IL-KTIEB TA' SOFONIJA

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Sofonija bin Kusi, bin Gedalija, bin Amarija, bin Ħeżekija, fi żmien Ġosija bin Amon, sultan ta' Ġuda.

 

Jum il-Mulej f'Ġuda

 

[Sof:1:2] "Se niknes kollox minn fuq wiċċ l-art,"

oraklu tal-Mulej,

[Sof:1:3] "bnedmin u bhejjem neqred,

neqred it-tjur tas-sema u l-ħut tal-baħar,

u n-nies il-ħżiena nġibhom fix-xejn;

nqaċċat il-bniedem minn fuq wiċċ l-art,"

oraklu tal-Mulej.

[Sof:1:4] "Idi tilħaq lil Ġuda,

u lin-nies kollha ta' Ġerusalemm.

U minn dal-post inqaċċat

kull ma għad hawn minn Bagħal,

sa l-istess isem tal-qassisin tiegħu;

[Sof:1:5] u 'l dawk li fuq il-bjut

jaduraw lill-eżerċtu tas-smewwiet;

lil dawk li jaduraw, iva, lill-Mulej,

imma jaħilfu bl-isem ta' Milkom;

[Sof:1:6] lil dawk li ma baqgħux wara l-Mulej,

lil dawk li xejn ma jfittxu lill-Mulej,

xejn ma jqisuh."

[Sof:1:7] Il-Mulej Sidi, żommu s-skiet quddiemu,

għaliex Jum il-Mulej jinsab fil-qrib.

Għax il-Mulej ġa ħejja s-sagrifiċċju,

u ġa qaddishom il-mistiedna tiegħu.

[Sof:1:8] U f'jum is-sagrifiċċju tal-Mulej,

jiġri li "Nikkastiga l-kapijiet

u wlied is-slaten,

dawk kollha lebsin bħall-barranin.

[Sof:1:9] Dakinhar, iva,

jien nikkastiga 'l kull min jaqbeż l-għatba,

u 'l min id-dar ta' sidu

bil-vjolenza u l-qerq jimlieha."

[Sof:1:10] "U jiġri dakinhar,"

oraklu tal-Mulej,

"illi minn Bieb il-Ħut tinstema' għajta,

u tasal karba mill-Kwartier il-Ġdid,

u ħoss ta' l-għaġeb jiġi mill-għoljiet.

[Sof:1:11] Okorbu, nies li tgħammru fil-Maktes,

għax ġens in-neguzjanti kollu nqered,

u kollha tqaċċtu dawk li jiżnu l-fidda!

[Sof:1:12] U jiġri f'dak iż-żmien, f'Ġerusalemm,

nagħmel tfittxija kif imiss bid-dawl,

u nikkastiga n-nies

li, inkallati fit-tartru maħmuġ tagħhom,

joqogħdu jgħidu f'qalbhom:

'Ma jagħmel il-Mulej la ġid, lanqas deni!'

[Sof:1:13] Ġidhom għad jisirquhulhom,

djarhom isiru ħerba;

jibnu djar, iżda ma jgħammrux fihom;

iħawwlu dwieli, u nbid ma jeħdux minnhom."

 

Jum il-Mulej

 

[Sof:1:14] Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib!

Fil-qrib, u riesaq b'ħeffa li ma bħalha!

Jum il-Mulej l-għajta tiegħu twerwrek,

tintrafa' mbagħad bħal għajta ta' gwerrier.

[Sof:1:15] Hu jum ta' korla dak il-Jum,

jum ta' dwejjaq u niket,

jum ta' qerda u diqa,

jum ta' dlam u swied,

jum imsaħħab u ta' ċpar magħqud;

[Sof:1:16] il-jum għad-daqq tat-tromba

u għall-għajat tal-gwerra

kontra l-ibliet fortizzi u s-swar għoljin.

[Sof:1:17] U jiena nibgħat dwejjaq fuq in-nies,

u jterrqu qishom għomja,

għax ħtew kontra l-Mulej.

Demmhom bħat-trab jixxerred,

u l-iġsma tagħhom jintremew bħaż-żibel.

[Sof:1:18] La l-fidda tagħhom lanqas dehebhom

ma jkun jista' jeħlishom

f'jum il-korla tal-Mulej.

Fin-nar imħeġġeġ ta' qilltu

tintemm l-art kollha,

għax qerda jagħmel, u tassew ta' l-għaġeb,

minn kull min jgħammar fl-art.

