħdu lilna nfusna biss għaliex aħna mibgħeda kbira tixirqilna. M’hemm xejn li jistħoqqlu mħabba bħal Alla u m’hemm xejn li jistħoqqlu mibgħeda daqsna.

 

81. It-tieni biex niċħdu lilna nfusna, irridu kuljum immutu għalina nfusna; fi kliem ieħor ma rridux nieħdu gost bil-fakultajiet ta’ moħħna jew bis-sensi ta’ ġisimna bħallikieku dawn kienu skopijiet fihom infushom, irrdu nikkunsidrawhom bħallikieku ma kkunsidrajnihomx u nagħtu kashom daqs li kieku ma tajniex kashom. Dan ikollu jfisser ma’ San Pawl: (1 Kor 7,31) nużaw id-dinja bħallikieku ma wżajnihiex, biex aħna wkoll inkunu nistgħu ngħidu miegħu: “Kuljum f’xifer il-mewt.” (1Kor 15,31). Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha. (Ġw 12,24) - jiġifieri ma tagħmilx frott. Jekk aħna ma mmutux għalina nfusna, u jekk id-devozzjonijiet tagħna ma jmexxuniex lejn din il-mewt meħtieġa li ġġib il-frott, ma nagħmlu l-ebda frott siewi, u d-devozzjonijiet tagħna ma jiswew xejn għalina. Il-virtujiet u l-opri tajba tagħna kollha jkollom it-tebgħa tas-suppervja u r-rieda tagħna, u dan jagħmel mis-sagrifiċċji l-aktar kbar, u mill-isforzi tagħna, biss kruha quddiem l-għajnejn t’Alla. Il-mewt issibna b’idejna vojta mill-virtu’ u l-merti, u mingħajr l-ebda sinjal ta’ dik l-imħabba safja li hi mogħtija biss lil dawk li mietu għalihom infushom u li ħajjithom kienet moħbija ma’ Kristu f’Alla.

 

82. It-tielet fost id-devozzjonijiet lejn il-Madonna, għandna nagħżlu li dik li l-aħjar twassalna għall-mewt tagħna nfusna, bħala l-aħjar u li l-iktar tqaddisna. Għaliex hu żball li taħseb li kull ma jleqq hu deheb, u kull ma hu ħelu hu għasel -  u dak li hu ħafif biex tagħmlu u li tagħmlu l-maġġoranza, hu bilfors li jqaddes. Fl-ordni tan-natura, hemm xi sigrieti li bihom proċessi naturali jistgħu jsiru bla ħala, u bl-akbar ħeffa hekk ukoll fl-ordni tal-grazzja hemm sigrieti li bihom aħna nistgħu nagħmlu azzjonijiet ta’ fuq in-natura malajr, bil-ħlewwa u bla tfixkil - dawk li permezz tagħhom niċħdu lilna nfusna u niftħu beraħ għall-preżenza t’Alla u nsiru perfetti.

 

Il-prattika li nixtieq nispjega hawn, huwa wieħed minn dawn is-sigrieti tal-grazzja, moħbi għal ħafna u ħafna Nsara, bil-kemm magħruf fost id-devoti u l-maħbubin, u pprattikat biss mill-ftit. Bħala bidu ta’ dak li rrid ngħid, fuq din il-prattika, hawn ir-raba’ verita’ li toħroġ dritt minn dan li għandna kif ddiskutejna.

 

4. Għandna bżonn ta’ Medjatriċi ma’ Ġesu’ Kristu

 

83. Ir-Raba’ Verita’: Aktar jixraq, għax aktar hu umli, li aħna ma nersqux dritt lejn Alla mingħajr ma nużaw medjatur. Bħalma għadni kif għidt, in-natura tagħna hi mħassra bid-dnub, u għalhekk jekk aħna nafdaw fuq l-opri, ix-xogħol  u l-kapaċitajiet tagħna, biex nersqu lejn Alla u nogħġbuh, żgur li l-virtujiet u l-opri tajba tagħna, huma kollha mtebbgħin u jkunu jiswew wisq ftit biex iħajru ‘l Alla jingħaqad magħna u jisma’ t-talb tagħna. Mhux għalxejn mela li Alla tana l-medjaturi quddiem it-tron tal-Maesta’ Tiegħu. Hu ra kemm ma jistħoqqilna xejn u kemm aħna dgħajfin. Hu kellu ħniena minna, u biex inkunu nistgħu nilħqu l-ħniniet tiegħu, Hu tant interċessuri qawwija mad-Divinita’ tiegħu. Mela jiġri, li jekk tipprova tmur dritt għand Alla, mingħajr ma tagħti kas ta’ dawn l-interċessuri, ifisser li ma għandekx umilta’ u rispett lejn il-kobor u l-Maesta’ t’Alla; jfisser li turi anqas ċeremonji lejn is-Sultan tas-Slaten, milli turi lejn is-sultan u l-prinċep tad-dinja, li lejh qatt ma noħolmu li nersqu, jekk mhux b’xi rakkomandazzjoni ta’ ħabib fil-qorti.

 

84. Is-Sinjur tagħna hu l-avukat Divin tagħha, u l-medjatur tal-fidwa tagħna m’Alla l-Missier. Hu permezz tiegħu, li għandna nitolbu flimkien mal-Knisja trijunfanti u militanti. Permezz Tiegħu aħna nersqu lejn il-Maesta’ t’Alla; għalhekk qatt ma għandna nidhru quddiem Alla, ħlief bil-fiduċja fil-merti ta’ Ġesu’ Kristu, sewwa sew kif iċ-ċkejken Ġakobb, libes il-ġild tal-gidien meta resaq lejn missieru biex jirċievi l-barka tiegħu.

 

85. Imma aħna għandna bżonn ta’ medjatur mal-Medjatur innifsu? Il-purita’ tagħna hi kbira biżżejjed li tiggarantilna li ningħaqdu miegħu, direttament weħidna? Jaqaw, Hu m’huwiex Alla ugwali f’kollox ma’ Missieru u għalhekk Hu nnifsu l-Qaddis tal-Qaddisin u li daqstant jistħoqqlu r-rispett tagħna? Fl-imħabba infinita’ Tiegħu, hu daħal bħala rahan u medjatur m’Alla l-Missier biex iberred il-Maesta’ Divina Tiegħu u jħallas id-djun tagħna; imma dan iġiegħlu jkollna inqas rispett u biża’ mill-Maesta’ Divina tiegħu, bħala Iben t’Alla ugwali miegħu?

 

Għaldaqstant aħna nirripetu bil-qawwa kollha ma’ San Bernard, li għandna bżonn ta’ Medjatur mal-Medjatur stess, u li Marija hi l-persuna l-aktar adattata biex tagħmel dan ix-xogħol ta’ karita’. Kien permezz tagħha li Ġesu’ Kristu ġie fostna; u hu permezz tagħha li aħna mmorru għandu. Jekk - għax aħna nibżgħu mill-Maesta’ Infinita’ tiegħu, inkella għax nafu biċ-ċokon u bid-dnubiet tagħna - aħna nibżgħu mmorru direttament għand Ġesu’ Kristu, Alla tagħna, mela, ejjew bil-kuraġġ infittxu l-għajnuna u l-interċessjoni ta’ Marija, Ommna. Hi qalbha tajba u ħelwa. Fiha m’hemm xejn ta’ qilla u li jbiegħdek minnha, xejn li hu sublimi żżejjed, jew li jgħammex l-għajnejn tagħna ta’ bnedmin; meta taraha aħna naraw in-natura umana tagħna. Hi mhix ix-xemx li bir-raġġi qawwija tagħha tkun qawwija żżejjed għal għajnejna debboli ta’ bnedmin; imma hi sabiħa u tiddi bħal qamar li jieħu d-dawl tiegħu mix-xemx u li jmewwet il-qawwa tad-dija tiegħu, biex aħna nkunu nistgħu nirċevuha; Hi hekk ta’ karita’, li tilqa’ lil dawk kollha li jitolbu l-interċessjoni tagħha; ikunu midinbin kemm ikunu - għaliex jgħidu l-Qaddisin, qatt ma nstama’, fl-ebda żmien li xi persuna talbet l-għajnuna tal-Verġni Mbierka bil-fiduċja u l-perseveranza, u baqgħet mingħajr għajnuna. Hi hekk setgħana quddiem Alla li t-talb tagħha qatt ma ġie rrifjutat. Id-dehra tagħha biss quddiem Binha Divin, hi fiha nfisha talba ta’ qawwa kbira. Bil-kemm tkun għamlet it-talba tagħha, li ma tiġix maqlugħa - għaliex Alla l-Iben hu dejjem mirbuħ mill-ġentilezza ħelwa u t-talb tal-Għażiża Ommu.

 

86. Dan kollu hu meħud minn San Bernard u San Bonaventura. Skont dawn il-qaddisin hemm tliet stadji biex nersqu lejn Alla: l-ewwel wieħed li hu l-eqreb lejna u li l-aktar jaqbel mal-ħila tagħna, hu Marija; it-tieni hu Ġesu’ Kristu, u t-tielet hu Alla l-Missier. Biex nersqu lejn Ġesu’, għandna mmorru għand Marija, għax hi l-Medjatriċi biex taqbeż għalina; biex nersqu lejn il-Missier Etern, għandna mmorru għand Ġesu’ għax hu l-medjatur tagħna tal-fidwa. Issa fid-devozzjoni li jien qed nirrikmanda f’dan il-ktieb, issibu li din l-ordni kienet perfettament rispettata.

 

5. Il-Periklu li nitilfu t-teżori Spiritwali tagħna

 

87. Il-Ħames Verita’. Minħabba d-debbolizza u d-dgħjufija tagħna, hu diffiċli wisq għalina li nippreservaw il-grazzji u t-teżori li rċevejna mingħand Alla;

(1) Għax aħna nġorru dawn it-teżori, iktar prezzjużi mis-sema u l-art, f’ġarar tal-fuħħar: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4,7); f’ġisem li jitħassar u f’ruħ debboli u li mhix dejjem l-istess, li l-iċken nifs ta’ tentazzjoni tpoġġiha fil-periklu.

 

88. (2) Għax ix-xjaten, dawk il-ħallelin fini u ħżiena, qegħdin dejjem għassa biex joħduna għal għarrieda u jneżżgħuna minn dawn it-teżori. Lejl u nhar huma jiġġerrew, biex ifittxu lil min jibilgħu; u f’ħin li ma nkunux attenti, huma jattakkaw, bi dnub mejjet wieħed li aħna nagħmlu, huma jneżżgħuna, f’kemm ilni ngħid, mill-merti kollha li nkunu ġmajna permezz ta’ snin ta’ ko-operazzjoni mal-grazzja t’Alla. Il-malizzja, l-esperjenza, il-ħżunija u n-numru tagħhom għandhom iġiegħeluna tassew nibżgħu minn din id-disgrazzja; ftakru illi bnedmin li kienu aktar għonja fil-grazzja u fil-virtu’ minna, aktar ta’ esperjenza u aktar ‘il quddiem fil-qdusija, kienu disgrazzjatament meħudin għall-għarrieda, imneżżgħin u misruqin. Kemm ġganti ta’ qdusija Ċedri tal-Libanu u kwiekeb fis-sema spiritwali, huma magħrufa, li waqgħu miżerabbilment, bid-dawl tagħhom kollu mitfi u l-għoli tal-maesta’ tagħhom imxejjen! Mnejn ġiet din il-bidla stramba u terribli? Ma ġietx minħabba nuqqas ta’ grazzja, għax il-grazzja mhi miċħuda lil ebda bniedem, iżda minħabba nuqqas ta’ umilta’. Huma kienu jqisu lilhom infushom qawwija aktar milli fil-fatt kienu, u aktar kapaċi jindukraw it-teżori tagħhom; huma afdaw fihom infushom u fuq is-setgħa tagħhom; huma ħarsu lejn darhom u ħasbu li hi ma tintrebaħx - lejn il-kaxxiforti tagħhom, u ħasbu li huma sħaħ biżżejjed biex jindukraw it-teżori prezzjużi tal-grazzja. Huma ħasbu li kienu qed jafdaw fuq il-grazzja t’Alla, waqt li fil-fatt, huma kienu qed jafdaw dejjem aktar mingħajr ma jindunaw fuq ir-riżorsi tagħhom; u minħabba f’dan, Alla ta’ Ġustizzja kbira ppermetta li jiġu mneżżgħin mit-teżori tagħhom, billi jitlaqhom għal rashom. Li kieku kienu jafu, b’din id-devozzjoni tal-għaġeb li jien se nispjega f’dal-ktieb, huma kienu jafdaw it-teżori tagħhom f’idejn il-Verġni setgħana, u fidila, li kienet tħarsihomlhom, qishom tagħha, u anke tagħmel dan bi dmir ta’ ġustizzja.

 

89. (3) Fl-aħħarnett hu diffiċli li tippersevera fil-grazzja minħabba t-taħsir singulari tad-dinja. Id-dinja hi bħalissa tant imħassra, li hu kważi impossibli li erwieħ devoti ma jittebbgħux, jekk mhux bit-tajn tagħha għallinqas bit-trab. Qisu jkun miraklu meta ruħ tibqa’ soda, f’nofs dal-kurrent ġieri ta’ ħażen ma tkunx imkaxkra miegħu; meta ruħ tibqa’ bla tebgħa f’nofs dan il-baħar imqalleb u mudlam bid-dnub mingħajr ma tiġi miblugħa mill-mewġ jew misruqa mill-ħallelin; meta ruħ tibla’ din l-arja maħmuġa mingħajr ma tiġi avvelenata minnha; hija l-Verġni Mbierka, li fiha s-serpent qatt ma ħa parti, li tagħmel dan il-miraklu, għal dawk li jaqduha bil-fedelta’ u l-ħlewwa.

 

 

 

KAPITLU III

L-Għażla tad-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Marija

 

90. Fid-dawl ta’ dawn il-ħames veritajiet, issa jsir aktar meħtieġ minn qatt qabel, li aħna nagħmlu l-għażla propja tad-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Mbierka, għaliex hemm forom foloz ta’ din id-devozzjoni, li malajr tibdilhom, u taħsibhom devozzjonijiet ġenwini, u spiritwali. Billi x-xitan hu qarrieq tas-sengħa, u ta’ esperjenza u jivvinta l-falsita’, diġa’ qarraq u nganna ħafna erwieħ b’xi devozzjoni falza - anke b’devozzjoni falza lejn il-Verġni Mbierka.

 

Jum wara l-ieħor hu juża ħażin l-esperjenza djabolika tiegħu, biex jindanna ħafna erwieħ oħra, billi jħanninhom f’sigurta’ falza fid-dnub tagħhom, bil-pretest ta’ ftit talb, magħmul ħażin u xi devozzjonijiet ta’ barra li hu jispirahom jagħmlu. Wieħed li jagħmel il-flus foloz, ġeneralment jiffalsifika biss deheb u fidda, u wisq fil-bogħod metalli oħra li anqas jiswew, li ma jiswewx ix-xogħol li jieħu; hekk ukoll id-demonju, spiss ma jagħtix kas tad-devozzjonijiet l-oħra, biex jiffalsifika dawk lejn Ġesu’ u Marija, devozzjoni lejn l-Imqaddes Sagrament u lejn il-Madonna - għaliex dawn iż-żewġ devozzjonijiet huma fost devozzjonijiet oħra, dak li d-deheb u l-fidda huma għall-metalli l-oħra.

 

91. Mill-bidu, għalhekk, hu tajjeb li tkun taf liema huma d-devozzjonijiet foloz lejn il-Verġni Mbierka biex inkunu nistgħu naħarbuhom; u liema hi d-devozzjoni vera, biex inkunu nistgħu nipprattikawha. Imbagħad, fost ħafna devozzjonijiet veri lejn il-Madonna, jien nispjega aktar fit-tul fit-tieni taqsima fil-ktieb.

 

Liema hi d-devozzjoni l-aktar perfetta, l-aktar li togħġob lil Marija, l-aktar glorjuża f’għajnejn Alla, u li l-aktar li tqaddisna, biex aħna nkunu nistgħu nħaddnuha u nikkoltivawha?

 

1. Il-Karatteristiċi ta’ devozzjoni falza u tad-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka.

 

1.     Fuq id-devozzjonijiet foloz lejn il-Madonna

 

92. Jien insib li hemm seba’ kwalitajiet ta’ nies li jqimu lill-Verġni Mbierka u ta’ devozzjoni falza lejha:

1.     Dawk li jqimuha billi jikkritikaw;

2.     Dawk li jqimuha bil-biża’;

3.     Dawk li jqimuha minn barra;

4.     Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni;

5.     Dawk li m’humiex kostanti fil-qima tagħhom;

6.     Dawk li jippretendu li jqimuha;

7.     Dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom.

 

1. Dawk li jqimuha bil-kritika

 

93. Dawk li jqimuha bil-kritika, il-biċċa kbira huma studjużi mkabbrin mis-suppervja tal-idea, li huma ma jonqoshom xejn, li l-għerf iġib miegħu. Fil-qiegħ, huma għandhom tassew xi devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka; imma huma jikkritikaw l-iżjed dawk id-devozzjonijiet ta’ tjieba li bihom in-nies ta’ fidi sempliċi, li jonoraw lill-Madonna, u huma jqisu dawn id-devozzjonijiet qarrieqa, sempliċiment għax ma jaqblux mal-idea ta’ moħħhom. Huma juru l-attitudni ta’ min ma jemminx, lejn il-mirakli u l-għeġubijiet miktubin minn awturi, ta’ min jorbot fuqhom, jew meħuda mir-reġistri tal-Ordnijiet Reliġjużi, mirakli u għeġubijiet li jixhdu l-ħniena u s-setgħa tal-Imqaddsa Verġni. Hu b’rogħda  ta’ superjorita’, li huwa jħarsu lejn nies umli għarkubbtejhom quddiem l-altar jew statwa tal-Madonna fejn huma jdumu jitolbu ‘l Alla.

 

Dawn l-ispirti ta’ kritika anke jakkużaw lil dawn in-nies b’idolatrija, bħallikieku dawn kienu jaduraw l-injam jew il-ġebel! Min-naħa tagħhom dawn il-kritiċi jgħidu li dawn id-devozzjonijiet ta’ barra ma jinżlulhomx, u nkwantu għall-mirakli u l-għeġubijiet tal-Verġni Mbirka, żgur li nies tal-intelliġenza tagħhom, ħadd ma jistennihom jaċċettawhom bħala awtentiċi. U meta lil dawk il-kritiċi jfakkruhom fit-tifħir li jiddi, li s-Santi Padri għamlu fuq Marija, huma jopponu billi jgħidu li dawn huma biss eseġerazzjonijiet tar-rettorika jew inkella jinterpretawhom b’mod kollu falz. Nies foloz bħal dawn, li jqimu lill-Madonna, suppervi u tad-dinja huma ta' min jibża' minnhom ħafna; huma jagħmlu ħsara bla qies, lid-devozzjoni tal-Madonna, u jbiegħdu n-nies minnha b’mod ta’ min jistmerru; bl-iskuża li se jirranġaw bl-abbużi, li daħlu fihom.

 

2. Dawk li jqimuha bil-biża’

 

94. Dawk li jqimuha bil-biża’, huma dawk li jibżgħu li meta nonoraw lill-Madonna jiddiżonoraw lil Binha; meta jgħollu l-Marija jnaqqsu mill-qima lejn Ġesu’. Ma jistgħux jaqblu, li għandna nagħtu lil Marija tifħir ġustifikat bil-kbir - tifħir meħud mill-fomm tas-Santi Padri stess. Hu b’ċertu dwejjaq, li jaraw aktar nies għarkubbtejhom quddiem l-altar tal-Madonna milli quddiem l-altar tas-Sagrament, bħallikieku altar qiegħed f’kompetizzjoni ma’ ieħor u bħallikieku, dawk li qed jitolbu lill-Madonna m’humiex jitolbu lil Ġesu’ permezz tagħha! Jiddispjaċihom li din is-Sultana sublimi, tingħatalha prominenza hekk kbira u li daqshekk talb hu indirizzat lilha.

 

Dawn huma ftit mis-sentimenti li jesprimu: X’jiswew daqshekk Rużarji, daqshekk Konfraternijiet, u daqshekk devozzjonijiet minn barra lejn il-Verġni Mbierka? Hemm ħafna injoranza (ikomplu huma) f’dan kollu! Jirridikulaw ir-reliġjon. Ħallini  nisma’ biss b’dawk li huma devoti lejn Ġesu’ Kristu - (imma hawn ħalli l-awtur jinterrompihom biex jgħid li dawn il-kritiċi, jużaw l-Isem Imqaddes ħafna drabi mingħajr ma jikxfu jew ibaxxu rashom) għand Ġesu’ għandna mmorru li hu l-Medjatur waħdieni tagħna, lil Ġesu’ Kristu għandna nippritkaw, għax dan hu l-qofol tad-devozzjoni vera!

 

Hemm ċertu sens ta’ verita’ f’dak kollu li qalu; imma huma jiżbaljaw fl-applikazzjoni li jagħmlulu, u biha jsibu l-ġustifikazzjoni tagħhom biex jiskoraġixxu d-devozzjoni tal-Madonna. Mela l-attitudni tagħhom hi perikoluża u mhix ħlief nassa fina tad-demonju - bl-iskuża ta’ ġid wisq akbar. Kristu qatt ma hu daqshekk onorat, daqs meta aħna nonoraw lill-Imqaddsa Ommu, ladarba Marija biex aktar nkunu nistgħu nonoraw lil Ġesu’ Kristu aktar perfettament. Aħna mmorru għand Marija, bħala triq li twassalna dritt għand Ġesu’ - l-Għan Divin tal-vjaġġ tagħna.

 

95. Il-Knisja, flimkien mal-Ispirtu s-Santu l-ewwel bierket lil Marija u mbagħad lil Ġesu’ Kristu. “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu’” Kienet tkun ereżija kbira li tifhem din bħallikieku l-Madonna hija iktar importanti minn Ġesu’ Kristu, jew ugwali miegħu. It-tifsir tagħhom hu, li biex inbierku ‘l Ġesu’ Kristu iktar perfettament, irridu nibdew billi nbierku ‘l Ommu. Għaldaqstant kontra d-devoti foloz u l-iskrupli, ejjew ngħidu mad-devoti vera kollha ta’ Marija: “O Marija, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesu’”

 

3. Dawk li jqimuha minn barra

 

96. Dawk li jqimuha minn barra biss huma dawk li d-devozzjoni kollha tagħhom lejn il-Madonna, tikkonsisti f’dawk l-atti li jidhru minn barra. Huma jiggustaw id-devozzjoni ta’ barra biss lejn il-Madonna għaliex m’għandhomx spirtu interjuri.

 

Għalhekk, huma jgħidu ħafna posti fir-Rużarju bil-għaġġla, jisimgħu ħafna quddies mingħajr attenzjoni, imorru wara purċissjonijiet mingħajr ebda ħsieb, u jidħlu f’ħafna fratellanzi - imma dan kollu mingħajr ma jtejbu ħajjithom, mingħajr ma jrażżnu l-passjonijiet tagħhom, u mingħajr ebda ħsieb li jimitaw il-virtujiet tal-Madonna. Huma jfittxu biss sentimenti ta’ pjeta’ fid-devozzjoni tagħhom, u ma jafux x’hemm ta’ valur fiha.

 

U meta dawn is-sentimenti komdi ta’ pjeta’ ma jħossuhomx, malajr jaħsbu li dak li qed jagħmlu hu kollu għalxejn, jinkwetaw jew iħallu d-devozzjonijiet li kienu jagħmlu għal kollox, jew jagħmluhom biss meta jogħġobhom. Hemm ħafna minn dawk li jqimuha biss minn barra u huma, li huma l-akbar kritiċi akkaniti ta’ dawk in-nies mogħtijin għat-talb, li billi jgħidu li hi d-dispożizzjoni interjuri l-essenzjali tat-talb, huma dejjem attenti li josservaw dik il-moderazzjoni ta’ dekor ta’ barra, li jiġu dejjem mad-devozzjoni vera.

 

4. Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni

 

97. Dawk li jqimuha bil-preżunzjoni huma midinba mitluqin għall-passjoniijiet tagħhom, inkella mgħaddsin fil-vizzju u fil-ġibdiet tad-dinja, li taħt l-isem sabiħ ta’ Nsara u ta’ devoti ta’ Marija jgħattu s-suppervja, ix-xeħħa, l-impurita’, is-sokor, il-korla, id-dagħa, il-kalunja u l-inġustizzja tagħhom eċċ... B’paċi u sigurta’ qarrieqa, ikomplu fid-drawwiet ħżiena tagħhom u ma jagħmlu ebda sforz kbir biex jikkoerġuhom; u huma jassiguraw ruħhom bil-ħsieb li huma devoti tal-Madonna u li Alla jaħfrilhom, u li ma jmutux mingħajr qrar u li jsalvaw - għaliex? Għaliex jgħidu r-Rużarju, għax jagħmlu l-astinenza nhar ta’ Sibt, għax miktubin fil-Konfraternitajiet tar-Rużarju, tal-Labtu u ta’ xi Għaqda tal-Madonna, għax jilbsu l-labtu żgħir, jew il-katina tal-Verġni Mbierka u nkomplu hekk.

 

Meta tgħidilhom li d-devozzjoni tagħhom hi biss illużjoni tax-xitan, u preżunzjoni perikuluża li tista’ twassalhom għad-dannazzjoni, huma ma jemmnux. Anzi huma jwieġbu li Alla hu twajjeb u ħanin; li hu ma ħalaqniex biex jindannana, u li m’hemm ebda bniedem mingħajr dnub; u li huma m’humiex se jmutu mingħajr ma jqerru; illi l-istqarrija tad-dnub hi tajba u biżżejjed waqt il-pont tal-mewt; u li huma devoti ta’ Marija, li huma jilbsu l-labtu u bis-sempliċita’ u bl-umilta’ huma qatt ma jħallu li jgħidu seba’ Pater u seba’ Ave Marijiet f’ġieh il-Madonna; u li xi darba jgħidu wkoll ir-Rużarju u jaqraw l-Uffizzju tal-Verġni Mbierka; u li jsumu eċċ.. U biex isaħħu dak li jgħidu u biex aktar jitfgħu trab f’għajnejhom, huma jirreferu għal xi rakkont li semgħu jew qraw fil-kotba - jekk il-fatt hux awtentiku jew le ftit jimpurtahom - kif nies li kienu qed imutu fid-dnub il-mejjet, u mingħajr qrar, huma ħelsuha tajjeb, għaliex qalu xi talb, matul ħajjithom, jew inkella kienu jipprattikaw xi devozzjonijiet f’ġieh il-Madonna; kif kienu rxuxtati għall-ħajja, biex ikunu jistgħu jqerru; kif ruħhom baqgħet mirakolożament f’ġisimhom sa ma wasal il-qassis; jew inkella, kif bil-ħniena tal-Madonna huma qalgħu mingħand Alla, il-grazzja ta’ ndiema perfetta, u l-maħfra ta’ dnubietna fil-pont tal-mewt u salvaw għal dejjem. F’dan kollu huma jwaħħlu t-tama tagħhom.

 

98. M’hemm xejn li hu daqshekk ta’ stmerrija fil-Kristjaneżmu bħal dik il-preżunzjoni djabolika. Għaliex kif jista’ bniedem jgħid li hu tassew iħobb u jagħti ġieh lill-Verġni Mbierka, meta bi dnubietu hu jinfed, isallab, idejjaq bla ħniena lil Ġesu’ Binha? Li kieku Marija kienet soltu tuża l-ħniena tagħha biex issalva nies bħal dawn, hi kienet tkun tinkoraġġixxi l-vizzju u kienet tkun tgħin biex issallab u tinkwieta lil Binha. X’dawgħa tkun li tissopponi li dan hu minnu!

99. Jien ngħid li tabbuża b’dan il-mod mid-devozzjoni tal-Madonna - li wara d-devozzjoni lejn is-Sinjur tagħna fis-Santissmu Sagrament, hi l-iktar devozzjoni qaddisa u soda - tkun ħati ta’ sagrileġġ hekk kbir, li wara tqarbina ħażina, hu l-aktar sagrileġġ kbir u li ma jinħafirx. Naturalment, biex inkunu tassew devoti tal-Madonna mhux assolutament meħtieġ li nkunu hekk qaddisin li nevitaw id-dnubiet kollha - għalkemm din hi ħaġa li għandna nixtiquha. Madankollu - u ifhmu sewwa dak li ngħid - aħna għandna għallinqas:

 

L-ewwel: niddeċiedu sinċerament li ma nagħmlu l-ebda dnub mejjet li hu insult kontra l-Omm, kif ukoll kontra l-Iben.

It-tieni: nagħmlu ħilitna kollha biex ma nagħmlux dnub.

It-tielet: nidħlu b’konfraternitajiet, ngħidu r-Rużarju u talb ieħor, insumu s-Sibtijiet u nagħmlu devozzjonijiet oħra għal dawn.

 

100. Dan kollu jgħin ħafna għall-konverżjoni tal-midneb anke għall-midneb li ilu ħafna fid-dnub; u jekk dak li qed jaqra hu wieħed minn dawn, b’siequ waħda diġa’ fl-abbissi tal-infern, jiena nagħtih parir jagħmel dawn il-ħwejjeġ prattiċi, imma biss bil-kundizzjoni li l-intenzjoni tiegħu, filwaqt li jwettaq dawn l-għemejjel tajba, tkun li jaqla’ mingħand Alla, bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, il-grazzja tal-indiema u l-maħfra ta’dnubietu, flimkien mal-qawwa biex jirbaħ id-drawwiet ħżiena tiegħu, u mhux biex ikompli bil-kwiet fil-ħajja midinba tiegħu, mingħajr ma jagħti kas tal-vuċi tal-kuxjenza, tal-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu u tal-Qaddisin u l-massmi tal-Vanġelu.

 

5. Dawk li m’humiex kostanti fil-qima tagħhom.

 

101. Dawk li m’humiex kostanti fil-qima tagħhom huma dawk li huma devoti lejn il-Madonna kultant, issa jkunu mħeġġin u issa berdin; issa ssibhom lesti li jagħmlu kollox biex jaqduha, u ftit wara, dawn ix-xewqat sbieħ kollha ssibhom għabu. Huma jibdew billi jagħmlu d-devozzjonijiet kollha lejn il-Madonna, jinkitbu fil-konfraternitajiet kollha imma ma josserrvawx ir-regoli sewwa; fil-fatt huma jbiddlu bħall-qamar - u għalhekk Marija tpoġġihom mal-qamar taħt riġlejha. Huma li jbiddlu ma jistħoqqilhomx li jkunu magħduda mal-qaddejja ta’ din il-Verġni dejjem kostanti u fidila, għaliex is-sinjali tal-qaddejja tagħna huma l-qawwa u l-fedelta’. Kien ikun aħjar għal dawn dawn id-devoti li m’humiex kostanti li jindaħlu għal inqas talb u devozzjonijiet, u jagħżlu ftit minnhom u jagħmlulhom bil-fedelta’ u bl-imħabba, minkejja d-dinja, il-ġisem u d-demonju.

6. Dawk li jippretendu li jqimuha.

 

102. Dawn huma dawk li jippretendu li għandhom devozzjoni lejn il-Madonna billi jgħattu dnubiethom u drawwiet ħżiena tagħhom taħt il-mant tal-Verġni l-aktar fidila, biex fl-għajnejn tal-bnedmin jidhru dak li m’humiex.

 

7. Dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom

 

103. Fl-aħħar niġu għal dawk li jqimuha għall-interessi tagħhom, u li jirrikorru lejn il-Madonna biex tgħinnhom biss, biex jirbħu xi kawża, biex jiskansaw minn xi periklu, biex ifiequ minn xi marda, jew għal xi raġuni oħra bħal dawn, u li meta ma jkun hemm xejn minn dan, jinjorawha għal kollox. Dawn m’humiex devoti sinċieri u m’għandhomx post la ma’ Alla u lanqas ma’ Ommu l-għażiża.

 

104. Ejjew noqgħodu attenti mela li ma nkunux magħdudin mal-kritiċi li ma jemmnu b’xejn u jikkritikaw kollox; jew mal-beżżiegħa li jibżgħu jkunu devoti ħafna ta’ Marija għax jibżgħu li jonqsu lil Ġesu’; jew fost dawk li jqimuha minn barra biss li d-devozzjoni tagħhom kollha tikkonsisti minn devozzjonijiet li jidhru minn barra biss; jew fost il-prużuntużi, li bl-iskuża ta’ devozzjoni falza lejn il-Madonna jgħumu fid-dnub; jew fost dawk li m’humiex kostanti li jduru frivolożament minn devozzjoni għall-oħra, jew iħalluhom mal-iċken tentazzjoni; jew ma’ dawk li jippretendu li jqimuha u jinkitbu ma’ ħafna fratellanzi tal-Madonna, biex jidhru li huma nies tajba, u fl-aħħarnett ma’ dawk li jfittxu l-interessi tagħhom, li jirrikorru biss għand il-Verġni Marija biex ikunu meħlusin minn xi mard tal-ġisem jew biex jaqilgħu benefiċċji temporali.

 

2. Il-Karatteristiċi tal-Vera Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka

 

105. Wara li kxifna u kkundannajna d-devozzjonijiet foloz lejn il-Madonna issa rridu ngħidu xi ħaġa fuq il-vera forma. Il-kwalitajiet tagħha huma li hi :

(1) Interjuri;

(2) Delikata;

(3) Qaddisa;

(4) Kostanti;

(5) Mingħajr interessi.

