Stampa t-test kollu ...

MESSAĠĠ TAT-III ASSEMBLEA ĠENERALI STRAORDINARJA

TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET FUQ IT-TEMA

L-ISFIDI PASTORALI DWAR IL-FAMILJA

FIL-KUNTEST TA’ L-EVANĠELIZZAZZJONI

(5-19 TA’ OTTUBRU 2014)

 

Is-Sibt 18 ta’ Ottubru 2014

 

Aħna l-Padri Sinodali miġbura Ruma madwar il-Papa Franġisku fl-Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, induru lejn il-familji kollha tad-diversi kontinenti u b’mod partikulari lejn dawk li qed jimxu wara Kristu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.  Nixtiequ nuru l-ammirazzjoni u l-gratitudni tagħna għax-xhieda li ta’ kuljum intom toffru lilna u lid-dinja bil-fedeltà, il-fidi, it-tama u l-imħabba tagħkom.

 

Anki aħna, rgħajja tal-Knisja, twelidna u kbirna f’familja, kull waħda bl-istorja u l-ġrajjiet differenti tagħha.  Bħala saċerdoti u isqfijiet iltqajna u għexna qrib ta’ familji li rrakkuntawlna bi kliemhom u wrewna b’għemilhom serje twila ta’ ħwejjeġ sbieħ imma wkoll ta’ taħbit u qtigħ il-qalb.

 

L-istess fażi ta’ tħejjija għal din l-assemblea sinodali, ibda mit-tweġibiet għall-kwestjonarju mibgħut lill-Knejjes tad-dinja kollha, tatna l-okkażjoni li nisimgħu l-vuċi ta’ tant esperjenzi ta’ familji.  Mid-djalogu tagħna tul jiem is-Sinodu mbagħad stagħnejna reċiprokament, u stajna ngħinu lil xulxin inħarsu lejn ir-realtà ħajja u kumplessa li fiha qed jgħixu l-familji tagħna.

 

Lilkom nixtiequ noffru kliem Kristu: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (Apok 3:20).  Kif kien iħobb jagħmel hu u jterraq tul it-toroq ta’ l-Art Imqaddsa, jidħol fid-djar ta’ l-irħula, Ġesù jissokta jgħaddi anki l-lum mit-toroq ta’ blietna.  Fid-djar tagħkom intom tgħixu mumenti ta’ dawl u oħrajn ta’ dlam, sfidi eċċitanti, imma kultant anki provi drammatiċi.  Id-dell jiżdied hekk li jsir dalma, meta fl-istess qalba tal-familja jixref il-ħażen u d-dnub.

 

Hemm, qabel xejn, l-isfida kbira tal-fedeltà għall-imħabba konjugali.  It-tidgħif tal-fidi u l-valuri, l-individwaliżmu, il-ftaqir tar-relazzjonijiet, l-istress ta’ ferneżija li tinjora r-riflessjoni, kollha jolqtu anki l-ħajja tal-familja.  Għalhekk qed nassistu għal bosta kriżijiet taż-żwieġ, spiss affrontati b’mod mgħaġġel wisq u mingħajr il-kuraġġ tas-sabar, tal-verifika, tal-maħfra reċiproka, tar-rikonċiljazzjoni u anki tas-sagrifiċċju.  Hekk il-fallimenti jagħtu bidu għal relazzjonijiet ġodda, koppji ġodda, unjonijiet ġodda u żwiġijiet ġodda, li joħolqu sitwazzjonijiet familjari kumplessi u problematiċi għall-għażla tan-Nisrani.

 

Fost dawn l-isfidi nixtiequ nfakkru fit-taħbit tal-ħajja nfisha.  Tiġina f’moħħna t-tbatija li jista’ jkun hemm f’iben diversament abbli, f’marda gravi, fid-degradazzjoni newroloġika li ġġib magħha x-xjuħija, fil-mewt ta’ xi ħadd għażiż.  Ta’ min jammiraha l-fedeltà ġeneruża ta’ ħafna familji li jgħixu dawn il-provi b’kuraġġ, fidi u mħabba, hekk li jqisuhom mhux bħala xi ħaġa li tteħditilhom jew ġiet imposta fuqhom, imma bħala xi ħaġa li ngħatatilhom u huma jagħtu b’rigal, għax f’dak il-ġisem marid jilmħu lil Kristu li qed ibati.

