Talba tal-Papa Franġisku għall-Ġublew tal-Ħniena (2015-2016)

 

Mulej Ġesů Kristu,  int li għallimtna nħennu bħalma ħanin hu Missierna tas-Sema, u għidtilna li min jara lilek jara lilu:  urina wiċċek u nkunu salvi.

Ħarstek mimlija mħabba ħelset lil Żakkew u ’l Mattew mill-jasar tal-flus; lill-adultera u l-Maddalena milli jqiegħdu l-ferħ tagħhom biss fi ħlejqa;

bikkiet lil Pietru wara t-tradiment, u wiegħdet il-Ġenna lill-ħalliel niedem.

Agħmel li kull wieħed u waħda minna jisma’ tingħad lilu dik il-kelma li int lissint lis-Samaritana: Kieku kont taf id-don ta’ Alla!

 

Int il-wiċċ li jidher tal-Missier li ma jidhirx, ta’ Alla li juri s-setgħa tiegħu fuq kollox bil-maħfra u l-ħniena:

agħmel li l-Knisja tkun fid-dinja l-wiċċ tiegħek li jidher, int li int il-Mulej tagħha, rebbieħ fuq il-mewt u glorjuż.

Int ridt li l-ministri tiegħek ikunu huma wkoll imlibbsa bid-dgħufija biex jistgħu jħossu għal dawk li qegħdin fl-injoranza u l-iżball; agħmel li kull min jersaq lejn wieħed minnhom iħossu milqugħ, maħbub u maħfur minn Alla.

 

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u kkonsagrana lkoll bid-dilka tiegħu biex dan il-Ġublew tal-Ħniena jkun sena ta’ grazzja tal-Mulej u l-Knisja tiegħu b’ħeġġa mġedda tista’ twassal lill-foqra l-bxara t-tajba, tħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u l-maħqurin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja. Dan nitolbuhulek bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Ħniena, int li tgħix u ssaltan flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Francesco Pio Attard