 

 

1. Il-Vera devozzjoni hi interjuri

 

106. Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hi interjuri, jiġifieri tiġi mill-moħħ u mill-qalb. Il-bidu tagħha hu r-rispett li għandna lejn il-Verġni Mbierka, mill-idea għolja li ffurmajna tal-kobor tagħha u mill-imħabba li għandna lejha.

 

2. Il-Vera devozzjoni hi delikata

 

107. Hija delikata, jiġifieri mimlija bil-fiduċja fil-Verġni Mbierka, bħal fiduċja li għandha tarbija f’ommha. Iġġegħelna nersqu lejha, fil-bżonnijiet kollha tagħna, tal-ġisem u tar-ruħ, u dan nagħmluh b’sempliċita’, b’fiduċja u bi ħlewwa kbira.

 

Aħna nħarsu lejn din l-Omm Twajba fil-ħtiġijiet kollha tagħna, dejjem u fiċ-ċikustanzi kollha,

fid-dubbji tagħna biex inkunu mdawlin;

fit-telfien tagħna biex inkunu nistgħu niġu mmexxija fit-triq id-dritta;

fit-tiġrib tagħna biex inkunu megħjunin;

fil-personalita’ tagħna biex inkunu msaħħin;

fil-qtigħ il-qalb tagħna, biex inkunu nkoraġġiti,

fl-iskrupli tagħna biex inkunu ikkwetati u żgurati;

u fis-slaleb, provi u taħbit tal-ħajja tagħna, biex inkunu mfarrġa.

 

Fl-aħħarnett aħna nduru lejn Marija fid-dwejjaq kollha tagħna tal-ġisem u tar-ruħ, għaliex m’għandha ebda biża’ li se ndejqu lil din l-Omm Twajba, u ma nogħġbux lil Ġesu’.

 

3. Il-Vera devozzjoni hi qaddisa

 

108. Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hija qaddisa, jiġifieri tmexxina biex naħarbu d-dnub u nimitawha, speċjalment fl-għaxar virtujiet prinċipali tagħha:

l-umilta’ profonda tagħha,

il-fidi ħajja tagħha,

l-ubbidjenza għamja tagħha,

it-talb bla jaqta’ tagħha,

il-mortifikazzjoni tagħha f’kollox,

is-safa bla paragun tagħha,

il-karita’ mħeġġa tagħha,

il-paċenzja erojka tagħha,

il-ħlewwa anġelika tagħha

u l-għerf divin tagħha.

 

4. Il-vera devozzjoni hi kostanti

 

109. Il-vera devozzjoni lejn il-Madonna hi kostanti. Hi ssaħħaħna fil-għemil it-tajjeb u ma tħalliniex, biex għal ħaġa ta’ xejn inħallu d-drawwiet tad-devozzjoni; tgaħtina l-kuraġġ biex nieqfu lid-dinja u biex niċħdu l-modi u l-għerf ta’ din id-dinja; tagħmilna kapaċi niġġieldu mal-ġisem bil-passjonijiet u l-ġibdiet ħżiena tiegħu, u x-xitan bit-tentazzjoni tiegħu. Bħala riżultat, bniedem li hu veru devot tal-Madonna:

ma jbiddilx,

ma jgħixx skont l-aptit,

mhux skrupluż jew beżżiegħi.

 

Naturalment, mhux li bniedem bħal dan qatt ma jaqa’ jew ivarja fis-sentimenti ta; devozzjoni, imma jekk jaqa’, iqum billi jaqbad l-id tal-Omm twajba tiegħu; u jekk iħoss li d-devozzjonijiet tiegħu huma xotti u mingħajr ħeġġa, ma jitħawwadx. Għaliex id-devot veru u fidil ta’ Marija jgħix bil-fidi ta’ Ġesu’ u ta’ Marija u mhux bit-tqanqil u s-sentimenti naturali.

 

5. Il-Vera devozzjoni hi mingħajr interess għaliha nnfisha

 

110. Fl-aħħarnett il-vera devozzjoni hi diżinteressata,jiġifieri hi li tispira lir-ruħ, biex tfittex mhux lilha nfisha imma ‘l Alla waħdu, f’Ommu l-għażiża. Il-veru devot ta’ Marija ma jaqdix lil din is-Sultana sublimi bil-ħsieb li jaqla’ jew għall-interess tiegħu nnifsu; lanqas bil-ħsieb li jakkwista xi ġid temporali tal-ġisem u lanqas tar-ruħ, imma jaqdiha biss għaliex jistħoqqilha li tkun moqdija, u Alla biss ikun moqdi meta naqdu lilha. Aħna ma nħobbux lill-Madonna speċifikament għal dak li naqilgħu jew nittamaw li naqilgħu minn għandha, imma aħna nħobbuha għax hi ta’ min iħobbha. Hu għalhekk li aħna nħobbuha u naqduha bl-istess fedelta’ f’mumenti ta’ nixfa spiritwali, kif ukoll meta nduqu l-ħlewwa tal-fervur imqanqal. Inħobbuha bl-istess ħerqa fuq l-Kalvarju kif ukoll inħobbuha fit-tieġ ta’ Kana.

 

Kemm jogħġob u kemm hu prezzjuż dak id-devot ta’ Marija li ma jfittex bl-ebda mod lilu nnifsu fil-qadi li jagħtiha! Iżda kemm huma skarsi dawn id-devoti llum! Biex nirrimedja għal din l-iskarsezza, jien qed nikteb dak li għallimt fil-beraħ u fil-privat matul il-ħafna snin tal-missjoni tiegħi.

 

111. Jiena diġa’ għidt ħafna fuq il-Madonna, iżda għad baqagħli iżjed x’ngħid. Bla dubju se nħalli ħafna iżjed barra jew mill-injoranza tiegħi inkella għax m’għandix żmien. Iżda dak kollu li diġa’ għidt u li għad ngħid hu kollu dirett għall-pjan tiegħi, li nifforma veru devot ta’ Marija u veru dixxiplu ta’ Ġesu’ Kristu.

 

112. Kemm ikun imħallas bl-abbundanza it-taħbit tiegħi, jekk xi ruħ magħżula - imwielda minn Alla u Marija u mhux mid-demm, lanqas mir-rieda tal-ġisem, lanqas mir-rieda ta’ bniedem - tiltaqa’ ma’ dal-ktieb u hu jsir il-mezz li bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, ikun imnebbaħ u japprezza r-rikkezzi tal-vera donazzjoni soda lejn il-Madonna, li jien dalwaqt niddiskrivi. Li kieku ħsibt li d-demm tiegħi midneb, kien iservi biex iqanqal xi qlub għal dawn il-veritajiet li qed nikteb b’ġieh l-għażiża Ommi u Sinjura setgħana, għalkemm naf li jien l-iċken fost l-ulied u l-ilsiera tagħha, jien kont nikteb dan kollu bil-ferħ b’demmi stess, biex infisser it-tama li għandi li nsib xi erwieħ nobbli, li bil-fedelta’ tagħhom lejn din il-prattika li qed ngħallem, ipattu lill-għażiża Ommi u Sinjura tiegħi, għat-telfiet li ġarrbet minħabba l-ingratitudni u l-infedeltajiet tiegħi.

 

113. Aktar minn qatt qabel, jien mimli b’fidi ħajja u tama soda fuq dak li jien ktibt fil-fond ta’ qalbi u li għalih tlabt lil Alla għal ħafna snin: jiġifieri li kmieni jew tard, il-Verġni Mqaddsa jkollha aktar ulied, qaddejja u ilsiera tal-imħabba, milli qatt kellha u li permezz ta’ dan, Ġesu’ Kristu, l-Imgħallem, Sidi l-għażiż tiegħi, isaltan aktar perfettament minn qabel fil-qlub tal-bnedmin.

 

114. Jien qed nara ċar minn issa li għad jiġu annimali feroċi, jirtogħdu bir-rabja, għad iqumu biex iqattgħu dan il-ktejjeb bis-snien imxajtna tagħhom u lil dak li bih inqeda l-Ispirtu s-Santu biex jiktbu, jew għall-inqas biex jidfnuh fid-dlam u s-sikta ta’ xi senduq biex qatt ma jidher aktar u jintesa. (din il-profezija seħħet tassew – ara l-Introduzzjoni) Huma jaħbtu u jippersegwitaw ukoll lil dawk li jaqrawh u jipprattikawh. Iżda x’jimporta? Anzi dan ikun ta’ ġid! Din id-dehra tinkuraġġini u ġġigħelni nittama suċċess kbir - għaliex leġjun kbir ta’ suldati qalbiena u ta’ ħila ta’ Ġesu’ u Marija, irġiel u nisa lesti, biex jiġġieldu kontra d-dinja, ix-xitan u n-natura mħassra tal-bniedem fiż-żminijiet li ġejjin meta l-periklu ikun wisq akbar. “Ħa jifhem min jaqra ... Min jista’ jifhem, jifhem.” (Mt 24, 15; 19,12).

 

2. Il-Prattika tal-Vera Devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa

1. Il-Prattika interjuri u esterjuri

 

115. Huma diversi d-drawwiet interjuri tal-vera devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa. F’li ġej se ngħidu fil-qosor fuq l-punti ewlenin:

 

(1) Li tagħti ġieh lil Marija bħala Omm xierqa t’Alla, bil-qima tal-Iperdulija, jiġifieri li tagħtiha qima u tikkunsidraha fuq il-qaddisin kollha, bħala l-kapulavur tal-grazzja, li għandha l-aqwa post ħdejn Ġesu’ Kristu, veru Alla u veru bniedem;

(2) li nimmeditaw fuq il-virtujiet, il-privileġġi u l-egħmejjel tagħha;

(3) nikkontemplaw l-kobor tagħha;

(4) nagħmlulha atti ta’ mħabba, ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr;

(5) nitolbu b’ħerqa kbira l-interċessjoni tagħha;

(6) noffru lilna nfusna lilha u ningħaqdu magħha;

(7) nagħmlu għemejjel bl-iskop li nogħġbuha;

(8) li nibdew, inkomplu u nispiċċaw dak kollu li nagħmlu permezz tagħha, fiha, magħha u għaliha biex inkunu nistgħu nagħmluhom permezz ta’ Ġesu’ Kristu, ma’ Kristu, u għal Kristu, it-Tmiem ta’ kollox tagħna. Aktar ‘il quddiem infissru din l-aħħar prattika.

 

116. Il-Vera devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka għandha wkoll ħafna prattiċi esterjuri u l-aqwa fosthom huma:

(1) li tidħol fil-fratellanzi u l-għaqdiet tagħha;

(2) li tidħol f’xi Ordni Reliġjuż jew Kongregazzjoni mwaqqfa taħt il-patroċinju Tagħha;

(3) li xxandar it-tifħir Tagħha;

(4) li tagħmel karita’, issum jew tagħmel xi mortifikazzjoni tar-ruħ u tal-ġisem għall-qima tagħha;

(5) li jkollok fuqek il-kuruna tar-Rużarju u tilbes il-labtu jew katina tagħha;

(6) li tgħid bl-attenzjoni, bid-devozzjoni u bl-umilta’ r-Rużarju Mqaddes, li jikkonsisti fi ħmistax-il posta (illum nafu li b’kollox hemm għoxrin posta) ta’ Ave Marijiet f’ġieh il-Misteri prinċipali ta’ Ġesu’ Kristu, jew għallinqas tgħid ħames posti.

Nistgħu nagħżlu l-ħames posti tal-Ferħ:

it-tħabbira tal-Anġlu;

il-Viżitazzjoni;

it-Twelid tas-Sinjur Tagħna;

il-Purifikazzjoni

u s-Sejba tat-Tfajjel Ġesu’ fit-Tempju.

 

(Jew inkella nistgħu nimmeditaw fir-Rużarju l-ħames Misteri tad-Dawl:

il-Magħmudija;

l-Ewwel Sinjal fit-tieġ ta’ Kana;

ix-Xandir tal-Kelma u s-sejħa għall-Indiema;

il-Bidla Glorjuża fuq it-Tabor;

it-Twaqqif tas-Sagrament tal-Ewkaristija u s-Saċerdozju.)

 

Jew inkella nistgħu nimmeditaw fir-Rużarju l-ħames Misteri tat-Tbatija:

l-Agunija;

il-Flaġellazzjoni mal-kolonna;

l-Inkurunazzjoni bix-Xewk;

il-Ġarr tas-Salib

u l-Kruċifissjoni.

 

Fl-aħħar nistgħu nagħżlu l-ħames misteri tal-Glorja:

il-Qawmien mill-imwiet;

it-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesu’;

il-Miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli;

it-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna bir-Ruħ u l-Ġisem

u l-Inkurunazzjoni tal-Madonna mit-Trinita’ Qaddisa.

 

Nistgħu wkoll ngħidu:

sitta jew seba’ posti f’ġieh is-sittin jew sebgħin sena li jaħsbu li l-Madonna damet id-dinja,

jew il-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mbierka li tikkonsisti fi tliet Missierna u tnax-il Sliema f’ġieh il-kuruna tagħha ta’ tnax-il kewkba jew privileġġi;

jew l-Uffizzju tal-Verġni Mbierka, li hu aċċettat u rreċitat mill-Knisja;

jew is-Salterju ż-Żgħir – “The Little Psalter” tal-Verġni Mbierka, li għamel San Bonaventura b’qima lejha u li jnebbaħ tant delikatezza u devozzjoni, li impossibli li ma jqanqlikx;

jew erbatax-il Missierna u Sliema f’ġieh l-erbatax-il ferħa tagħha jew talb ieħor,

innijiet u kantiċi tal-Knisja - skont iż-żmien liturġiku

- bħas-Salve Reġina,

Alma Redemptoris Mater,

Regina Coeli,

 

kif ukoll innjiet u talb ġenerali bħal:

Ave Maris Stella,

O Gloriosa Domina

jew il-Magnificat,

jew prattiki oħra ta’ devozzjoni li nsibu fil-kotba tat-talb tagħha;

(7) li nkantaw innijiet spirtwali ad unur tagħha;

(8) li tagħmel ċertu numru ta’ ġenuflessjonijiet u inkini waqt li tgħid xi ġakulatorja b’qima lejha,

per eżempju kull filgħodu; nistgħu nirripetu ħafna drabi – Ave Marija, Virgo Fidelis - biex naqilgħu bl-interċessjoni tagħha l-grazzja li nkunu fidili għall-grazzji li Alla jagħtina matul il-jum;

u kull filgħaxija Sliem għalik Marija Omm il-Ħniena, biex nitolbu l-maħfra ta’ Alla bl-interċessjoni tagħha għad-dnubiet li nkunu għamilna mal-ġurnata;

(9) li nieħdu sehem attiv fil-fratellanzi tagħha, inżejnu l-altari u ninkurunaw u nżejnu l-istatwi tagħha;

(10) li nġorru x-xbieha tagħha fil-purċissjonijiet u anki nilbsu l-medalji tagħha bħala ħarsien kontra l-ħażen;

(11) li nagħmlu statwi u plakki b’isimha fil-knejjes, fid-djar, fid-daħla tal-bliet, fil-knejjes u fil-bini;

(12) li nikkonsagraw  ruħna lilha b’mod speċjali u solenni.

 

117. Hemm ħafna modi oħra ta’ vera devozzjoni lejn il-Madonna li bihom l-Ispirtu s-Santu nebbaħ lill-erwieħ qaddisa u li verament iqaddsu. F’“Le Paradis ouvert a Philagie” ta’ Father Paul Barry tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’, insibu ġabra kbira ta’ devozzjonijiet li l-qaddisin għamlu lill-Madonna. Dawn id-devozzjonijiet igħinu ħafna biex iqaddsu l-erwieħ jekk ikunu magħmulin b’mod sewwa:

(1) b’intenzjoni retta u sinċiera li nogħoġbu biss ‘l Alla, li ningħaqdu ma’ Ġesu’ Kristu l-Aħħar Tmiem tagħna u li nedifikaw lill-proxxmu tagħna;

(2) b’attenzjoni, mingħajr distrazzjonijiet voluntarji;

(3) b’devozzjoni, billi nevitaw l-għaġġla u t-traskuraġini;

(4) bil-modestja li tedifika u b’reverenza minn barra.

 

  

2. Il-Għażla tal-prattika perfetta

 

118. Imma meta għidt dan kollu, jien bil-qawwa kollha insostni - wara li qrajt kważi l-kotba kollha li jitħaddtu fuq din id-devozzjoni, u wara li tħadditt familjarment fuqha ma’ ħafna studjużi u nies qaddisin taż-żmienna - jien qatt ma sibt jew tgħallimt b’xi devozzjoni lejn il-Madonna bħal din li dalwaqt ngħidilkom għaliex id-devozzjoni li se nirrkmanda:

hija waħda li titlob mir-ruħ aktar sagrifiċċji għal Alla;

li aktar tneżża’ lir-ruħ effettivament minna nfisha u mill-imħabba tagħha nfisha;

li aktar iżżomm lir-ruħ fedelment fil-grazzja, u l-grazzja fir-ruħ;

li tgħaqqad lir-ruħ aktar perfettament u b’aktar ħeffa ma’ Ġesu’ Kristu;

u fl-aħħarnett li aktar tagħti glorja lil Alla, iktar tqaddes lir-ruħ, iktar ta’ għajnuna għall-proxxmu.

 

119. Billi din id-devozzjoni essenzjalment tikkonsisti fid-disposizzjoni interjuri li hi għandha toħloq, ma tiġix mifhuma minn kulħadd xorta. X’uħud - il-parti l-kbira - ma jifhmux ħlief l-aspett ta’ barra ta’ din id-devozzjoni; waqt li xi ftit, jidħlu fil-verita’ profonda  tagħha, imma biss sal-ewwel stadju tagħha. Min jitla’ sat-tieni? U min jirnexxilu jilħaq it-tielet? Fl-aħħarnett min hu dak li jgħix fiha bħala fi stat permanenti? Dak biss li l-ispirtu ta’ Ġesu’  jirrivelalu dan is-sigriet - ir-ruħ tassew fidila li l-Ispirtu stess imexxi għaliha, biex ikun jista’ jgħaddi ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, minn grazzja għal oħra, minn dawl għall-ieħor, sa ma jiġi trasformat f’Ġesu’ Kristu sal-milja ta’ ħajtu fuq l-art u l-glorja tiegħu fis-sema.

 

 

 

KAPITLU IV

Il-Konsagrazzjoni Perfetta lil Ġesu’ Kristu

 

120. Ladarba l-perfezzjoni tagħna tikkonsisti filli nkunu nixbħu, maqgħudin, u kkonsagrati lil Ġesu’ Kristu, l-aktar perfetta fost id-devozzjonijiet, hi bla dubju, dik li l-aktar perfettament ixxebbaħna, tgħaqqadna u tikkonsagrana ma’ dal-mudell perfett tal-qdusija. Issa la darba Marija, hi fost il-krejaturi kollha l-aktar li tixbaħ lil Ġesu’ Kristu, jirriżulta li fost id-devozzjonijiet kollha, dik li tikkonsagrana u xxebbaħna l-aħjar mas-Sinjur Tagħna, hi d-devozzjoni lejn il-Madonna, l-Imqaddsa Ommu; u li aktar ma nkunuu kkonsagrati lil Marija, aktar inkunu perfettament maqgħudin ma’ Ġesu’ Kristu.

Għalhekk l-aktar konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu, mhix ħaġ’oħra ħlief konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lil Verġni Marija - id-devozzjoni li jien nirrikmanda; jew fi kliem ieħor tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija Mqaddsa.

 

1. Il-Konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lill-Verġni Mbierka

 

121. Din id-devozzjoni, mela, tikkonsisti filli nagħtu lilna nfusna kollna kemm aħna lill-Imqaddsa Verġni Marija, biex permezz tagħha aħna nkunu nistgħu nkunu kollna kemm aħna ta’ Ġesu’. Aħna għandna nagħtuha:

(1) Ġisimna bis-sensi u l-membri kollha tiegħu;

(2) Ruħna bis-setgħat kollha tagħha;

(3) Il-ġid materjali li għandna u dak li nistgħu nakkwistaw;

(4) Il-ġid interjuri u spiritwali - il-merti tagħna, il-virtujiet tagħna u l-opri tajba tagħna, tal-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej; fil-qasir dak kollu li għandna fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u dak li qatt jista’ jkun tagħna, fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u fl-ordni tal-glorja - u dan mingħajr l-ebda riserva, lanqas tal-iċken opra tajba; u għall-eternita’ kollha. Meta nagħmlu hekk, m’għandniex nippretendu jew nistennew, għall-offerta u x-xogħol tagħna, ebda ħlas, ħlief dak il-ġieh li aħna ta’ Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija u f’Marija, ma nħallux lilna nfusna niġu konxjament influwenzati mill-fatt li hi dejjem l-aktar liberali u l-aktar grata fost il-kreaturi.

 

122. F’dan l-istadju, ta’ min jinnota, illi hemm żewġ aspetti ta’ kull opra tajba li nagħmlu: 

(i) is-sodisfazzjon u

(ii) il-mertu.

Fi kliem ieħor, il-valur li jissodisfa jew li qlajt bit-talba, u l-valur meritorju. Il-valur li jissodisfa jew impetratorju ta’ opra tajba, huwa għemil tajjeb meta tikkunsidrah mil-lat ta’ tpattija għall-piena taż-żmien tad-dnub, jew biex taqla’ xi grazzja. Il-valur meritorju, jew mertu ta’ xi opra tajba, hu dak li bih naqilgħu l-grazzja u l-glorja eterna. Issa f’din il-konsagrazzjoni tagħna nfusna lill-Verġni Mqaddsa, aħna nagħtuha l-valur kollu satisfatorju, impetratorju u meritorju. Dan hu fi kliem ieħor, is-sodisfazzjon u l-mertu tal-opri tajba kollha. Aħna nagħtu dan, mhux biex hi tagħtihom lill-oħrajn. (Ngħiduha kif inhi, il-merti, il-grazzji u l-virtujiet tagħna huma inaljenabbli, jiġifieri jiġu ma jistgħux jiġu mogħtija lill-oħrajn. Ġesu’ Kristu biss, billi ndaħal ta’ rahan għalina mal-Missier seta’ jagħtina l-merti tiegħu). Imma dan nagħmluh biex Hi tikkonservahom, tkabbarhom u ssebbaħhom kif naraw aktar ‘il quddiem. Nagħtuha s-sodisfazzjonijiet tagħna, biex Hi tgħaddihom lil min jidhrilha Hi, u għall-aktar glorja t’Alla.

 

123. Minn dak li ktibna s’issa naraw (1) illi b’din id-devozzjoni aħna nagħtu lil Ġesu’ Kristu, dak kollu li nistgħu nagħtuh u wisq iżjed minn devozzjonijiet oħra li bihom nagħtuh parti miż-żmien tagħna jew biċċa mill-għemejjel tajba tagħna jew biċċa mit-tpattija u l-mortifikazzjonijiet tagħna. U dak li hu iżjed ikunu nagħmlu dan b’mod l-aktar perfett, jiġifieri minn idejn Marija. Għaliex f’din id-devozzjoni kollox hu ddedikat u mogħti anke d-dritt li niddisponu mill-għemejjel interni tagħna u mit-tpattija li nakkwistaw ta’ kuljum bl-opri tajba tagħna. Din hi ħaġa li mhix magħmula, lanqas fl-Ordnijiet Reliġjużi. Fl-Ordnijiet Reliġjużi l-erwieħ dedikati jagħtu lil Alla l-ġid materjali tagħhom permezz tal-vot tal-faqar, joffru ġisimhom permezz tal-vot tal-kastita’ u r-rieda tagħhom permezz tal-vot tal-ubbidjenza u xi drabi l-liberta’ tal-moviment permezz tal-vot tal-klawsura. Imma huma ma jagħtux il-liberta’ u d-dritt li aħna lkoll għandna li niddisponu mill-valur tal-opri tajba tagħna u lanqas jiċħdu totalment kif jistgħu, dak li bħala Nsara jżommu bħala l-aktar prezzjuż u għażiż, jiġifieri l-merti u t-tpattija tagħhom.

 

124. (2) Iktar, jirriżulta wkoll li min ikun għamel din id-dedikazzjoni u sagrifiċċju lil Ġesu’ Kristu, permezz ta’ Marija ma jkunx aktar jista’ jiddisponi mill-valur tal-opri tajba tiegħu. Dak kollu li persuna bħal din iġġarrab, kull ħaġa tajba li taħseb, tgħid jew tagħmel tkun ta’ Marija, biex hi tkun tista’ tiddisponi minnu skont ir-rieda ta’ Binha, u għall-akbar glorja tiegħu. Jiftiehem ċar, mela li din id-dipendenza mhi ta’ ebda preġudizzju għall-obbligi tal-istat tal-persuna, la issa u lanqas għal li ġej. Per eżempju, għall-obbligi ta’ saċerdot, li bl-uffiċċju tiegħu jew mingħajru, irid japplika l-valur satisfatorju u impetratorju  tal-Quddies għal ruħ partikulari. Dejjem għandna nifhmu li din l-offerta lil Ġesu’ permezz ta’ Marija hi magħmula skont l-ordni t’Alla u dmirijiet tal-istat tagħna.

 

125. (3) Fl-aħħar jiġi li aħna nikkonsagraw ruħna lil Madonna u ‘l Ġesu’ Kristu flimkien: lill-Verġni Mbierka, bħala mezz perfett li Ġesu’ Kristu għażel biex jingħaqad magħna u jgħaqqad lilna miegħu; u s-Sinjur Tagħna bħala Tmiem tagħna, li lilu nafu kull ma aħna, bħala s-Salvatur u Alla tagħna.

 

 

 

2. It-Tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija

 

126. Jiena diġa’ għidt li din id-devozzjoni tista’ tissejjaħ, kif jixirqilha, tiġdid perfett tal-wegħdiet tal-Magħmudija Mqaddsa. Qabel tirċievi dan is-Sagrament, kull ruħ kienet ilsiera tad-demonju, għaliex kull ruħ kienet tax-xitan. Imma bil-Magħmudija tiegħu, kull Nisrani, minn jeddu jew permezz tal-parrinjiet, ċaħad solennament lix-xitan, bl-opri u l-pompi tiegħu kollha, hu ħa lil Ġesu’ Kristu bħala l-Imgħallem u l-Mulej Sovran tiegħu, biex jaqdih bħala lsir ta’ mħabba. Issa dan hu preċiżament li jiġri b’din id-devozzjoni; kif jidher ċar mill-formola tal-konsagrazzjoni: aħna niċħdu lix-xitan, lid-dinja, id-dnub, u lilna nfusna u nagħtu lilna nfusna, kollna kemm aħna, lil Ġesu’ Kristu permezz tal-idejn ta’ Marija. Aħna mmorru anke pass ‘il quddiem. Ordinarjament, fil-Magħmudija, aħna nagħtu lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu  biss bil-prokura, jiġifieri permezz tal-parrinijiet, li jitkellmu f’isimna. Imma f’din id-devozzjoni aħna nagħmlu hekk personalment, minn jeddna, u bl-għarfien sħiħ ta’ dak li qegħdin nagħmlu. Fil-Magħmudija aħna ma nagħtux lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija - jew għallinqas ma nagħmlux hekk espliċitament - u ma nagħtux lil Ġesu’ Kristu l-valur tal-opri tajba tagħna, bir-riżultat li wara l-Magħmudija aħna nibqgħu għal kollox ħielsa li napplikaw dan il-valur lil min ikunu rridu jew inżommuh għalina stess; imma b’din id-devozzjoni aħna nagħtu lilna nfusna, espressament lil Ġesu’ Kristu permezz ta’ Marija u nikkonsagrawlu l-valur tal-opri tajba tagħna kollha. 

 

127. Fil-Magħmudija, jgħid San Tumas, il-bnedmin jaħilfu li jiċħdu lix-xitan u l-pompi tiegħu kollha: In Baptismo novent homines abrenuntiare diabolo et pompis ejus. U din il-wegħda, jgħid Santu Wistin, hija l-ikbar u l-aktar meħtieġa: Votum maximum nostrum quo vovimus nos in Christo esse mansuros. Il-Kanonisti jgħidu l-istess: Il-Wegħda ewlenija hi dik li nagħmlu fil-Magħmudija. U b’dan kollu min hu dak li jwettaq perfettament din il-wegħda hekk importanti? Min hu dak li jkompli fedelment il-wegħdiet tal-Magħmudija? Mhux kważi kollha jitradixxu l-fedelta’ li wegħdu lil Ġesu’ Kristu fil-Magħmudija? Mnejn ġejja din id-diżordni jekk mhux milli kulħadd iwarrab dawn il-wegħdiet u bl-obbligi li ndħalna għalihom fil-Magħmudija; u mill-fatt li bilkemm wieħed iġedded b’mod personali l-kuntratt tal-għaqda li bil-prokura tal-parrinjiet għamel lil Alla.

 

128. Dan tant hu veru, li l-Konċilju ta’ Sens, imsejjaħ mir-Re Lwiġi le Debonnaire, biex jirranġa d-diżordni kbira li kien hemm fost l-insara, stqarr illi l-kawża prinċipali ta’ dak it-taħsir fil-kostumi, kien ġej mill-injoranza tal-obbligi tal-Wegħdiet tal-Magħmudija; u li ma setax isib rimedju aħjar biex jirranġa din il-ħsara kbira, milli jħeġġeġ lill-Insara kollha jġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħhom.

 

129. Il-Katekiżmu tal-Konċilju ta’ Trentu - l-interpretu fidil ta’ dan il-Konċilju Mqaddes - jeżorta l-kappillani biex jużaw dan l-istess metodu, u li jfakkru ta’ spiss lill-fidili li huma marbutin u kkonsagrati lis-Sinjur Tgaħna Ġesu’ Kristu, bħala ilsiera mar-Redentur u l-Mulej tagħhom. Hawn hu l-kliem tal-katekiżmu: Il-Kappillan għandu jeżorta lill-fidili biex ikunu jafu li hija ħaġa sewwa... illi għandna nagħtu lilna nfusna u nikkonsagraw ruħna bħala ilsiera lil Mulej u Feddej tagħna. (Cath. Conc. Trent. 2,19)

 

130. Issa, ladarba l-Konċilju, is-Santi Padri u l-istess esperjenza kollha juru li l-aħjar mezz li tirripara l-infedelta’ tal-insara, hu li tfakkarhom fl-obbligi tal-Magħmudija tagħhom li tmexxihom biex iġeddu l-wegħdiet li għamlu fil-Magħmudija, mhux raġjonevoli li nagħmlu dan issa b’mod perfett, billi nikkonsagraw lilna nfusna kollha kemm aħna lis-Sinjur tagħna permezz t’Ommu l-Imbierka? Jien ngħid b’mod l-iktar perfett għaliex biex nikkonsagraw lilna nfusna lil Ġesu’ Kristu, nużaw il-mezz l-aktar perfett, li bih nistgħu nagħmlu dan - il-Verġni l-aktar Imbierka.

 

3. Tweġib għal xi oġġezzjonijiet

 

131. Ma tistax tiġi oġġezzjonata li din id-devozzjoni, hi jew ġdida jew tista’ ma tagħżilhiex. Mhix xi ħaġa ġdida ladarba l-Konċilji, is-Santi Padri u bosta awturi sew antiki kemm moderni jitkellmu minn din il-konsagrazzjoni lis-Sinjur Tagħna fit-tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija, bħala ħaġa li kienet ipprattikata mill-Insara sa mill-ewwel żminijiet u li kienet imħeġġa fuq l-Insara kollha; mhix xi ħaġa li tista’ tagħżilha jew le, ladarba l-bidu ta’ kull diżordni li hemm fis-soċjeta’, u konsegwentement tad-dannazzjoni tal-Insara, tista’ ssibu fil-fatt li din il-prattika tiġi mwarrba u għall-attitudni ta’ indifferenza li għandhom lejha.

 

132. Xi ħadd jista’ joġġezzjona li din id-devozzjoni - li biha aħna nagħtu l-valur ta’ opri tajba kollha tagħna, it-talb, it-tgħakkis, il-karita’, lis-Sinjur Tagħna, mill-idejn tal-Verġni l-aktar Imbierka - tħallina bla saħħa, għall-aħħar, biex ngħinu l-erwieħ ta’ niesna, ta’ ħbiebna u tal-benefatturi tagħna. Jiena nwieġeb l-ewwel li ħadd ma jista’ jissopponi għal mument wieħed li niesna, ħbiebna u l-benefatturi tagħna se jsofru xi telf, bħala riżultat tad-devozzjoni u konsagrazzjoni tagħna nfusna mingħajr riserva, għas-servizz tas-Sinjur Tagħna u tal-Imqaddsa Ommu. Li tissopponi dan tkun qed tagħmel inġustizzja lit-tjubija u s-setgħa ta’ Ġesu’ u ta’ Marija li jafu tajjeb kif jgħinu lil qrabatna, ħbiebna u benefatturi tagħna, mill-ġid fqir spiritwali tagħna jew minn imkejjen oħra.