 

Jiġu quddiem għajnejna d-diffikultajiet ekonomiċi kkawżati minn sistemi perversi, mill-idolatrija tal-flus u d-dittatura ta’ ekonomija bla wiċċ u bla mira tassew umana” (Evangelii gaudium, 55), li tbaxxi d-dinjità tal-persuni.  Naħsbu f’dak il-missier u dik l-omm li huma qiegħda, ma jistgħu jagħmlu xejn quddiem il-ħtiġijiet tal-familja tagħhom, u f’dawk iż-żgħażagħ li jsibu ruħhom quddiem jiem vojta u bla xejn x’jistennew, u li jistgħu jispiċċaw vittmi tad-devjazzjonijiet fid-droga jew fil-kriminalità.

 

Naħsbu wkoll fl-għadd kbir ta’ familji foqra, f’dawk li jiggranfaw ma’ dgħajsa biex jilħqu destinazzjoni ta’ sopravivenza, fil-familji maħruba li bla tama ta’ xejn jivvjaġġaw fid-deżerti, f’dawk ippersegwitati sempliċement minħabba fil-fidi tagħhom u l-valuri spiritwali u umani li jħaddnu, f’dawk milquta mill-ħruxijiet tal-gwerer u ta’ l-oppressjonijiet.  Jiġuna f’moħħna wkoll dawn in-nisa li jġarrbu vjolenza u jiġu mġiegħla joqogħdu għall-isfruttament, it-traffikar tal-persuni, it-tfal u adolexxenti vittmi ta’ abbużi saħansitra min-naħa ta’ dawk li suppost jieħdu ħsiebhom u jrabbuhom fil-fiduċja, u l-membri ta’ tant familji umiljati u li jinsabu f’diffikultà.  “Il-kultura tal-ġid u l-għana ssir loppju li jraqqadna u […] dawn il-ħajjiet maħnuqa minn kull possibbiltà għalina saru sempliċi spettaklu li bl-ebda mod m’għadu jmissilna qalbna” (Evangelii gaudium, 54).  Nitolbu lill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jippromovu d-drittijiet tal-familja għall-ġid komuni.

 

Kristu ried li l-Knisja tiegħu tkun dar bil-bieb tagħha dejjem miftuħ biex tilqa’, mingħajr ma tħalli lil ħadd barra.  Għalhekk inħossuna grati lejn dawk ir-rgħajja, fidili u komunitajiet li lesti jakkumpanjaw u jagħmlu tagħhom it-tiċrit ġewwieni u soċjali tal-koppji u tal-familji.

 

* * *

 

Imma hemm anki d-dawl li fil-għaxija jidher jixgħel minn wara t-twieqi fid-djar tal-bliet, fid-djar modesti tal-periferija jew fl-irħula u saħansitra fl-għerejjex: hu jiddi u jimla bis-sħana tiegħu kemm il-ġisem u kemm ir-ruħ.  Dan id-dawl, fil-ħajja tal-miżżewġin, jinxtegħel bil-laqgħa li sseħħ bejniethom: hu don, grazzja li tesprimi ruħha – kif jgħid il-Ġenesi (2:18) – meta ż-żewġt uċuħ huma wieħed “quddiem” l-ieħor, f’“għajnuna korrispondenti” lil xulxin, jiġifieri waħda li hi ndaqs u reċiproka.  L-imħabba tar-raġel u tal-mara tgħallimna li kull wieħed minnhom għandu bżonn ta’ l-ieħor biex ikun hu, anki jekk jibqa’ differenti mill-ieħor fl-identità tiegħu, li tinfetaħ u tidher fid-don li t-tnejn huma għal xulxin.  Dan hu li tesprimi b’mod suġġestiv ix-xbejba ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet: “Hu tiegħi l-maħbub tiegħi, jiena tiegħu… jien tal-maħbub, u tiegħi l-maħbub tiegħi” (Għan 2:16; 6:3).

 

Biex din il-laqgħa tista’ tkun awtentika, il-mixja tibda bl-għerusija, żmien ta’ stennija u ta’ tħejjija.  Isseħħ fil-milja tagħha fis-sagrament li fih Alla jqiegħed is-siġill tiegħu, il-preżenza u l-grazzja tiegħu.  F’din il-mixja għandhom sehem ukoll is-sesswalità, il-ħlewwa, il-ġmiel, li jibqgħu anki meta tgħaddi l-ħeġġa u l-freskezza taż-żgħożija.  L-imħabba min-natura tagħha għandha t-tendenza li tibqa’ għal dejjem, sa ma wieħed jagħti ħajtu għal min iħobb (ara Ġw 15:13).  F’dan id-dawl, l-imħabba konjugali, waħda u indissolubbli, tibqa’, minkejja l-ħafna diffikultajiet tal-limitazzjoni umana; dan hu wieħed mill-isbaħ mirakli, anki jekk hu wkoll l-iżjed komuni.

 

Din l-imħabba tixtered permezz tal-ftuħ għall-ħajja u t-tnissil ta’ l-ulied, li ma jfissrux biss prokreazzjoni, imma anki don tal-ħajja divina fil-Magħmudija, edukazzjoni u katekeżi tat-tfal.  Hi wkoll il-ħila li wieħed joffri l-ħajja, l-imħabba, il-valuri, esperjenza li hi possibbli anki għal min ma setax inissel.  Il-familji li jgħixu din l-avventura mdawla jsiru xhieda quddiem kulħadd, b’mod partikulari għaż-żgħażagħ.

 

Matul din il-mixja, li xorta hi triq mimlija ħotob, b’ħafna taħbit u waqgħat, dejjem hemm il-preżenza u t-tisħib ta’ Alla.  Il-familja dan tgħixu fl-imħabba u d-djalogu bejn raġel u mara, bejn ġenituri u wlied, bejn l-aħwa.  Imbagħad tgħixu meta flimkien tisma’ l-Kelma ta’ Alla u fit-talb ma’ xulxin, oasi ċkejkna ta’ l-ispirtu li għandha tinħoloq f’xi mument jew ieħor tal-ġurnata.  Hemm imbagħad l-impenn ta’ kuljum fl-edukazzjoni għall-fidi u għall-ħajja tajba u sabiħa tal-Vanġelu, għall-qdusija.  Din il-ħidma spiss għandhom sehem fiha u jagħmluha bi mħabba u dedikazzjoni kbira n-nanniet.  Hekk il-familja tidher bħala Knisja vera tad-dar, li titwessa’ għall-familja tal-familji li hi l-komunità ekkleżjali.  Il-miżżewġin Insara mbagħad huma msejħin biex isiru għalliema fil-fidi u fl-imħabba anki għall-koppji żgħażagħ.

 

Imbagħad hemm espressjoni oħra tal-komunjoni fraterna u din hi dik tal-karità, tad-don, li wieħed ikun qrib ta’ dawk fil-bżonn, imwarrbin, foqra, waħidhom, morda, għorba, ta’ familji oħra fi kriżi, fl-għarfien ta’ kliem il-Mulej: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35).  Hu don tal-ġid, tal-kumpanija, ta’ l-imħabba u tal-ħniena, u anki xhieda ta’ verità, ta’ dawl, ta’ sens tal-ħajja.

 

Il-quċċata li tiġbor flimkien ħaġa waħda l-ħjut kollha tal-komunjoni ma’ Alla u mal-proxxmu hi l-Ewkaristija tal-Ħadd, meta mal-Knisja kollha l-familja tpoġġi madwar il-mejda tal-Mulej.  Hu jingħata għalina lkoll, pellegrini fl-istorja mexjin lejn id-destinazzjoni tal-laqgħa aħħarija tagħna meta “Kristu [jkun] f’kollox u f’kulħadd” (Kol 3:11).  Għaldaqstant, fl-ewwel tappa tal-mixja sinodali tagħna, irriflettejna fuq l-akkumpanjament pastorali tad-divorzjati li reġgħu żżewġu u l-aċċess tagħhom għas-sagramenti.

 

Aħna l-Padri Sinodali nitolbukom tterrqu magħna din il-mixja lejn is-Sinodu li jmiss.  Ħa tkun fuqkom il-preżenza tal-familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi fid-dar fqajra tagħhom.  Aħna wkoll, f’għaqda mal-Familja ta’ Nazareth, ngħollu quddiem il-Missier ta’ kulħadd it-talba tagħna għall-familja ta’ din l-art:

 

Missier, agħti lill-familji kollha l-preżenza ta’ miżżewġin b’saħħithom u għorrief, li jkunu għejun ta’ familja ħielsa u magħquda.

Missier, lill-ġenituri agħtihom li jkollhom dar fejn jistgħu jgħixu mal-familja tagħhom fil-paċi.

Missier, lill-ulied agħtihom li jkunu sinjal ta’ fiduċja u ta’ tama, u liż-żgħażagħ il-kuraġġ ta’ l-impenn fit-tul u ta’ fedeltà.

Missier, agħti lil kulħadd il-possibbiltà li jikseb il-ħobża ta’ kuljum b’idejh stess, li jiggosta s-serenità ta’ l-ispirtu u jżomm mixgħul il-musbieħ tal-fidi anki fiż-żminijiet mudlama.

Missier, lilna lkoll agħtina li naraw twarrad Knisja dejjem iżjed fidila u kredibbli, belt ġusta u umana, dinja li tħobb is-sewwa, il-ġustizzja u l-ħniena.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard