L-ITTRA TA' SAN PAWL LIL TITU

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

 

1. Tislima

 

[Tit:1:1] Jiena Pawlu, qaddej ta' Alla, u appostlu ta' Ġesù Kristu biex immexxi l-maħturin ta' Alla fil-fidi u nwassalhom għat-tagħrif tal-verità li twassal għat-tjieba, [Tit:1:2] bit-tama tal-ħajja ta' dejjem. Alla, li ma jigdibx, wegħedhielna sa minn qabel iż-żminijiet, [Tit:1:3] u meta wasal il-waqt irrivelahielna bil-kelma tiegħu permezz tal-predikazzjoni li kienet fdata lili skond l-ordni ta' Alla, is-Salvatur tagħna. [Tit:1:4] Qiegħed nikteb lil Titu, ibni veru fil-fidi tagħna lkoll: lilu grazzja u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù s-Salvatur tagħna.

 

Ix-xogħol ta' Titu fi Kreta

 

[Tit:1:5] Għalhekk jiena ħallejtek fi Kreta, biex tqassam kollox bl-ordni, u biex taħtar presbiteri f'kull belt, skond ma ordnajtlek. [Tit:1:6] Kull min ikun maħtur ma għandu jkollu xejn x'wieħed jgħid fih; ikun raġel ta' mara waħda, u jkollu wliedu jemmnu, bla ma ħadd jista' jixlihom bi mġiba żienja jew bla rażan. [Tit:1:7] L-isqof, bħala amministratur ta' Alla, għandu jkun bniedem li ħadd ma jista' jgħid xejn fih; ma għandux ikun mimli bih innifsu, ma jinkurlax malajr, ma jkunx mogħti għax-xorb, ma jkunx ġellied jew rgħib; [Tit:1:8] imma jkun bniedem li jilqa' 'il-barranin, iħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, rżin; [Tit:1:9] bniedem li jżomm sħiħ mal-kelma ta' min jemminha, biex ikun jista' jqawwi qalb l-oħrajn  bid-duttrina sħiħa u jegħleb lil min imieri.

 

[Tit:1:10] Għax hemm ħafna minn dawk li ma jridux joqogħdu għal ħaddieħor, li jitkellmu fil-vojt u li jqarrqu bl-oħrajn; issibhom l-aktar fost dawk min-naħa tal-Lhud. [Tit:1:11] Dawn jeħtiġilhom jitrażżnu, għax qegħdin jaqilbu ta' taħt fuq familji sħaħ, billi għal qligħ baxx jgħallmu ħwejjeġ li ma jmisshomx jgħallmuhom. [Tit:1:12] Wieħed minnhom, poeta tagħhom stess, qal: "In-nies ta' Kreta dejjem giddibin, bhejjem qliel, żaqqiqin u għażżenin." [Tit:1:13] Din ix-xhieda hi minnha. Għalhekk għandek teħodhom bl-iebes, biex iżommu sħiħ fil-fidi [Tit:1:14] u ma jagħtux widen għall-ħrejjef tal-Lhud u għall-ordnijiet ta' nies li warrbu l-verità minn quddiem għajnejhom. [Tit:1:15] Kollox hu safi għal min hu safi; imma għal dawk li huma mħassrin u li ma jemmnux, xejn ma hu safi; sa moħħhom u l-kuxjenza tagħhom huma mħassra. [Tit:1:16] Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh; huma nies ta' min jistmerrhom, rashom iebsa, u ma jinqalgħu għal xejn tajjeb.

 

2. Tagħlim sod

 

[Tit:2:1] Int, iżda, għallem skond id-duttrina sħiħa: [Tit:2:2] Li x-xjuħ ikunu rżina, għaqlin, serji, meqjusa, sħaħ fil-fidi, fl-imħabba u fis-sabar. [Tit:2:3] L-istess in-nisa xjuħ: għandhom iġibu ruħhom kif jixraq lil nisa qaddisa; ma jqassux fuq ħaddieħor, anqas ikunu lsiera ta' l-inbid; għandhom jgħallmu t-tajjeb, [Tit:2:4] biex hekk idarru n-nisa żgħażagħ iħobbu lil żwieġhom u lil uliedhom; [Tit:2:5] ikunu meqjusa, safja, nisa tad-dar, twajba, ubbidjenti għal żwieġhom, ħalli l-kelma ta' Alla ma titkasbarx. [Tit:2:6] Hekk ukoll ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu meqjusa. [Tit:2:7] Qis li inti nnifsek tkun f'kollox mera ta' bniedem li jagħmel it-tajjeb; bniedem ta' duttrina safja, ta' serjetà; [Tit:2:8] li għandu kelma sħiħa li ħadd ma jsib xi jgħid fiha, sabiex kull min jeħodha kontra tagħna jibqa' mħawwad, billi ma jkollu xejn ħażin xi jgħid fuqna. [Tit:2:9] Għid lill-ilsiera biex joqogħdu f'kollox għas-sidien tagħhom, u jfittxu li jogħġbuhom u ma jmeruhomx; [Tit:2:10] ma jwarrbu xejn bil-moħbi, imma juru li huma tassew nies ta' min jafdahom f'kollox, ħalli f'kollox jagħmlu ġieħ lit-tagħlim ta' Alla, is-Salvatur tagħna.

 

[Tit:2:11] Għax dehret il-grazzja ta' Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; [Tit:2:12] hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f'dan iż-żmien, [Tit:2:13] u nistennew  it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. [Tit:2:14] Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ  għall-għemil it-tajjeb. [Tit:2:15] Dan li għandek tgħid. Ħeġġeġ u wissi bis-setgħa kollha; u ħadd ma għandu jmaqdrek.

 

3. Id-dmirijiet ta' l-insara

 

[Tit:3:1] Fakkarhom biex joqogħdu għall-maġistrati u għall-awtorità, jobduhom u jkunu dejjem imħejjija għal kull opra tajba; [Tit:3:2] biex ma jkasbru 'l ħadd, jaħarbu t-tilwim, ikunu umli, jimxu bil-ħlewwa ma' kulħadd. [Tit:3:3] Għax aħna wkoll konna darba bla moħħ; konna nies li ma jridux jobdu, bnedmin li tilfu t-triq, ilsiera tal-passjonijiet u kull xorta ta' pjaċiri; konna ngħixu fil-ħażen u fl-għira; konna nies ta' min jobgħodna u għedewwa ta' xulxin. [Tit:3:4] Iżda meta feġġet it-tjieba ta' Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, [Tit:3:5] hu salvana bil-ħasil ta' twelid ġdid u t-tiġdid ta' l-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. [Tit:3:6] Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna b'Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, [Tit:3:7] biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta' dejjem skond it-tama li għandna.

 

[Tit:3:8] Din hi kelma żgura; u jiena rridek tisħaq fuq dawn il-ħwejjeġ, sabiex dawk li jemmnu f'Alla jieħdu ħsieb li jkunu minn ta' l-ewwel fl-opri tajba. Dan hu sabiħ u fejjiedi għall-bnedmin. [Tit:3:9] Aħrab il-kwistjonijiet fiergħa u l-ġenealoġiji u l-ġlied u t-tilwim fuq il-Liġi. Dawn kollha huma bla fejda u vojta. [Tit:3:10] Bniedem li jġib il-firda widdbu darba darbtejn, u mbagħad aħrab minnu. [Tit:3:11] Taf int, bniedem bħal dan hu korrott u midneb, ikkundannat minnu nnifsu.

 

L-aħħar istruzzjonijiet u tislijiet

 

[Tit:3:12] Meta nibgħat għandek lil Artema jew lil Tikiku, fittex ejja ħdejja f'Nikopoli, għax qtajtha li ngħaddi x-xitwa hemmhekk. [Tit:3:13] Għin lil Zena, l-avukat, u lil Apollo biex ifittxu jitilqu, u qis li ma jkun jonqoshom xejn. [Tit:3:14] In-nies tagħna mbagħad għandhom jitgħallmu jkunu minn ta' quddiem fl-opri tajba, biex jieħdu ħsieb ta' kull ma hu meħtieġ u ma jgħaddux ħajja bla frott.

 

[Tit:3:15] Dawk kollha li hawn miegħi jsellu għalik. Sellili għal ħbiebna fil-fidi. Il-grazzja magħkom ilkoll.