 

It-tieni, din id-devozzjoni ma ċċaħħadniex li nitolbu għall-oħrajn, sew ħajjin kif ukoll mejtin, basta l-applikazzjoni tal-opri tajba tagħna jkunu kollha mħollija dipendenti mir-rieda tal-Imqaddsa Verġni. Fil-verita’ jiġri l-kuntrarju: din id-devozzjoni iġġegħelna nitolbu b’fiduċja akbar għall-oħrajn. Immaġina l-każ ta’ wieħed sinjur li biex jonora l-prinċep kbir, jagħtih dak kollu li għandu. Wieħed bħal dan ma jfittixx b’fiduċja akbar, mingħand dan il-prinċep, xi karita’ għal xi ħabib tiegħu li ġie jitolbu xi ħaġa? Ikun ukoll ta’ pjaċir għall-prinċep li jkollu okkażżjoni juri l-gratitudni tiegħu lejn xi ħadd li neża’ kollox, biex ilibbes lilu, li sar tallab biex jonorah. L-istess għandna ngħidu mis-Sinjur Tagħna u mill-Verġni Mqaddsa; huma qatt ma jħallu min jgħaddihom fil-gratitudni.

 

133. Oġġezzjoni oħra possibli hi: jekk jien nagħti l-valur tal-opri tiegħi kollha lill-Verġni Mqaddsa biex hi tapplikhom lil min jidhrilha, forsi jiena jkolli nsofri għal żmien twil fil-purgatorju. Din l-oġġezzjoni li ġejja mill-imħabba tagħna nfusna u mill-injoranza fuq il-ġenerożita’ t’Alla, tal-Omm Imbierka, tinħall waħidha. Ikkunsidraw dil-kwalita’ ta’ ruħ li għandna f’moħħna kollha fervur u ġenerożita’ dejjem tqiegħed l-interessi t’Alla qabel tagħha; tagħti ‘l Alla dak kollu li għandha, mingħajr riservi, tant li ma baqgħalniex x’tagħti; tixxennaq biss għas-Saltna Ġesu’ Kristu permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa, u tissagrifika ruħha kollha kemm hi biex iġġib ‘il quddiem din is-Saltna. Issa, għiduli - din ir-ruħ tkun ikkastigata fid-dinja l-oħra, sempliċiment għaliex kienet aktar ġeneruża u iktar ma tħobbx lilha nfisha mill-oħrajn? Veru, bil-maqlub! Għaliex kif se naraw aktar ‘il quddiem f’dan il-ktieb, hu sewwasew lejn din ir-ruħ li jkunu l-iktar ġenerużi s-Sinjur Tagħna Ġesu’ Kristu u Ommu l-Imqaddsa. U dan sew f’dil-ħajja, u sew fl-oħra fl-ordni tan-natura tal-grazzja u tal-glorja.

 

134. Issa se naraw, fil-qosor kemm jista’ jkun il-motivi li jirrikmandawlna din id-devozzjoni; l-effetti tal-għaġeb li ġġib fir-ruħ tal-fidili, u l-prattiki ewlenin tagħha.

 

 

 

 

 

KAPITLU V

Il-Mottivi li jħajruna nipprattikaw din id-devozzjoni

 

135. L-ewwel mottiv li jurina l-eċċellenza ta’ din il-konsagrazzjoni tagħna nfusna lil Ġesu’ Kristu mill-idejn ta’ Marija.

 

Huwa impossibli li timmaġina fl-art, xogħol aktar nobbli mis-servizz tagħna lil Alla. U għalhekk l-iċken qaddej, hu l-aktar għani, iktar setgħani u iktar nobbli mis-slaten u l-imperaturi kollha ta’ din id-dinja, sakemm dawn ma jkunux huma wkoll qaddejja fidili ta’ Alla. Kemm mela għandu jkun kbir l-għana, is-setgħa u d-dinjita’ tan-Nisrani fidil u perfett, li hu ddedikat għas-servizz t’Alla, kollu kemm hu, u bla riserva ta’ xejn sal-inqas ħaġa li hu u li għandu! Ta’ din ix-xorta hu l-ilsir fidil u maħbub ta’ Ġesu’ u ta’ Marija, li jagħti lilu nnifsu kollu hu għall-qadi ta’ dan is-Sultan tas-Slaten permezz tal-idejn ta’ Ommu l-Imqaddsa. U Ġesu’ ma jżomm assolutament xejn għalih. Hu ikbar mid-deheb kollu tal-art u mis-sbuħija kollha tas-sema, jista’ jħallas.

 

136. Kongregazzjonijiet oħra, assoċċjazzjonijiet u fratellanzi mwaqqfin f’ġieh is-Sinjur Tagħna u ta’ Ommu l-Imqaddsa, li jagħmlu tant ġid fid-dinja nisranija ma jitolbux li aħna nagħtu kulma għandna mingħajr riserva. Huma jippreskrivu biss, ċerti opri tajba u ċerti prattiki, li meta jagħmluhom il-membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom u huma jħallu l-membri għal kollox ħielsa, għal dawk li huma opri tajba oħra, u l-ħin l-ieħor tagħhom. Imma b’din id-devozzjoni, li qegħdin nirrikmandaw l-ilsir fidil jagħti kollox, mingħajr ma jżomm xejn lil Ġesu’ u lil Marija, il-ħsibijiet tiegħu kollha, kliemu u l-għemejjel u s-sofferenzi ta’ kull mument ta’ ħajtu; biex b’hekk sewwa jekk imqajjem jew rieqed, sewwa jekk jiekol jew jixrob, sewwa jekk qed jagħmel xi xogħol tal-akbar importanza, jew l-iktar xogħol umli, dejjem ikun veru li tgħid li dak li qed jagħmel, anke jekk immexxi biss l-intenzjoni ġenerali tiegħu, ikun ta’ Ġesu'’u ta’ Marija bis-saħħa tal-offerta tiegħu, jekk ma jkunx rtira din l-offerta. X'konsolazzjonijiet tkun din!

 

137. U dak li hu aktar, m’hemmx prattika oħra, li biha aħna nneħħu minnha hekk malajr dak is-sens ta’ pussess li jidħol fin fin anke fl-aħjar opri tagħna. It-twajjeb Ġesu’ tagħna jagħtina l-grazzja li neħilsu minn dan bħala premju għall-att erojku u disinterresat, li għamilna meta tajnieh, permezz tal-Madonna l-valur kollu tal-opra tajba tagħna. Hu jħallas għal mitt darba, anke f’din il-ħajja, lil dawk, li għall-imħabba Tiegħu, ħallew il-ġid materjali, temporali u li jispiċċa. Mela x’mitt darba aktar abbundanti ma jagħtix lil dawk li għalih jissagrifikaw l-opri interjuri u spiritwali tagħhom!

 

138. Ġesu’, il-Ħabib tagħna li jista’ kollox, ta lilu nnifsu għalina mingħajr ma żamm xejn - ġismu u ruħu, virtujiet, grazzji u merti: “Se toto totum me comparavit, jgħid San bernard - Hu rebaħni kollni kemm jien, billi ta lilu nnifsu kollu kemm hu lili.”

 

Ma jixraqx sewwa b’ġustizzja kif ukoll bi gratitudni, li aħna nagħtuh dak kollu li nistgħu nagħtu? Hu tana min qabel il-ġenerosita’ tiegħu, ejjew inkunu ġenerużi aħna wkoll. Jekk inkunu ġenerużi, it-tweġiba tiegħu tkun iktar ta’ ġenerożita’ kbira lejna matul ħajjitna, fil-pont tal-mewt, u fl-eternita’ kollha: Mal-ġenerużi jkun ġeneruż.

 

2. Din id-devozzjoni ġġegħilna nimitaw l-eżempju mogħti lilna minn Ġesu’ Kristu u minn Alla stess u nippratikaw l-umilta’

 

139. It-tieni mottiv, li jurina kemm hija ħaġa ġusta u ta’ vantaġġ għall-Insara, li aħna nikkonsagraw lilna nfusna kollna kemm aħna lill-Verġni Mqaddsa biex inkunu b’mod perfett ta’ Ġesu’ Kristu. Dan l-Imgħallem twajjeb ma stmerrx li jingħalaq bħala priġunier u lsir ta’ mħabba, fil-ġuf tal-Verġni Mbierka u li kien suġġett u ubbidjenti lejha għal tletin sena. Ħalluni nirrepeti, li hawnhekk il-moħħ tal-bniedem jintilef fl-iskantament tiegħu, meta jikkontempla bis-serjeta’ din l-imġiba tal-Verb Inkarnat: li ma riedx - għalkemm seta’ jagħmel dan - li jagħti lilu nnifsu direttament lill-bnedmin, imma ried li dan ir-Rigal hekk kbir, jiġi mogħti lilna permezz tal-Verġni Mbierka. Lanqas ma ried li jiġi fid-dinja bħala raġel magħmul, magħżul mill-oħrajn; imma Hu ried li jiġi bħala tarbija fqira u ċkejkna, li tiddependi fuq l-għajnuna u l-kura tal-Omm Qaddisa Tiegħu. Dan l-Għerf Infinit, mimli bix-xewqa li jigglorifika ‘l Alla, Missieru, u biex isalva l-umanita’, ma sabx mezz ieħor perfett, jew dirett li jagħmel dan, milli jissottometti ruħu f’kollox għall-Verġni Mbierka - mhux biss, bħal tfal oħra, sal-ewwel tmienja, għaxra jew ħmistax-il sena ta’ ħajtu, imma għal tletin sena. Matul dawk is-snin twal, Ġesu’ ta’ aktar glorja lil Alla l-Missier bis-sottomissjoni u d-dipendenza tiegħu għall-Verġni Mbierka, milli kien jagħtih kieku għadda dawk is-snin jagħmel il-mirakli jew jippriedka mad-dinja kollha u jikkonverti ‘l kulħadd. Kemm immela aħna nigglorifikaw ‘l Alla meta fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ aħna nissottomettu ruħna lejn Marija!

 

B’eżempju hekk ċar, u magħruf mad-dinja kollha quddiem għajnejna aħna ħa nżommu xi tama fiergħa, li se nsibu xi mezz aktar perfett u dirett li nigglorifikaw ‘l Alla, minn dak tas-sottomissjoni lejn Marija - l-istess mezz magħżul minn Kristu stess?

 

140. Bi prova tad-dipendenza li jkollna minn Marija, ħalli nfakkru hawnhekk, dak li għedna qabel dwar l-eżempju ta’ din id-dipendenza li tana l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier, ma tax, u ma jagħtix lil Ibnu ħlief permezz tagħha, u permezz tagħha biss jikkomunika l-grazzji tiegħu. Alla l-Iben sar Bniedem għall-bnedmin kollha, imma biss permezz tagħha Hu jitnissel u jitwieled biss permezz tagħha, bl-għaqda mal-Ispirtu s-Santu. U jikkomunika l-merti u l-virtujiet tiegħu biss permezz tagħha. Hu biss permezz tagħha li l-Ispirtu s-Santu ħadem biex jitnissel Ġesu’ Kristu; Hu biss permezz tagħha li hu jifforma l-Membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u mhux barra minnha li Hu jqassam id-doni u l-favuri tiegħu. Wara dawn l-eżempji kbar tal-imġiba tat-Trinita’ Mqaddsa nistgħu aħna mingħajr ma nkunu għomja għal kollox inħallu ‘l Marija barra minn ħajjitna, nirrifjutaw li nikkonsagraw ruħna lilha u li niddependu minnha bħala triq li twassalna għand Alla, u li nissagrifikaw ruħna għall-ġieh u l-glorja t’Alla?

 

141. Hawn xi passaġġi li jien għażilt biex nikkonferma dak li għadni kif għidt:

 

“Marija għandha żewġ ulied, il-bniedem Alla u l-bniedem: F’tal-ewwel hija Omm Korporali, fit-tieni hija Omm Spiritwali.

 

Din hi rieda ta’ Alla, li jrid li jkollna kollox permezz ta’ Marija. Mela, jekk għandna xi tama, xi grazzja jew xi don ta’ fedja, jeħtieġ li nkunu nafu li dan kollu ġej permezz tagħha. Id-doni kollha, il-virtujiet u l-grazzji tal-Ispirtu s-Santu huma mqassma minn idejn Marija, lil min trid, kif trid u kemm trid. Għax ma kienx jistħoqqilkom li tirċievu l-grazzja; għalhekk ġew mogħtija lil Marija biex tkunu tistgħu tirċevuhom permezz tagħha.”

 

142. Billi ra li aħna m’aħniex denji li nirċievu l-grazzji direttament minn Idejh, jikteb San Bernard, Alla jagħtihom li Marija, biex permezz tagħha aħna nirċievu dak kollu li jrid jagħtina; filwaqt li Hu jsib il-glorja tiegħu meta jirċievi minn idejn Marija l-gratitudni, l-adorazzjoni u l-imħabba tagħna li jistħoqqulu għall-grazzji tiegħu. Għalhekk jixraq ħafna, jgħid l-istess San Bernard, li aħna nimitaw din l-imġieba t’Alla biex hekk il-grazzja terġa’ tmur għand l-Awtur tagħha permezz tal-istess kanal immakulat, li ġiebha lilna: Ut eodem alveo ad largitorem gratia redeat quo fluxit.

 

Dan preċiżament dak li nagħmlu, b’din id-devozzjoni; aħna noffru li nikkonsagraw dak kollu li aħna u li għandna lill-Verġni Mbierka, biex hekk permezz tal-medjazzjoni tagħha, is-Sinjur Tagħna jkun jista’ jirċievi l-glorja u l-gratitudni li għandna nagħtuh. Aħna nistqarru li aħna denji u m’aħniex kapaċi nersqu waħidna lejn il-Majesta’ Infinita; u għalhekk aħna nfittxu l-interċessjoni t’Ommu l-Imqaddsa.

 

143. Aktar, din id-devozzjoni tinħtieġ l-eżerċizzju ta’ umilta’ kbira - dik il-virtu’ li Alla jħobb fuq il-virtujiet l-oħra kollha. Meta ruħ titkabbar tagħmel diżunur ‘l Alla. Meta ruħ tumilja ruħha, tgħolli ‘l Alla. Alla jirreżisti lis-suppervja u jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli. Jekk tumilja ruħek sinċerament, konvint li int indenn li tidher quddiemu u tersaq Lejh, Hu stess jitbaxxa biex jiġi għandek ħalli jieħu gost bik, u jgħollik, minkejja li inti tħoss li ma jistħoqqlokx. Bil-maqlub, meta inti tersaq lejn Alla bla ħsieb, mingħajr medjatur, Alla jaħbi lilu nnifsu minnek u ma jinstab imkien. Kemm iħobbha Alla l-umilta’ tal-qalb! Il-prattika tad-devozzjoni li qed nirrikmandaw twassal għal din l-umilta’. Tgħallimna biex qatt ma nersqu lejn is-Sinjur Tagħna waħedna, kien kemm kien ħelu u ħanin, imma dejjem infittxu l-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, meta nixtiequ nidhru quddiemu, biex inkellmuh jew nersqu lejh, biex noffrulu r-rigal tagħna jew biex ningħaqdu u nikkonsagraw ruħna lilu.

 

3. Din i-devozzjoni taqlgħalna l-għajuna ta’ Marija

1. Marija tagħti lilha nnifisha lill-ilsir tagħha ta’ mħabba

 

144. Hawn niġu għat-tielet mottiv. Il-Verġni Mqaddsa - li hi Omm il-ħlewwa u l-ħniena, u li ħadd ma jgħaddiha fil-ġenerożita’ u fl-imħabba meta tara li aħna qed nagħtu lilna nfusna, kollna kemm aħna lilha biex nagħtuha ġieh u naqduha, billi niċċaħħdu minn dak kollu li hu għażiż għalina, biex inżejnu lilha. Bi tpattija, hi wkoll tagħti lilha nfisha lilna, kollha kemm hi u b’mod l-aktar ħelu. Hi ddaħħalna fl-abbiss tal-grazzji tagħha, iżżejjinna bil-merti tagħha, twiżinna bis-setgħa tagħha, iddawwalna bid-dija tagħha, u tgħannaqna bl-imħabba tagħha, tikkommunikalna l-virtujiet tagħha: l-umilta’ tagħha, il-fidi tagħha, il-purita’ tagħha... Hi tidħol bħala pleġġ għalina u tissuplixxi għan-nuqqasijiet tagħna. Hi l-għażiża f’kollox għalina flimkien ma’ Ġesu’. Billi aħna kollna kemm aħna kkonsagrati lil Marija, Marija hi wkoll kollha kemm hi tagħna; għad li kull wieħed minna jista’ jgħid għalih innifsu dak li San Ġwann l-Evanġelista jgħid għalih, li hu ħa ‘l Verġni Mqaddsa għalih innifsu: Accepit eam discipulus in sua (Ġw 19,27)

 

145. Jekk nibqgħu fidili, dan inissel f’ruħna sfiduċja kbira u mibgħeda lejna nfusna, flimkien ma’ fiduċja sħiħa fil-Verġni Mqaddsa, l-Omm twajba tagħna. Inissel ukoll sottomissjoni perfetta lejha. Ma nibqgħux nafdaw aktar fid-diżpożizzjonijiet, l-intenzjonijiet, il-merti u fl-opri tajba tagħna. Għamilna offerta sħiħa lil Ġesu’ Kristu mill-idejn ta’ din l-Omm twajba, u għalhekk għandna teżor wieħed fejn jinsabu l-oġri kollha tagħna, u issa m’għandhomx iżjed tagħna. Dan it-teżor hi Marija.

 

Dan li jġegħilna nersqu lejn is-Sinjur Tagħna mingħajr biża’ servili jew ansejta’, u nitolbuh b’fiduċja kbira. Dan hu li jġegħilna nħossu s-sentimenti tal-Abbe Rupert, Saċerdot devot u għaref, li b’referenza għar-rebħa li Ġakobb kellu fuq anġlu, indirizza lill-Madonna b’dal-kliem ħelu: “O Marija, prinċepessa tiegħi u Omm Immakulata ta’ Alla- Bniedem, Ġesu’ Kristu, jien nixtieq nissielet billi nissieħeb ma’ dak il-Bniedem - mal-Kelma Divina - mhux armat bil-merti tiegħi imma armat b’tiegħek...”

 

Kemm inkunu setgħana u b’saħħitna ma’Ġesu’ Kristu meta nkunu armati bil-merti u l-interċessjoni ta’ din l-Omm denja ta’ Alla, illi kif igħid Santu Wistin rebħet bil-ħlewwa lil Dak li jista’ Kollox!

 

2. Marija ssaffi l-opri tajba tagħna, issebbaħhom u tagħmilhom aċċettabbli għal Binha

 

146. Ladarba b’din il-prattika tad-devozzjoni perfetta, aħna nagħtu lis-Sinjur Tagħna l-opri tajba kollha tagħna mill-idejn ta’ Ommu l-Imqaddsa, din l-Omm twajba ssaffihom, issebbaħhom u tagħmilhom aċċettabbli għal Binha Divin.

 

1. Hi ssaffihom minn kull tebgħa ta’ mħabba tagħna nfusna, u mill-ġibda, li ma nindunawx biha, lejn il-ħlejqa li tidħol fl-aħjar opri tagħna. Meta l-opri tajba tagħna jkunu mogħtija fl-idejn ħabrieka u kollha safa ta’ Marija, dawn l-istess idejn li qatt ma kienu mittiefsa jew għażżiena, u jippurifikaw kulma jmissu, inaddfu r-rigal li nagħtuha, minn kull ħaġa li tista’ ttebbgħu u tagħmlu mperfett.

 

147. 2. Hi ssebbaħ l-opri tajba tagħha, billi żżejjinhom bil-merti u l-virtujiet tagħha. Qisu, bħallikieku bidwi li jixtieq ikun ħabib u jkollu l-ħbiberija tas-Sultan, imur ħdejn is-Sultana u jagħtiha tuffieħa li hi l-qliegħ tiegħu kollu bħala rigal, biex hi tippreżentaha lis-Sultan. Wara li taċċetta dar-rigal żgħir, is-Sultana tpoġġih ġo gabare’ kbir tad-deheb, u hekk tippreżentah lis-Sultan f’isem il-bidwi. Hekk it-tuffieħa, għalkemm fiha nfisha mhix rigal addattat biex jiġi preżentat lis-Sultan, issa ssir rigal xieraq għall-Maesta’ tiegħu, kemm minħabba l-gabare’ tad-deheb li fih tkun qiegħda, kif ukoll minħabba s-sbuħija tal-persuna li qed tippreżentah.

 

148. 3.Hi tippreżenta dawn l-opri tajba lil Ġesu’ Kristu. Hi tgħaddi kollox fedelment lil Binha Divin u ma żżomm xejn għaliha mill-opri tajba kollha offerti lilha. Meta nagħtu lilha, aħna bilfors nagħtu lil Ġesu’ Kristu, meta nfaħħruha u nigglorifikawha hi mill-ewwel tfaħħar u tigglorifika ‘l Ġesu’. Hi l-istess issa bħal meta faħħrtiha Santa  Eliżabetta. Meta aħna nlissnulha l-kliem ta’ tifħir u benedizzjoni tagħna, hi mill-ewwel tgħolli l-leħen tagħha u tgħid: Magnificat anima mea Dominum (Lq 1,46)

 

149. 4. Hi tipperswadi lil Ġesu’ biex jilqa’ l-għemil tajjeb tagħna, kien kemm kien ċkejken u insinifikanti r-rigal tagħna meta nqabbluh mal-Maesta’ tal-Qaddis tal-Qaddisin u tas-Sultan tas-Slaten. Meta minn jeddna u billi nafdaw fuq il-bżulija u d-dispożizzjoni tajba tagħna, aħna noffru xi rigal lil Ġesu’ hu jiflih u spiss jirreġettah minħabba xi tebgħa li jkun ħa mill-imħabba tagħna nfusna, bħalma fl-antik Alla ma kienx jilqa’ s-sagrifiċċju tal-Poplu Magħżul, għaliex kienu mħassrin bihom nfushom. Imma meta aħna noffrulu xi ħaġa, mill-idejn puri u verġninali tal-Imqaddsa Ommu, aħna mmissuh fid-“debboli” tiegħu jekk nista’ nuża l-espressjoni popolari. Issa hu jkun fi ħsiebu iżjed f’Ommu l-maħbuba li tkun qed toffri r-rigal, milli fir-rigal stess. Hu hekk bl-id immakulata li qed toffri r-rigal, li ma joqgħodx jistaqsi minn fejn ġie r-rigal. Hekk, Marija li qatt ma hi miċħuda, imma dejjem milqugħa bil-ħlewwa u l-imħabba minn Binha, tagħmel dak kollu li toffri, kbir jew żgħir, mogħġub u aċċettabbli għall-Maesta’ Tiegħu. Il-fatt li tkun qed toffrih Marija hu biżżejjed biex iġġiegħel lil Ġesu’ jaċċettah u jieħu gost bih. Din hi l-massima ewlenija li San Bernard ta lil dawk li kien qiegħed imexxi fit-triq tal-perfezzjoni. “Meta jkollkom xi rigal li tixtiequ toffru ‘l Alla oqgħodu attenti li toffruh mill-idejn wisq mogħġuba u denji ta’ Marija - jekk naturalment ma tridux li tkunu rrifjutati.”

 

150. Forsi mhix din sewwa sew l-imġiba li n-natura tispira fl-umli meta jkollhom x’jaqsmu mal-kbarat ta’ din id-dinja, bħalma diġa’ rajna? Għaliex il-grazzja m’għandhiex iġġegħilna nagħmlu l-istess ħaġa m’Alla li hu infinitament ogħla minna u li quddiemu aħna anqas minn traba? Iktar, aħna għandna f’Marija Avukata, hekk qawwija li qatt ma tiġi rrifjutata, hekk għaqlija li taf il-mogħdijiet sigrieti kollha, biex tirbaħ il-favuri t’Alla, hekk ħanina u ta’ karita’ li ma tirrifjuta ‘l ħadd, kien ċkejken u midneb kemm kien. Iktar ‘il quddiem jiena nsemmi s-simbolu ċar ta’ dak li għedt fl-istorja ta’ Rebekka.

 

4. Din id-Devozzjoni tagħti l-Akbar Glorja ‘l Alla

 

151. Ir-raba’ mottiv hu li din id-devozzjoni pprattikata fedelment hi mezz eċċellenti li tiggarantixxi li l-valur tal-opri tajba kollha tagħna jkun użat għall-akbar glorja t’Alla. Għalkemm aħna obbligati nagħmlu hekk, kważi ħadd ma jagħmel l-azzjonijiet tajba b’din l-intenzjoni nobbli, jew għax ma jafux fejn hi l-akbar glorja t’Alla, inkella għaliex huma indifferenti fuq dil-ħaġa. Imma l-Verġni Mbierka, li lilha tajna l-valur kollu, u l-merti tal-opri tajba tagħna, taf perfettament fejn tista’ tinsab l-akbar glorja t’Alla u f’kollox taħdem biss biex iġġib l-akbar glorja. Meta qaddej perfett ta’ din is-Sinjura twajba, li jkun ikkonsagra lilu nnifsu lilha, jista’ bil-kuraġġ igħid, li l-valur ta’ ħsibijietu, kliemu u l-azzjonijiet tiegħu qed jiġi wżat għall-akbar glorja t’Alla, għall-inqas, sakemm ma jirrevokax espressament din l-offerta li għamel. Jista’ jkun hemm xi ħaġa ta’ konsolazzjoni akbar għar-ruħ, li tħobb ‘l Alla b’imħabba pura u mneżżgħa minn kull ġibda lejha nfisha, u li iktar tfittex il-glorja u l-interessi t’Alla milli tfittex il-glorja u l-interessi tagħha?

 

5. Din id-Devozzjoni tmexxina malajr għall-Għaqda m’Alla

 

152. Il-ħames mottiv hu li din id-devozzjoni hija t-triq ħafifa, qasira, perfetta u żgura li twassal għall-għaqda m’Alla li hi l-Perfezzjoni Nisranija.

 

1. Din id-Devozzjoni hija t-triq il-ħafifa

 

1. Hi triq ħafifa. Hi t-triq li fassal Ġesu’ biex ġie għandna, u li fiha m’hemm ebda ostaklu li jfixkilna biex naslu Għandu. L-għaqda m’Alla, tista’, naturalment tintlaħaq minn toroq oħra; imma din tkun biss b’ħafna slaleb, xi mwiet strambi, u b’diffikultajiet wisq ikbar li aħna nirbħu biss bi tbatija kbira. Ikollna ngħaddu minn iljieli mudlama tar-ruħ, minn taqbid tal-biża’ u minn agunija terribli, ikollna nixxabbtu ma’ muntanji skabrużi, nimxu minn ġo għollieq li jqatta’, u minn deżerti nifxin li jbeżżgħu. Waqt li, bit-triq ta’ Marija, aħna nimxu ‘l quddiem aktar bil-ħlewwa u bil-paċi. Ibqgħu ċerti, li hemm kumbattimenti ħorox u diffikultajiet kbar jistennewna f’din it-triq. Imma din is-Sinjura u Omm twajba toqgħod hekk fil-qrib u preżenti mal-qaddejja fidili tagħha, biex iddawwalhom fid-dlam u d-dubji tagħhom, biex issaħħaħhom fil-mumenti tal-biża’ u biex twiżinhom fil-kumbattimenti u d-diffikultajiet tagħhom, illi tassew din it-triq verġinali li twassal għand Ġesu’ Kristu, hi meta nipparagunawha ma’ oħrajn, it-triq tal-ward u l-għasel. Hemm xi qaddisin, imma mhux ħafna - Sant Efrem, San Ġwann Damaxxenu, San Bernard, San Bernardinu, San Bonaventura, San Franġisk de Sales u oħrajn - li waslu għand Ġesu’ Kristu permezz ta’ din it-triq ħelwa għaliex l-Ispirtu s-Santu, l-Għarus fidil ta’ Marija, irrivelahielhom bi grazzja singulari. Il-biċċa l-kbira tal-qaddisin, madankollu, ma daħlux f’din it-triq, jew daħlu għal ftit, għalkemm kull wieħed minnhom kellu devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Għalhekk, huma ġarrbu aktar provi u tentazzjonijiet ħorox u perikolużi.

 

153. Kif inhu dan - xi veri devoti tal-Madonna jistaqsuni - li l-qaddejja fidili ta’ din l-Omm Twajba, jiltaqgħu ma’ tant okkażjonijiet ta’ tbatija u fil-fatt isofru aktar minn dawk li huma anqas devoti lejha? Huma jkunu mgiddba, ippersegwetati, ikkalunjati, meqjusa bħala nies insuppurtabbli jew jimxu fid-dlamijiet tar-ruħ u f’deżerti fejn m’hemm l-ebda sinjal ta’ ħniena. Jekk din id-devozzjoni tħaffef it-triq li twassal għand Ġesu’ Kristu, għaliex dawk li jagħżluha huma l-aktar immaqdra?

 

154. Jien inwieġeb: “Ladarba l-qaddejja fidili ta’ Marija huma l-favoriti speċjali tagħha, hu tassew minnu li jirċievu minn għandha l-akbar numru ta’ grazzji u benefiċċji mis-sema - li huma s-slaleb. Imma jiena nsostni li l-qaddejja ta’ Marija, jerfgħu dawn is-slaleb b’ħeffa, mertu u glorja akbar minn tal-oħrajn. Dak li jġiegħel lill-ieħor jitfixkel elf darba, jew li jitfgħu mal-art, ma jfixkilx il-mixja tagħhom bl-ebda mod. Anzi bil-maqlub, hu jgħinnhom javanzaw, għaliex din l-Omm Twajba mimlija bil-grazzja u bid-dlik tal-Ispirtu s-Santu, tagħmel dawn is-slaleb kollha li tfassal għalihom ħelwin biz-zokkor tal-ħlewwa tagħha materna, u bil-balzmu tal-imħabba safja tagħha. Għalhekk huma jgħożżu dawn is-slaleb u jaċċettawhom bil-ferħ, bħal meta tarbija tibla’ l-pillola biz-zokkor u ma tirrealizzax li fiha nfisha kienet ħażina u morra. U jien konvint li bniedem li jrid ikun devot u li jrid jgħix ħajja qaddisa f’Ġesu’ Kristu, u għalhekk irid isofri persekuzzjoni u jrid iġorr salibu kuljum, qatt ma jġorr slaleb tqal, jew ma jġorrhomx bil-ferħ u bil-perseveranza sa l-aħħar, jekk ma jkollux devozzjoni delikata lejn il-Verġni Mbierka, li hi l-ħlewwa tas-salib, l-istess bħalma persuna ma tistax tieħu mingħajr dwejjaq u stmerrija l-pilloli li ma kinux miksija biz-zokkor biex ikollhom tomgħa tajba.

 

2. Din id-Devozzjoni hi t-triq il-qasira

 

155.  2. Din id-devozzjoni lejn il-Madonna hi triq qasira biex issib lil Ġesu’ Kristu, kemm għaliex fiha ma nintilfux, u għaliex, kif għadni kemm għedt, aħna nimxu fiha b’aktar ferħ u ħeffa, u għalhekk b’aktar prontezza. Nimxu aktar ‘il quddiem fi żmien qasir ta’ sottomissjoni u dipendenza minn Marija milli nagħmlu fi snin sħaħ ta’ smigħ ir-rieda tagħna, u fiduċja fuq l-forzi tagħna, għaliex il-bniedem ubbidjenti u sottomess lejn Marija għad ikanta vittorji li hu rebaħ fuq l-għedewwa tiegħu. Għedewwa bħal dawn għad iqumu, tassew, biex ifixkluwna fil-progress tagħna biex iġegħeluna nerġgħu lura jew iwaqqgħuna. Imma bl-għajnuna, it-tweżin u t-tmexxija ta’ Marija aħna ma naqgħux jew induru lura jew għallanqas nitħassbu, iżda b’passi ta’ ġgant, u malajr aħna mmorru ‘l quddiem għand Ġesu’ Kristu, bl-istess triq li minnha għadda Hu nnifsu, biex jiġi għandna.

 

156. Għaliex, taħsbu intom li Ġesu’ Kristu, li kellu żmien hekk qasir li jgħix fid-dinja, għażel li kważi l-ħajja kollha tiegħu fuq l-art igħaddiha fis-sottomissjoni u l-ubbidjenza lejn Ommu? Kien għaliex, billi kien magħmul perfett f’qasir żmien, Hu jimla żmien twil - itwal mis-snin ta’ Adam li kien ġie biex isewwi l-ħtija tiegħu, minkejja li Adam għex għal aktar minn disa’ mitt sena, Ġesu’ Kristu għex żmien twil għaliex kien hu dejjem kienet perfettament ubbidjenti lejn Ommu l-Imqaddsa u maqgħud perfettament magħha b’ubbidjenza lejn ir-rieda ta’ Alla l-Missier. Għaliex (1) dak li jagħti ġieh ‘l ommu, igħid l-Ispirtu s-Santu, hu bħal dak li jaħżen teżor kbir. Fi kliem ieħor, min jagħti ġieh lil Marija Ommu, billi jasal biex jissottometti ruħu għaliha u jobdiha f’kollox, malajr isir sinjur ħafna: għaliex hu jkun igeddes teżor ta’ kuljum skont is-sigriet mogħti lilna minn din il-filosofija. (2) Għax skont interpretazzjoni mistika ta’ dal-kliem tal-Ispirtu s-Santu “Ix-xjuħija tiegħi hija fil-ħniena tal-ġuf, huwa fil-ġuf ta’ Marija, dak il-ġuf hu li sawwar u għamel bniedem perfett, u kien kapaċi jżommu, dak li d-dinja kollha ma tifhmux u lanqas tesgħu - illi ż-żgħar fl-eta’ jsiru bħal dawk illi ż-żmien jimmatura fid-dawl, fil-qdusija u fl-għerf u jilħqu f’qasir żmien il-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu.”

 

 

 

 

3. Din id-devozzjoni hija t-triq perfetta

 

157.  3. Marija, hi l-aktar perfetta u l-aktar qaddisa fost il-ħlejjaq; u Ġesu’ Kristu li ġie fostna b’manjiera perfetta m’għażilx triq oħra ħlief dik ta’ Marija għall-miġja setgħana u tal-għaġeb Tiegħu. Mela din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa, hija triq  perfetta biex naslu għand Ġesu’ Kristu u ningħaqdu Miegħu. L-Iktar Għoli, Dak li ħadd ma jista’ jifhmu, Dak li ħadd ma jista’ jersaq Lejh, Dak li Hu, ried li jiġi fostna, dud insinifikanti tal-art. Kif ġara dan? Permezz ta’ Marija. L-aktar Għoli, niżel perfettament u b’mod divin fostna, mingħajr ma naqqas id-Divinita’ Tiegħu u l-Qdusija Tiegħu. U hu permezz ta’ Marija li aħna ż-żgħar irridu niltilgħu perfettament u b’mod divin, u mingħajr biża’ għand l-Aktar Għoli:

 

Dak li ħadd ma jista’ jifhmu ppermetta lilu nnifsu li jkun mifhum u miżmum perfettament minn Marija, mingħajr ma tilef xejn mill-immensita’ Tiegħu; u hekk ukoll li permezz ta’ din il-Verġni umli li aħna għandna nħallu ruħna nkunu miżmuma u mmexxijin perfettament u mingħajr riserva. Dak li ħadd ma jista’ jersaq lejh, ġie ħdejna u għaqqad lilu nnifsu mill-qrib perfettament u anke personalment ma’ l-umanita’ tagħna, permezz ta’ Marija, mingħajr ma tilef xejn mill-Maesta’ Divina Tiegħu. Hu wkoll permezz ta’ Marija li aħna nistgħu nersqu lejn Alla u ngħaqqdu lilna nfusna mill-qrib u perfettament mal-Maesta’ Divina Tiegħu, mingħajr biża’ li niġu mkeċċija. Fl-aħħarnett, Dak li Hu, ried jiġi għand dak li mhux, u jġiegħel dak li mhux, isir Alla,jew Dak li Hu; u Hu għamel dan perfettament billi ta lilu nnifsu u ssottometta ruħu għal kollox għall-Verġni umli Marija, mingħajr ma jieqaf li jibqa’ fil-kwadru taż-żmien, Dak li Hu mill-eternita’. Hekk ukoll għalkemm m’aħna xejn, permezz ta’ Marija nistgħu nsiru bħal Alla, bil-grazzja u l-glorja, billi nagħtu lilna nfusna lilha hekk perfettament u għal kollox, li nsiru xejn għalina nfusna, imma kollox fiha, mingħajr ebda biża’, li mixjin ħażin.

 

158. Ħalli xi ħadd joffrili triq oħra għal għand Ġesu’ Kristu. Ħalli dik it-triq tkun miksija bil-merti kollha tal-qaddisin u mżejna bil-virtujiet erojċi tagħhom, u tiddi u sabiħa bid-dija u s-sbuħija tal-Anġli, u ħalli l-Anġli u l-Qaddisin kollha jimxi fiha biex imexxu, jiddefendu  u jwieżnu lil dawk kollha li jagħżlu din it-triq. Fil-verita’, jien għandi l-kuraġġ ngħid li jien aktar nagħżel it-triq Immakulata ta’ Marija milli din it-triq li hi hekk perfetta.

 

Posui Immaculatam viam meam: triq safja u bla tebgħa, mingħajr dnub tan-nisel jew attwali, mingħajr l-ebda dell jew dlam, u meta fil-milja taż-żmien is-Sinjur Tagħna, fil-glorja tiegħu jerġa’ jiġi t-tieni darba fid-dinja biex iħabbar is-saltna tiegħu, Hu ma jagħżilx triq oħra ħlief dik ta’ Marija tas-sema, li permezz tagħha wettaq l-ewwel miġja tiegħu, b’mod l-aktar żgur u perfett. Id-differenza bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Kristu hi li l-ewwel waħda kienet sigrieta u moħbija waqt li t-tieni waħda tkun glorjuża u trijonfanti; imma t-tieni waħda tkun perfetta daqs l-ewwel għaliex tiġi mwettqa permezz ta’ Marija. Hawnhekk hawn misteru li ħadd ma jifhem: Hic taceat omis lingua.

 

4. Din id-devozzjoni hija t-triq żgura

 

159.  4. Din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka hi triq żgura biex naslu għand Ġesu’ Kristu u li nsiru perfetti billi ningħaqdu Miegħu:

 

1. Dan hu hekk, l-ewwelnett, għaliex din il-prattika li qed nirrikmanda mhi bl-ebda mod ġdida. Hi tassew hekk qadima li skont Father Boudon, li kiteb ktieb fuq din id-devozzjoni, mhux possibli li tagħti data eżatta ta’ meta bdiet. Imma żgur li aħna nsibu sinjali ta’ din id-devozzjoni fil-Knisja, ‘il fuq minn l-aħħar seba’ mitt sena. Saint Odilon, Abbati ta’ Cluny (fl-1040) kien wieħed minn tal-ewwel li pprattika din id-devozzjoni pubblikament fi Franza, kif inhu nnutat fl-istorja ta’ ħajtu.

 

Il-Kardinal Peter Damien jirrakkonta li fl-1036, ħuh, il-Beatu Marino għamel lilu nnifsu l-ilsir ta’ Marija quddiem id-direttur tiegħu. Hu għamel dan b’mod l-aktar edifikanti, billi poġġa ħabel madwar għonqu, għamel id-dixxiplina u poġġa somma flus fuq l-altar bħala sinjal tad-devozzjoni u l-konsagrazzjoni tiegħu lil din il-Verġni Mbierka. Hu kompla din id-devozzjoni hekk fedelment matul ħajtu, illi waqt mewtu, hu mmerita li jkollu żjara u jkun mfarraġ mis-Sinjura twajba Tiegħu li jisma’ minn xofftejha l-wegħda tal-Ġenna, bħala premju tal-qadi tiegħu.

 

Caesarius Bollandus isemmi Kavallier famuż Vautier de Birbak, li madwar is-sena 1500, għamel din il-konsagrazzjoni tiegħu nnifsu lill-Verġni Mbierka. Din id-devozzjoni kienet ipprattikata minn ħafna nies privatament sas-sbatax-il Seklu, meta saret pubblika.

 

160. Patri Simon de Roias tal-Ordni tat-Trinita’, anke magħruf bħala tal-Ordni tal-Ħelsien tal-ilsiera, li kien il-predikatur tal-qorti ta’ Filippu Tlieta, xerred ħafna din id-devozzjoni fi Spanja u l-Ġermanja u fuq talba ta’ Filippu Tlieta, qala’ ħafna ndulġenzi mingħand il-Papa Gregorju XV għal dawk kollha li jagħmluha.

 

Patri de Los-Rois tal-Ordni ta’ Santu Wistin, ingħaqad mal-ħabib intimu tiegħu, Patri de Roias biex ixxerred din id-devozzjoni bil-kitba u l-predikazzjoni tiegħu fi Spanja u l-Ġermanja. Hu kiteb biċċa xogħol kbira msejħa Hierarchia Mariana, li fiha hu jittratta bi qdusija kbira u b’għerf kbir il-qedem, l-eċċellenza u sodezza ta’ din id-devozzjoni ta’ Marija. Fis-Sbattax-il Seklu, il-Patrijiet waqfu din id-devozzjoni fl-Italja, fi Sqallija u fis-Savoja.

 

161. Filwaqt li Patri Stanislaus Phalicius, tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’, daħħalha sewwa fil-Polonja. Patri de Los Rios, fix-xogħol li għalih irreferejna iktar ‘il fuq, jagħti lista’ ta’ prinċpijiet, prinċipessi, duki u kardinali minn saltniet differenti li ħaddnu din il-prattika tal-vera devozzjoni. Patri Cornelius a Lapide, raġel imsemmi għall-virtu’ daqskemm hu msemmi għall-istudju profond tiegħu, kellu kummissjoni minn ħafna isqfijiet u teoloġi biex jgħarbel din id-devozzjoni. Wara li kkonsidra bir-reqqa l-materja kollha, hu faħħarha bi kliem ispirat mill-qdusija tiegħu. Ħafna oħra, kbarat tat-teoloġija mxew fuq l-eżempju tiegħu, billi faħħruha. Il-Patrijiet Ġiżwiti, dejjem żelanti fis-servizzi tal-Verġni Mbierka, ippreżentaw lid-Duka Ferdinandu tal-Bavarja, f’isem is-Sodalisti ta’ Cologne, trattat żgħir fuq din id-devozzjoni. Id-Duka - li kien l-Arċisqof ta’ Colonge – approvaha u ħallieha tiġi stampata, u eżorta lill-qassisin u lir-reliġjużi tal-Arċidjoċesi tiegħu biex jagħmlu kull mezz ħalli jxerrdu din id-devozzjoni qaddisa.

 

162. Il-Kardinal de Berulle, li l-memorja tiegħu għadha tinħass bħal barka fuq Franza kollha, kien wieħed mill-aktar żelanti, biex ikabbarha mal-art kollha, minkejja l-kalunji u l-persekuzzjonijiet tal-kritiċi u tal-libertini. Huma akkużawh bis-superstizzjoni u t-tibdil; huma kitbu u ppublikaw ktieb biex imaqdruh u użaw - jew aħjar ix-xitan permezz tagħhom uża - elf nassa biex ifixkel it-tixrid ta’ din id-devozzjoni fi Franza. Imma dan il-bniedem, kbir u qaddis laqa’ l-kalunji tagħhom bis-sabar u għall-oġġezzjonijiet kollha li ġabu fil-ktieb tagħhom hu wieġeb b’biċċa xogħol żgħira li biha hu rebaħ l-oġġezzjonijiet tagħhom kollha billi wera li din id-devozzjoni hi mwaqqfa fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu, fuq l-obbligazzjonijiet li għandna lejh, u fuq il-wegħdiet li aħna għamilna fil-magħmudija mqaddsa. Kien speċjalment b’dan l-argument tal-aħħar li hu sikket il-kritiċi tiegħu billi wriehom illi din il-konsagrazzjoni lil Marija u lil Ġesu’ Kristu mhix ħlief tiġdid perfett tal-Magħmudija. Fil-kitba tiegħu, hu jgħid ħafna affarijiet sbieħ fuq din id-devozzjoni.

 

163. Fil-ktieb ta’ Father Boudon jinsabu l-ismijiet ta’ Papiet differenti li approvaw din id-devozzjoni u tat-teoloġi li studjawha; hemm ukoll rakkont tal-persekuzzjonijiet li ġabbret u rebħet, u tal-eluf li ħaddnuha - imma l-ebda kelma ta’ kundanna minn xi wieħed mill-Papiet, għaliex tassew kundanna bħal din ma setgħetx tingħata mingħajr ma kienet tfarrak l-istess pedamenti tal-Kristjaneżmu. Hi mela ħaġa ċerta li din id-devozzjoni mhix ġdida; u jekk mhix popolari, dan l-għaliex din hi wisq prezzjuża biex tkun maħbuba u mħaddna minn kulħadd addoċċ.

 

164. 2. Fit-tieni lok, din id-devozzjoni hi triq żgura biex nersqu fejn is-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu l-għaliex hi karrateristika tal-Madonna li tmexxina fis-sikurezza lejn Ġesu’ Kristu bħalma hi prijorita’ ta’ Ġesu’ Kristu li jwassalna qawwijin u sħaħ għand il-Missier Etern.  Erwieħ spiritwali m’għandhomx jiġu mqarrqin billi jaħsbu li Marija tkun ta’ tfixkil tagħhom għall-għaqda m’Alla. Għaliex kif jista’ wieħed jissopponi li dik li għall-umanita’ b’mod ġenerali u għal kull ruħ b’mod individwali sabet grazzja quddiem Alla, tista’ tkun ta’ tfixkil għar-ruħ li tkun qed tfittex il-grazzja kbira tal-għaqda ma’ Ġesu’ Kristu? Kif jista’ jkun li dik li fiha l-grazzja kbira hija soprabbundanti u li hi hekk maqgħuda m’Alla u ttransfurmata fih u li hu tħajjar li jieħu l-ġisem fiha, tfixkel lil ruħ milli tilħaq għaqda perfetta m’Alla? Ir-relazzjonijiet tagħna ta’ nies oħra jistgħu verament ikunu ta’ tfixkil għall-għaqda tagħna m’Alla, kienu qaddisa kemm kienu dawn in-nies. Imma fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Marija dan mhux hekk bħalma diġa għedt u nibqa’ nirrepeti mingħajr ma’ nixba’. Waħda mir-raġunijiet għaliex hekk ftit jaslu għall-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu, hi għaliex Marija li dejjem tibqa’ bħalma dejjem kienet, l-Omm tal-Iben l-Għarusa fertili tal-Ispirtu s-Santu, għadha mhix magħrufa biżżejjed fil-qlub tal-bnedmin. Għalxejn wieħed jistenna frott misjur u bnin jekk ma jkollux is-siġra li tagħmlu. U l-istess kull min jixtieq li jkollu l-frott tal-ħajja, Ġesu’ Kristu, jeħtieġ ikollu s-siġra tal-ħajja li hi Marija; u kull min jixtieq li jkollu ġo fih il-preżenza li taħdem tal-Ispirtu s-Santu, jeħtieġ ikollu l-għarusa fidila u li qatt ma tinfired minnu, Marija tas-sema, li permezz tagħha Hu jaħdem fina.

 

165. Ħalli mela naċċertaw ruħna minn dan: aktar ma nħarsu lejn Marija - jekk mhux b’direzzjoni speċifika tal-ħsibijiet tagħna, għallinqas b’intenzjoni u attitudni ġenerali - fit-talb, fil-meditazzjoni, fl-azzjonijiet u t-tbatijiet tagħna, aktar insibu ‘ l Ġesu' Kristu perfettament, li hu dejjem ma’ Marija, kbir, setgħani, li jaħdem u li ħadd ma jista’ jifhem. Hekk Marija hi totalment maqgħuda m’Alla bħallkieku mitlufa f’Alla; u għalhekk mhux talli mhix ta tfixkil għal dawk li jfittxu l-perfezzjoni fl-għaqda m’Alla, imma qatt ma kien hemm, u lanqas qatt ikun hemm kreatura oħra li tgħinna hekk tajjeb, biex nilħqu dan l-għan kbir. Hi tagħmel dan permezz tal-grazzji li tagħtina għal dan il-għan - għaliex igħid wieħed qaddis, għax ħadd mhu mimli bil-ħsieb t’Alla ħlief permezz ta’ Marija - Nemo cogitatione Dei repletur nisi per te. U anke bil-kura hi dejjem tieħu biex tħarisna mill-falsita’ u l-qerq tax-xitan.

 

166. Fejn hemm Marija, l-ispirtu ta’ ħażen ma jistax joqgħod; u wieħed mis-sinjali li ma jiżbaljawx illi bniedem ikun qed jiġi mmexxi minn spirtu tajjeb, hu d-devozzjoni kbira tiegħu lejn din l-Omm Twajba, billi jaħseb spiss fiha u spiss jitkellem fuqha. Qaddis qal dan - li bħalma n-nifs hu sinjal ċar li l-ġisem mhux mejjet, hekk ukoll hu l-ħsieb spiss u l-invokazzjoni ta’ mħabba lejn Marija, sinjal ċar li r-ruħ mhix ‘il bogħod minn Alla bid-dnub.

 

167. Għalkemm il-kritiċi jistgħu jgħidu l-akkużi tagħhom, jibqa’ fatt li devot fidil ta’ Marija qatt ma jaqa’ fl-ereżija jew fl-iżball, għallinqas ta’ kwalita’ formali, għaliex kif tgħid il-Knisja mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, Marija biss saħqet l-ereżija kollha: Sola cunctas haereses interemisti in universo mundo. Dawn id-devoti fidili jistgħu verament jaqgħu fl-iżball materjali billi jħalltu l-falsita’ mal-verita’ u l-ispirtu ħażin mat-tajjeb - imma dawn inqas jistgħu jagħmlu dan minn oħrajn. Kmieni jew tard huma jgħarfu l-iżball tagħhom u l-iżball materjali tagħhom, u meta jagħrfuh huma ma jwebbsux rashom biex iżommu ma’ dak li jkun deherilhom verita’.

 

168. Jekk mela xi ħadd jixtieq jimxi ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni u jasal qawwi u sħiħ perfettament għand Ġesu’ Kristu, u fl-istess ħin jiskappa dak il-biża’ ta’ qerq li ġeneralment iħossu nies ta’ talb, ħalli dal-bniedem iħaddan bil-qalb - qalb kbira u fehma sħiħa (2 Mak 1,3) - din id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka, devozzjoni li forsi s’issa qatt ma kien jaf biha. Ħalli jidħol f’din it-triq eċċellenti li ma kienx jaf biha, u li jien se nurih: Jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll (1 Kor 12,31). Hija triq imfassla minn Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat, ir-Ras waħdanija tagħna. Meta juża dik it-triq il-membru ta’ Kristu ma jintilifx. Hi triq ħafifa minħabba l-milja tal-grazzja, u bid-dlik tal-Ispirtu s-Santu li jagħniha, aħna ma ngħajjewx u lanqas nerġgħu lura jekk nimxu ma’ dit-triq. Hi triq qasira, li f’qasir żmien teħodna għand Ġesu’ Kristu. Hi triq  perfetta fejn m’hemmx tajn, trab u lanqas l-iċken ħjiel tad-dnub. Fl-aħħarnett hi triq żgura li twassalna għand Ġesu’ Kristu u fil-ħajja ta’ dejjem, b’mod dritt u sod, mingħajr tgħawwiġ lejn il-lemin jew ix-xellug.

 

Ejjew mela niħdlu fiha u nimxu magħha lejl u nhar biex tkun tista’ twassalna għall-milja tal-eta’ ta’ Ġesu’ Kristu.

 

6. Din id-devozzjoni tagħti liberta’ kbira nterjuri

 

169. Is-sitt mottiv hu li din id-devozzjoni tagħti liberta’ kbira interjuri - il-liberta’ ta’ wlied Alla - lil dawk li jipprattikawha fedelment. Permezz ta’ din id-devozzjoni aħna nsiru l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu u nikkonsagraw ruħna lilu bħala tali kollna kemm aħna. Bi tpattija għal dak li nagħmlu, din l-Omm twajba:

1.tneħħi kull skurplu u kull biża’ servili minn ruħna li jservu biss biex idejqu u jagħlqu qisu f’ħabs lill-erwieħ tagħna u jiżirgħu fihom konfużjoni;

2. tiftaħ lil qlubna beraħ billi tagħtina fiduċja sħiħa f’Alla, u ġġegħelna nqisuh bħala Missierna;

3. tnebbaħ fina mħabba delikata ta’ wlied.

 

170. M’iniex se noqgħod nipprova din il-verita’ billi niġbor ir-raġunijiet. Minflok dan, se nfakkar inċident li jien qrajt fil-Ħajja ta’ Mother Agnes ta’ Ġesu’, (2. Beata:20/11/1994), soru dumnikana ta’ Langeac fl-Auvergne, li mietet hemm b’fama ta’ qdusija fis-sena 1634. Meta kellha biss seba’ snin, u kienet batuta ħafna, semgħet vuċi tgħidilha, li jekk riedet teħles mill-uġigħ tagħha kollu u tkun imħarsa mill-għedewwa tagħha, għandha tagħmel lili nfisha l-ilsiera ta’ Ġesu’ u tal-Verġni Mqaddsa. Meta marret id-dar, hi malajr offriet lilha nfisha lil Ġesu’ permezz ta’ Marija, bħala ilsiera Tiegħu, għalkemm hi ma kienet taf xejn fuq din id-devozzjoni qabel; u sabet katina tal-ħadid, dawritha magħha u baqgħet biha sal-mewt. Bħala riżultat ta’ din l-azzjoni, l-uġigħ u l-iskrupli kollha għebu, u paċi kbira u ferħ fil-qalb ħadulhom posthom. Dan kollu ħeġġiġha biex tgħallem din id-devozzjoni lil xi nies devoti li għamlu progress kbir - fost dawn kien hemm Fr Olier, li kien waqqaf is-Seminarju ta’ Saint Sulpice , u ħafna saċerdoti u kjeriċi tal-istess Seminarju. Ġurnata waħda dehritilha l-Madonna u poġġitilha katina tad-deheb madwar għonqha, biex turiha kemm kienet ħadet gost meta hi saret l-ilsiera ta’ Ġesu’ u ta’ Marija; u Santa Cecilia li akkompanjat lill-Verġni Mqaddsa f’din il-viżjoni; qalet lil Mother Agnes: “Imberkin l-ilsiera fidili tas-Sultana tas-Sema għaliex igawdu l-vera liberta’”: ‘Tibi servire libertas’.  

 

 

 

 

7. Din id-devozzjoni ġġib benefiċċji kbar lill-proxxmu

 

171. Is-seba’ mottiv li jħeġġiġna aktar biex inħaddnu din id-devozzjoni huwa: il-benefiċċji kbar li ġġib lill-proxxmu. B’din il-prattika aħna neżerċitaw imħabba tal-aħwa mill-aqwa, ladarba aħna nagħtu lill-proxxmu tagħna permezz ta’ Marija dak kollu li għandu għażiż - il-valur sodisfatorju u impetratorju tal-opri tajba tagħna kollha mingħajr ma nżommu għalina l-iċken ħsieb tajjeb jew l-iċken tbatija. Aħna rridu li l-valur kollu sodisfatorju ta’ kull ħaġa tajba li għamilna, jew li għad nagħmlu anke sal-mewt, ikun użat skont ix-xewqa tal-Verġni Mbierka jew għall-konverżjoni tal-midinbin jew għall-ħelsien tal-erwieħ tal-Purgatorju.

 

Din mhix imħabba tal-proxxmu perfetta? Dan ma jfissirx li tkun veru dixxiplu ta’ Kristu - dixxiplu magħruf mill-imħabba li għandu lejn il-proxxmu? Dan mhux mezz biex tikkonverti l-erwieħ mingħajr periklu ta’ suppervja; u li teħles l-erwieħ mill-Purgatorju, filwaqt li ma tkun tagħmel xejn aktar milli aħna obbligati nagħmlu, skont l-istat ta’ ħajjitna?

 

172. Biex tirrealizza l-eċċellenza ta’ dan il-mottiv, irridu napprezzaw kemm hi ħaġa kbira li tikkonverti midneb, jew li teħles ruħ mill-Purgatorju. Din hi ħaġa li jidħol l-infinit fiha, hi ħaġa akbar mill-ħolqien tas-sema u l-art, la darba permezz tagħha Alla jiġi mogħti lil ruħ. Jekk bil-prattika ta’ din id-devozzjoni matul ħajjitha kollha, persuna jirnexxilha teħles ruħ waħda mill-Purgatorju, jew li tikkonverti midneb wieħed biss, dan ma kienx ikun biżżejjed biex iqanqal lil kull min għandu tassew imħabba, biex iħaddan din id-devozzjoni? Imma rridu niftakru, li billi ngħaddu minn idejn Marija, l-opri tajba tagħna jakkwistaw purita’ akbar u għalhekk nirtu valur sodisfatorju u impetratorju akbar. B’dan il-mod isiru wisq aktar effettivi biex jgħinu lill-erwieħ tal-Purgatorju u biex jikkonvertu l-midinbin, milli kieku ma waslux għand Alla permezz l-idejn Verġinali u ġenerużi ta’ Marija.

 

Id-daqsxejn li nagħtu permezz ta’ Marija, meta ma nfittxux lilna nfusna, imma nkunu naġixxu biss b’imħabba mingħajr interess, isir qawwi ħafna biex iraqqad il-korla t’Alla, u jiġbed il-ħniena tiegħu. Forsi jidher mal-mewt, li persuna li kienet fidila ħafna lejn din id-devozzjoni tkun ħelset ħafna erwieħ mill-Purgatorju u kkonvertiet ħafna midinbin għalkemm tkun għaddiet ħajjitha tagħmel opri ordinarji. X’ferħ iġġiblu dan fil-ġudizzju, u xi glorja fl-eternita’!

 

 

8. Din id-devozzjoni hi mezz eċċellenti għall-perseveranza

 

173. Fl-aħħar wasalna għat-tmiem mottiv li f’ċertu sens iħeġġiġna aktar bil-qawwa lejn din id-devozzjoni. Dan it-tmien mottiv hu li din id-devozzjoni hi mezz tal-għaġeb biex nipperseveraw fil-virtu’ u nibqgħu fidili sal-mewt. X’inhi r-raġuni li l-konversjoni fil-biċċa l-kbira tal-midinbin ma ddumx qawwija u sħiħa? Għaliex jerġgħu jaqgħu hekk ħafif fid-dnub? U għaliex il-biċċa l-kbira tal-ġusti, minflok ma jgħaddu ‘l quddiem minn virtu’ għall-oħra, u minflok ma jaqilgħu żidiet ġodda ta’ grazzji, ħafna drabi, jitilfu l-ħażna żgħira ta’ virtu’ u ta’ grazzji li għandhom?

 

Kif diġa’ wrejt, din id-diżgrazzja tiġi mill-fatt illi l-bniedem - hekk imħassar, hekk debboli u hekk inkonsistenti - jafda fih innifsu u fuq l-forzi tiegħu, u jaħseb li hu kapaċi jżomm bla mittiefes it-teżor tal-grazzji, virtujiet u merti tiegħu. Issa b’din id-devozzjoni aħna nagħtu dak kollu li għandna lill-Verġni Mbierka biex tħarishulna hi. Aħna nagħżluha bħala l-kaxxaforti universali ta’ dak kollu li għandna, kemm min-natura kif ukoll mill-grazzja. Aħna nafdaw fil-fedelta’ tagħha. Aħna nibnu fuq il-ħniena u l-imħabba tagħha biex hi tkun tista’ tħares u tkabbar il-virtujiet u l-merti tagħna minkejja t-taħbit tad-dinja, tal-ġisem u tad-demonju, biex joħduhomlna. Aħna ngħidulha bħalma jgħid tifel twajjeb lil ommu, u bħalma qaddej fidil igħid lil sidu: DEPOSITUM CUSTODI. O twajba Ommi u Sinjura tiegħi, jien qed nagħraf li bl-interċessjoni tiegħek jien diġa’ rċevejt aktar grazzji milli kien jistħoqqli, u l-esperjenza qarsa tiegħi tgħallimni, li jien qed inġorr dan it-teżor f’vażett fraġli ħafna, u li jien wisq dgħajjef u msejken biex ikun responsabbli tal-ħarsien tiegħu. Jekk jogħġbok mela, ħu b’fiduċja dak kollu li għandi u ħarishuli bil-fedelta’ u s-setgħa tiegħek. Jekk inti tgħasses fuqi, jien ma nitlef xejn. Jekk inti tweżinni, jien ma naqax. Jekk int tħarisni, jien inkun imħares mill-għedewwa tiegħi.

 

174. San Bernard igħid dan kollu b’mod ċar biex iqanqal din id-devozzjoni fina: “Meta żżommok Marija, int ma taqax, meta tħarsek, int ma tibżax; meta tmexxik, int ma tgħejjix; meta titbissimlek, inti tasal fil-port tas-salvazzjoni...” San Bonaventura donnu jgħid l-istess ħaġa aktar ċar: “Il-Verġni Mbierka mhix biss miżmuma fil-milja tal-Qaddisin, imma hi wkoll twieżen u tħares lill-Qaddisin fil-milja tagħhom biex ma tonqosx. Hi toqgħod għassa biex il-virtujiet tagħhom ma jkunux imminati u l-merti tagħhom ma jkunux mitlufa, il-grazzji tagħhom ma jiġux korrotti u x-xitan ma jagħmlilhom ebda ħsara.” Fl-aħħarnett hi żżomm l-id tas-Sinjur tagħna merfugħa biex ma jikkastigahomx meta jidinbu.

175. Marija hi l-Verġni fidila, li bil-fedelta’ tagħha lejn Alla ssewwi t-telfiet li ġiebet Eva bl-infedelta’ tagħha meta ma kinitx fidila, u li taqla’ l-grazzja tal-fedelta’ lejn Alla u l-perseveranza sal-aħħar lil dawk li jingħaqdu magħha. Għalhekk wieħed Qaddis ixebbaħha ma’ ankra soda li żżomm sod lil dawk marbutin magħha u ma tħallihomx jegħrqu fl-ilmijiet imqallba ta’ din id-dinja, fejn ħafna jintilfu għaliex ma jingħaqdux ma’ Marija. “Aħna norbtu l-erwieħ, biex jafdaw fik bħallikieku ma’ ankra soda”, hu jgħid. Il-Qaddisin li huma qegħdin fil-glorja, intrabtu ma’ Marija biex ikunu jistgħu jipperseveraw fil-virtu’, u tħabtu biex jorbtu lill-oħrajn ukoll ma’ din is-Sinjura Qaddisa. Henjin, mela, u kuntenti għal elf darba, huma dawk l-Insara li issa jorbtu ruħhom bil-fedelta’ u għal kollox magħha bħallikieku ma’ ankra żgura u soda. Id-daqqiet tal-ilmijiet irrabjat ta’ din id-dinja ma jistgħux jgħarrquhom jew iġagħluhom jitilfu t-teżori tagħhom tas-sema. Henjin dawk li jidħlu fiha bħallikieku f’Arka ta’ Noe! L-ilma tad-dulluvju tad-dnub, li qed igħarraq tant nies, ma jagħmlilhom l-ebda ħsara; għaliex f’dawk li jaħdmu s-salvazzjoni tagħhom fiha ma jidinbux”... Qui operantur in me non peccabunt (Sr.24,30) tgħid Marija fil-kliem tal-Għerf Divin. Henjin l-ulied infidili ta’ Eva diżubbidjenti li jintrabtu ma’ Marija, mal-Verġni li dejjem tibqa’ fidila, u żżomm il-wegħdiet tagħha: “Hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu” (2 Tim 2,13). Hi dejjem tibqa’ tħobb lil dawk li jħobbuha. “Jien inħobb lil min iħobbni” (Prov 8,17), u dan mhux biss b’imħabba effettiva u effikaċi, billi ma tħallihomx iwarrbu l-prattika tal-virtu’, li jaqgħu fit-triq u li jitilfu l-grazzja ta’ Binha, billi tagħtihom abbundanza ta’ grazzji.

 

176. Minħabba t-tjubija ta’ qalbha, din l-Omm twajba dejjem taċċetta dak li aħna nagħtuha biex tħarisulna. U meta tkun irċevietu bħala depożitu, hi tkun marbuta bil-ġustizzja u permezz tal-kuntratt ta’ fiduċja, biex iżżommhulna intatt. Sewwa sew bħal persuna li f’idejha nafda elf lira, hi tkun obbligata li tħarishomli, u jekk bi traskuraġni titlifhomli, hi tkun responsabbli tat-telf ta’ din taħt il-ġustizzja. Imma Marija li hi hekk fidila mhix se tħalli dak li ġie fdat f’idejha jintilef bi traskuraġni tagħha; aktar igħaddu s-sema u l-art, milli tkun Marija traskurata u nfidila lejn dawk li jafdaw fiha.

 

177. Imsejka wlied ta’ Marija! Jien naf li d-dgħjufija tagħkom hi kbira ħafna u li l-inkonsistenza tagħkom kbira wkoll, u n-natura tagħkom midruba sewwa, għaliex intom ġejjin mill-kotra tal-ulied ta’ Adam u Eva mmarkati bid-dnub. Imma agħmlu l-kuraġġ! La tħallux dan jaqtgħalkom qalbkom, ifirħu għax għandkom is-sigriet li qed ngħallimkom - sigriet li kważi l-Insara kollha, anke l-aktar devoti, ma jafux bih. La tħallux id-deheb u l-fidda tagħkom fis-sniedaq li diġa’ ġew skassati u misruqa mill-ispirtu ħażin u li huma żgħar, dgħajfa u anke qodma wisq biex iżommu teżor hekk kbir u prezzjuż. La tpoġġux l-ilma ċar u safi tal-għajn fil-ġarar tagħkom, li huma kollha mtebbgħin u infettati bid-dnub; għax għalkemm id-dnub m’għadux hemm, ir-riħa tiegħu tibqa’, u din hi biżżejjed biex tħassar l-ilma. La taħżnux l-aħjar inbid tagħkom f’damiġġjani qodma, li kienu mimlija b’inbid ħażin għaliex imbagħad l-inbid tagħkom jiġi mniġġeż u jkun fil-periklu li jitħassar.

 

178. Għalkemm intom, erwieħ ippredestinati tifhmuni sewwa, hawnhekk irrid nitkellem aktar ċar. La tafdawx id-deheb tal-imħabba tagħkom fi xkora mtaqqba, lanqas il-fidi tal-grazzja tas-sema, u l-inbid tal-merti tagħkom f’ġarra mxaqqa u mtebbgħa; għax intom dawn kollha. Inkella tkunu misruqin mill-ħallelin - jiġifieri mid-demonji li qegħdin għassa lejl u nhar, jistennew is-siegħa li jagħmlu dan; intom iċċappsu kull rigal safi li Alla jagħtikom, bir-riħa tal-imħabba tagħkom infuskom, bir-rieda tagħkom, u billi taħsbu li intom m’għandkom bżonn ta’ ħadd. Ferrgħu fil-għan u l-qalb ta’ Marija t-teżori, il-grazzji u l-virtujiet tagħkom, għaliex hi għamara spiritwali, għamara ta’ unur u għamara singulari ta’ devozzjoni. Għamara tal-Ispirtu s-Santu, għamara ta’ kull grazzja, għamara ta’ kull tjieba. Ladarba Alla nnifsu fil-persuna u bil-perfezzjonijiet Tiegħu kollha, ingħalaq ġo din din l-għamara, din saret kollha spiritwali, u d-dar spiritwali tal-erwieħ l-aktar spiritwali. Hi saret ta’ unur, u t-tron tal-unur tal-prinċpijiet setgħana tal-eternita’. Saret singulari fid-devozzjoni, u l-aktar għamara msemmija għall-ħlewwa, għall-grazzja u għall-virtu’. Saret għanja bħal dar tad-deheb u qawwija bħal torri ta’ David, u safja bħal torri tal-avorju.