 

2. Stedina għall-konverżjoni

 

[Sof:2:1] Inġemgħu, inġabru, ġens bla mistħija,

[Sof:2:2] qabel ma tkunu misħuqin bħall-karfa

wara jum xogħol;

qabel ma l-korla mħeġġa tal-Mulej tilħaqkom;

qabel ma jum il-korla tal-Mulej

jasal għal fuqkom.

[Sof:2:3] Fittxu l-Mulej ilkoll,

intom, l-umli ta' l-art,

li tagħmlu ordnijietu;

fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà:

biex forsi f'jum il-korla tal-Mulej

ikollkom fejn tistkennu.

 

L-għadu mill-punent: il-Filistin

 

[Sof:2:4] Għax Gaża għad tkun ħerba,

 u Askalon deżert;

Asdod titkeċċa 'l barra f'nofsinhar,

Għekron titqaċċat.

[Sof:2:5] Ħażin għalikom, nies ta' qrib il-baħar,

ġens tal-Keretin!

Din hija kelmet il-Mulej kontrikom:

"Għad inbaxxik, art tal-Filistin,

neqirdek qerda,

hekk li ma jibqa' ħadd min jgħammar fik,

[Sof:2:6] u ssir mergħat, fejn biss rgħajja jirgħu,

art ta' qrib il-baħar,

u mnadar għall-imrieħel."

[Sof:2:7] U ssir tal-bqija ta' dar Ġuda x-xtajta,

u jirgħu fiha,

mbagħad għal filgħaxija

jimteddu ġewwa d-djar ta' Askalon.

Għax il-Mulej iżurhom, Alla tagħhom,

u jreġġagħhom għal li kienu.

 

L-għadu mil-lvant: Mowab u Għammon

 

[Sof:2:8] "Smajt lil Mowab imaqdar,

smajt iż-żebliħ ukoll ta' wlied Għammon,

kif maqdru l-poplu tiegħi

u tkabbru kontra arthom.

[Sof:2:9] Għalhekk, daqs kemm jien ħaj,"

oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti,

Alla ta' Iżrael,

"għax bħal Sodoma jiġri lil Mowab,

u bħal Gomorra lil ulied Għammon:

isiru għalqa bil-ħurrieq miżgħuda,

u moxa kollha melħ,

ħerba għal dejjem.

Fdal il-poplu tiegħi

jeħduhom bi priża;

u l-bqija ta' ġensi

jiksbuhom bħala wirt."

[Sof:2:10] Jiġrilhom dan minħabba t-tkabbir tagħhom,

għax huma maqdru u tkabbru

kontra l-poplu tal-Mulej ta' l-eżerċti.

[Sof:2:11] Tal-biża' jkun għalihom il-Mulej,

għax kollha jtemmhom lill-allat ta' l-art,

jinxteħtu jqimuh, kulħadd fi mkienu,

il-gżejjer kollha tan-nazzjonijiet.

 

L-għadu min-nofsinhar: l-Etjopja

 

[Sof:2:12] Intom ukoll, ja poplu ta' Kus:

"Ikunu dawn minfuda mis-sejf tiegħi."

 

L-għadu mit-tramuntana: l-Assirja

 

[Sof:2:13] U jifrex idu lejn it-tramuntana:

u jeqred lil Assirja;

u jagħmel ħerba waħda minn Ninwè,

art niexfa bħad-deżert.

[Sof:2:14] Ġo nofsha mbagħad jimteddu fl-art

l-imrieħel u bhejjem ta' kull ġens:

sa l-pellikan u sa l-qanfud jgħammru

fil-kapitelli tagħha;

il-barbaġann fit-tieqa jsamma' leħnu,

l-għorab fuq l-għatba,

għaliex l-injam taċ-ċedru nqala' minnha.

[Sof:2:15] Din hija l-belt ferrieħa u b'moħħ mistrieħ,

li f'qalbha kienet tgħid,"Jien biss, ħadd ħliefi"!

Kif saret ħerba, fejn jimteddu l-bhejjem!

Kull min minn ħdejha jgħaddi

jaqbad isaffar u idu jxejjer lejha.

 

3.Kontra l-poplu ta' Iżrael

 

[Sof:3:1] Ħażin għaliha għar-ras iebsa tagħha,

għat-tinġis tagħha,

il-belt li taħqar!

[Sof:3:2] Għas-sejħa ma tatx widen,

lanqas ma qagħdet għat-twiddib li kellha;

hi ma riditx tittama fil-Mulej,

lanqas ma resqet lejn Alla tagħha.

