Talba Litanika tad-Demm Prezzjożissimu ta’ Ġesù.

Kitba: Joe Fenech sdc

 

Tingħad fuq il-Kuruna tar-Rużarju

 

Fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Missierna u Ħobżna

Sliema u Qaddisa

Glorja.

 

(fuq l-għaxar żibġiet tal-Kuruna jingħad dan li ġej:)

 

1        O Missier, f’ġieħ id-Demm Prezzjożissimu ta’ Ibnek il-Għażiż u ħuna Sidna Ġesù Kristu, li xerred  fiċ-Ċirkonċizjoni tiegħu meta kellu biss tmint ijiem;  

 

Għinna nżommu safja l-Libsa tal-Magħmudija taghna.

 

(Wara għaxra tingħad il-Glorja...)

 

2        O Missier, f’ġieħ id-Demm Prezzjożissimu ta’ Ibnek il-Għażiż u ħuna Sidna Ġesù Kristu, li tħallat mal-għaraq tiegħu fl-Agunija fil-Getsemani;

 

Ieqaf magħna fil-mard, fl-uġiegh, u fl-inkwiet ta’ hajjitna.

 

 

3        O Missier, f’ġieħ id-Demm Prezzjożissimu ta’ Ibnek il-Għażiż u ħuna Sidna Ġesù Kristu, li gelgel bħal xmara mad-daqqiet tal-frosti fuq il-Ġisem Adorabbli tieghu fil-Flaġellazzjoni;

 

Dewwi l-ġrieħi tagħna, fir-ruħ u fil-ġisem;  

 

4        O Missier, f’ġieħ id-Demm Prezzjożissimu ta’ Ibnek il-Għażiż u ħuna Sidna Ġesù Kristu, li ġelben mir-Ras Qaddisa tiegħu imdawwra bix-xewk;

 

Agħtina l-fejqan fil-menti, fil-qalb u fil-ġisem tagħna .

5        O Missier, f’ġieħ id-Demm Prezzjożissimu ta’ Ibnek il-Għażiż u ħuna Sidna Ġesù Kristu, li kesa, bħal b’tapit irjali, l-Via Dolorosa tiegħu lejn il-Kalvarju;

 

Imxi magħna fil-Via Dolorosa tagħna mgħobbijin bis-salib ta’ ħajjitna.  

 

 

6        O Missier, f’ġieħ id-Demm Prezzjożissimu ta’ Ibnek il-Għażiż u ħuna Sidna Ġesù Kristu, li ċarċar minn idejh u minn saqajh imsammrin mas-Salib:

 

Mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sewwa, b’idejna mfawwrin  bl-opri tal-hniena lejn il-proxxmu fil-bżonn.  

 

 

7        O Missier, f’ġieħ id-Demm Prezzjożissimu ta’ Ibnek il-Għażiż u ħuna Sidna Ġesù Kristu, imħallat mal-ilma li nixxa  minn Qalbu minfuda bil-Lanza;

 

Agħmel lil din qalbna tixbaħ lil Tiegħu !

 

Nitolbu:

O Demm Prezzjożissimu ta’ Ġesù,

mnissel fil-ġuf safi ta’ Marija,

bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu,

Demm imxerred għalina bħala l-prezz tal-Fidwa tagħna; 

Demm li jaħsilna minn ħtijietna kollha;

Demm li jbajdilna din qalbna;       

Demm li jinżel kotran fuq l-erwieħ tal-purgatorju;

Salvana u kun għalina l-faraġ u l-hena  taghna  Ammen.

 

O Demm Prezzjuż ta’ Ġesù aħna nadurawk !