 

179. Kemm hu tassew imbierek dak li ta kollox lil Marija u li jafda fiha f’kollox u għal kollox! Hu kollu ta’ Marija u Marija hi kollha tiegħu, u ma’ David jista’ jagħmel il-kuraġġ jgħid: “Din hi l-barka li messet lili” (S 118,56). “Marija ġiet maħluqa għalija” inkella mad-dixxiplu l-maħbub, “Accepi eam in mea” (Ġw 19,27). “U min dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”, jew ma’ Ġesu’ Kristu, “Omnia mea sunt, et omnia tua mea sunt.” Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak kollu li hu tiegħek huwa tiegħi.” (Ġw 17,40)

 

180. Jekk xi wieħed li jikkritika, meta jaqra dan jaħseb li jien qed ngħid eseġerazzjoni minħabba d-devozzjoni fervoruża żżejjed, jaħasra, dan mhux jifhimni - għaliex hu bniedem marbut mal-ġisem li ma jiggustax il-ħwejjeġ tal-ispirtu, jew inkella tad-dinja, u għalhekk ma jistax jirċievi l-Ispirtu s-Santu, jew inkella għax hu bniedem supperv, li jikkundanna jew imaqdar dak kollu li hu ma jifhimx. Erwieħ li huma mweldin, mhux mid-demm jew mill-ġibda tal-ġisem, jew mir-rieda tal-bniedem, imma minn Alla u minn Marija, jifhmuni u jiggustaw dak li qed ngħid. Hu għalihom li jien qed nikteb.

 

181. Madankollu, biex nerġgħu niġu għas-suġġett, jien ngħid sewwa lil wieħed u kemm lill-ieħor illi Marija tas-sema, billi hi l-aktar fidila u ġeneruża fost il-krejaturi kollha, mhi ser tħalli ‘l ħadd jirbaħha fl-imħabba u l-ġenerosita’. U kif igħid wieħed qaddis: “Għal bajda hi tagħti gendus”, għal ftit li nagħtuha hi tagħti lura bil-ħafna mill-abbundanza li hi rċiviet mingħand Alla. Għalhekk jekk ruħ tagħti lilha nfisha għal kollox lilha, hi bi tpattija tagħti lilha nfisha kollha kemm hi lil dik ir-ruħ. U jekk mingħar preżunzjoni, u filwaqt li jagħmel ħiltu biex jakkwista l-virtu’ u jrażżan il-passjonijiet tiegħu, wieħed ipoġġi l-fiduċja kollha tiegħu f’Marija, hi tagħti lilha nfisha kollha kemm hi lilu.

 

182. Ħalli mela l-qaddejja fidili tal-Verġni Mbierka jgħidu bil-kuraġġ ma’ San Ġwann Damaxxenu: “Meta nafda fik, o Omm Alla, jien inkun salv; taħt il-ħarsien tiegħek jien ma nibżax; bl-għajnuna tiegħek, jien neħodha kontra l-għedewwa tiegħi u neqridhom; għaliex id-devozzjoni lejk hija arma ta’ salvazzjoni li Alla jagħti lil dawk li jrid isalva.”

 

 

 

KAPITLU VI

Figura Biblika ta’ din id-Devozzjoni

Rebekka u Ġakobb

 

183. Fil-ktieb tal-Ġenesi, l-Ispirtu s-Santu jagħtina xbieha perfetta, fl-istorja ta’ Ġakobb, tal-veritajiet kollha li jien iddiskutejt, b’relazzjoni tal-Verġni Mbierka. Naqraw kif Ġakobb irċieva l-barka ta’ missieru permezz tat-taħbit u l-għaqal ta’ Ommu Rebekka. L-ewwel se ngħid l-istorja kif jirrakontaha l-Ispirtu s-Santu, u wara nżid l-interpretazzjoni.

 

L-Istorja ta’ Ġakobb

184. Eżaw (Ġen 25,29-34) biegħ il-prima ġenitura tiegħu lil Ġakobb. Xi snin wara, Rebekka, omm dawn iż-żewġt aħwa, li kienet tħobb ħafna lil Ġakobb, aċċertatu minn dan il-vantaġġ bi strataġemma qaddisa u fl-istess ħin misterjuża. Iżakk, billi kien qed iħoss it-toqol tas-snin u billi kien jixtieq ibierek lil uliedu qabel ma jmut, sejjaħ lil ibnu Eżaw, li hu kien iħobb u ordnalu biex joħroġ għal kaċċa u biex meta jkun qabad xi ħaġa jsajjarhielu biex jiekol; u mbagħad ikun jista’ jbierku (Ġen 27). Rebekka malajr qalet kollox lil Ġakobb u talbitu jġibilha żewġ gidien mill-merħla. Meta ġiebhomlha, sajrithom b’mod li kienet taf li jogħġbu lil Iżakk. Imbagħad libbset lil Ġakobb bil-ħwejjeġ ta’ Eżaw u għattielu jdejh u għonqu bil-ġild tal-gidien, biex missieru li bilkemm seta’ jara, jaħseb li kien Eżaw, għallinqas bil-ġilda u x-xagħar ta’ jdejh, għalkemm il-vuċi li sama’ kienet bil-vuċi ta’ Ġakobb. Maħsud minn dal-leħen, Iżakk qal lil Ġakobb biex jersaq ħdejh, u meta mess il-ġild tax-xagħar li kien igħattilu jdejh qal li l-vuċi kienet ta’ Ġakobb, imma l-idejn kienu jdejn Eżaw.

 

Wara li Iżakk kiel u “xamm ir-riħa tfuħ ta’ ħwejġu bierku, u xtaqlu n-nida tas-smewwiet u l-frott tal-art u poġġih fuq ħutu u temm il-barka tiegħu b’dan il-kliem: “Misħut min jisħtek, imbierek min ibierkek” (Ġen 27).

 

Iżakk bilkemm laħaq spiċċa dal-kliem, meta daħal Eżaw iġorr il-laħam tal-kaċċa tiegħu diġa’ misjur, biex missieru jiekol u wara jbierku. Il-Patrijarka qaddis baqa’ ssummat meta ntebaħ x’kien ġara, imma minflok li rtira dak li kien għadu kif għamel, hu seddqu għax ra ċar l-id t’Alla f’din il-ġrajja. Imbagħad Eżaw “għajjat għajta kbira” kif tgħidilna l-Iskrittura u filwaqt li akkuża l-qerq ta’ ħuh, staqsa lil missieru jekk hux barka waħda kellu jagħti. Hawnhekk jikkummentaw is-Santi Padri, Eżaw kien il-figura ta’ dawk, li jfittxu jqabblu ‘l Alla ma’ din id-dinja, jridu kieku jgawdu l-ħlewwiet tas-sema mingħajr ma jħallu l-pjaċiri tad-dinja. Iżakk, imqanqal mill-biki ta’ Eżaw, fl-aħħar bierku, imma b’barka tal-art, u b’sottomissjoni lejn ħuh. Dan wassal lil Eżaw inissel mibgħeda hekk kbira lejn Ġakobb, li kien qed jistenna biss il-mewt ta’ missieru qabel ma joqtlu. Ġakobb ma kienx jeħles mill-mewt, kieku ommu ma ħarsitux bl-istarteġija tagħha u bil-pariri tajba li kienet tagħtih u li fuqhom kien jimxi.

 

1. Eżaw il-figura tal-ħżiena

 

185. Qabel ma nikkummentaw fuq din l-istorja sabiħa, l-ewwel irridu ninnutaw skont is-Santi Padri u dawk li jinterpretaw l-Iskrittura Mqaddsa, li Ġakobb hu l-figura ta’ Kristu u tal-predestinati, waqt li Eżaw hu l-figura tal-ħżiena. Dan jidher ċar meta nikkunsidraw l-azzjonijiet u l-imġiba ta’ kull wieħed minn dawn it-tnejn.

 

 

1.     Eżaw, il-kbir, kien f’saħħtu u mġissem, “kaċċatur tajjeb u bidwi.”

 

2.     Ftit kont issibu d-dar, u kien jaħdem biss barra, b’fiduċja sħiħa f’saħħtu u bil-ħila tiegħu.

 

3.     Ftit kien jitħabat biex jogħġob ‘l ommu, Rebekka, u xejn ma għamel għalija.

 

4.     Kien hekk żaqqieq u jħobb l-ikel li biegħ il-primaġenitura tiegħu għal platt minestra tal-għadds.

 

5.     Bħal Kajjin kien mimli għira għal ħuh Ġakobb u kien jippersegwitah bl-aħrax.

 

186. Hawn tassew naraw l-imġiba ordinarja tal-ħżiena.

 

1. Huma jafdaw fis-saħħa u l-bżulija tagħhom għas-suċċess tal-ġid temporali. Huma f’saħħithom ħafna, tas-sengħa sew, u mdawlin ħafna fuq l-affarijiet ta’ din id-dinja, imma dgħajfin u injoranti ħafna fuq il-ħwejjeġ tas-sema: “In terrenis fortes, in coelestis debiles.”

 

187. 2. U għalhekk ma huma qatt jew kważi qatt id-dar - jiġifieri, huma jevitaw li joqgħodu miġbura fl-intern ta’ ruħhom, f’dak l-intern u għamara meħtieġa li Alla ta lil kull bniedem, biex igħix fih, fuq eżempju ta’ Alla nnifsu. Il-ħżiena ma jħobbux il-ġabra interjuri, l-ispiritwalita’ u d-devozzjoni: huma jqisu ‘l dawk li jgħixu ħajja interjuri, maqtugħin mid-dinja, u li jaħdmu aktar f’ruħhom milli fid-dinja tal-bnedmin, bħala nies ta’ rashom marbuta, bla raġuni u primittivi.

 

188. 3 Il-ħżiena ftit iħabblu rashom bid-devozzjoni lejn il-Madonna, l-Omm tal-magħżulin. Tassew li ma jobogħduhiex formalment, u jagħtuha xi tifħir, u jgħidu li jħobbuha. U jista’ jkun li jipprattikaw xi devozzjoni b’qima lejha wkoll. Imma mill-bqija ma jifilħux jissaportu lil xi ħadd li jħobbha ħafna, għaliex huma ma jħossux lejha dik it-tenerezza ta’ Ġakobb. Huma jikkritikaw u jagħtu tort lill-prattiki ta’ devozzjoni, li permezz tagħhom l-ulied it-twajba u l-qaddejja tagħha jfittxu li jaqilgħu l-imħabba tagħha.

 

Huma jsostnu li din id-devozzjoni mhix meħtieġa għas-salvazzjoni. Li ma jobogħduhiex formalment, u ma jmaqdrux id-devozzjoni tagħha fil-beraħ - dan, igħidu huma, u biżżejjed biex ikollhom l-imħabba tagħha u dik li jgħidu u jirrepetu xi ftit talb b’qima lejha, jew xi skop ta’ ndiema, iqisuh bħala biżżejjed biex jittimbrahom bħala qaddejja tagħha.

 

189. 4. Il-ħżiena jbiegħu l-primaġenitura tagħhom - il-glorja tas-sema - għal platt minestra tal-għadds - il-pjaċir tad-dinja. Huma jidħku, jixorbu u jieklu, jixxalaw,  jilgħabu u jiżfnu u bħal Eżaw ma jagħmlu l-ebda sforz biex isiru denji tat-tberik tal-missier tas-sema. Fil-qasir, huma jaħsbu biss fid-dinja: huma jħobbu biss id-dinja, jitkellmu biss fuq id-dinja, u jfittxu biss il-pjaċiri tagħha.

 

Għall-pjaċir ta’ mument, għall-unur li qisu duħħan, għall-biċċa art ħarxa, għall-ftit muniti huma jbiegħu l-grazzja tal-Magħmudija, il-libsa tagħhom tal-innoċenza u l-wirt tagħhom tas-sema.

 

190. 5. Fl-aħħarnett il-ħżiena jobogħdu lill-ippredestinati, u jippersegwitawhom kuljum, bil-moħbi jew bil-miftuħ. Billi ma jifilħux jissaportu lill-ippredestinati huma jobogħduhom, jikkritikawhom, igħaddu ż-żmien bihom, u jagħmlulhom ħsara, jisirquhom, iqarrqu bihom, ifaqqruhom, ifittxuhom u jxejnuhom bħat-trab. Fl-istess ħin huma jistagħnew, jieħdu pjaċir, igħixu tajjeb, isiru għonja u setgħana u jgħixu bil-kumdita’.

 

2. Ġakobb figura tal-magħżulin

 

191. Issa kkunsidraw lil Ġakobb l-Iben żgħir.

 

1. Hu kien ta’ karattru kwiet, umli u jħobb il-paċi. Kien ħa d-drawwa jibqa’ d-dar kemm jista’ jkun, biex ikun jista’ aktar jitħabbeb m’ommu, Rebekka, li tant kien iħobb. Meta kien joħroġ mid-dar kien biss għaliex hi xtaqitu jagħmel hekk, mhux għax kien imqanqal minn xi xewqa tiegħu, jew għax kien jafda fil-ħila tiegħu.

 

192. 2 Din ix-xeħta li jħobb id-dar kienet ġejja mill-imħabba u mir-rispett li kellu lejn ommu. Hu kien jaħrab dak kollu li kien idejjaqha u kien jagħmel dak kollu li jidhirlu li jagħtiha pjaċir. Dan ġiegħel lil Rebekka tħobbu dejjem iżjed.

 

193. 3. Hu kien sottomess lejn ommu l-għażiża f’kollox. Kien jobdiha f’kollox malajr, bl-imħabba u bil-ferħ, kien ifittex jagħmel dak li kienet tixtieq, mal-iċken wirja tax-xewqa tagħha. Kien jaċċetta dak kollu li tgħidlu b’fiduċja sħiħa: per eżempju, meta qaltlu jġib żewġ gidien għall-ikla ta’ missieru, Iżakk, Ġakobb ma qagħadx igħidilha li gidi wieħed kien biżżejjed għal dak l-iskop. Mingħajr ma qagħad jistaqsi, hu għamel bl-eżattezza kollha, dak li qaltlu.

 

194. 4. Hu kellu fiduċja sħiħa f’ommu l-għażiża. Fl-ebda mod ma fada fuq il-ħila u l-inizjattiva tiegħu, imma biss fuq il-kura u l-ħarsien li tatu ommu. Kien ifittex l-għajnuna tagħha f’dak kollu li kien ikollu bżonn u kien jikkonsultaha fid-dubji tiegħu; per eżempju meta staqsieha, jekk flok il-barka jirċievi s-saħta ta’ missieru hu emminha u fada fis-sigurta’ li tatu li jekk din tingħatalu, hi tieħu din is-saħta fuqha nnfisha.

 

195. 5. Fl-aħħarnett hu kien jimita kemm jista’ jkun, il-virtujiet li kien jara f’ommu, u jidher li waħda mir-raġunijiet għaliex kien joqgħod id-dar setgħet kienet biex jimita ‘l ommu li kienet virtuża, u biex jaħrab il-ħbieb ħżiena li kienu jħassruh. B’dal-mod hu sar denn li jirċievi l-barka doppja ta’ missieru.

 

196. L-imġiba ta’ Ġakobb hija dik li tixbah ħafna il-ħajja ta’ kuljum tal-ippredestinati.

 

1. Huma jibqgħu d-dar m’ommhom: fi kliem ieħor huma jħobbu l-ġabra, u jikkoltivaw il-ħajja interjuri, jagħtu ruħhom għat-talb - imma dan kollu skont l-eżempju u fil-kumpanija ta’ Ommhom, il-Verġni Mqaddsa; li minnha jingħad, li l-glorja tagħha kollha hi minn ġewwa, li matul ħajjitha kollha, ħabbet tant il-ġabra u t-talb. Huma naturalment jidhru xi darba fid-dinja tal-bnedmin, imma biss biex jaqdu d-dmirijiet tal-istat tagħhom, permezz tal-ubbidjenza lejn ir-rieda t’Alla u tal-Omm għażiża tagħhom. Huma jagħmlu verament xogħol li jidher kbir quddiem id-dinja; imma huma japprezzaw aktar l-opri li jagħmlu minn ġewwa fl-irkejjen moħbija ta’ ruħhom, flimkien mal-Verġni Mqaddsa. Għaliex jafu li dawn l-opri kbar ta’ ġewwa, iwettqu x-xogħol il-kbir tal-perfezzjoni personali tagħhom, li barra minnu, ix-xogħol l-ieħor kollu, hu biss logħob tat-tfal. Għalhekk jiġri li, waqt li ħuthom subien u bniet jagħtu ruħhom b’ħeġġa u enerġija kbira għas-suċċess tax-xogħol ta’ barra, li jġibilhom it-tifħir u l-applawsi tad-dinja, huma stess jirrealizzaw bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, li hemm wisq iżjed glorja, profitt u pjaċir li tibqa’ moħbi f’Ġesu’ Kristu, f’sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommhom, milli tagħmel għeġubijiet tan-natura u tal-grazzja fid-dinja bħal ħafna Eżaw u nies ħżiena tad-dinja. “Ġid u għana jkunu f’daru” (S112(111),3). Il-glorja t’Alla u l-ġid tal-bnedmin huma fid-dar ta’ Marija.

 

O Sinjur Ġesu’ kemm huma sbieħ l-għamajjar tiegħek! L-għasfur tal-belt sab dar għalih, u l-ħuttafa sabet bejta fejn tpoġġi ż-żgħar tagħha. Imbierek dak il-bniedem li jgħammar fid-dar ta’ Marija, fejn inti stess kont l-ewwel wieħed li għammart! Hi f’din l-għamara tal-magħżulin, li hu jirċievi għajnuna minnek biss, u li “f’qalbu jiddeċiedi li jitla’ bil-ftit il-ftit”, u bil-gradi fil-virtujiet kollha, “f’dal-wied tad-dmugħ”,  sa ma jasal fil-quċċata tal-perfezzjoni. “Quam dilecta tabernacula tua”... (S 84 (83)).

 

197. 2. Il-Magħżulin iħobbu ħafna li jqimu tassew lill-Verġni Mbierka bħala Ommhom u s-Sinjura twajba tagħhom. Huma jħobbuha tassew mhux bit-tpaċpiċ biss; huma jqimuha mhux b’devozzjoni ta’ barra, imma fil-qiegħ ta’ qalbhom. Bħal Ġakobb huma jfittxu li ma jagħmlu xejn li jista’ jiddisgustaha, u b'fervur kbir jipprattikaw dak kollu li jaħsbu li jaqlgħalhom il-ħarsien u l-imħabba tagħha. Huma jġibulha u jagħtuha mhux żewġ gidien, bħalma ġab Ġakobb lil Rebekka, imma ruħhom u ġisimhom bil-fakultajiet u s-setgħat tagħhom, iffigurati fiż-żewġ gidien ta’ Ġakobb. Huma jagħmlu dan:

 

1. Biex hi tirċeviehom bħallikieku kienu tagħha;

 

2. biex hi tkun tista’ toqtolhom, u ġġegħilhom imutu għad-dnub u għalihom infushom, billi tqaxxarhom u tneżżagħhom mill-ġilda tagħhom tal-imħabba tagħhom infushom, biex hekk isiru jogħġbu lil Binha, Ġesu’ Kristu, li jixtieq li jkollu bħala ħbiebu dixxipli tiegħu, dawk biss li huma mejta għalihom infushom;

 

3. biex hi tkun tista’ tħejjihom skont kif jogħġbu lill-Missier tas-sema u għall-akbar glorja tiegħu - li fuqu, hi taf wisq iżjed minn kull kreatura oħra;

 

4. u biex bil-kura u l-interċessjoni tagħha, dan il-ġisem u din ir-ruħ, imsoffija sewwa minn kull tebgħa tad-dnub, totalment mejta għalihom infushom, imneżżgħin tajjeb u mhejjija ħafna, jistgħu jsiru ikel bnin xieraq għal Missier tas-sema, u denji tal-barka tiegħu.

 

Mhix din eżattament l-imġiba ta’ dawk il-bnedmin magħżulin li jfittxu bil-pjaċir il-konsagrazzjoni perfetta lil Ġesu’ Kristu permezz tal-idejn ta’ Marija, li qed ngħallmuhom u li jipprattikawha fedelment biex juru mħabba kuraġġuża u effettiva lejn Ġesu’ u Marija? Il-ħżiena, verament jgħidu li jħobbu lil Ġesu’, u li jħobbu u jqimu lil Marija, imma mhux bħall-magħżulin, li jagħtu mill-ġid tagħhom, lanqas li jissagrifikaw ġisimhom bis-sensi tiegħu u ‘l ruħhom bil-passjonijiet tagħha.

 

198. 3. Il-Magħżulin huma sottomessi u ubbidjenti lejn Marija, bħallikieku lejn Ommhom twajba, bħall-eżempju ta’ Ġesu’ Kristu, li għadda tletin sena minn ħajja ta’ tlieta u tletin sena biss fuq l-art, jigglorifika ‘l Alla, Missieru, permezz ta’ sottomissjoni perfetta u sħiħa lejn Ommu l-Imbierka. Il-Magħżulin jobdu lil Marija billi jimxu eżattament fuq il-parir tagħha bħalma Ġakobb mexa fuq dak ta’ Rebekka li qaltlu: “Acquiesce consillis mei.”, Isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). Jew inkella bħall-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, li lilhom il-Verġni Marija qalet: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). Għaliex obda minn ommu Ġakobb irċieva l-barka qisu b’miraklu, għalkemm fl-ordni tan-natura ma kellux dritt għaliha; ukoll għaliex imxew fuq il-parir tal-Verġni Mbierka, il-qaddejja tat-tieġ ta’ Kana ġew onorati bl-ewwel miraklu ta’ Ġesu’ Kristu, li biddel l-ilma f’inbid għat-talba tal-Imqaddsa Ommu. Hekk ukoll, dawk kollha li sal-aħħar taż-żmien jirċievu l-barka tal-Missier tas-Sema, u jkunu ffavoriti bil-ħwejjeġ tal-għaġeb t’Alla, jirċievu dawn il-grazzji biss għaliex kienu perfettament ubbidjenti lejn Marija. Mill-banda l-oħra dawk li jimxu wara Eżaw jitilfu l-barka tagħhom għaliex ma jridux jissottomettu ruħhom lejn il-Verġni Mbierka.

 

199. 4. Il-Magħżulin għandhom fiduċja kbira fit-tjieba u l-qawwa tal-Verġni Mbierka, l-Omm twajba tagħhom. Huma kontinwament isejħulha għall-għajnuna. Huma jqisuha bħal Kewkbet-is-Safar li turihom port tal-kenn, huma jiftħu qalbhom magħha, u jitkellmu magħha sinċerament fuq in-niket tagħhom, huma jintrabtu mal-ħniena u l-ħlewwa tagħha, biex, bl-interċessjoni tagħha, huma jkunu jistgħu jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom, jew biex bil-faraġ tagħha ta’ omm, jonqsulhom it-tbatijiet u l-għeja tagħhom. Hekk huma jintefgħu fil-ħdan verġinali tagħha ta’ omm, biex hemm b’mod tal-għaġeb jinħbew u jintilfu biex ikunu maqbudin f’tgħannieqa ta’ mħabba safja, biex huma jkunu msoffijin minn kull tebgħa ta’ dnub, u fejn ikunu jistgħu jsibu ‘l Ġesu’ għal kollox, fejn hu qiegħed bħallikieku fuq l-aktar tron glorjuż Tiegħu.

 

“X’kuntentizza hi din! La taħsbux” - igħid l-Abbati Guerric - “li hemm kuntentizza akbar li toqgħod fi ħdan Abram milli fil-ħdan ta’ Marija ladarba fiha kien is-Sinjur tagħna waqqaf it-tron tiegħu.” Mill-banda l-oħra, il-ħżiena jafdaw biss fihom infushom, u b’riżultat ta’ dan huma jieklu - bħall-iben il-ħali biss il-qxur li jieklu l-qżieqeż. Bħaż-żrinġijiet huma jieklu mill-art. U ladarba huma għandhom l-għatx tal-ulied tad-dinja għal dawk il-ħwejjeġ li jidhru biss minn barra, m’għandhom l-ebda ġibda għall-ħlewwa ta’ ħdan Marija, u lanqas ma jsibu dik il-qagħda u fiduċja żgura li l-magħżulin isibu fil-Verġni Mbierka, it-twajba Ommhom. Huma miżerabilment jippreferu jtaffu l-ġuħ tagħhom fost il-ħwejjeġ tad-dinja, igħid San Girgor, għaliex ma jridux iduqu l-ħlewwa li tinsab imħejjija f’ruħhom, u fil-qiegħ ta’ qalbhom ta’ Ġesu’ u ta’ Marija.

 

200. 5. Fl-aħħarnett il-magħżulin jimxu fil-mogħdiet ta’ Marija l-Omm twajba tagħhom: fi kliem ieħor huma jimitawha u b’hekk ikunu tassew kuntenti u devoti, u jkollhom it-timbru tal-predestinazzjoni tagħhom, skont kif din l-Omm twajba tgħidilhom: “Henjin dawk li jimxu fi triqati.” (Prov 8,32). Henjin dawk li jipprattikaw il-virtujiet tiegħi u li bl-għajnuna tal-Grazzja Divina jimxu mit-triq li jien għaddejt. Huma jkunu kuntenti f’din id-dinja, permezz tal-abbundanza ta’ grazzji u ta’ ħlewwiet, li jien nagħtihom mill-milja tiegħi - u nagħtihom b’abbundanza akbar milli nagħti lill-oħrajn li ma jimitawnix hekk fil-qrib. Huma jkunu kuntenti f’mewthom, li tkun ħelwa u kalma, u fejn jien bħas-soltu nkun preżenti biex neħodhom fil-ferħ tal-Eternita’, għaliex l-ebda wieħed mill-qaddejja fidili tiegħi, li kien jimita l-virtujiet tiegħi f’ħajtu, qatt ma ntilef. Mill-banda l-oħra, il-ħżiena huma mdejqa f’din id-dinja, f’mewthom u fl-Eternita’, għaliex ma jimitawx il-Verġni Mbierka fil-virtujiet tagħha, billi jikkuntentaw ruħhom biss li jinkitbu biss fil-fratellanzi tagħha, li jgħidu xi talb jew li jagħmlu xi devozzjoni oħra esterna b’qima lejha. O Verġni Mbierka, Omm twajba tiegħi, kemm huma mberkin – nerġa’ ntenniha mqanqal mill-ferħ – kemm huma mberkin dawk li ma jħallux lilhom infushom jiġu mmexxijin ħażin minn xi devozzjoni falza lejk, iżommu fedelment il-modijiet, il-pariri u l-ordnijiet tiegħek! Imma kemm huma mdejqin u misħutin dawk li filwaqt li jippretendu li għandhom qima lejk, ma jobdux il-Kmandamenti ta’ Ibnek! “Misħut min jitbiegħed mill-Kmandamenti tiegħek” (S 118,21).

 

 

 

 

2. Il-Verġni Mbierka u l-ilsiera tagħha fl-imħabba

 

201. Issa sa naraw is-servizzi ta’ mħabba, li l-Verġni Mbierka, bħala l-aħjar fost l-ommijiet, tagħmel ma’ dawk il-qaddejja fidili li jkunu taw ruħhom lilha kif iddeskrivejt jiena u fuq ix-xbiha ta’ Ġakobb.

 

1. Hi tħobbhom

 

“Jiena nħobb lil min iħobbni” (Prov 8,17).

Hi tħobbhom

(1) għax hi verament ommhom - u omm dejjem tħobb lil uliedha, li huma l-frott tal-ġuf tagħha;

(2) hi tħobbhom bi gratitudni, għaliex huma jħobbuha b’imħabba sinċiera u prattika, bħala ommhom it-twajba;

(3) hi tħobbhom għaliex huma l-ippredestinati t’Alla, maħbubin minn Alla. “Ħabbejt lil Ġakobb u bgħadt lil Eżaw” (Rum9,13);

(4) hi tħobbhom għaliex huma kkonsagraw lilhom infushom kollha kemm huma lilha, u għaliex huma s-sehem u l-wirt tagħha: “Iret sehmek f’Iżrael” (Sir 24,8)

 

202. Hi tħobbhom ħafna, b’imħabba li tgħaddi l-imħabba tal-ommijiet l-oħra kollha flimkien. Immaġinaw l-imħabba kollha naturali li hemm fil-qlub tal-ommijiet kollha lejn uliedhom, tkun kollha miġbura fil-qalb tal-istess omm waħda għal tarbija waħdanija: bla dubju, omm bħal din, tħobb lit-tarbija tagħha b’imħabba qawwija ħafna. U b’dan kollu jibqa’ veru li Marija tħobb lil uliedha b’imħabba ikbar milli tħobb omm bħal din.

 

Marija ma tħobbx lil uliedha b’imħabba tenera biss, imma b’mod prattiku wkoll. Bħall-imħabba ta’ Rebekka lejn Ġakobb, u b’intensita’ ikbar, l-imħabba ta’ Marija lejhom hi attivita’ u prattika. Rebekka kienet biss, il-figura ta’ Marija u hawn se ngħidu x’tagħmel din l-Omm twajba biex taqla’ l-barka tal-Missier tas-Sema għal uliedha;

 

203. 1. Bħalma għamlet Rebekka ma’ Ġakobb hi tgħasses għall-opportunitajiet adattati biex tkabbar l-interessi tagħhom biex tgħollihom u tagħnihom. Hi tagħraf ċar f’Alla dak kollu li hu tajjeb, u dak kollu li hu ħażin, kif ukoll il-barkiet u s-saħtiet t’Alla kollha. U f’dan id-dawl hi ttawwal l-id mexxejja tagħha fil-futur biex tkun tista’ tħares lill-qaddejja tagħha minn kull xorta ta’ deni u titfa’ fuqhom kull xorta ta’ ġid. Mela, meta jkun hemm xi pjan li jrid jitwettaq f’Alla, u jista’ jinkiseb mertu kbir, permezz tal-fedelta’ ta’ xi kreatura li tkun imsejħa biex twettaq dan il-pjan għoli, Marija żgur li tipprokura biex tieħu din ir-ruħ imbierka u magħżula, bħala wieħed minn uliedha u l-qaddejja tagħha għeżież, u tiżguralu l-grazzja li jkompli l-missjoni tiegħu fedelment: “Hija tieħu ħsieb tal-interessi lejha”, jgħid wieħed qaddis.

 

204. 2 Bħalma għamlet Rebekka ma’ Ġakobb, Marija tagħti parir tajjeb lill-qaddejja tagħha: “Ibni, isma’ minn kliemi” (Ġen 27,8). U fost pariri oħra, hi tispirahom biex iġibulha żewġ gidien, jiġifieri ġisimhom u ruħhom, u jikkonsagrawhom lilha biex hi tkun tista’ tirranġahom bħall-platt li jogħġob ‘l Alla. Hi wkoll tispirahom biex jagħmlu dak kollu li Ġesu’ Kristu, Binha, għallem bi kliemu u bl-eżempju tiegħu. U jekk ma tkunx tat dawn il-pariri personalment, tkun għamlet dan bil-qadi tal-Anġli, li ma jħossux pjaċir jew unur akbar, milli meta jobdu l-iċken kmand tagħha biex jinżlu fid-dinja u jgħinu l-qaddejja fidila tagħha.

 

205. 3. X’tagħmel il-Madonna meta wieħed ikun ta u kkonsagra ġismu u ruħu totalment lilha? Hi tagħmel kif għamlet qabel Rebekka liż-żewġ gidien li ġibilha Ġakobb:

(a) Toqtolhom - jiġifieri ġġagħalhom imutu għall-ħajja ta’ Adam il-qadim;

(b) Hi tqaxxrilhom u tneżżagħlhom il-ġilda naturali - jiġifieri mill-ġibdiet ħżiena u r-rabta mal-kreaturi;

(ċ) Hi tnaddafhom mill-impuritajiet u d-dnubiet;

(d) Hi tippreparahom biex ikunu jogħġbu ‘l Alla, u jkabbru l-glorja Tiegħu.

U ladarba Marija biss taf tajjeb x’jogħġob lill-Maesta’ Divina u jkabbarlu l-glorja, hi biss li tista’ tipprepara u tirranġa mingħajr żbalji lil ruħna u ġisimna għall-gost infint u sublimi t’Alla u għall-glorja infinita u moħbija Tiegħu.

 

206. 4. Meta tkun irċeviet din l-offerta perfetta tagħna nfusna u tal-merti u s-sodisfazzjonijiet tagħna li nkunu għamilnielha b’din id-devozzjoni li qed nirrikmanda u meta tkun ukoll neżżgħetna mill-ħwejjeġ il-qodma, din l-Omm twajba teħodna f’idejha u tagħmilna denji biex nidhru quddiem il-Missier tas-Sema. (a) Hi tlibbisna ħwejjeġ adattati, ġodda, prezzjużi u kollha fwieħa, ta’ Eżaw ħuh il-kbir - jiġifieri ta’ Ġesu’ Kristu, Binha - li hi żżomm f’darha, jiġifieri li hu fis-setgħa tagħha, ladarba hi t-teżoriera u d-dispensatriċi universali tal-virtujiet u l-merti ta’ Binha, Ġesu’ Kristu.

 

Hi tagħti u tikkomunika dawn lil min trid, kif trid u bil-kwantita’ li trid kif ġa rajna. (b) Hi tgħatti l-għonq u l-idejn tal-qaddejja tagħha bil-ġlud tal-gidien maqtula u mqaxxra. Fi kliem ieħor hi żżejjinhom bil-merti u l-prezz tal-opri tagħhom. Fil-verita’, hi toqtol u teqred dak kollu li mhux pur u perfett fil-persuna tagħhom. Imma hi ma titlifx jew taħli t-tajjeb li l-grazzja tkun wettqet hemm.

 

Hi żżomm dak it-tajjeb u tkabbru bħall-ornament u s-saħħa ta’ għonqhom u jdejhom. Fi kliem ieħor hi ssaħħaħhom u tgħinhom iġorru l-madmad li għandhom fuq għonqhom u jagħmlu ħwejjeġ kbar għall-glorja t’Alla u għas-salvazzjoni ta’ ħuthom sfortunati. (ċ) Hi tagħti fwieħa ġdida lill-ilbiesi u lill-ornamenti tagħhom, billi tlibbes lill-qaddejja tagħha bil-merti u l-virtujiet tagħha stess, li meta mietet, ħallitilhom - kif qaltilna soru tas-seklu li għadda, li għamlet mewta ta’ qaddisa u li saret taf dan b’rivelazzjoni speċjali.

 

B’hekk dawk kollha ta’ darha - il-qaddejja u l-ilsiera – huma mlibbsin b’żewġ ilbiesi, jiġifieri bil-libsa ta’ Binha u b’tagħha stess! “Għax kollha għandhom żewġ ilbiesi” (Prov 31,21). U għalhekk Ġesu’ Kristu ma jkunx għalihom dak li hu għall-ħżiena - biża’ li jinġazza, bjuda kiesħa bħal tas-silġ, li huma ma jkunux jifilħu jissapportu billi huma mneżżgħin mill-merti ta’ Ġesu’ Kristu u tal-Imqaddsa Ommna Marija.

 

207. 5. Fl-aħħarnett, għalkemm huma l-ulied iż-żgħar u huma biss ulied adottati - u għalhekk m’għandhomx dritt naturali għal barka bħal din - Marija taqla’ l-barka tal-Missier tas-Sema għall-qaddejja tagħha. Lebsin ilbiesi ġodda fjamanti, ta’ kwalita’ mill-aqwa u kollha fwieħa; b’ruħhom u ġisimhom ippreparati u ddestinati - huma jersqu bil-kunfidenza lejn it-tron tal-Missier tagħhom tas-Sema. Dan il-Missier twajjeb jismagħhom u jagħraf il-leħen tagħhom, li hu l-leħen tal-midneb. Hu jmissilhom idejhom, mgħottijin bil-ġlud. Ixomm il-fwieħa ħelwa tal-ilbiesi tagħhom. Hu jiggosta bil-ferħ dak li ppreparatlu Marija.

Billi jagħraf fihom il-merti u l-fwieħa ta’ Ibnu u tal-Omm Qaddisa ta’ Ibnu:

 

1. Hu jagħtihom iż-żewġ barkiet tiegħu - Il-Barka tan-nida tas-Sema - “Minn nida tas-Smewwiet”, jiġifieri l-barka tal-Grazzja Divina li hi ż-żerriegħa tal-glorja; “Imbierek Alla... li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali fis-smewwiet ta’ Kristu” (Efes 1,3). Il-barka tal-ġid tal-art - “Minn frott tal-art”, fi kliem ieħor il-ħobża ta’ kuljum u dak li hu biżżejjed mill-ġid ta’ din id-dinja.

2. Iktar, hu jagħmilhom sidien fuq ħuthom, il-ħżiena. Ċertament dan mhux dejjem jidher fid-dinja, li tgħaddi f’mument, u fejn il-ħżiena donnhom isaltnu: “Kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar” (S 93,4)... “Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar, jinfirex qisu ċedru tal-libanu” (S36,35). Imma din is-supremazija tal-magħżulin hi madankollu vera, u tidher ċar fil-ħajja l-oħra, għall-eternita’ kollha, fejn il-ġusti, kif igħidilna l-Ispirtu s-Santu, isaltnu fuq in-nazzjonijiet u jmexxuhom, “Jaħkmu fuq il-poplu” (Għerf 3,8).3.

 

Mhux kuntent li jberikom fil-persuna tagħhom u f’dak kollu li jippossiedu, Alla jbierek ukoll lil dawk kollha li jberkuhom u jisħet lil dawk kollha li jisħtuhom u jippersegwitawhom.

 

2. Hija tipprovdilhom kollox

 

208. It-tieni opra ta’ karita’ li l-Verġni Mbierka tagħmel mal-qaddejja fidili tagħha, hi dik li tipprovdilhom kull ma għandhom bżonn għall-ġisem u għar-ruħ. Bħalma diġa’ rajna, hi tagħtihom żewġ ilbiesi: Hi tittrattahom bl-iktar ikel delizzjuż mill-mejda t’Alla. Hi titmagħhom bil-Ħobż tal-Ħajja, li hi stess iffurmat: “A generationibus meis implemini” (Koħ 24,25). “Għeżież uliedi”, hi tgħidilhom permezz ta’ Ktieb il-Għerf, “Imtlew bil-ġenerazzjoni tiegħi”, jiġifieri b’Ġesu’, il-Frott tal-Ħajja, li jien ġibt fid-dinja minħabba fikom”...

 

“Ejjew kulu l-ħobż tiegħi u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom” (Prov 9,5). “Kulu għeżież, ixorbu u iskru” (Għan 5,1). “Ejjew” tgħidilhom, “kulu l-ħobż tiegħi, li hu Ġesu’, ixorbu l-inbid ta’ mħabbtu, li jien ħallatt għalikom.” Ladarba Marija hi t-teżoriera u d-dispensatriċi tar-rigali u l-grazzji tal-Aktar Għoli, hi tagħti lil uliedha u l-qaddejja tagħha sehem kbir u l-aħjar minn dawk il-grazzji u r-rigali mill-isbaħ, biex issostnihom u tħarishom. Huma jkunu mmantnin bil-Ħobż tal-Ħajja u msakkrin bl-Inbid li jnissel l-verġni. Bl-għajnuna qatt ma taqta’ ma’ Marija “Intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu” (Is 6,12) - huma jġorru l-madmad ta’ Ġesu’ Kristu b’tant ħeffa, li bilkemm iħossu t-toqol tiegħu minħabba ż-żejt tad-devozzjoni li bih dilkithom. “Jugun eorum computrescet a facie olei”... “U l-madmad tiegħu jinkiser minn fuq għonqok” (Is 10,27).

 

 

 

 

3. Hija tmexxihom u tiggwidahom

 

209. It-tielet benefiċċju li l-Verġni Mbierka tagħti lill-qaddejja tagħna, hu dak li tmexxihom u tiggwidahom skont ir-rieda ta’ Binha. Rebekka kienet tmexxi liċ-ċkejken Ġakobb u tagħtih xi parir f’waqtu kemm biex tiġbed fuqu l-barka ta’ missieru, kif ukoll biex tiskansalu l-mibgħeda u l-persekuzzjoni ta' ħuh Eżaw. Marija, li hi l-Kewkba tal-Baħar, tmexxi lill-fidili qaddejja tagħha kollha għall-port tal-kenn; hi turihom il-mogħdijiet tal-ħajja ta’ dejjem; hi ma tħallihomx imorru  f’toroq perikulużi u tmexxihom minn idejhom huma u telgħin it-taraġ tal-qdusija. Hi twiżinhom meta jkunu fil-periklu li jaqgħu, u terfagħhom meta jaqgħu.

 

Hi ċċanfarhom, bħal omm li tħobb, meta jaqgħu, u xi darba tikkastigahom bl-id tal-imħabba. Jista’ iben, li jkun ubbidjenti lejn Marija, Ommu u l-protettriċi tiegħu, jista’ iben bħal dan jintilef fi triqtu lejn l-eternita’? “Ipsam sequens non devias”... “Min jimxi warajha ma jintilifx” (San Bernard).

 

M’hemm l-ebda biża’ li xi veru iben ta’ Marija jkun imqarraq minn spirtu ħażin u jaqa’ f’xi ereżija formali. Fejn tmexxi Marija m’hemmx post għax-xitan u l-qerq tiegħu, jew għall-eretiċi bit-tqarriq tagħhom. “Meta żżommok Marija, int ma taqax”.

 

4. Hija tiddefendihom u tħarishom

 

210. Bħala r-raba’ servizz lill-ulied u qaddejja tagħha, il-Verġni Mbierka tiddefendihom u tħarishom mill-għedewwa tagħhom. Bil-kura u l-għaqal tagħha, Rebekka, ħarset lil Ġakobb mill-perikli kollha li kien jiltaqa’ magħhom u speċjalment mill-mewt, li ħuh Eżaw kien lest li jagħmillu, minħabba l-mibgħeda u l-għira li kellu lejh, bħalma Kajjin għamel lil ħuh Abel. Marija, l-Omm twajba tal-ippredestinati, taħbihom taħt il-ġwienaħ tal-protezzjoni tagħha, bħalma qroqqa taħbi l-flieles tagħha. Hi titkellem magħhom, titbaxxa sa fejnhom, u tagħti kas tad-debolizza tagħhom, biex fid-dell tagħha huma jistgħu jkunu mħarsin mis-seqer u miċ-ċawlun. Hi ddawwarhom bil-qawwa tagħha u timxi magħhom bħal eżerċitu lest għat-taqbida: “ut castrorum acies ordinata” (Għan 6,3). Jista’ jkun li bniedem li jkun imdawwar minn eżerċitu kbir ta’ mitt elf suldat, jibża’ mill-għedewwa tiegħu? Qaddej fidil ta’ Marija, imdawwar bil-protezzjoni u l-qawwa tagħha ta’ Sultana, għandu wisq anqas minn xiex jibża’. Din l-Omm twajba u Prinċipessa setgħana tas-sema, aktar tagħmel li tibgħat malajr armata ta’ miljuni t’Anġli biex igħinu lil wieħed minn uliedha, milli xi darba jingħad li qaddej fidil ta’ Marija, li kien jafda fiha, kien mirbuħ mill-malizzja, min-numru, jew mill-qawwa tal-għedewwa tiegħu.

 

5. Hija tinterċedi għalihom.

 

211. Fl-aħħarnett, il-ħames u l-ikbar benefiċċju li Marija tagħti lis-segwaċi fidili tagħha, hu li tidħol għalihom quddiem Binha u tikkalmah bit-talb tagħha. Tgħaqqadhom miegħu b’rabta l-aktar intima u tgħasses fuq din l-għaqda. Rebekka ġagħlet lil Ġakobb jersaq lejn is-sodda ta’ missieru. U r-raġel xwejjaħ messu, għannqu u anke biesu bil-ferħ, billi kien hekk sodisfatt u kuntent bil-platt imħawwar tajjeb li kien ġieblu Ġakobb. Wara li xamm, bi pjaċir kbir, ir-riħa fina tal-ilbiesi tiegħu Iżakk għajjat: “Ara riħet ibni, bir-riħa ta’ għalqa mbierka mill-Mulej!” (Ġen 27,27). Din l-għalqa mimlija, li r-riħa tagħha saħħret il-qalb tal-missier mhix ħaġ’oħra ħlief il-fwieħa u l-merti ta’ Marija, li hi l-għalqa għanja bil-grazzji, fejn Alla l-Missier żera’ lil Ibnu l-Waħdieni, bħaż-żerriegħa tal-qamħ tal-magħżulin. Kemm togħġob lil Ġesu’ Kristu, il-Missier tad-dinja, li għad trid tiġi, it-tarbija tfuħ bil-fwieħa ħelwa ta’ Marija! Kemm tingħaqad Miegħu malajr u perfettament! Aħna dan kollu diġa’ wrejnih fit-tul.

 

212. Aktar, meta l-Verġni Mbierka tkun qassmet il-favuri tagħha fuq uliedha u fuq il-qaddejja fidili tagħha, meta tkun ukoll qalgħetilhom il-barka tal-Missier tas-Sema u għaqqdithom ma’ Ġesu’ Kristu - hi tippreservahom f’Ġesu’ Kristu, u Ġesu’ Kristu fihom; Hi tipproteġihom u kontinwament tgħasses fuqhom li ma jmorrux jitilfu l-grazzja t’Alla, u jaqgħu fin-nases tal-għedewwa tagħhom: “Hi żżomm il-qaddisin fil-milja tagħhom” (San Bonaventura). Hi tgħinhom, bħalma diġa’ għidna, li jipperseveraw sal-aħħar. Hekk mela, hi t-tifsira ta’ din it-tixbiha kbira u antika, tal-predestinazzjoni u tal-ħżunija, li hi ftit wisq magħrufa, u hekk mimlija bil-misteru.

 

 

 

 

KAPITLU VII

L-Effetti tal-għaġeb li din id-devozzjoni

ġġib f’ruħ fidila lejha

 

213. Għażiż ħija , jien niżgurak li jekk inti tkun fidil lejn il-prattiki interjuri u esterjuri ta’ din id-devozzjoni, li se nispeċifika fil-kapitlu li jmiss, inti jkollok dawn il-benefiċċji.

 

1. Tagħraf lilek innifsek

 

1. Bid-dawl li l-Ispirtu s-Santu jagħtik permezz ta’ Marija, l-Għarusa maħbuba Tiegħu, inti tasal biex tagħraf in-natura mħassra tiegħek, it-taħsir tiegħek, u l-inkapaċita’ tiegħek li tagħmel xi ħaġa tajba li m’għandhiex il-bidu tagħha f’Alla, l-Awtur tan-natura u tal-grazzja. B’riżultat ta’ dan it-tagħrif, inti tmaqdar lilek innifsek u tħares lilek innifsek bil-biża’. Inti tħares lejk innifsek bħal bebbuxu, li jħammeġ kollox bil-lgħab tiegħu; jew bħal żrinġ li javvelena kollox bil-velenu tiegħu; jew bħal serp malizzjuż li jfittex biss biex iqarraq. Fl-aħħar, lill-umli, Marija tagħtih sehem mill-umilta’ profonda tagħha; u bħala riżultat, filwaqt li tmaqdar lilek innifsek, u tieħu pjaċir li tkun immaqdar, inti stess ma tmaqdar lil ħadd.

 

2. Partiċipazzjoni fil-Fidi ta’ Marija

 

214. 2. Il-Verġni Mqaddsa tagħtik sehem f’dik il-Fidi tagħha, li matul ħajjitha f’din id-dinja, kienet akbar minn dik tal-Patrijarki, tal-Profeti, tal-Appostli u tal-Qaddisin. Issa qed issaltan fis-Sema, fejn tara kollox ċar f’Alla, bid-dawl tal-glorja, Marija m’għandhiex bżonn aktar tal-Fidi. Madankollu, hu pjaċir kbir t’Alla, li Marija ma titlifx din il-Fidi għal kollox meta daħlet fil-glorja: hi għadha żżommha biex tipperserveraha fil-Knisja Militanti, għall-qaddejja fidili tagħha. Aktar, mela ma tkun miġjub u ffavorit minn din il-Prinċipessa sabiħa u Verġni fidila, aktar ikollok l-imġiba tiegħek kollha mħeġġa b’fidi vera. Fidi hekk safja, li bilkemm tħallilek xewqa għas-sentimentaliżmu u għall-istraordinarju. Fidi ħajja mixgħula bl-imħabba, li biha tkun tista’ ttemm l-għemil kollu tiegħek, mħeġġeġ mill-imħabba safja lejha, qawwija u sħiħa bħall-blata li tgħinek biex tibqa’ qawwi u sod, qalb it-tempesti u tbatija. Fidi attivita u penetranti, li bħal “master-key”, misterjuża ddaħħlek fil-misteri kollha ta’ Ġesu’ Kristu, fl-għarfien tal-aħħar fini tal-bniedem, u fil-qalb t’Alla nnifsu; Fidi qalbenija li ġġegħlek tibda u ttemm bla biża’ ħwejjeġ kbar għal Alla u għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Fl-aħħarnett, fidi li taqbad bħal ħuġġieġa l-ħajja divina tiegħek, u t-teżor moħbi tiegħek tal-Għerf Divin, u l-mezz li jista’ kollox int tuża biex iddawwal lil dawk li jinsabu fid-dlam u fid-dell tal-mewt, biex tħeġġeġ lil dawk li huma berdin u li m’għandhomx id-deheb jaħraq tal-imħabba, biex tagħti l-ħajja lil dawk li huma mejtin bid-dnub, biex tqanqal u tikkonverti bil-ħlewwa u bis-saħħa ta’ kliemek, il-qlub iebsa daqs l-irħam u daqs iċ-ċedri tal-libanu; u fl-aħħar, biex tieqaf lix-xitan u lill-għedewwa kollha tas-salvazzjoni tiegħek.

 

3. Il-Grazzja tal-imħabba safja

 

215. 3. Din l-Omm tal-Imħabba Divina, tneħħi minn qalbek l-iskrupli kollha, u kull biża’ servili u mhux floku. Tiftaħlek qalbek u tagħmilha kbira u ġeneruża, biex inti tkun tista’ tiġri fit-triq tal-kmandamenti ta’ Binha, bil-liberta’ qaddisa tal-ulied t’Alla, u biex tiġi mogħti sehem minn dik l-imħabba safja li tagħha hi t-teżoriera. Bħala riżultat, inti ma tkunx aktar immexxi, kif kont s’issa, minn attitudni ta’ biża’ lejn Alla tal-Imħabba, imma mill-imħabba safja Lejh. Inti tħares Lejh bħala l-Missier twajjeb tiegħek, li lilu inti tfittex dejjem li togħġob u li miegħu titkellem bil-fiduċja kollha, bħalma tifel ikellem lit-twajjeb missieru. Jekk disgrazzjatament toffendih, malajr tumilja ruħek quddiemu u bl-umilta’ titolbu maħfra; u b’qalb sempliċi, inti tnewwilu idek u terġa’ tqum bis-saħħa tal-imħabba u bla xkiel jew inkwiet fir-ruħ u tkompli bil-kuraġġ fi triqtek Lejh.

 

4. Kunfidenza Kbira f’Alla u f’Marija

 

216. 4. Il-Verġni Mqaddsa timliek b’fiduċja kbira f’Alla u fiha nfisha. Hi tagħmel dan:

(1) Għaliex inti ma tersaqx iżjed waħdek lejn Ġesu’Kristu imma dejjem permezz ta’ din l-Omm twajba,

(2) Għaliex ladarba inti tajtha l-merti, il-grazzji u s-sodisfazzjonijiet tiegħek kollha biex hi tiddisponi minnhom kif trid, bi tpattija hi tagħtik il-virtujiet tagħha u tlibbsek bil-merti tagħha biex inti tkun tista’ tgħid ‘l Alla bil-fiduċja kollha: “Hawn hi Marija, il-qaddejja tiegħek isir minni skont kelmtek.” “Ecce Ancilla Domini ,fiat mihi secundum verbum tuum.” (Lq 1,38).

(3) Għax ladarba inti tajt lilek innifsek kollok kemm inti ruħ u ġisem, lil Marija, li l-ġenerożita’ tagħha ma titqabbel ma’ xejn, ma tħalli 'l ħadd jgħaddiha fil-libertalita’ tagħha, hi tagħti ruħha lilek bi tpattija b'mod misterjuż imma veru. Għalhekk tista’ bil-kuraġġ kollu tgħid: “Tuus sum ego, salvum me fac.” Jiena tiegħek, O Verġni Qaddisa, salvani.”

“Accepi te in me.” “O Omm Qaddisa jien ħadtek għalija.” Jew tista’ tgħid ma’ San Bonaventura: “Għażiża Sidt tiegħi, tant għanja fil-fidwa. Jien naħdem bil-fiduċja kollha, u ma nibżax, għaliex inti s-saħħa u t-tifħir tiegħi fil-Mulej”... u f’post ieħor “jiena kollni tiegħek u kulma għandi hu tiegħek. O Verġni glorjuża, imbierka fuq il-kreaturi kollha, ħallini npoġġik bħala siġill ta’ qalbi, għaliex qalbi l-imħabba tiegħek hi qawwija daqs il-mewt” (Psalter Majus B.V)

 

Is-sentimenti tal-profeta tista’ tagħmilhom tiegħek: “Mulej ma tkabbritx qalbi lanqas ma ntrefgħu għajnejja, jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, jew wara ħwejjeġ ogħla minni, u b’dan kollu għadni m’iniex umli, imma tkabbart bħal tarbija li tinfatam minn ommha, hekk hi ruħi ġewwa fija” (S 130, 1-2). Jien bħal tifel miftum mill-pjaċiri tad-dinja li qed jistrieħ fi ħdan Ommu - dak il-ħdan li hu tani bl-abbundanza.

(4) Dak li jkompli jkabbar il-fiduċja tiegħek f’Marija hu l-fatt li meta tkun fdajt f’idejha dak kollu li għandek, biex hi tqassamhom jew kif trid hi tikkonservahom, jkollok inqas fiduċja fik innifsek u fiduċja aktar qawwija fiha li hi t-teżoriera tiegħek. X’fiduċja u x’konsolazzjoni jkollha dik ir-ruħ li tista’ tgħid li t-teżor t’Alla, fejn Hu poġġa dak kollu li hu l-iżjed prezzjuż, hu t-Teżor tagħha wkoll! “Ipsa est thesaurus Domini”, igħid wieħed qaddis. “Hi t-teżor tal-Mulej!”

 

5. Komunikazzjoni tar-ruħ mal-Ispirtu s-Santu

 

217. 5. Ir-ruħ tal-Verġni Mbierka tikkomunika ruħha miegħek, biex tagħti glorja ‘l Alla, l-Ispirtu tagħha jieħu post l-Ispirtu tiegħek biex jifraħ f’Alla s-Salvatur tagħha - basta tkun fidil lejn il-prattika ta’ din id-devozzjoni. “Sit in singulis anima Mariae, ut magnificet Dominum;sit in singulis Mariae, ut exultet in Deo,” igħid Sant’Ambroġ: “Ħalli l-ispirtu ta’ Marija jkun f’kull wieħed u f’kull waħda minna biex jigglorifika lill-Mulej, u ħalli l-Ispirtu ta’ Marija jkun f’kull waħda minna biex jifraħ f’Alla.” “Meta se jasal dak iż-żmien sabiħ meta Marija, għanja bil-grazzja, issaltan fil-qlub tagħna, bħal Sidt u Sultana, biex qlubna jkunu sottomessi għal kollox għas-saltna ta’ Binha l-Waħdieni Ġesu’ Kristu?” Meta se jasal iż-żmien li l-erwieħ jieħdu min-nifs Marija, bħalma l-ġisem tagħna jirrispira l-arja? Ħwejjeġ tal-għaġeb għad jitwettqu hawn fl-art meta jasal iż-żmien, l-Ispirtu s-Santu jsib lill-Għarusa maħbuba tiegħu bħallikieku mnissla fl-erwieħ, jinżel bl-abbundanza Tiegħu kollha fihom u jimliehom bid-doni Tiegħu, speċjalment bid-don tal-Għerf biex Hu jkun jista’ jaħdem fihom l-għeġubijiet tal-grazzja.

 

Għażiż ħija, meta jasal tassew dak iż-żmien imbierek, iż-żmien ta’ Marija, li fih ħafna erwieħ magħżula li hija kisbet minn Alla l-għoli, jintilfu fl-abbiss tar-ruħ tagħha, u jsiru xbihat ħajjin ta’ Marija, biex iħobbu u jigglorifikaw lil Ġesu’ Kristu? Dak iż-żmien jasal biss meta d-devozzjoni, li qed nirrikmanda, tkun magħrufa u pprattikata: “Ut adven regnum adveniat regnum Mariae.”

 

6. Marija tnissel lil Ġesu’ Kristu fl-erwieħ

 

218. 6. Jekk Marija, li hi s-siġra tal-Ħajja, tkun ikkultivata tajjeb bil-ġenerożita’ f’ruħna permezz tal-fedelta’ tagħna lejn il-prattiki ta’ din id-devozzjoni, hi tagħmel il-frott fi żmienu; u l-frott tagħha ma jkun ħadd iżjed, ħlief Ġesu’ Kristu. Jien nara ħafna erwieħ devoti li qed ifittxu lil Ġesu’ Kristu, x’uħud b’devozzjoni u oħrajn b’oħra. U wara li jkunu tħabtu ħafna bil-lejl, huma jkunu jistgħu jgħidu biss:  “Għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn” (Lq 5,5). U aħna nistgħu nagħtu t-tweġiba: “Ħdimtu ħafna u qlajtu ftit” (Aggeus 1,6). Dan għaliex Ġesu’ Kristu għadu mhux preżenti biżżejjed fikom. Imma, bit-triq immakulata ta’ Marija u b’dil-prattika divina, li qed nirrikmanda, aħna naħdmu bin-nhar, naħdmu f’post qaddis, naħdmu ftit. F’Marija m’hemmx lejl, għaliex fiha la kien hemm dnub u lanqas dell ta’ dnub. Marija hi post qaddis, hija l-Qaddisa tal-qaddisin, fejn il-qaddisin huma ffurmati u mogħtija s-sura.

 

219. Nixtieqkom tinnuttaw, jekk jogħġobkom, li jien ngħid li l-qaddisin jiġu ffurmati f’Marija. Hemm differenza kbira bejn li tnaqqax figura billi titfagħha ġo forma. Biex joħolqu figura maqlugħa, l-iskulturi u dawk li jagħmlu l-istatwi jieħdu ħafna xogħol, u teħdilhom ħafna żmien, imma meta jużaw forma, ix-xogħol ikun ħafif u joħorġu l-istatwti tagħhom f’qasir żmien. Santu Wistin isejjaħ lil Marija: “forma Dei...” “Il-forma t’Alla.”: “Int jistħoqqlok tissejjaħ il-Forma t’Alla.” Hi l-forma, magħmula biex tifforma kreaturi jixbhu ‘l Alla. Kull min jiġi mixħut ġo din il-forma divina malajr jiġi ffurmat f’Ġesu’ Kristu, u Ġesu’ Kristu fih. Bi ftit spejjeż u fi żmien qasir, isir jixbah ‘l Alla, ladarba kien miftuħ fil-foma li sawret Alla.

 

220. Jiena jidhirli li nista’ nxebbah dawk id-diretturi spirtiwali u erwieħ devoti li jfittxu li jiffurmaw lil Ġesu’ Kristu infushom jew f’oħrajn bi prattiki differenti minn dik li jien qed nirrikkmanda mal-iskulturi, li jafdaw fil-ħila, bżulija, u arti tagħhom, jagħtu daqqiet bħax-xita bil-mazza u l-iskarpell fuq il-granit jew l-injam biex joħorġu minn din il-blokka bla forma l-figura ta’ Ġesu’ Kristu. Xi drabi huma jirnexxilhom li jipproduċu biss xbieha ta’ Ġesu’ Kristu mhix perfetta, jew minħabba nuqqas ta’ tagħrif  biżżejjed fuq il-persuna ta’ Ġesu’ Kristu, jew minħabba xi daqqa bla grazzja, li tħassar l-opra kollha. Imma, għal dawk li jħaddnu dan is-sigriet ta’ grazzja, jiena sejjer inxebbaħhom ma’ dawk li jħollu u jagħmlu l-forom. Huma sabu f’Marija l-forma perfetta fejn Ġesu’ kien iffurmat naturalment u divinament u bla ma afdaw fuq il-bżulija tagħhom imma biss fuq il-perfezzjoni tal-forma - huma jitfgħu lilhom infushom u jintilfu f’Marija biex ikunu jistgħu jiġu mibdulin fix-xbieha perfetta ta’ Ġesu’ Kristu.

 

221. Dan hu tassew paragun sabiħ u ġust! Iżda min sejjer jifhmu? Nittama li tkun int għażiż ħija. Imma ftakar li biss dak li jkun maħlul u likwidu jintefa’ ġo forma; fi kliem ieħor inti għandek teqred u tħoll fik innifsek ‘l Adam il-qadim, biex tkun tista’ ssir Adam il-Ġdid f’Marija.

 

7. Għall-Akbar Glorja t’Alla

 

222. 7. Bil-ħarsien fidil ta’ din il-prattika, inti tagħti glorja ikbar lil Ġesu’ Kristu f’xahar wieħed, milli tista’ tagħti billi tosserva xi prattika oħra għal ħafna snin kienet diffiċli kemm kienet. Dawn li ġejjin huma r-raġunijiet li se nġib biex nurik dan:

 

1. Għax il-prattika tgħallmek tagħmel l-azzjonijiet tiegħek permezz tal-Verġni Mbierka. Int għalhekk tħalli fil-ġenb l-intenzjonijiet u l-iskopijiet tiegħek. Għalkemm ikunu tajbin u magħrufa sewwa, biex b’hekk inti tintilef, biex ngħid hekk, f’dawk ta’ Marija, għalkemm l-intenzjonijiet tagħha huma moħbija għalik. B’hekk int tidħol u taqsam fis-sublimita’ tal-intenzjonijiet tagħha, li huma hekk safja, illi tagħti glorja akbar ‘l Alla bl-iċken azzjoni tagħha, per eżempju, billi ddawwar l-imgħażel tagħha, jew tagħmel pont ħjata, milli ġie mogħti bil-martirju aħrax ta’ San Lawrenz fuq il-gradilja, jew bl-atti l-aktar erojċi tal-qaddisin kollha. Matul ħajjitha fid-dinja l-Verġni Mqaddsa akkwistat ħażna hekk kbira ta’ grazzji u merti, li kien ikun eħfef li tgħodd il-kwiekeb tas-sema, il-qatriet tal-ilma fil-baħar, jew ir-ramel fuq x-xtajta, mill tgħodd il-merti u l-grazzji tagħha. Hi tat glorja akbar lil Alla milli qatt tawh, jew għad jagħtuh l-Anġli u l-Qaddisin kollha. O Marija, għaġeb tal-għeġubijiet! Żgur li inti bilfors tagħmel għeġubijiet tal-grazzja fl-erwieħ li tassew ifittxu li jintilfu fik!

 

 

 

223. 2. Għax ir-ruħ li hi fidila lejn din id-devozzjoni ma torbotx fuq dak li taħseb jew tagħmel hi min jedda, iżda tafda biss fuq id-dispożizzjonijiet ta’ Marija, biex tersaq lejn Ġesu’ Kristu u anke biex titkellem Miegħu, hi tipprattika aktar l-umilta’ minn dawk l-erwieħ li jaħdmu waħedhom, u mingħajr ma jindunaw, jafdaw dejjem aktar fuq id-disposizzjonijiet tagħhom stess. Għaldaqstant ruħ bħal din tagħti glorja ikbar ‘l Alla, li hu biss perfettament adorat minn dawk ta’ qalb ħelwa u umli.

 

224. 3. Għax il-Verġni Mbierka fl-imħabba kbira tagħha lejna tixtieq ħafna li tieħu f’idejha verġinali, l-offerta tal-għemejjel tagħna, biex hi tagħtihom sbuħija u dija tal-għaġeb. Hi stess toffrihom lil Ġesu’ Kristu, mingħajr biża’ li jiġu miċħuda; u b’hekk is-Sinjur Tgaħna jirċievi aktar glorja milli kieku offrejnihomlu aħna stess mill-idejn midinba tagħna.

 

225. 4. Fl-aħħarnett għax meta inti terfa’ ħsibijietek lejn Marija, Marija twassal dawk il-ħsibijiet tiegħek lejn Alla; inti ma tsiatx tfaħħar jew tqim lil Marija, mingħajr Marija ma tfaħħar u tqim ‘l Alla f’ismek. Marija hi għal kollox orjentata lejn Alla: tassew nista’ nsejħilha r-relazzjoni ta’Alla, ladarba hi teżisti biss fir-relazzjoni tagħha m’Alla, jew bħall-eku t’Alla li jgħid u jirrepeti biss “Alla.” Meta inti tgħid “Marija” hi tgħid “Alla”. Sant’Eliżabetta faħħret lil Marija u sejħitilha “Imbierka” għaliex kienet emmnet; u malajr Marija, l-eku fidil t’Alla, stqarret: “Magnificat anima mea Dominum”, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1,46). Dak li għamlet Marija f’dik l-okkażjoni, issa qed tagħmlu kuljum. Meta hi tkun imfaħħra, maħbuba, onorata jew meta xi rigal jiġi mogħti lilha, hu Alla li jkun imfaħħar, maħbub, igglorifikat u jkun Alla li jirċievi r-rigal permezz ta’ Marija u f’Marija.

 

 

 

KAPITLU VIII

Prattiki Partikulari ta’ din id-Devozzjoni

 

1. Prattiki Esterjuri

 

226. Filwaqt li l-essenza ta’ din id-devozzjoni hija n-natura interjuri tagħha, hemm xi prattiki esterjuri relevanti li m’għandhomx jiġu traskurati “Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra” (Mt 23,23). Dan hu hekk għaliex il-prattiki esterjuri magħmula sewwa jgħinu ħafna lid-dispożizzjonijiet interni; għaliex billi l-bniedem hu kreatura, taħt l-influwenza qawwija tas-sensi, hu jkun ta’ sikwit imfakkar b’dawn il-prattiki, f’dak li jagħmel jew f’dak li għandu jagħmel; u għaliex, mhux bħad-dispożiżżjonijiet interjuri, dawn jistgħu jidhru minn barra, hu għalhekk huma tajbin għall-edifikazzjoni tal-proxxmu.

 

Mela ma jiġix xi bniedem tad-dinja jew wieħed li jrid jikkritika jgħidli illi l-vera devozzjoni qiegħda fil-qrib, li l-wirja minn barra għandha tkun maħruba, u li jista’ jkun hemm il-vanita’ f’dan kollu, illi d-devozzjoni għandha tkun moħbija u l-kumplament. Jien nirrispondi mal-Imgħallem tiegħi: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” ( Mt 5,16). Lanqas, bħalma jgħid San Girgor, m’għandu wieħed jagħmel azzjonijiet u devozzjonijiet esterni biex jogħġob lill-bnedmin u jfaħħruh - għaliex din tkun vanita’; iżda dawn l-azzjonijiet xi drabi jkunu magħmulin li jidhru mill-bnedmin, bl-intenzjoni li jfaħħru u jigglorifikaw ‘l Alla bla ma nħabblu rasna mit-tmaqdir u mit-tifħir tal-bnedmin.

 

Sa nsemmi fil-qosor ftit prattiki esterjuri li jien nsejħilhom “esterjuri” mhux għaliex m’hemmx intenzjoni “interjuri” fihom, imma għaliex għandhom  xi sinjal minn barra, li jgħinhom biex jingħażlu mill-prattiki, li huma biss interjuri.

 

1. Il-Konsagrazzjoni u tħejjija

 

227. L-Ewwel Prattika: Dawk li jixtiequ jadottaw din id-devozzjoni partikolari li għadha mhix ikkostitwita bħala Konfraternita’** (għalkemm dan hu mixtieq ħafna), għandhom jagħmlu dan li ġej: wara li jkunu għaddew għall-inqas tnax-il ġurnata, kif ktibt jien fl-ewwel parti ta’ din il-preparazzjoni għas-saltna ta’ Ġesu’ Kristu, li fihom jinżgħu mill-Ispirtu tad-dinja, li hu kuntrarju għal dak ta’ Ġesu’ Kristu** jridu jagħmlu tliet ġimgħat li fihom jimtlew bl-ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu permezz tal-Verġni Mbierka. Dan li ġej hu l-programm li fuqu għandhom jimxu:

 

228. Matul l-ewwel il-ġimgħa, huma għandhom joffru t-talb u l-attivitajiet spiritwali kollha tagħhom biex jaqilgħu d-don tal-għarfien tagħhom infushom u l-indiema ta’ dnubiethom. Huma jagħmlu dan kollu fi spirtu ta’ umilta’. Huma jistgħu jekk isibuh ta’ għajnuna jimmeditaw fuq dak li diġa’ għidna fuq n-natura tagħna u t-taħsir tagħha; jew nistgħu jaħsbu fuq dawn it-tliet massimi ta’ San Bernard: “Ftakar f’dak li kont, ftit trab; f’dak li int, ġarra tinten; f’dak li sejjer tkun, ikel għad-dud.” Huma għandhom jitolbu lis-Sinjur Tagħna u lill-Ispirtu s-Santu biex idawwalhom billi jżommu fuq fommhom dejjem dawn il-kelmiet:

 

“Mulej, agħmel li nara” (Lq. 18,14); jew “Noverim me”, jew “Veni Sancte Spiritus”. U wkoll jgħidu kuljum l-Ave Maris Stella u l-Litanija tal-Ispirtu s-Santu  jew il-Litanija tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

**Nota (1) Fl-1899 ġiet imwaqqfa f’Ottawa, il-Kanada l-ewwel Konfraternita’ ta’ Marija Sultana tal-Qlub, minn Mgr Duhamel.  L-1913 il-Qdusija tiegħu l-Papa Piju X, waqqaf il-Konfraternita’ f’Ruma.

 

**Nota (2) Din il-parti mill-ktieb li ntilfet, iżda nistgħu nkunu nafu x’irid l-awtur mill-ktieb l-ieħor “L’Amour de la Sagesse Eternelle.”

 

229. Matul it-tieni ġimgħa l-qawwa kollha tat-talb u l-azzjonijiet tagħhom tkun diretta, biex jaqilgħu l-grazzja li jsiru jafu lill-Verġni Mqaddsa. Huma jfittxu dan it-tagħrif mingħand l-Ispirtu s-Santu. Isibuha ta’ għajnuna jekk jaqraw u jimmeditaw dak li ktibna fuq din il-materja. U bħal fl-ewwel ġimgħa huma jirreċitaw il-litanija tal-Ispirtu s-Santu u l-Ave Maris Stella; u magħhom iżidu r-Rużarju jew għall-inqas ħames posti tar-Rużarju għal din l-intenzjoni.

 

230. It-tielet ġimgħa jgħadduha fit-tħabrik, biex isiru jafu lil Ġesu’ Kristu. Huma jistgħu jaqraw u jimmeditaw dak li għidna fuq das-suġġett jew jgħidu t-talba ta’ Santu Wistin li tajniekom fl-ewwel taqsima ta’ dan il-ktieb. Mal-istess qaddis jistgħu jirrepetu għal mitt darba kuljum: “Noverim te”, “O Sinjur li kieku nista’ nagħrfek,” kif ukoll: “Domine ut videam” “O Sinjur li kieku nista’ naf min int!” Bħal fil-ġimgħatejn ta’ qabel huma jgħidu l-litanija tal-Ispirtu s-Santu u l-Ave Maris Stella; magħhom iżidu kull jum il-litanija tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesu’.

 

231. Fl-għeluq ta’ dawn it-tliet ġimgħat, huma jirċievu s-Sagramenti tal-qrar u tat-tqarbin bl-intenzjoni li jagħtu lilhom infushom lil Ġesu’ Kristu bħala ilsiera ta’ mħabba mill-idejn ta’ Marija. U jfittxu li jirċievu t-Tqarbin Imqaddes skont il-metodu li se nġibu hawn taħt; imbagħad jirreċitaw il-formula tal-konsagrazzjoni tagħhom kif issibuha fl-appendiċi ta’ dal-ktieb. Jekk ma jkollhomx kopja stampata, huma għandhom jikkopjaw din il-formola ta’ konsagrazzjoni u jiffirmawha fl-istess jum li jagħmlu din il-Konsagrazzjoni.

 

232. Hu tal-parir, li f’din il-ġurnata joffru xi ħaġa lil Ġesu’ Kristu u lill-Verġni Mbierka, jew bħala penitenza għall-infedelta’ tagħhom lejn il-wegħdiet tal-Magħmudija, jew bħala sinjal estrem tad-dipendenza sħiħa tagħhom mill-ħakma ta’ Ġesu’ u ta’ Marija. Din l-offerta tkun skont id-devozzjoni u l-kapaċita’ ta’ kull persuna, u tista’ tkun sawma, mortifikazzjoni, karita’, jew xemgħa. Anke li kieku kienu jistgħu jagħtu biss labra tar-ras, bħala offerta għal Kristu din tkun biżżejjed, basta tkun mogħtija b’intenzjoni tajba - għax Hu jħares biss lejn ir-rieda tajba ta’ dak li jagħmel l-offerta.

 

233. Għallinqas darba fis-sena fil-ġurnata tal-anniversarju huma jerġgħu jġeddu l-konsagrazzjoni tagħhom u josservaw ukoll l-istess devozzjonijiet għal tliet ġimgħat. Huma jistgħu wkoll iġeddu din il-konsagrazzjoni kull xahar jew anki kull jum permezz ta’ dal-kliem: “Totus tuus ego sum, et omnia mea tua sunt.” “Jiena kollni tiegħek u kull m’għandi hu tiegħek, O Ġesu’ tiegħi l-aktar maħbub permezz ta’ Marija, l-Omm Qaddisa tiegħek.”

 

2. Ir-Reċita’ tal-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mbierka

 

234. It-tieni prattika: “Jirreċitaw, kull jum matul ħajjithom, mingħajr ma jagħmluha piż tqil għalihom, il-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mqaddsa, li tikkonsisiti fi tliet Paternostrijiet u tnax-il Avemarija f’ġieh it-tnax-il privileġġ u splendur tal-Verġni Mqaddsa. Din id-devozzjoni hi qadima ħafna u hi bbażata fuq l-Iskrittura Mqaddsa. San Ġwann ra mara nkurunata bi tnax-il kewkba, imlibbsa bix-xemx u bil-qamar taħt riġlejha. Din il-mara jgħidu l-interpreti, hi l-Verġni Marija.

 

235. Ma nistgħux intawlu hawn biex ngħidu fuq il-varjeta’ ta’ modi kif tista’ tingħad bid-devozzjoni l-kuruna ż-żgħira. L-Ispirtu s-Santu jgħallimhom lil dawk li jkunu l-aktar fidili għal din id-devozzjoni, madankollu l-forma ġenerali tal-Kuruna ż-Żgħira li hi hekk:

 

Tibda biex tgħid: “Ħalli jkun jistħoqqli nfaħħrek Verġni Mbierka, agħtina l-qawwa konta l-għedewwa tiegħek.” Imbagħad tgħid  il-Kredu u wara tgħid Paternoster, erba’ Avemarijiet u glorja. Wara terġa’ tgħid il-Pasternoster, erba’ Avemarijiet u glorja u tibqa’ sejjer sal-aħħar. Fl-aħħar tgħid is-“Sub tuum praesidium.” “Taħt il-ħarsien tiegħek.”

 

 

3. L-Użu tal-Ktajjen

 

236. It-Tielet Prattika. Hi ħaġa glorjuża u xierqa ta’ tifħir, kif ukoll ta’ benefiċċji kbar, jekk dawk li jkkonsagraw ruħhom bħala l-ilsiera ta’ Ġesu’ f’Marija jilbsu - bħala sinjal tal-jasar tal-imħabba tagħhom - xi katina żgħira li tkun tbierket għal tal-apposta.**

 

U żgur dawn is-sinjali minn barra mhumiex essenzjali u wieħed jista’ jħallihom barra, filwaqt li jħaddan din id-devozzjoni. Madankollu ma nistax ma nirrikkmandax bil-ħeġġa lil dawk li wara li tefgħu fil-ġenb il-ktajjen tal-mistħija, tal-jasar ta’ Satana - ktajjen magħmulin mid-dnub tan-nisel u forsi mid-dnub attwali wkoll - intrabtu minn rajhom f’jasar glorjuż ta’ Ġesu’ Kristu; u li bħal San Pawl jifirħu għax qegħdin fil-ktajjen għal Ġesu’ Kristu - ktajjen li huma wisq iżjed glorjużi u prezzjużi, għalkemm huma biss tal-ħadid, mill-ġiżirani tad-deheb kollha tal-imperaturi.

 

237. Darba, is-salib kien ix-xbieha tal-infamja l-aktar baxxa. Issa hu jiddi, b’aktar glorja minn kull ħaġa oħra, fil-qalb tal-Kristjaneżmu. Nistgħu ngħidu l-istess ħaġa mill-ktajjen tal-jasar.  Fost l-antiki, u aktar fost il-pagani, la kien hemm u lanqas hemm ħaġa aktar ta’ stmerrija, u l-aktar baxxa. Iżda għan-Nisrani m’hemm xejn aktar glorjuż mill-ktajjen ta’ Ġesu’ Kristu, għaliex huma jeħilsuna u jħarsuna mir-rabta tal-ktajjen tad-dnub u tax-xitan li jumiljawna. Huma jeħilsuna, billi jorbtuna ma’ Ġesu’ u ma' Marija, mhux bil-fors, bħal ilsir tax-xwieni, imma bil-karita’ u l-imħabba, li permezz tagħhom aħna nsiru bħal tfal: “Jien ġbidthom b’rabtiet ta’ mħabba” (Hos 11,4), igħid Alla bil-fomm tal-profeta tiegħu. Ktajjen, mela, li huma ta’ saħħithom daqs il-mewt, u anke aqwa, f’ċertu sens, ma’ dawk li bil-fedelta’ jilbsu dawn is-sinjali glorjużi sal-mewt. Għaliex, għalkemm il-mewt teqred ġisimhom, billi tagħmlu trab u rmied, hi ma teqridx ir-rabtiet tal-jasar, li billi jkunu tal-ħadid ma jispiċċawx malajr, u forsi fil-jum tal-Qawmien tagħhom mill-mewt fl-aħħar Ġudizzju, dawn il-ktajjen li jkunu għadhom idawru l-fdalijiet tagħhom, jiffurmaw biċċa mill-glorja tagħhom u jkunu mibdulin fi ktajjen ta’ dawl u ta’ glorja. Imberkin, mela, u mberkin għal elf darba l-ilsiera nobbli ta’ Ġesu’ u ta’ Marija li jibqgħu bil-ktajjen tagħhom sal-qabar!

 

**Nota (3) Tista’ tiġi l-oġġezzjoni li l-użu ta’ ktajjen bħal dawn hu pprojbit minn ċerti digrieti tal-Kongregazzjoni Rumana. Aħna madankollu ma nsibu xejn f’dawn id-digrieti li jipprojbixxi din il-prattika lil persuni individwali speċjalment meta – kif inhi l-intenzjoni fid-devozzjoni ta’ San Grignion de Montfort – dawn il-ktajjen huma milbusa bħala simbolu tal-jasar ta’ Ġesu’ f’Marija. (Ara Analecta Juris Pontifici).

 

238. Hawn huma r-raġunijiet għaliex għandhom jintlibsu dawn il-ktajjen: l-ewwel huma jservu biex ifakkru lin-Nisrani fil-Wedgħiet tal-Magħmudija, u fit-tiġdid perfett tagħhom li hu għamel, b’din id-devozzjoni u bl-obbligu strett li jkun fidil lejhom. Ladarba l-bniedem iktar ta’ spiss ikun immexxi mis-sensi milli mill-Fidi, malajr jinsa l-obbligi tiegħu lejn Alla, jekk ma jkollux xi oġġett li jidher minn barra li jservi biex ifakkru fihom, dawn il-ktajjen żgħar huma tifkira eċċellenti għan-Nisrani tal-ktajjen tal-jasar tad-dnub u tax-xitan, li minnhom ħelsitu l-Magħmudija u fil-jasar ta’ Ġesu’ Kristu, li hu wiegħed fil-Magħmudija u li reġa’ saħħaħ bit-tiġdid ta’ dawn il-wedgħiet. Waħda mir-raġunijiet għaliex, hekk ftit Insara jagħtu kas tal-obbligi li ndaħlu għalihom tal-Magħmudija, u jgħixu bl-istess laxkezza bħal ma jgħixu l-pagani bħallikieku ma wedgħu xejn lil Alla, hu għaliex ma jilbsu xejn li jfakkarhom f’dawn il-wedgħiet.

 

239. Fit-tieni lok, dawn il-ktajjen jintlibsu biex juru li min jilbishom ma jistħix mill-kondizzjoni tiegħu ta’ lsir ta’ Ġesu’ Kristu, u li hu jiċħad il-jasar tad-dinja, tad-dnub u tax-xitan. It-tielet, dawn il-ktajjen jintlibsu biex iħarsu u jipproteġu lil min jilbishom, mill-ktajjen tad-dnub u tax-xitan. U għaliex aħna għandna nilbsu jew il-ktajjen tal-ħażen inkella l-ktajjen tal-karita’ u tas-salvazzjoni “Vincula peccatorum aut vincula caritatis.”

 

240. Għażiż ħija, ejja nkissru l-ktajjen tad-dnub u tal-midinbin, tad-dinja u ta’ dawk li jħobbuha, tax-xitan u l-ħbieb tiegħu u nwaddbu l-madmad tal-mewt tagħhom, ‘il bogħod minna: “Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom” (S 2,3). Biex bil-kliem tal-Ispirtu s-Santu, inqegħdu riġlejna fil-ktajjen glorjużi u għonqna fil-ktajjen tiegħu. “Qiegħed riġlejk fil-ktajjen tal-għerf, u għonqok fl-irbit tiegħu.” (Sir6,24). Nagħtu spallejna, u nġorru l-Għerf, li hu Ġesu’ Kristu u ma niddejqux mill-ktajjen tiegħu: “Agħti spalltek ħa ġġor il-piż tiegħu, u tiddejjaqx mill-ilġiem tiegħu” (Sir 6,25). Innota kif, l-Ispirtu s-Santu, qabel ma qal dan il-kliem, ħejja lir-ruħ, biex ma tiċħadx il-parir importanti tiegħu: “Agħti widen, ibni u ilqa’ l-fehma tiegħi u tiċħadx il-parir li nagħtik.” (Sir 6,23)

 

 

241. Għażiż ħabib tiegħi,, inti tippermettili ningħaqad mal-Ispirtu s-Santu biex nagħtik l-istess parir: “Vincula illius allegatura salutis.” “Il-ktajjen tiegħu, huma ktajjen ta’ salvazzjoni.” Ladarba Ġesu’ Kristu minn fuq is-salib għandu jiġbed il-bnedmin kollha lejh, irridu u ma rridux, Hu jiġbed il-ħżiena bil-ktajjen ta’ dnubiethom, biex jorbothom bħall-ilsiera tal-ġifen, u bħax-xjaten mal-korla eterna u mal-ġustizzja Tiegħu. Imma Hu jiġbed lill-ippredestinati, partikularment f’dawn l-aħħar taż-żminijiet, bil-ktajjen tal-imħabba. “Jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw12,32). “Jien ġbidthom b’rabtiet ta’ mħabba” (Hos 11,14)

 

242. Dawn l-ilsiera fidili ta’ Ġesu’ Kristu - vincti Christi - jistgħu jilbsu l-ktajjen tagħhom jew f’għonqhom, jew f’idejhom jew madwar qaddhom, jew inkella f’riġlejhom. Patri Vincent Caraffa, is-seba’ Ġeneral tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’ li miet bil-fwieħa tal-qdusija fl-1643, kien jilbes ċirku tal-ħadid ma’ kull sieq bħala sinjal tal-jasar tiegħu. U hu kien juri s-sobgħa tiegħu talli ma kienx jista’ jkaxkar katina fil-pubbliku. Madre Agnes ta’ Ġesu’, li diġa’ tkellimna fuqha, kienet tilbes katina madwar qaddha. Nisa qaddisin oħra, kienu jilbsuha m’għonqhom bi tpattija għall-ġiżirani tal-ġawhar li kienu jilbsu fid-dinja. Oħrajn libsuha f’idejhom biex tkun tifkira kontinwa fix-xogħol manwali, li huma kienu l-ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu.

 

4. Devozzjoni speċjali lejn il-Misteru tal-Inkarnazzjoni

 

243. Ir-Raba’ Prattika. Dawk li huma l-ilsiera ta’ Ġesu’ u Marija, għandu jkollhom devozzjoni speċjali lejn il-misteru kbir tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, li l-festa kommemorativa tiegħu taħbat fil-25 ta’ Marzu. Għaliex dan hu l-misteru li hu speċjalment adattat għad-devozzjoni ta’ Ġesu’ u Marija. Din il-festa kienet imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu:

(1) biex tunura u timita d-dipendenza li ma tistax titfisser bil-kliem li Alla l-Iben għoġbu jilqa’għall-glorja ta’ Alla l-Missier, u għas-salvazzjoni tagħna - dipendenza li tidher l-aktar ċar fl-Inkarnazzjoni, fejn Ġesu’ jagħmel lilu nnifsu priġunier u lsir fil-ġuf tal-Verġni Mbierka, u fejn hemm huwa ried li jkun dipendenti minnha f’kollox.

(2) Biex inroddu ħajr ‘l Alla, għall-grazzji speċjali li ta lil Marija, fuq kollox meta għażilha biex tkun l-Omm l-aktar denja Tiegħu, l-għażla li saret f’dan il-misteru. Dawn huma ż-żewġ għanjiet ewlenin tal-jasar ta’ Ġesu’ Kristu f’Marija.

 

 

244. Nixtieq inġegħilkom tinnuntaw li l-frażi li nuża hi: “l-ilsir ta’ Ġesu’ f’Marija; l-ilsir ta’ Marija f’Ġesu’.”

 

Naturalment nistgħu ngħidu kif qalu x’uħud s’issa, l-ilsir ta’ Marija, il-jasar lejn il-Verġni Mbierka. Imma jien naħseb li l-aħjar wieħed jissejjaħ l-ilsir ta’ Ġesu’ f’Marija, kif kien tal-parir Father Tronson, is-Superjur Ġenerali tas-Seminarju ta’ Saint-Suplice, li kien magħruf għall-prudenza rari tiegħu u għall-qdusija kbira tiegħu meta ċertu ekklesjastiku kkonsultah fuq din il-ħaġa. Hawn huma r-raġunijiet għal din l-għażla.

 

245. 1. Żmienna hu żmien ta’ suppervja, fejn hemm numru kbir ta’ skulari mkabbrin, jafdaw lilhom infushom biss u moħħhom biex jikkritikaw u li jsibu xi difett fil-prattiki tal-pjeta anke l-aktar li ilhom imwaqqfin u sodi. Għalhekk biex ma nagħtuhomx okkażjoni oħra ta’ kritika, aħjar ngħidu, il-jasar ta’ Ġesu’ f’Marija, u wieħed jiddikjara ruħu l-ilsir ta’ Ġesu’ u mhux ilsir ta’ Marija. Aħna, għalhekk insejħu din id-devozzjoni b’referenza għall-għan aħħari tagħha; li hu Ġesu’ Kristu, għax Marija hija t-triq u l-mezz li twassalna għal dan il-għan, għalkemm, fil-verita’ aħna nistgħu nsejħu din id-devozzjoni b’referenza kemm għal wieħed u kemm għall-oħra. Per eżempju vjaġġatur li jmur minn Orleans għal Tours billi jgħaddi minn Amboise, jista’ verament igħid li sejjer Amboise jew li sejjer Tours - imma b’din id-differenza, Amboise hi t-triq id-dritta tiegħu għal Tours, filwaqt li Tours hi l-post fejn irid jasal u tmiem il-vjaġġ tiegħu.

 

246. 2. Il-Misteru prinċipali li hu mfakkar  u mweġġah b’din id-devozzjoni, hu dak tal-Inkarnazzjoni, fejn insibu lil Ġesu’ Kristu biss, f’Marija kif tnissel fil-ġuf tagħha. Għalhekk aktar jixraq li nitkellmu mill-jasar ta’ Ġesu’ f’Marija, minn Ġesu’ jgħix u jsaltan f’Marija skont dik it-talba sabiħa ta’ ħafna nies kbar: “O Ġesu’, li tgħammar f’Marija, ejja u għix fil-qaddejja Tiegħek, bl-ispirtu tal-qdusija Tiegħek, bil-milja tas-setgħa Tiegħek, bil-perfezzjoni tat-triqat Tiegħek, bil-verita’ tal-virtujiet Tiegħek, fix-xirka tal-misteru Tiegħek, fuq kollox rażżan kull setgħa tal-għadu bl-Ispirtu tiegħek għall-glorja tal-Missier.”

 

247. 3. L-għażla ta’ dan l-isem turi aktar ċar l-għaqda intima li teżisti bejn Ġesu’ u Marija. Huma maqgħudin hekk intimament, li kull wieħed hu kollu kemm hu fl-ieħor - Ġesu’ hu kollu kemm hu f’Marija; 4. Hi kollha kemm hi f’Ġesu’, jew aħjar Marija tgħix, iżda mhix hi, imma Ġesu’ jgħix għal kollox fiha, tant li jkun eħfef li tifred id-dawl mix-xemx milli tifred lil Ġesu’ minn Marija. Mela, nistgħu nitkellmu mis-Sinjur tagħna bħala “Ġesu’ ta’ Marija” mill-Verġni Mqaddsa bħala “Marija ta’ Ġesu’”.

 

248. Iż-żmien ma jippermettilix biex nieqaf fuq l-eċċellenza u s-sbuħija tal-Misteru ta’ Ġesu’ li jgħix u jsaltan f’Marija, jew inkella fuq il-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb. Ikolli nikkuntenta ruħi bi ftit stqarrijiet. Hawnhekk għandna l-ewwel misteru ta’ Ġesu’ Kristu, il-misteru li hu l-aktar moħbi, l-aktar għoli, u l-inqas magħruf. Hu permezz ta’ dan il-Misteru, flimkien ta’ Marija u fil-ġuf verġinali tagħha, li Ġesu’ għażel il-magħżulin tiegħu; u għal din ir-raġuni li l-qaddisin sejħu l-ġuf ta’ Marija “it-teatru tal-Misteri t’Alla”. Għaliex bl-aċċettazzjoni ta’ dan il-Misteru, Ġesu’ seta jwettaq il-misteri ta’ ħajtu l-oħra kollha li ġew wara. “Kristu meta daħal fid-dinja qal: Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10, 5-9); u għalhekk dal-misteru jiġbor fih il-qosor il-Misteri kollha ta’ Ġesu’, għaliex fih ir-rieda u l-grazzja tagħhom kollha.

 

Fl-aħħarnett dal-Misteru hu t-tron tal-ħniena, tal-ġenerożita’ u tal-glorja t’Alla. Hu t-Tron tal-ħniena għalina, għax la darba aħna nistgħu nersqu lejn Ġesu’ permezz ta’ Marija biss, aħna nistgħu naraw lil Ġesu’ u nitkellmu Miegħu biss permezz tal-interċessjoni ta’ Marija. Ġesu’, li dejjem jisma’ ‘l Ommu l-għażiża, jagħti l-grazzja u l-ħniena tiegħu lill-midinbin imsejkna. “Ħa nersqu mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja” (Lhud 4,16). U wkoll dal-Misteru hu għal Marija it-tron tal-ġenerożita’ ta’ Alla. Għaliex waqt li dan Adam il-Ġdid għammar fil-ġuf tagħha, bħallikieku kien tassew f’Ġenna tal-Art, hemmhekk għamel tant għeġubijiet fil-moħbi li la l-Anġli u lanqas il-bnedmin ma jistgħu jifhmuhom. Għalhekk il-Qaddisin isejħu lil Marija il-manificenza t’Alla, Magnificentia Dei bħallikieku Alla kien kbir biss f’Marija; “Għax hemm għalina jkun il-kobor tal-Mulej” (Is 33,21). Dan il-Misteru hu t-tron tal-glorja Tiegħu, għal Alla l-Missier, għaliex f’Marija kien, li Ġesu’ Kristu berred perfettament lil Alla l-Missier li kien inkurlat għall-umanita’. Kien f’Marija li Kristu reġa’ ta lil Missieru l-glorja li kienet misruqa bid-dnub. Kien f’Marija bl-offerta li għamel tiegħu nnifsu u bir-rieda tiegħu Kristu kiseb glorja għal Missieru milli kienet tkun mogħtija lilu bis-sagrifiċċji kollha tal-Liġi l-Qadima; u fl-aħħarnett kien f’dan il-Misteru u f’Marija li Kristu ta lil Missieru dik il-glorja infinita’ li sa dakinhar qatt ma kien għadu rċeviha mingħand il-bnedmin.

 

 

 

 

5. Devozzjoni kbira lejn l-Ave Maria u r-Rużarju

 

249. Il-ħames prattika. Dawk li jsiru ilsiera ta’ Ġesu’ f’Marija, għandhom jikkultivaw devozzjoni kbira lejn l-Ave Maria (it-tislima tal-Anġlu) li l-valur, il-mertu, l-eċċellenza u l-ħtieġa tagħha huma ftit apprezzati anki fost Insara tal-affari tagħhom. Kien meħtieġ li l-Verġni Mqaddsa tidher ħafna drabi lill-qaddisin kbar u mdawlin - bħal per eżempju lil San Duminku, San Ġwann Capistranu u l-Beatu Alain de la Roche - biex iġġagħalhom jifhmu l-valur kbir tal-Ave Maria. Huma kitbu kotba sħaħ fuq l-għeġubijiet ta’ din it-talba u fuq il-qawwa li għandha li taqla’ l-konverżjoni tal-midinbin.

 

Huma stqarrew bil-kuraġġ u ppridkaw fil-beraħ, illi ladarba s-salvazzjoni tal-umanita’ bdiet permezz tal-Ave Maria, is-salvazzjoni ta’ kull individwu hi marbuta ma’ din it-talba; huma jsostnu li kienet din it-talba li ġagħlet il-Frott tal-Ħajja jinbet fid-dinja niexfa, arida, u li hi din l-istess talba, mlissna bid-devozzjoni, li għandha ġġiegħel il-Kelma t’Alla tinbet f’ruħna, u ġġib il-Frott tal-Ħajja Ġesu’ Kristu. Huma jitkellmu minn din it-talba bħal nida ħelwa tas-sema li tinxtorob bil-mod, fil-ħamrija tar-ruħ tal-bniedem, biex din tagħmel il-frott f’waqtu; u jkomplu jżidu jgħidu li ruħ li ma tkunx imsoqqija b’din it-talba ma tagħmilx frott, imma tagħmel biss xewk u għollieq u “tkun waslet biex tiġbed fuqha saħta” (Lhud 6,8)

 

250. Fil-ktieb tiegħu “De Dignitate Rosarii” il-Beatu Alain de la Roche jikteb din ir-rivelazzjoni li ġejja li hu kellu mill-Verġni Mqaddsa: “Kun af, ibni, u għarraf lil kulħadd, illi sinjal viċin u probabbli ta’ dannazzjoni eterna hu meta ruħ ikollha disprezz jew inkella tkun bierda u bla kont waqt li tgħid l-Ave Maria, li permezz tagħha ġiet salvata d-dinja kollha.” Dan il-kliem huwa fl-istess ħin ta’ konsolazzjoni kbira u terribbli ħafna, kliem, li bilkemm konna nemmnu li kieku ma taniex xhieda tagħhom dan il-bniedem kbir, San Duminku qablu, u mbagħad wara xi nies kbar u huma msaħħin mill-esperjenza ta’ ħafna sekli. Għaliex dejjem kien jidher ċar li dawk li għandhom fuqhom il-marka tal-ħażen bħall-eretiċi, il-ħżiena, is-suppervi u dawk mogħtijin għad-dinja, jobgħodu u jmaqdru l-Ave Maria u r-Rużarju. L-eretiċi għadhom jitgħallmu jgħidu l-Pater Noster imma mhux l-Ave Maria jew ir-Rużarju. Dawn iħarsu lejhom bil-biża’, u aktar lesti jġorru s-serp fuqhom milli l-Kuruna tar-Rużarju. Is-suppervi, għalkemm huma Kattoliċi, wkoll, billi għandhom l-istess ġibdiet ta’ missierhom Luċifru, imaqdru u għandhom indifferenza lejn l-Ave Maria,u r-Rużarju jqisuh bħala devozzjoni tan-nisa u tajba biss għall-injoranti u l-illitterati. Mill-banda l-oħra l-esperjenza dejjem urietna li dawk, li f’affarijiet oħra u mmarkati ċar bħala ppredestinati, issibhom li għandhom imħabba u qima lejn l-Ave Maria u li jgħiduha bil-ferħ; u li aktar ma jkunu ma’ Alla, iktar ikunu jħobbu din it-talba. Dan hu li tgħid il-Verġni Mqaddsa lill-Beatu  Alain, wara dak il-kliem, li għadna kemm ikkwotajna mill-ktieb tiegħu.

 

251. Jien ma nafx kif u lanqas għaliex dan hu hekk, madankollu hu veru. Jien ma nsibx mezz iktar effikaċi biex inkun naf jekk persuna jekk persuna hix t’Alla, milli billi nistaqsi jekk tħobbx tgħid l-Ave Maria u r-Rużarju. Jien ngħid “jekk tħobbx” għaliex jista’ jingħata l-każ li persuna ma tkunx tsita’ tgħidha la naturalment u lanqas b’mod sopranaturalu u tispira lill-oħrajn biex igħiduha.

 

252. Erwieħ ippredestinati, ilsiera ta’ Ġesu’ Kristu jafu li l-Ave Maria hi wara l-Pater Noster,l-aktar talba sabiħa. Hi l-kumpliment l-aktar perfett li tista’ tagħmel lil Marija, għaliex hu l-kumpliment li l-Kbir Alla nnifsu għamilha permezz ta’ Arkanġlu, biex jirbaħ qalbha. Permezz tas-sbuħija moħbija li biha hi mimlija din it-tislima, kellha tant setgħa fuq Marija li tat il-kunsens tagħha għall-Inkarnazzjoni tal-Verb minkejja l-umilta’ kbira tagħha. Bla dubju ta’ xejn, hu permezz ta’ dan il-kumpliment ukoll, li Int tirbaħ il-qalb tagħha; jekk int tgħid l-Ave Maria b’devozzjoni xierqa.

 

253. L-Ave Maria rreċitata bl-attenzjoni, bid-devozzjoni u bil-qima esterna - jgħidu l-Qaddisin - hi l-għadu li jħarrab ix-xitan u l-martell li jisħqu. Hi l-qdusija tar-ruħ, il-ferħ tal-Anġli, il-melodija tal-ippredestinati, l-kantiku tar-Rabta l-Ġdida, il-ferħ ta’ Marija u l-glorja tal-Imqaddsa Trinita’. L-Ave Maria hi n-nida tas-sema li tagħmel ir-ruħ għammiela; hi bewsa safja ta’ mħabba lil Marija, waħda ħamra li npoġġu quddiemha. Hi ġawhra prezzjuża li noffrulha, u tazza ta’ ikel l-aktar bnin u għasel li nressqu quddiemha. Dawn ix-xbihat kollha huma meħudin mill-Qaddisin.