[Sof:3:3] Il-kbarat tagħha f'nofsha ljuni jgħajjtu:

l-imħallfin tagħha lpup ta' filgħaxija,

li ma jħallux xi jgerrmu sa filgħodu;

[Sof:3:4] fiergħa l-profeti tagħha, nies qarrieqa;

il-qassisin tagħha s-santwarju jipprofanaw,

u jiksru l-liġi.

[Sof:3:5] Il-Mulej ġust f'nofsha,

ma jagħmel ebda ħażen;

ta' kull filgħodu jxandar il-ġustizzja tiegħu,

bħas-sebħ hu ma jonqosx;

imma l-ħażin ma jaf b'ebda mistħija.

 

Il-ġnus jieħdu tagħlima

 

[Sof:3:6] "Jiena qaċċatt il-ġnus,

saru l-gardjoli tagħhom ħerba waħda,

ħarbatt it-triqat tagħhom,

bla ħadd ma jgħaddi minnhom;

nqerdu bliethom,

bla ebda ruħ u ħadd ma jgħammar fihom.

[Sof:3:7] Għedt jiena: 'Issa żgur se tibża' minni,

tilqa' t-twiddib,

u minn quddiem għajnejha

ma jitneħħiex dak kollu li bih żortha.'

Iżd'huma minnufih

ħassru għemilhom kollu.

[Sof:3:8] "Għalhekk, stennewni,

oraklu tal-Mulej,

għal dakinhar li fih inqum biex nixhed;

għaliex hu digriet tiegħi

li jien niġbor il-ġnus, niġma' s-saltniet,

sabiex il-qilla tiegħi nixħet fuqhom,

nixħet ix-xrar ta' l-għadab kollu tiegħi,

għax f'nar il-korla għajjura tiegħi

l-art kollha għad tintemm.

 

Il-pagani jikkonvertu

 

[Sof:3:9] "Għax jiena mbagħad lill-popli nerġa'

                                                                nagħtihom

diskors bla qerq,

biex isem il-Mulej ilkoll isejjħu,

jaqduh qalb waħda.

[Sof:3:10] Mix-xtajta l-oħra tax-xmajjar f'Kus

sat-truf tat-tramuntana,

jadurani l-poplu mxerred tiegħi

u jġib l-offerta tal-qmuħ tiegħu.

 

Il-fdal umli ta' Iżrael

 

[Sof:3:11] "Int ma tibqax imħawwda dakinhar

għall-għemil kollu tiegħek

li bih qomt kontrija,

għax jiena mbagħad inneħħi minn ġo nofsok

lil dawk fost niesek

li jsibu l-hena tagħhom fil-kburija;

u int ma żżidx titkabbar

fuq l-għolja mqaddsa tiegħi.

[Sof:3:12] U nħalli f'nofsok poplu umli u mċekken.

U f'isem il-Mulej ifittxu l-kenn

[Sof:3:13] dawk li jifdal minn Iżrael.

Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b'ieħor,

u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f'fommhom,

hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu

bla ma jbeżżagħhom ħadd."

 

Innu ta' ferħ lil Sijon

 

[Sof:3:14] Għajjat bil-ferħ ta' qalbek, bint Sijon,

Iżrael, samma' leħnek!

Infexx fl-hena u ifraħ b'qalbek kollha,

bint Ġerusalemm!

[Sof:3:15] Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza

li kellek kontrik,

keċċa l-għedewwa tiegħek.

Is-sultan t'Iżrael, il-Mulej, hu f'nofsok;

ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża'.

[Sof:3:16] Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:

"Tibżax, Sijon,

tħallix idejk jintelqu:

[Sof:3:17] il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f'nofsok,

gwerrier li jsalva;

minħabba fik jithenna b'hena kbir,

fi mħabbtu jġeddek,

jinfexx minħabba fik f'għajat ta' ferħ,

[Sof:3:18] bħalkieku f'jum ta' festa.

 Il-ħsara nwarrab minnek,

biex bl-għajb tiegħek ma tibqax mgħobbija.

[Sof:3:19] Ara, jien nagħmel qerda dakinhar

minn kull min ħaqrek,

u nsalva 'l dawk li għotru,

u nerġa' nsejjaħ lejja l-imkeċċija,

nqegħedhom għat-tifħir, nagħmlilhom isem

                                                              fl-art kollha,

u nreġġagħhom għal li kienu.

[Sof:3:20] Jien f'dak iż-żmien inġibkom,

u f'dak iż-żmien niġmagħkom,

u nagħtikom isem fost il-popli

kollha ta' l-art u dawn ifaħħrukom

u nreġġagħkom għal li kontu

quddiem għajnejkom stess," jgħid il-Mulej.