 

254. Jiena nħeġġiġkom tassew, mela f’ġieh l-imħabba li għandi għalikom fi Kristu u Marija, biex ma tkunux kuntenti li tgħidu biss il-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mqaddsa, imma li tirreċitaw kuljum ħames posti tar-Rużarju - u anke l-ħmistax-il posta jekk ikollkom il-ħin. Fis-siegħa tal-mewt tagħkom intom tbierku l-ġurnata u s-siegħa li fiha tajtu kas tal-parir tiegħi; għaliex wara li tkunu żrajtu fil-barkiet ta’ Ġesu’ u Marija intom taħsdu barkiet għal dejjem fis-sema: “Qui seminat in benedictionbus de benedictionbus et metet” (2 Kor 9,6)

 

 

6. Ir-Reċita tal-Magnificat

 

255. Is-sitt Prattika. Fuq l-eżempju tal-Beata Marija ta’ Oignies u ta’ ħafna nies qaddisin oħra, l-ilsiera ta’ Ġesu’ f’Marija għandhom igħidu l-Magnificat ta’ spiss b’ringrazzjament lil Alla tal-grazzji li ta lill-Verġni Mqaddsa. Din hi l-unika talba  li kkomponiet b’fommha:“Il Magnificat” hu l-iktar sagrifiċċju ta’ tifħir li Alla rċieva taħt l-ordni tal-grazzja. Hu l-innu l-aktar umli, li juri l-gratitudni, kif ukoll l-aktar sublimi u għoli fost il-kantiċi kollha. Hu jħaddan misteri hekk kbar u moħbija li lanqas l-Anġli ma jafu bihom. Gerson, dak il-bniedem qaddis u ta’ skola profonda, għadda biċċa kbira minn ħajtu jikteb trattati ta’ pjeta u għerf fuq l-iktar suġġetti tqal; u kien biss fl-aħħar ta’ ħajtu, li hu ndaħal jirtogħod bil-biża’ biex ifisser il-Magnificat, li bih inkuruna x-xogħol kollu tiegħu. Fi ktieb li kiteb fuq dan is-suġġett, jagħmel xi osservazzjonijiet tal-għaġeb fuq dan il-kantiku. Fost ħwejjeġ oħra, hu jgħid li l-Verġni Mbierka kienet tgħidlu biex jgħidu ta’ spiss, speċjalment wara t-Tqarbin, bħala talba ta’ ringrazzjament. L-għaref Benzonius, waqt li kien jikkummenta fuq il-Magnificat jirrakonta ħafna mirakli li twettqu bil-qawwa tiegħu. Hu jgħid li d-demonji jitregħdu u jaħrabu meta jisimgħu dan il-kliem: “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom”

 

7. Tmaqdir tad-Dinja

 

256. Is-seba’ prattika. Il-qaddejja fidili ta’ Marija għandhom bil-qawwa kollha ddisprezzaw, jobgħodu u jaħarbu d-dinja u l-ħażen tagħha. Għal dan il-għan huma għandhom josservaw il-prattiki tal-istmerrija tad-dinja li aħna tajna fl-ewwel parti ta’ dan it-trattat.

 

2. Prattiki partikulari “Interjuri” għal dawk li qed ifittxu l-perfezzjoni

 

257. B’żiedja mal-prattiki tad-devozzjoni esterjuri - u li m’għandhomx jiġu mħollija bi traskuraġni jew tmaqdir imma kkultivati fedelment skont ma jippermetti l-istat ta’ kull persuna - hawnhekk se nġibu xi ftit prattiki interni li jgħinu ħafna għall-qdusija lil dawk li l-Ispirtu s-Santu sejjaħ għall-perfezzjoni għolja. Dawn il-prattiki jistgħu jinġabru f’erba’ frażijiet: li nwettqu u l-għemejjel tagħna kollha permezz ta’ Marija, ma’ Marija, f’Marija u għal Marija biex nagħmluhom aktar perfettament permezz ta’ Ġesu’, ma’ Ġesu’, f’Ġesu’ u għal Ġesu’.

 

 

1. Permezz ta’ Marija

 

258. Għandna nagħmlu l-għemejjel tagħna permezz ta’ Marija jiġifieri għandna nobdu lill-Verġni Mqaddsa f’kollox, u nkunu f’kollox immexxijin mill-ispirtu, li hu l-Ispirtu Qaddis t’Alla. U dawk li huma mmexxijin mill-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla.” (Rum 8,14). Dawk li huma mmexxijin mill-Ispirtu ta’ Marija, huma l-ulied ta’ Marija u għalhekk ulied Alla, kif ġa wrejna. U fost dawk li jgħidu li jqimu lil Marija, dawk biss huma l-qaddejja veri u fidili tagħha, li huma mmexxijin mill-Ispirtu tagħha.

 

Jiena għidt li l-Ispirtu ta’ Marija, hu l-Ispirtu t’Alla, għaliex Marija qatt ma kienet immexxija mill-ispirtu tagħha, imma dejjem mill-Ispirtu t’Alla, li ppossedieha hekk intimament, li sar l-ispirtu tagħha stess. Għalhekk igħidu li Sant’Ambroġ qal: “Ħalli l-Ispirtu ta’ Marija jkun f’kull bniedem, biex ikun jista’ jfaħħar lill-Mulej, ħalli l-ispirtu ta’ Marija jkun f’kull bniedem biex ikun jista’ jifraħ f’Alla.” Imbierka tassew dik ir-ruħ, li fuq l-eżempju tat-twajjeb patri Ġiżwita, Rodriguez, tkun kollha ppussessata u mmexxija mill-Ispirtu ta’ Marija, li hu spirtu ħelu u qawwi, żelanti u prudenti, umli u kuraġġuż, safi u profond!

 

259. Jekk wieħed irid ikun immexxi mill-Ispirtu ta’ Marija hu għandu:

(1) Jiċħad l-ispirtu tiegħu, il-pariri u x-xewqat tiegħu, qabel ma jagħmel xi ħaġa – per eżempju, qabel ma jitlob, qabel ma jiċċelebra jew jisma’ l-quddiesa, qabel jitqarben - għaliex li kieku kellna nisimgħu mill-pariri mudlama tal-ispirtu tagħna u mid-dlam tar-rieda tagħna, u l-mod kif naġixxu, tajbin kemm jidhrilna tajbin, aħna nkunu nfixklu l-ispirtu ta’ Marija.

(2) Hu għandu jintelaq fl-ispirtu ta’ Marija biex ikun jista’ jiġi mmexxi u ggwidat fejn jogħġob lilha.

 

Hu għandu jpoġġi lilu nnifsu fl-idejn verġinali tagħha, bħala strument f’idejn wieħed tas-sengħa u bħall-kitarra f’idejn il-mużiċista. Hu għandu jintelaq f’Marija, bħal ġebla li tintefa’ ġol-baħar - li hu jista’ jagħmel f’sekonda u b’sempliċita’ b’ħarsa tal-moħħ, ċaqlieqa żgħira tar-rieda jew bi ftit kliem bħal dawn: Jien niċħad lili nnifsi, u nagħti lili nnifsi lilek għażiża Ommi. U għalkemm il-persuna ma tħoss l-ebda fervur tal-emozzjoni f’dan l-att ta’ unjoni spiritwali, b’dan kollu hu tassew veru daqs kemm kien veru (Alla ħares qatt) li kieku kellna nagħtu lilna nfusna lil Satana, u bla ebda sinjali ta’ emozzjoni waqt li nagħmlu dan.

(3) Minn żmien għal żmien, hu għandu jġedded l-att tal-offerta u ta’ għaqda, qabel u wara li titwettaq l-azzjoni. Iktar ma jagħmel dan ta’ spiss, iktar jitqaddes u iktar jasal malajr għall-għaqda ma’ Ġesu’ Kristu - għaqda li bla dubju u bil-fors tiġi wara l-unjoni ma’ Marija, ladarba l-Ispirtu ta’ Marija hu l-Ispirtu ta’ Ġesu’.

 

2. Ma’ Marija

 

260. Għandna nagħmlu l-azzjonijiet tagħna ma’ Marija: jiġifieri f’dak kollu li nagħmlu għandna nħarsu lejn Marija bħala l-mudell bla tebgħa ta’ kull virtu’ u perfezzjoni. L-Ispirtu s-Santu tana fiha x-xbieha li tidher tal-perfezzjoni ta’ sempliċi kreatura, biex aħna nkunu nistgħu nimitawha skont il-kapaċita’ spiritwali tagħna. F’kull ħaġa li nindaħlu biex nagħmlu, għandna naraw kif kienet tagħmel dik il-ħaġa Marija, jew kif kienet tagħmilha issa kieku kienet minn flokna. Għal dan l-għan aħna għandna nistudjaw u naħsbu fuq il-virtujiet kbar li Marija pprattikat matul ħajjitha fuq l-art, b’mod speċjali

(1) Il-Fidi Ħajja tagħha, li ġagħlitha temmen mingħajr tlaqliq il-messaġġ tal-Anġlu; Fidi li hi żammet sa taħt is-Salib;

(2) L-Umilta’ profonda tagħha, li ġagħlitha tistaħba, toqgħod siekta, tissottometti ruħha f’kollox u tieħu l-aħħar post;

(3) Il-Purital-iktar qaddisa tagħha, li la qatt kien hawn u l-anqas għad ikun fid-dinja. Fuq dawn, u fuq il-virtujiet tagħha l-oħra kollha, għandna nimmeditaw.

 

Ħalluni nerġa’ ntenni lil Marija hi l-forma kbira u waħdanija ta’ Alla, iddestinata biex toħloq forom ħajjin t’Alla, bi ftit flus u f’qasir żmien; u li bniedem li jkun sab din il-forma u li jintilef fiha, jinbidel malajr f’Ġesu’ Kristu, li tiegħu din il-forma hi kopja vera.

 

3. F’Marija

 

261. Għandna nagħmlu l-azzjonijiet tagħna f’Marija. Biex nifhmu tajjeb dan irridu nkunu nafu:

(1) Li l-Verġni Mqaddsa hi vera Ġenna tal-Art ta’Adam il-Ġdid u li l-ewwel Ġenna tal-Art, kienet biss xbieha tagħha. F’din il-Ġenna tal-Art, mela, hemm rikkezzi misterjużi u tal-għaġeb, sbuħija, affarijiet rari, u ħlewwiet li ma nistgħux nifhmu, li Adam il-Ġdid, Ġesu’ Kristu  ħalla hemm. Kien f’din il-Ġenna, li sab l-għaxqa Tiegħu għal disa’ xhur sħaħ u fejn wettaq l-għeġubijiet Tiegħu, filwaqt li wera l-għana Tiegħu b’ġenerożita’ ta’Alla.

Dan il-post imqaddes u magħmul biss minn ħamrija mmakulata u verġni li biha ġie fformat u sostnut bl-opra l-Ispirtu s-Santu, Adam il-Ġdid mingħajr tebgħa jew tiċpisa. Hi din il-Ġenna tal-Art ta’ Marija li fiha żgur is-siġra tal-ħajja li l-Frott tagħha kien il-Frott tal-Ħajja - Ġesu’ Kristu, u s-siġra tal-għerf, tat-tajjeb u tal-ħażin, li tat id-dawl lid-dinja.

 

F’dan il-post divin, hemm siġar imħawlin bl-id t’Alla u msoqqijin bid-dlik divin tiegħu, li dejjem u li kuljum jagħmlu frott li jogħġob ‘l Alla. Hemm imxietel tal-ward mżejnin b’ħafna ward ta’ kulur sbieħ tal-virtujiet li l-fwieħa tagħhom tasal anke fost l-Anġli. F’dal-post imbierek hemm għelieqi ħodor tat-tama, torrijiet ta’ qawwa li ħadd ma jista’ jirbaħ, djar li jgħaxxqu ta’ fiduċja eċċ. L-Ispirtu s-Santu biss jista’ jġagħlna nifhmu l-verita’ moħbija ta’ dawn ix-xbihat meħudin minn affarijiet materjali. F’din il-Ġenna mbierka nsibu arja pura, mingħajr tniġġis, xemx mingħajr l-ebda dell tad-Divinita’, ġurnata li tiddi mingħajr lejl tal-Umanita’ Mqaddsa ta’ Kristu, u ħuġġieġa taqbad dejjem bl-imħabba, li tħoll il-ħadid kollu li jiġi mixħut fiha u tbiddlu f’deheb fin. Hawn insibu wkoll xmara ta’ umilta’, li titla’ mill-art u li filwaqt li tinqasam f’erba’ friegħi, issaqqi dan il-post meraviljuż; dawn l-erba’ friegħi huma l-erba’ virtujiet kardinali.

 

262. 2. Permezz tas-Santi Padri, l-Ispirtu s-Santu, jsejjaħ ukoll lil Marija;

(1) l-Bieb tal-Lvant li minnu l-Qassis il-Kbir, Ġesu’ Kristu, jidħol fid-dinja u jitlaq minnha. Hu ġie fid-dinja l-ewwel darba permezz tagħha, u permezz tagħha wkoll jerġa’ jiġi fit-tieni miġja Tiegħu.

(2) Is-Santwarju tad-Divinita’; il-Post fejn tgħammar it-Trinita’ Qaddisa, it-Tron ta’ Alla; il-Belt ta’ Alla; l-Altar ta’ Alla; it-Tempju ta’ Alla; id-Dinja ta’ Alla. Dawn it-titli u t-tifħir differenti li għamel f’Marija, l-Aktar Għoli. X’għana! Xi glorja! X’ferħ! Xi pjaċir ikun, li tkun tista’ tidħol u toqgħod f’Marija - li fiha Alla waqqaf it-tron tal-ogħla glorja Tiegħu!

 

263. Imma hu diffiċli għalina midinbin, li jkollna l-permess, il-ħila u d-dawl biex nidħlu f’post hekk kbir u qaddis, li hu mħares - mhux bħalma kienet l-ewwel Eden (ġenna) minn wieħed mill-Kerubini - imma mill-istess Spirtu s-Santu, li ħa pussess sħiħ ta’ Marija u li jgħid minnha: “Ġnien magħluq tajjeb int oħti, l-għarusa tiegħi, ġnien magħluq tajjeb, għajn ssiġillata” (Għan 4,12). Marija hi magħluqa; Marija hi ssiġillata. L-imsejkna wlied ta’ Adam u Eva, mkeċċijin mill-ġenna tal-art, jistgħu jidħlu biss għat-tieni darba f’din il-ġenna tal-art bi grazzja speċjali tal-Ispirtu s-Santu - grazzja li huma jridu jimmeritaw.

264. Meta bil-fedelta’ tagħna, nkunu qlajna dil-grazzja singulari, aħna, għandna nibqgħu fil-qalb sabiħa ta’ Marija. Għandna nibqgħu hemm bil-ferħ; għandna nistrieħu hemm fil-paċi; għandna nafdaw f’Marija bil-kunfidenza; għandna ninħbew b’fiduċja fiha u nitilfu lilna nfusna għal kollox biex fil-ġuf verġinali tagħha:

(1) Aħna nistgħu nkunu sostnuti mill-ħalib tal-grazzja tagħha, u mill-ħniena tagħha ta’ omm.

(2) Aħna nistgħu niġu meħlusin mill-inkwiet, mill-biża’ u mill-iskrupli;

(3) Inkunu mħarsin mill-għedewwa tagħna kollha, mid-dinja, mid-demonju u mid-dnub - li qatt ma’ jista’ jkollu post f’Marija. Għalhekk Hi tgħid: “Qui operantur in me, non peccabunt” “Dawk li jaħdmu bija ma jidinbux” (Sir 24,22). Fi kliem ieħor, dawk li jkunu bl-ispirtu fil-Verġni Mqaddsa ma jikkommettux dnub gravi.

(4) Aħna nkunu nistgħu niġu ffurmati f’Ġesu’ Kristu u Ġesu’ Kristu fina; għaliex is-santi padri jgħidu li l-ġuf ta’ Marija hu d-dar tal-Misteri Divini, fejn Ġesu' Kristu u l-magħżulin Tiegħu kollha ġew iffurmati: “Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha” (S 86,5).

 

4. Għal Marija

 

265. Fl-aħħarnett aħna għandna nagħmlu l-azzjonijiet tagħna kollha għal Marija. Ladarba aħna tajna lilna nfusna kollna kemm aħna, għas-servizz tagħha, jixraq li nagħmlu kollox għaliha bħal sefturi, qaddejja u ilsiera tagħha. Naturalment mhux inqisuha bħala l-aħħar skop tax-xogħol tagħna, għaliex Ġesu’Kristu biss hu dak l-iskop, imma nħarsu lejha bħat-tmiem fil-qrib, l-interċessur misterjuż tagħna u t-triq ħafifa tagħna li twassalna għal għand Ġesu’ Kristu.

 

Għalhekk bħala qaddejja u ilsiera għaqlin m’għandiex noqgħodu għażżiena, imma bl-għajnuna u l-ħarsien tagħha aħna għandna nibdew u ntemmu ħwejjeġ kbar għal din is-Saltna tal-għaġeb.

 

Aħna għandna niddefendu l-privileġġi tagħha meta jkunu jiddubitaw minnhom; għandna ngħollu l-glorja tagħha meta tkun attakkata u għandna niġbdu n-nies kemm nistgħu għall-qadi tagħna u lejn din id-devozzjoni vera u soda; u għandna nitkellmu bil-kuraġġ kontra dawk li joffendu lil Binha billi jmaqdru din id-devozzjoni, u fl-istess ħin għandna nagħmlu ħilitna biex inwaqqfu dan il-mezz veru biex nonorawha. Imma bħala ħlas għal dan ix-xogħol żgħir, m’għandna nistennew xejn minnha ħlief il-glorja ta’ wieħed li jkun jappartieni lil din il-Prinċipessa maħbuba, u l-ferħ li wieħed ikun maqgħud permezz tagħha, ma’ Ġesu’ Kristu, Binha, b’rabta li la ż-żmien u lanqas l-eternita’ ma jistgħu jħollu.

 

GLORJA LIL ĠESU’ F’MARIJA!

GLORJA LIL MARIJA F’ĠESU!

GLORJA LIL ALLA WAĦDU!

 

 

 

SUPPLIMENT

Kif tista’ tiġi pprattikata din id-Devozzjoni

fit-Tqarbin Imqaddes

 

1. Qabel it-Tqarbin

 

266. (1) Umilja ruħek ħafna quddiem Alla.

(2) Iċħad in-natura  mħassra tiegħek għal kollox, u anke d-dispożizzjonijiet tiegħek, għalkemm l-imħabba tiegħek innifsek turik li huma tajbin.

(3) Ġedded il-konsagrazzjoni billi tgħid: “Tuus totus ego sum, et omnia mea tua sunt” “Għażiża Sinjur tiegħi, jiena kollni tiegħek, u kull m’għandi hu tiegħek”.

(4) Itlob lil din l-Omm twajba biex tisilfek qalbha, biex ikollok post fejn tilqgħu, bid-dispożizzjonijiet tagħha. Inti turiha li ma jixraqx għall-glorja ta’ Binha li jkun milqugħ f’qalb hekk imtebba’, u inkonsistenti bħal tiegħek, li żgur tnaqqas dik il-glorja, jekk ma titlifhiex għal kollox. Imma jekk hi trid tiġi u tgħammar fik, biex tirċievi lil Binha hi tista’ tiġi għax hi għandha s-setgħa fuq il-qlub tal-bnedmin. Imbagħad Binha jiġi milqugħ kif jixraq minnha; mingħajr l-ebda biża’ li l-glorja Tiegħu tiġi mtebba’, immaqdra jew mitlufa: “Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx” (S 45,6). Kellimha bil-fiduċja, billi tgħidilha li dak kollu li tajtha minn tiegħek u li hu kważi xejn għall-unur tagħha, imma li permezz tat-Tqarbin Imqaddes inti tixtieq tagħtiha l-istess rigal, li ta lilha l-Missier Etern stess, u li b’hekk hi tiġi aktar onorata milli kieku kellek tagħtiha l-ġid kollu tad-dinja. Għidilha li Ġesu’ li jħobbha b’mod speċjali, għadu jixtieq li jsib il-ferħ u l-mistrieħ Tiegħu fiha - għalkemm dan ifisser li jiġi f’ruħek, li hi aktar maħmuġa u fqira mill-maxtura li fiha Ġesu’ ma stmerrx li jitwieled, għaliex hemmhekk kien hemm Marija. Inti titlobha tisilfek qalbha b’dawn il-kelmiet ħelwin: “Nieħdok bħala kollok tiegħi; agħtini qalbek, O Marija!”

 

2. Fit-Tqarbin

 

267. Wara l-Pater Noster fil-quddies, x’ħin il-waqt it-Tqarbin ikun qed joqrob għid “Mulej ma jistħoqqlix...” għal tliet darbiet. L-ewwel darba ndirizza l-kliem lill-Missier Etern, u għidlu li inti m’intix dehen li tirċievi lil Ibnu, l-Waħdieni Tiegħu, minħabba l-ħsibijiet ħżiena tiegħek u l-ingratitudni tiegħek lejn Missier hekk twajjeb: imma li inti se toffrilu lil Marija, filwaqt li tgħidlu “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej”; u hija qed titlob fik u għalik. Dan hu li jispirak b’kunfidenza u tama speċjali u qawwija fil-Maesta’ Tiegħu, “Għax inti waħdek, Mulej, fis-sod, tqegħedni.” (S 4,9).

 

268. It-tieni “Domine, non sum dignus” - “Mulej ma jistħoqqlix” tkun indirizzata lil Alla l-Iben. Inti tistqarr li int m’intix dehen li tirċevih minħabba kliemek fieragħ u ħażin u għall-infedelta’ tiegħek fis-servizz Tiegħu; imma b’dan kollu inti titolbu jkollu ħniena minnek u tkompli tgħidlu li inti lest biex tilqgħu ġo dik id-dar li hi ta’ Ommu u t’Ommok u li ma tħallihx jitlaq imma tridu jagħmel l-għamara Tiegħu fik: “Żammejtu, u le, nitilqu, qabel ma nkun daħħaltu fid-dar t’Ommi fil-Kamra wkoll ta’ dik li nisslitni” (Għan 3,4). Itolbu biex iqum u jiġi fil-post tal-mistrieħ Tiegħu u fil-arka tal-qdusija Tiegħu: “Qum u ejja Mulej, fejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka tal-qawwa tiegħek” (S 131, 8). Inti tgħidlu li inti bl-ebda mod ma tafda fuq il-merti, is-saħħa u l-preparazzjonijiet tiegħek, bħalma għamel Eżaw, imma fuq dawk ta’ Marija, l-għażiża ommok sewwa sew kif għamel Ġakobb, li fada fil-ħarsien u l-kura ta’ Rebekka; u li għalkemm inti midneb, Eżaw ieħor, inti tissogra tersaq lejn il-Qdusija Tiegħu għaliex inti mgħejjun u mżejjen bil-merti u l-virtujiet tal-Omm Mqaddsa tiegħu.

 

269. Fit-tielet darba inti tindirizza “Mulej ma jistħoqqlix” tiegħek, lill-Ispirtu s-Santu. Inti tistqarr li m’intix dehen tilqa’ l-Kapulavur tal-Imħabba Tiegħu minħabba l-bruda tiegħek, l-azzjonijiet midinba tiegħek u r-reżistenza kontinwa tiegħek lejn l-ispirazzjonijiet Tiegħu, imma illi l-fiduċja tiegħek kollha qiegħda f’Marija, l-Għarusa fidila Tiegħu. Inti tgħid ma’ San Bernard: “Hija l-ikbar fiduċja tiegħi; hija l-għan tat-tama tiegħi.” Inti anke titolbu biex jerġa’ għal darb’oħra jitfa’ d-dell tiegħu fuq Marija, l-Għarusa li qatt ma tinħall minnu, li l-ħdan tagħha hu daqstant safi, u l-qalb tagħha hi daqstant imħeġġa daqs kemm kienu meta tefa’ d-dell Tiegħu l-ewwel darba; u li jekk ma jindenjax jinżel fir-ruħ tiegħek la Ġesu’ u l-anqas Marija ma jistgħu jkunu msawrin f’qalbek, jew ikunu jistgħu jsibu l-għamara xierqa hemm.

3. Wara t-Tqarbin Imqaddes

 

270. Wara t-Tqarbin, għalaq għajnejk u nissel fik spirtu ta’ ġabra profonda li ġġagħlek twassal lil Ġesu’ fil-qalb ta’ Marija. Int tagħtih lill-Ommu li tilqgħu bl-imħabba, twasslu fil-post tal-unur, tadurah profondament, tħobbu perfettament, tgħannqu bil-ħerqa, fl-Ispirtu u fil-verita’ turih sinjali ta’ qima li ma nistgħux naslu biex nifhmuhom.

 

271. Inti tista’ wkoll tiċċekken fl-ispirtu, b’sens profond tax-xejn tiegħek fil-preżenza ta’ Ġesu’, li qed igħix f’Marija; jew tista’ tqis ruħek bħal ilsir ħdejn il-bieb tal-palazz tas-Sultan jitkellem mas-Sultana, u waqt li jkunu jitkellmu flimkien u m’għandhomx bżonnok, inti titla’ sas-Sema bl-ispirtu, u tasal sal-aktar truf l-art kollha, tistieden lill-kreaturi kollha biex iroddu ħajr, jaduraw u jħobbu lil Ġesu’ u lil Marija f’ismek: “Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu” (S 96,6).

 

272.  Tista’ wkoll inkella, titlob lil Ġesu’ f’għaqda ma’ Marija, jagħmel li tiġi Saltnatu fid-dinja permezz ta’ Ommu l-Imqaddsa; jew inkella tista’ titlob id-don tal-Għerf  Divin jew tal-imħabba divina jew il-maħfra ta’ dnubietek, imma dejjem permezz ta’ Marija u f’Marija, billi tgħid: “Mulej, la tħarisx lejn dnubieti; iżda ħalli għajnejk iħarsu lejja, u jaraw biss il-virtujiet u l-merti ta’ Marija” u x’ħin tiftakar fi dnubietek kompli “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi - jiena stess, l-għadu tiegħi nnifsi, ikkommettejt dawn id-dnubiet.” Jew għid “Minn nies qarrieqa u ħżiena eħlisni” (S42,1). Jew ukoll “Jinħtieġ li tikber Int, u niċkien jiena” (Ġw 3,30). O Marija, inti għandek tikber fija filwaqt li jien għandi nsir iċken milli kont s’issa. “Nisslu u oktru” (Ġen 1,28). “O Ġesu’ u Marija ikbru fija u fl-umanita’ kollha.”

 

273. Hemm ħsibijiet oħra bla għadd li l-Ispirtu s-Santu jispiralek u jġibhomlok f’moħħok jekk inti tassew bniedem interjuri, immortifikat u fidil lejn din id-devozzjoni kbira u nobbli li għadni kif għallimtek. Imma ftakar li aktar ma tħalli lil Marija taħdem fit-Tqarbin tiegħek, aktar ikun igglorifikat Ġesu’. Iktar ma inti tumilja ruħek profondament, u iktar ma tisma’ lil Ġesu' u lil Marija fil-paċi u fis-silenzju ta’ ruħek, bla ma jkollok l-ebda xewqa li tara, ittiegħem jew tħoss, iktar tħalli lil Marija taħdem għal Ġesu’ u Ġesu’ f’Marija; għaliex il-bniedem ġust dejjem jgħix bil-Fidi, u speċjalment meta jitqarben li hi l-għemil ta’ fidi: “Il-bniedem ġust tiegħi jgħix bil-fidi” (Lhud 10,38).

 

 

Att ta’ Konsagrazzjoni lil Ġesu’ Kristu,

l-Għerf Inkarnat minn idejn Marija

 

O Għerf etern u nkarnat! O Ġesu’ l-aktar maħbub u adorabbli, veru Alla u veru Bniedem, Iben waħdieni tal-Missier etern u ta’ Marija dejjem Verġni!

 

Jiena nadurak profondament fi ħdan u fl-isplendur ta’ Missierek għall-eternita’; jiena nadurak fi ħdan il-Verġni Marija, Ommok l-aktar denja, fi żmien l-Inkarnazzjoni Tiegħek. Jiena nirringrazzjak talli xejjint lilek innifsek billi ħadt xbieha ta’ lsir, biex issalvani mill-jasar kiefer tax-xitan.

 

Jiena nfaħħrek u nigglorifikak talli ridt tissottometti ruħek f’kollox għal Marija, Ommok l-Imqaddsa, biex tagħmilni permezz tagħha, l-ilsir fidil tiegħek.

 

Imma, jaħasra, fl-ingratitudni u fl-infedelta’ tiegħi, jiena ma żammejtx il-wegħdiet li jien għamilt solennement fil-Magħmudija, u ma wettaqtx id-dmirijiet tiegħi, u għaldaqstant jien ma jixraqlix nissejjaħ ibnek jew l-ilsir tiegħek. U billi ma hemm xejn fija li ma jixriqilhiex it-tmaqdir u l-korla tiegħek, jien ma nissograx niġi iżjed waħdi fil-preżenza tal-Maestal-iżjed għolja u qaddisa tiegħek.

 

Għalhekk jien nirrikorri għall-interċessjoni u għall-ħniena tal-Imqaddsa Omm Tiegħek, li inti tajtni bħala Medjatriċi mal-Maesta’ Divina Tiegħek. Hu permezz tagħha, li jien nittama li naqla’ mingħandek indiema u maħfra ta’ dnubieti flimkien mad-don tal-Għerf u l-grazzja tal-perseveranza.

 

Sliem għalik, mela, O Marija Mmakulata, Tabernaklu Ħaj tad-Divinita’ fejn l-Għerf Etern staħba, ħalli jkun adorat mill-Anġli u l-bnedmin!

 

Sliema għalik Sultana tas-Sema u l-art, li taħt is-setgħa tiegħek jinsab kull ma hemm taħt Alla!

 

Sliema għalik refuġju żgur tal-midinbin, li l-ħniena tiegħek ma tonqos lil ħadd! Agħmel li naqla din ix-xewqa li għandi biex nikseb l-Għerf Divin, u bħala tpattija ndejna, ilqa’ l-wegħdiet u l-offerti li mix-xejn tiegħi qed nippreżentalek.

 

Jiena N.N... midneb infidil illum inġedded u nsaħħaħ il-wegħdiet tal-Magħmudija tiegħi u npoġġi dan it-tiġdid f’idejk. Jiena niċħad għal dejjem ix-xitan bl-opri u l-pompi tiegħu; u nagħti lili nnifsi kollni kemm jien lil Ġesu’ Kristu, l-Għerf Inkarnat, biex inkun nista’ nimxi bis-salib tiegħi fuq il-passi tiegħu ħajti kollha, u biex inkun iżjed fidil lejh, milli qatt kont s’issa.

 

Jien illum nagħżel lilek O Marija, fil-preżenza tal-qtajjiet kollha tas-sema, biex tkun l-Omm u s-Sidt tiegħi. Jiena nagħtik u nikkonsagralek bħal ilsir tiegħek ġismi u ruħi, u dak kollu li għandi fija u madwari; u saħansitra l-valur tal-opri tajba tiegħi, tal-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej. Jiena nagħtik id-dritt kollu u assolut li tiddisponi minni u minn kull ma għandi, mingħajr l-iċken riserva, kif jogħġob lilek, u għall-akbar glorja t’Alla, kemm fiż-żmien kif ukoll fl-eternita’.

 

Ilqa’ O Verġni ħanina din l-offerta żgħira tal-jasar tiegħi, f’ġieħ il-mod li bih l-Għerf  Etern għoġbu jissottometti Ruħu lejn il-Maternita’ tiegħek. Ilqagħa wkoll dan l-att ta’ qima lejn is-setgħa li Ibnek Divin u Inti għandkom fuq dan il-midneb miżerabbli u bħala att ta’ ringrazzjament għal privileġġi lit-Trinita’ qaddisa tefgħet fuqek.

 

Jiena niddikjara sollennement li jien nixtieq mil-lum ‘il quddiem biex inkun tassew u sinċerament l-ilsir tiegħek, infittex l-unur tiegħek u nkun ubbidjenti lejk f’kollox.

 

O Omm, l-aktar tal-għaġeb, ippreżentani lil Ibnek l-għażiż bħala l-ilsir etern Tiegħu ħalli bħalma fdieni permezz tiegħek, hekk ukoll jilqagħni permezz tiegħek!

 

O Omm il-Ħniena, aqlagħli l-grazzja li nirċievi l-veru Għerf t’Alla u għaldaqstant  inkun imgħolli ma dawk li inti tħobb, li inti tgħallem, li inti tmexxi u li inti tgħajjex u tħares bħala wliedek u l-ilsir tiegħek.

 

O Verġni l-aktar fidila, agħmilni f’kollox dixxiplu hekk perfett, imitatur u lsir tal-Għerf Inkarnat , Ġesu’ Kristu, Ibnek li bl-eżempju u bl-interċessjoni tiegħek, jien inkun nista’ nilħaq il-milja tal-eta’ Tiegħu fuq l-art, u tal-glorja tiegħu fis-sema. Ammen.

 

“Min jista’ jifhem, jifhem!” (Mt.19,12)

“Kull min hu għaref, jifhem dawn il-ħwejjeġ”. (Hos.14,10)

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta